KOSTITUZZJONI APPOSTOLIKA TA’

PAPA PIJU XII

MUNIFICENTISSIMUS DEUS

ID-DOMMA TAL-ASSUNZJONI

1 ta’ Novembru 1950

 

1. Alla kbir fil-ħniena tiegħu li jista’ kollox u li l-ħsibijiet tal-providenza tiegħu huma magħmula mill-għerf u mill-imħabba, fil-ħsibijiet tiegħu l-aktar moħbija jlaqqa’ fil-ħajja tal-ġnus u f’dik ta’ kull bniedem tbatija u ferħ, sabiex b’toroq diversi u b’diversi manjieri kollox jikkopera b’ġid ta’ dawk li jħobbuh (cfr. Rum. 8, 28).

2. Il-pontifikat tagħna bħalma huwa ż-żmien tal-lum, huwa mqanqal minn tant ħsibijiet u niket minħabba l-miżerji kbar li fihom ninsabu u minħabba t-telfien ta’ ħafna tat-triq tal-verità u tal-virtù; iżda huwa għalina ta’ faraġ kbir li naraw, waqt li l-Fidi Kattolika qed tkun bid-deher aktar attiva, tinxtegħel ta’ kuljum dejjem aktar id-devozzjoni lejn il-Verġni Omm t’Alla, u kważi kullimkien hija awgurju ta’ ħajja aħjar u aktar qaddisa. Permezz ta’ din id-devozzjoni li waqt li l-Verġni Mbierka bl-akbar imħabba tkompli x-xogħol tagħha ta’ Omm ma’ dawk li huma mifdija bid-Demm ta’ Kristu, il-moħħ u l-qalb tal-ulied ikunu mħeġġa sabiex jikkontemplaw b’imħabba akbar il-privileġġi tagħha.

3. Difatti, Alla li sa minn dejjem ilu jħares lejn Marija b’għaxqa kollha kemm hi partikulari, “meta waslet il-milja taż-żminijiet” (Gal 4:4) wettaq il-ħsieb tal-providenza tiegħu b’mod li dehru jiddu f’armonija perfetta l-privileġġi u l-prerogattivi li b’idejh miftuħa kien xerred fuqha. Jekk din il-ġenerożità l-aktar kbira u din l-armonija sħiħa ta’ grazzji kienu minn dejjem magħrufa mill-Knisja u dejjem studjati aktar fil-fond matul is-sekli, fi żmienna ġie mqiegħed f’dawl ikbar il-privileġġ tat-tlugħ fis-sema bir-ruħ u bil-ġisem tal-Verġni Omm Alla Marija.

4. Dan il-privileġġ deher jiddi b’dawl ġdid sa minn meta l-predeċessur tagħna Piju IX, ta memorja li ma tintesiex, iddefinixxa solennement id-Domma tal-Immakulat Konċepiment tal-kbira Omm Alla. Infatti dawn iż-żewġ privileġġi huma marbuta bis-sħiħ bejniethom. Kristu bil-mewt tiegħu rebaħ id-dnub u l-mewt; u fuq il-wieħed u fuq l-oħra joħroġ rebbieħ fil-qawwa ta’ Kristu min twieled mill-ġdid għall-ħajja sopranaturali bil-Magħmudija. Imma b’liġi ġenerali, Alla ma riedx jagħti lill-ġusti l-effett sħiħ ta’ din ir-rebħa fuq il-mewt jekk mhux meta jasal tmiem iż-żmien. Għalhekk anki l-iġsma tal-ġusti wara l-mewt jinfirdu mir-ruħ u biss fl-aħħar jum jerġa’ kull ġisem jingħaqad mar-ruħ tiegħu rebbieħa.

5. Imma Alla ried li minn din il-liġi ġenerali tkun meħlusa l-Imqaddsa Verġni Marija. Hija bi privileġġ kollu kemm hu waħdieni rebħet id-dnub bil-Konċepiment Immakulat tagħha; għalhekk ma kellhiex taqa’ taħt il-liġi tat-taħsir tal-qabar, u lanqas ma kellha tistenna l-ħelsien tal-ġisem tagħha sa l-aħħar tad-dinja.

