FI ŻMIEN PANDEMIJA GLOBALI

Din il-Quddiesa tista’ tiġi ssir fil-ġranet kollha skond ir-rubriki tal-Quddies u t-Talbiet għal xi ħtiġijiet, minbarra fis-Solennitajiet, inkluż fil-Ġimgħa Mqaddsa, fil-Ħdud tal-Avvent, tar-Randan u tal-Għid, fil-ġranet tal-Ottava tal-Għid, fil-Għid tal-Imwiet, u f’Ras ir-Randan u fil-Ġimgħa l-Kbira.

 

Ant. tal-Introjtu (Is. 53, 4)

“Hu rafa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna.”

 

Kolletta

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, li waħdek tħarisna f’kull saram, u tisma’ it-talb li uliedek, fit-tiġrib tagħhom, iressqulek bil-fidi; ħares lejna, nitolbuk, bi ħniena, agħti l-mistrieħ ta’ dejjem lill-mejtin, il-faraġ lil min hu mbikki, il-fejqan lil min hu marid, is-sliem lil min qed imut, il-qawwa lil min qed jaħdem għas-saħħa ta’ ħutu,u spirtu ta’ għerf lill-mexxejja tagħna.

Lilna lkoll agħtina l-qawwa li nuru mħabba lejn xulxin biex, flimkien, ikun jistħoqqilna nagħtu glorja lill-Isem qaddis tiegħek.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem.

 

Talba fuq l-offerti

Ilqa’, Mulej, dawn id-doni li f’dan iż-żmien ta’ għawġ qegħdin noffrulek, u agħmel, nitolbuk, li bil-setgħa tiegħek bla tarf, jinbidlu għalina f’għajn ta’ saħħa u sliem.

Bi Kristu Sidna.

 

Ant. tat-Tqarbin (Mt 11, 28)

“Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.”

 

Talba wara t-Tqarbin

O Alla, li minn għandek irċevejna d-duwa tal-ħajja ta’ dejjem, agħtina, nitolbuk, li bis-saħħa ta’ dan is-sagrament, nieħdu sehem fil-milja tal-glorja tas-sema.

Bi Kristu Sidna.

 

 

Talba fuq il-Poplu

O Alla li tħares lil dawk li jittamaw fik, bierek, salva, eħles, ħares u ħejji lil poplu tiegħek, biex, meħlus minn dnubietu u mħares mill-għadu, jibqa’ dejjem sħiħ fl-imħabba tiegħek.

Bi Kristu Sidna.

 

Jistgħu jintuzaw daw il-lezzjonijiet mill-Qari għall-Quddies Għal Kull Ħtieġa.

 

QARI I (Lam 3, 17-26)

Tajjeb min jistenna fis-skiet, is-salvazzjoni tal-Mulej

 

Qari mill-Ktieb tal-Lamentazzjonijiet

 

Ruħi nqatgħet mis-sliem, il-ġid insejtu.

Jien għedt: “Marret saħħti; hekk ukoll it-tama tiegħi fil-Mulej!”

Il-ħsieb ta’ hemmi u inkwieti, assenzju u mrar!

Tiftakar ruħi u taħseb, u tinfena ġewwa fija.

Dan jien nhewden f’qalbi, biex b’hekk nittama.

Il-ħniena tal-Mulej bla tmiem; tjubitu ma tonqos qatt.

Jiġġeddu kull filgħodu, kbira l-fedeltà tiegħek.

“Sehmi hu l-Mulej,” tgħid ruħi, “għalhekk nittama fih.”

Tajjeb il-Mulej ma’ min jistennieh, mar-ruħ li tfittxu.

Tajjeb min jistenna fis-skiet, is-salvazzjoni tal-Mulej;

 

Il-Kelma tal-Mulej.

℟. Irroddu ħajr lil Alla.

 

 

SALM RESPONSORJALI (Salm 76 2aċ. 3b. 5-7)

 

℟. Itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi.

 

O Ragħaj ta’ Iżrael, agħti widen,

int li tmexxi bħal merħla ’l Ġużeppi;

iddi quddiem Efrajm, Benjamin u Manassi.

Qajjem il-qawwa tiegħek, u ejja ħa ssalvana. ℟.

 

Kemm se ddum tinkorla minkejja t-talb tal-poplu tiegħek?

Tmajthom il-ħobż magħġun bid-dmugħ,

sqejthom id-dmugħ bix-xaba’.

Għamilt minna t-tilwim tal-ġirien tagħna,

l-għedewwa tagħna jiddieħku bina. ℟.

 

JEW

 

QARI I (Rum 8 31b-39)

“La l-mewt u la l-ħajja, ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla”

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti:

Jekk Alla hu magħna min jista’ jkun kontra tagħna?

Hu, li anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu?

Min se jakkuża l-magħżulin ta’ Alla?

Alla stess hu dak li jiġġustifikahom.

Min se jikkundannahom?

Kristu Ġesù li miet, jew aħjar, li qam mill-imwiet, jinsab fuq il-lemin ta’ Alla, hu li jidħol għalina.

Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu?

It-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla?

Bħalma hu miktub: “Minħabba fik il-jum kollu jikkundannawna għall-mewt; jgħodduna bħal nagħaġ għall-qatla.”

Imma f'dan kollu aħna aktar minn rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna.

Għax jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien ta’ issa u la ta’ li ġej,

la setgħat, la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

℟. Irroddu ħajr lil Alla.

 

SALM RESPONSORJALI (Salm 122, 1-2a. 2bċd)

℟. Ħenn għalina, Mulej, ħenn għalina.

 

JEW

 

℟. Għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna,  sa ma jkollu ħniena minna.

 

Lejk nerfa’ għajnejja,

int li tgħammar fis-smewwiet.

Ara, bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidhom; ℟.

 

Bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha;

hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna,

sa ma jkollu ħniena minna. ℟.

 

AKKLAMAZZJONI GĦALL-EVANĠELJU (ara 2 Kor 1, 3b-4a)

 

Hallelujah. ℟. Hallelujah.

Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ ifarraġna fil-hemm kollu tagħna.

℟. Hallelujah.

 

 

EVANĠELJU (Mk 4, 35-41)

“Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?”

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark.

 

Dakinhar, xħin sar filgħaxija Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu:

“Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor.”

Ħallew in-nies, u ħaduh magħhom kif kien fid-dgħajsa; u marru miegħu dgħajjes oħra.

U qam riefnu kbir, u l-mewġ beda tiela’ għal ġod-dgħajsa, hekk li kienet ġa bdiet timtela bl-ilma.

Hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda.

Qajjmuh u qalulu: “Mgħallem, dan qisu m’hu xejn għalik li aħna se nintilfu?”

Imbagħad qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar: “Iskot! Biżżejjed!”

U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira.

U qalilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”

U qabadhom biża’ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?”

 

Il-Kelma tal-Mulej.

 

℟. Tifħir lilek, Kristu.