6. Għalhekk meta ġie definit solennement li l-Verġni Omm Alla kienet meħlusa mit-tebgħa ereditarja sa minn Nisel tagħha, il-fidili mtlew b’tama ħajja li mill-aktar fis kellu jiġi definit mill-Maġisteru suprem tal-Knisja wkoll id-Domma tat-tlugħ fis-sema tal-Ġisem ta’ Marija Verġni.

7. Infatti mhux biss xi wħud mill-fidili, iżda wkoll rappreżentanti ta’ Nazzjonijiet jew ta’ Provinċji Ekkleżjastiċi u wkoll mhux ftit Padri tal-Konċilju Vatikan talbu bil-ħerqa lis-Sede Appostolika din id-definizzjoni.

8. Iżjed ‘il quddiem, dawn it-talbiet u x-xewqat mhux biss ma naqsux, iżda minn jum għall-ieħor tkattru kemm fin-numru u kemm fl-insistenza. U għalhekk għal dan il-ħsieb ġew imwaqqfa kruċjati ta’ talb; ħafna teoloġi kbar kabbru l-istudju tagħhom fuq dan is-suġġett kemm fil-privat u kemm fl-universitajiet pubbliċi tal-Knisja u fl-iskejjel l-oħra mwaqqfin għat-tagħlim tar-Reliġjon; f’ħafna naħiet tad-dinja saru Kungressi Marjani kemm nazzjonali u kemm internazzjonali. Dawn l-listudji u dan it-tfittix kollu wrew b’dawl ikbar li fid-depożitu tal-Fidi, fdat lill-Knisja, kien jinsab ukoll t-tlugħ tal-Verġni Marija fis-sema; u ġeneralment wara dan, lis-Sede Appostolika waslulha ħafna talbiet biex din il-verità tkun solennement iddefinita.

9. F’din il-gara qaddisa l-fidili kienu b’mod tal-għaġeb magħquda mar-ragħjja tagħhom, li f’numru tassew kbir għamlu talbiet bħal dawn lil din il-Kattedra ta’ San Pietru. Għalhekk, meta aħna konna mtellgħin fuq it-tron tal-Pontifikat, ġa kienu mressqa quddiem din is-Seda Appostolika ħafna eluf ta’ talbiet minn kull naħa tal-art u minn kull klassi ta’ nies; mill-meqjuma ħutna arċisqfijiet u isqfijiet, mid-djoċesijiet u mill-parroċċi.

10. U għalhekk filwaqt li għamilna ‘l Alla talb imħeġġeġ biex jitfa’ fid-dehen tagħna d-dawl tal-Ispirtu s-Santu ħalli naqtgħu kawża hekk importanti, tajna ordnijiet speċjali biex jinbdew studji fuq dan is-suġġett; u f’dak iż-żmien inġabru u kienu eżaminati aktar bir-reqqa t-talbiet kollha li minn żmien il-predeċessur tagħna Piju IX, ta’ memorja ħienja, saż-żminijiet tagħna kienu mibgħuta lil din is-Sede Appostolika fuq it-tlugħ fis-sema tal-Imqaddsa Verġni Marija (Cf. Hentrich-Von Moos, Petitiones de Assumptione Corporea B. Virginis Mariae in Caelum Definienda ad S. Sedem Delatae, 2 volumes)

11. Imma billi kellna f’idejna ħaġa hekk importanti u serja, rajna li kien aħjar li, direttament u uffiċjalment, nitolbu lil ħutna kollha l-isqfijiet li juruna bid-deher kif jaħsbuha. Għalhekk, nhar l-1 ta’ Mejju 1946 ktibnilhom l-ittra Deiparae Virginis Mariae, fejn tlabnihom: “Jekk intom, ħutna meqjuma, fil-għerf u fil-prudenza tagħkom kbira żżommux li t-tlugħ fis-sema tal-Imqaddsa Verġni bir-ruħ u l-ġisem jistax jitressaq biex ikun definit bħala domma tal-fidi u jekk tixtiquhiex flimkien mal-kleru tagħkom u mal-poplu tagħkom”.

12. U dawk li “l-Ispirtu qiegħed bħala isqfijiet biex imexxu l-Knisja ta’ Alla” (Att 20:28), wieġbu iva kważi għalenija kemm għal waħda u kemm għall-oħra. Dan “il-kunsens unanimu tal-isqfijiet kattoliċi u l-fidili” (Bolla Ineffabilis Dei, Acta Pii, p. I, vol. I, p. 615) li jżommu li jista’ jkun definit bħala domma tal-fidi t-tlugħ fis-sema tal-Omm t’Alla bir-ruħ u l-ġisem,filwaqt li jurina l-ftehim sħiħ li hemm bejn it-tagħlim tal-Maġisteru ordinarju tal-Knisja u l-fidi tal-poplu nisrani li minnu hi mżejjna u mmexxija, minnu nnifsu juri b’mod ċert u mingħajr l-ebda biża’ ta’ żball li privileġġ bħal dan hi verità rivelata minn Alla u miġbura f’dak id-depożitu divin li Kristu ħalla lil Għarustu biex tħarsu bis-sedqa u tfissru mingħajr ma tiżbalja (cfr. Conc. Vat. De fide cattolica, cap. 4). Il-Maġisteru tal-Knisja, tabilħaqq, mhux bit-tħabrik kollu kemm hu tal-bniedem, imma bl-għajnuna tal-Ispirtu tal-verità (Is. 14: 26), u għalhekk mingħajr l-ebda żball, iwettaq il-kmand li għandu li jħares il-veritajiet rivelati, iżommhom għal dejjem bla tebgħa u sħaħ u jgħaddihom bla mittiefsa, mingħajr ma jżidilhom jew inaqqsilhom xi ħaġa. “Infatti, kif jgħallem il-Konċilju Vatikan, lis-suċċessuri ta’ Pietru ma kienx imwiegħed l-Ispirtu s-Santu, biex bid-dawl tiegħu, juru duttrina ġdida, iżda biex, bil-għajnuna tiegħu, iħarsu bil-qdusija u jfissru bil-fedeltà r-rivelazzjoni li ġejja mill-Appostli, jiġifieri d-depożitu tal-fidi” (Conc. Vat. Cons. De Ecclesia Christe, cap. 4). Għalhekk, mill-kunsens universali tal-Maġisteru ordinarju tal-Knisja niġbdu argument ċert u ta’ min joqgħod fuqu biex inwettqu li t-tlugħ fis-sema tal-Imqaddsa Verġni Marija bir-ruħ u l-ġisem, li – għal dak li għandu x’jaqsam mal-glorifikazzjoni li l-ġisem verġni tal-kbira Omm Alla għandu fis-sema, l-ebda setgħa ta’ moħħ il-bniedem qatt ma setgħet tagħraf bil-qawwa tagħha naturali biss – hija l-verità rivelata minn Alla, u għalhekk l-ulied kollha tal-Knisja għandhom jemmnuha bil-qawwa kollha u bil-fedeltà. Għax, kif igħallem l-istess Konċilju Vatikan, “Għandhom jitwemmnu b’fidi divina u kattolika dawk il-ħwejjeġ kollha li jinsabu miġbura fil-kelma t’Alla miktuba u mitkellma, u li l-Knisja jew b’ġudizzju solenni jew bil-Maġisteru tagħha ordinarju u universali tqiegħdhom quddiemna biex nemmnuhom bħala rivelati minn Alla” (De fide catholica, cap. 3).

13. Ta’ din il-fidi komuni tal-Knisja, sa mill-qedem, matul il-mixja taż-żmien, kien hemm ħafna xhieda u sinjali; mhux biss, iżda fil-fidi bħal din issuktat tintwera aktar biċ-ċar.

14. Il-fidili, mmexxijin u mgħallmin mir-ragħjja tagħhom, fehmu sewwa mill-Iskrittura Mqaddsa li l-Verġni Mqaddsa, matul il-pellegrinaġġ tagħha hawn fl-art, għaddiet ħajja mimlija ħsibijiet, dwejjaq u niket, barra minn dan seħħ ukoll dak li x-xwejjaħ qaddis Xmun kien ħabbrilha, għaliex sejf mill-aktar kiefer nifdilha qalbha f’riġlejn is-Salib ta’ Binha, feddej tagħna. Kif ukoll lanqas sabuha bi tqila li jammettu li Marija mietet kif miet Binha l-waħdieni. Iżda dan ma kienx għalihom ta’ xkiel biex jemmnu u jistqarru bid-deher li l-ġisem Imqaddes tagħha ma kienx suġġett għat-tħassir tal-qabar u l-Għamara tal-Verb Divin ma kellhiex titħassar u ssir irmied. Mhux biss, iżda mdawwla mill-grazzja t’Alla u mċaqalqa mill-imħabba lejn dik li hi Omm Alla u Omm tagħna l-aktar ħelwa, ikkontemplaw f’dawl dejjem aktar ċar l-armonija tal-għaġeb tal-privileġġi li Alla, fil-providenza kbira tiegħu, xerred fuq ir-ruħ sieħba tal-Feddej tagħna, u li laħqu l-ogħla quċċata li mill-ebda ħlejqa oħra, minbarra n-natura ta’ bniedem li kellu Kristu, ma kienet qatt milħuqa.

15. Jagħtu xhieda ċara ta’ din l-istess fidi dawk it-tempji bla għadd iddedikati ‘l Alla b’ġieħ ta’ Marija Verġni Assunta, u x-xbiehat imqaddsa mqiegħda hemm għall-qima tal-fidili, li jġibu quddiem l-għajnejn ta’ kulħadd dan it-trijonf waħdieni tal-Imqaddsa Verġni. Barra minn dan, bliet, djoċesijiet u artijiet kienu mqiegħda taħt il-ħarsien speċjali tal-Verġni Assunta u bl-approvazzjoni tal-Knisja twaqqfu istituti reliġjużi li ħadu l-isem ta’ dan il-privileġġ. Lanqas ma għandna ninsew li fir-Rużarju ta’ Marija, li dis-Sede Appostolika tixtieq wisq li jingħad, hemm imqiegħed biex ikun immeditat misteru li, kif kulħadd jaf, jitkellem fuq it-tlugħ fis-sema tal-Imqaddsa Verġni.

16. Iżda din il-fidi tar-ragħjja mqaddsa u tal-fidili Nsara tidher aktar ċara u universali għax sa mill-qedem, fil-Lvant u fil-Punent, ilha ssir festa kbira liturġika: għalhekk is-Santi Padri u d-dutturi tal-Knisja qatt ma naqsu li jieħdu dawl minn hawn, għax kif jaf kulħadd, il-liturġija mqaddsa “billi hi wkoll stqarrija tal-veritajiet tas-sema, dipendenti mill-Maġisteru Suprem tal-Knisja, tista’ tagħti argumenti u xhieda, mhux ta’ ftit siwi, biex taqta’ xi ħaġa fuq xi punt partikulari tad-Duttrina nisranija” (Litt. Enċ. Mediator Dei, A. A. S., Vol, 39, p. 541).

17. Fil-kotba liturġiċi li jġibu l-festa kemm tar-raqda u kemm tal-Assunzjoni tal-Verġni Marija, hemm espressjonijiet li b’xi mod jaqblu ma’ xulxin, x’ħin igħidu li meta l-Verġni Omm Alla għaddiet minn dan l-eżilju, bi ħsieb tal-providenza t’Alla, lil Ġisimha ġraw ħwejjeġ li kienu jixirqu lid-dinjità ta’ Omm il-Verb Inkarnat u għall-privileġġi oħra mogħtijin liha. Dan insibuh imwettaq, biex inġibu eżempju, f’dak is-Sacramentarium li l-predeċessur tagħna Adrijanu I, ta’ memorja li ma tintesiex, kien bagħat lill-imperatur Karlu Manju. Fih, infatti, naqraw: “Jixirqilha l-qima tagħna, O Mulej, il-festa ta’ dan il-jum, li fiha l-Imqaddsa Omm Alla ġarrbet il-mewt temporali, iżda ma setgħetx tkun umiljata mill-irbit tal-mewt dik li nisslet ‘l Ibnek, Mulej, li minnha ħa l-ġisem” (Sacramentarium Gregorianum).

18. Dak li hawn hu muri bi kliem meqjus kif soltu tuża l-liturġija Rumana, fil-kotba tal-liturġiji oħrajn qodma, kemm tal-Lvant u kemm tal-Punent, hu mfisser aktar fil-wisa’ u wisq aktar ċar. Is-Sacramentarium Gallicanum, per eżempju, jiddefinixxi dan il-privileġġ ta’ Marija, “Misteru li ma jistax jitfisser, tant hu aktar tal-għaġeb daqskemm hu aktar singulari fost il-bnedmin”. U fil-liturġija Biżantina t-tlugħ fis-sema ta’ Marija bir-ruħ u l-ġisem, għal bosta drabi, huwa marbut mhux biss mad-dinjità tagħha ta’ Omm Alla, imma wkoll ma’ privileġġi oħrajn tagħha, l-aktar mal-maternità tagħha verġinali, ġà maħsuba minn qabel mill-providenza t’Alla: “Alla Re tal-ħolqien kollu lilek ta ħwejjeġ li huma ‘l fuq minn natura; għax kif fil-ħlas ħarislek xbubitek, hekk fil-qabar ħarislek lil ġisem minn kull taħsir u bit-tlugħ tiegħu fis-sema tah il-ġieħ li jistħoqqlu” (Menaei totius anni).

19. Billi mbagħad is-Sede Appostolika, li hija werrieta tax-xogħol afdat lill-Prinċep tal-Appostli biex iwettaq lil ħutu fil-fidi (cfr. Luc, 22, 32), bis-setgħa li għandha kabbret dejjem din il-festa, ġagħlet lill-fidili biex japrezzaw dejjem aktar il-kobor ta’ dan il-misteru. Għalhekk, billi l-festa tal-Assunzjoni mill-bidu nett kellha post ta’ ġieħ fost il-festi l-oħrajn marjani, iżjed ‘il quddiem kienet imqiegħda fost il-festi l-aktar solenni tas-sena liturġika kollha. Il-predeċessur tagħna San Serġju I, meta ordna l-litanija jew il-purċissjoni stazzjonali għall-erba’ festi marjani semma’ flimkien it-twelid, l-Annunzjoni, il-purifikazzjoni u r-raqda ta’ Marija (Liber Pontificalis). Iżjed ‘il quddiem, San Leone IV ried iżid il-festa li allura ġa kienet issir taħt l-lisem tal-Assunzjoni tal-Imqaddsa Omm Alla, solennità aktar u għalhekk ġiegħel li jibdew isiru l-vġili u l-ottava; u f’din l-okkażjoni ried li huwa nnifsu jieħu sehem fil-festa qalb ġemgħa kbira ta’ fidili (Liber Pontificalis). Barra minn dan, li fiż-żmien l-imgħoddi, qabel il-festa kien hemm l-obbligu tas-sawm jidher ċar mix-xhieda li jagħti l-predeċessur tagħna San Nikola I, fejn jitkellem fuq is-sawm prinċipali “li l-Knisja Mqaddsa Rumana ħadithom mill-qedem u għadha tħarishom s’issa” (Responsa Nicolai Papae I ad consulta Bulgarorum).

20. Imma billi l-liturġija ma toħloqx il-fidi, iżda tissoponiha u minnha jitnissel, bħall-frott tas-siġar, it-taħriġ tar-reliġjon, is-Santi Padri u d-dutturi l-kbar fl-omeliji u fid-diskorsi li huma jagħmlu lill-poplu fl-okkażjoni ta’ din il-festa, ma kienux jieħdu d-duttrina tagħha mill-liturġija, bħallikieku mill-ewwel għajn, iżda kienu jitkellmu fuqha bħal ħaġa magħrufa u emmnuta mill-fidili; fissruħa aktar fil-wisa u studjaw fil-fond kif għandha tinftiehem u fuqhiex titkellem billi fissru fuq kollox dak li ta’ spiss il-kotba liturġiċi kienu jsemmu fuq fuq; jiġifieri li f’dil-festa mhux biss inkunu qegħdin infakkru li l-ġisem mejjet tal-Imqaddsa Verġni Marija ma tħassarx, iżda wkoll ir-rebħa tagħha fuq il-mewt u l-glorja li għandha fis-sema b’xebħ ta’ Binha Uniġenitu.

21. Għalhekk San Ġwann Damasceno li jisboq lil kulħadd bħala xhud imsemmi ta’ din it-tradizzjoni, meta jqabbel it-tlugħ fis-sema tal-Kbira Omm Alla bir-ruħ u l-ġisem mal-privileġġi l-oħra tagħha, igħid dawn il-kliem ta’ għerf kbir: “Kien jinħtieġ li dik, li fil-ħlas żammet bla mittiefsa l-verġinità tagħha, tħares ukoll lil ġisimha mit-taħsir wara l-mewt tagħha. Kien jinħtieġ li dik, li ġarret f’ġufha ‘l Ħallieq magħmul tfajjel, tgħammar ukoll fil-għarajjex t’Alla. Kien jinħtieġ li l-Għarusa tal-Missier Etern tgħammar fl-għamara tas-sema. Kien jinħtieġ li dik, li rat lil Binha fuq is-Salib u laqgħet ġo qalbha dak is-sejf ta’ wġiegħ li minnu kienet meħlusa meta tagħtu lid-dinja, tikkuntemplah fuq il-lemin tal-Missier. Kien jinħtieġ li l-Omm t’Alla jkollha dak kollu li hu ta’ Binha u mill-ħlejjaq kollha tkun meqjuma bħala Omm u qaddeja t’Alla” (S. Joan. Damasc. Encomium in Dormitionem Dei Genitricis semperque Virginis Mariae, hom. II, 14; cfr. Etiam ibid. n. 3).

22. Dawn l-espressjonijiet ta’ San Ġwann Damasceno jaqblu ħafna ma’ dawk ta’ oħrajn li jgħallmu l-istess duttrina. Infatti, kliem mhux inqas ċari u preċiżi nsibuhom fid-diskorsi li l-Padri kemm dawk li għexu qablu u kemm dawk ta’ żmienu għamlu f’din il-festa. Hekk, biex insemmu xi eżempju, San Ġerman ta’ Kostantinopoli kien jaħseb li l-ħelsien mit-taħsir u t-tlugħ fis-sema tal-ġisem tal-Verġni Omm Alla mhux biss kienu jixirqu lill-maternità divina tagħha, iżda wkoll lill-qdusija speċjali tal-ġisem tagħha stess verġinali: “Inti kif kien miktub, tidher ‘fi sbuħija’, u l-ġisem tiegħek verġinali hu kollu qaddis, kollu safi, u fih jgħammar Alla; u għalhekk huwa ma jsirx trab; inbidel iva, bħala ġisem ta’ bniedem, għal ħajja ogħla li qatt ma tidbiel, iżda huwa l-istess wieħed ħaj, rebbieħ, qawwi u sħiħ u mogħni bil-milja tal-ħajja” (S. Ġerm. Cons. In Sanctae Dei Genitricis Dormitionem, Sermo I). U kittieb ieħor antik jgħid; “Bħala Omm l-aktar glorjuża ta’ Kristu, Feddej u Alla tagħna, li jagħti l-ħajja u l-immortalità, minnu għandha l-ħajja u mlibbsa b’ġisem li qatt ma jitħassar, qiegħda għal dejjem tgħix ma’ dak li qajjimha mill-qabar u ħadha miegħu b’mod magħruf minnu biss” (Encomium in Dormitionem Sanctissimae Dominae nostrae Deiparae semperque Virginis Mariae [S. Modesto Hierosol. Attributum], n. 14).

23. Meta din il-festa liturġika xterdet u kienet imwettqa, ir-ragħajja tal-Knisja u l-oraturi sagri f’numru dejjem ikbar, qisuh bħala dmir tagħhom li jfissru sewwa u biċ-ċar f’hiex tikkonsisti l-festa u kif hi marbuta bil-qawwa mal-veritajiet l-oħra rivelati.

24. Fost it-teoloġi skolastiċi ma naqsux dawk li billi riedu jidħlu aktar ‘l ġewwa fil-veritajiet rivelati u juru kemm jaqblu bejniethom it-tagħlim teoloġiku u l-fidi, urew biċ-ċar li dan il-privileġġ tal-Assunzjoni ta’ Marija Verġni jaqbel b’għaġeb kbir mal-veritajiet li huma mgħallma lilna mill-Iskrittura Mqaddsa.

25. Minn din l-asserzjoni, biex ifissru dan il-privileġġ ta’ Marija, huma ġabu raġunijiet li nistgħu ngħidu huma miġbura f’dan: Kristu ried li Marija titla’ s-sema bir-ruħ u l-ġisem għall-imħabba li jġibilha bħala Ommu. U għalhekk huma jżommu l-qawwa ta’ dawn l-argumenti qiegħda fid-dinjità bla xebħ tal-maternità tagħha divina u fid-doni li jiġu minnha: il-qdusija tagħha kbira, li tisboq lil dik tal-bnedmin u tal-Anġli kollha; l-għaqda l-aktar intima ta’ Marija ma’ Binha; u dik l-imħabba l-aktar kbira li l-Iben kellu għal Ommu, imħabba li kienet tassew tistħoqqilha.

26. Ta’ spiss, imbgħad, insibu teoloġi u oraturi sagri li fuq il-passi tas-Santi Padri (cfr. S. Joan. Damasc. Encomium in Dormitione Dei Genitricis semperque Virginis Mariae, hom. II, 2, II; Encomium in Dormitionem [S. Modesto Hierosol. attributum] ), biex juru l-fidi tagħhom fl-Assunzjoni jinqdew b’ċerta libertà, b’xi ġrajjiet u kliem tal-Iskrittura Mqaddsa. Hekk biex insemmu x’uħud mit-testi l-aktar użati, hemm dawk li jġibu l-kliem tas-Salmista: “Iddew, qum, Mulejja, u ersaq lejn għamartek u l-Arka ta’ qdusitek” (Ps. 131, 8), u huma jilmħu fl-Arka tar-Rabta, mibnija minn injam li ma jitmermirx u mqiegħda fit-Tempju tal-Mulej, bħallikieku xbieha tal-ġisem l-aktar safi ta’ Marija Verġni meħlus minn kull taħsir tal-qabar u mgħolli fis-sema għal glorja hekk kbira. Għall-istess ħsieb jiddeskrivu r-Reġina dieħla rebbieħa fid-dejr tas-sema toqgħod bilqiegħda n-naħa tal-lemin ta’ Binha Feddej (Ps. 44, 10, 14-16), u l-Għarusa tal-Kantiċi “li tiela’ mid-deżert bħal kolonna ta’ duħħan qalb fwejjaħ ta’ mirra u nċens”, biex tkun inkurunata (Cant. 3, 6; cfr. 4, 8, 6, 9). Il-waħda u l-oħra huma miġjuba bħal xbihat ta’ dik is-Sultana u Għarusa tas-sema, li flimkien mal-Għarus divin, hi mgħollija fl-għamara tas-sema.

27. Barra minn dan, id-dutturi skolastiċi l-Assunzjoni tal-Verġni Omm Alla rawha mfissra mhux biss taħt il-ħafna xbihat tat-Testment il-Qadim, imma wkoll f’dik il-Mara liebsa bix-xemx li l-Appostlu Ġwanni kkontempla fil-gżira ta’ Patmos (Apoc. 12, 1 sq). Hekk ukoll, fost il-passi tat-Testment il-Ġdid l-aktar li laqtuhom kienu l-kliem; “Sliema għalik, mimlija bil-grazzja, is-Sinjur huwa miegħek, imbierka inti fost in-nisa” (Lk. 1, 28), għax fil-misteru tal-Assunzjoni huma kienu jaraw imwettqa l-milja tal-grazzja mogħtija lill-Imqaddsa Verġni u barka singulari għas-saħħa ta’ Eva.

28. Għalhekk fil-bidu tat-teoloġija skolastika, it-twajjeb Amadew, Isqof ta’ Losanna, jafferma li l-laħam ta’ Marija Verġni baqa’ bla mittiefes (“ma jistax wieħed jemmen, infatti, li ġisimha ra l-korruzzjoni”), għax tabilħaqq hu ngħaqad mar-ruħ u flimkien magħha kien imdawwar bl-ikbar glorja fil-qorti tas-sema. “infatti, Hi kienet mimlija bil-grazzja u mbierka fost in-nisa (Lk. 1, 28). Lilha biss stħoqqilha li tnissel Alla veru minn Alla veru, li twelldu verġni u verġni wkoll treddgħu fil-waqt li kienet trossu ma’ ħdanha u f’kollox qdietu bl-akbar qima” (Amadeus Lausannensis, De Beatae Virginis olitu Assumptione in Coelum, exaltation ad Filii dexteram).

29. Fost il-kittieba sagri, mbagħad, li f’dak iż-żmien urew u wettqu din is-sentenza tal-Assunzjoni b’testi tal-Iskrittura, b’xebħ u b’analoġiji, jieħu l-ewwel post id-Duttur Evanġeliku Sant Antnin ta’ Padova. Fil-festa tal-Assunzjoni, meta jfisser il-kliem ta’ Iżaija: “Jien nsebbaħ il-post fejn qegħidt riġlejja”, iżomm bla biża’ ta’ xejn li l-Feddej Divin ta l-ogħla tifħir ‘l Ommu l-aktar għażiża li minnha ħa l-ġisem. “Minn dan jidher ċar”, jgħid, “li l-Imqaddsa Verġni kienet imtella’ s-sema bil-ġisem li kien il-post fejn is-Sinjur qiegħed riġlejh”. Għalhekk is-Salmista jikteb: “Iddew, qum Mulejja, u ersaq lejn għamartek u l-Arka ta’ qdusitek”. Kif Ġesù Kristu, jgħid il-Qaddis, qam mill-mewt li hu kien rebaħ u tala’ fuq in-naħa tal-lemin tal-Missier tiegħu, hekk ukoll “qamet l-Arka ta’ qdusitu, għax f’dan il-jum il-Verġni Omm kienet imtella’ fil-għamara tas-sema” (S. Antonius Patav. Sermones dominicales et in solemnitatibus. In Assumptione S. Mariae Virginis sermo).

30. Meta fil-Medjuevu t-teoloġija skolastika kienet fl-aqwa tagħha, San Albert il-kbir wara li ġabar ħafna argumenti li hu ħa mill-Iskrittura, mit-Tradizzjoni, mill-Liturġija u mit-tagħlim teoloġiku, jispiċċa jgħid: “Minn dawn ir-raġunijiet u l-awtoritajiet u minn ħafna oħrajn jidher ċar li l-Imqaddsa Omm Alla kienet imtella’ bir-ruħ u l-ġisem ‘il fuq mill-kori tal-Anġli. U nemmen li dan hu tabilħaqq minnu” (S. Albertus Magnus. Mariale sive quaestiones super Evang. ‘Missus est’, q. 132) u f’diskors li hu għamel f’jum l-Annunzjazzjoni ta’ Marija, meta jfisser dawn il-kliem li bihom l-Anġlu sellem lil Marija: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja..”, id-Duttur universali jqabbel il-Verġni l-aktar imqaddsa ma’ Eva u jgħid bla tlaqliq li hi kienet meħlusa mill-erbgħa saħtiet li waqgħu fuq Eva (S. Albertus Magnus. Seromnes de Sanctis, sermo 15: In Annuntiatione B. Mariae, cfr. etiam Mariale, q. 132).

31. Id-Duttur Anġeliku, wara li mexa fuq il-passi tal-kbir surmast tiegħu, għalkemm qatt ma tkellem espressament fuq din il-kwistjoni, madankollu kull darba li jinzerta jitkellem fuqha, dejjem iżomm mat-tagħlim tal-Knisja li mar-ruħ kien imtella’ wkoll fis-sema l-ġisem ta’ Marija (cfr. Summa Theol. 3, q. 27, a. 1c; ibid. q. 83, a. 5 ad 8 Expositio salutationis angelicae; In symb. Apostolorum exposition, art. 5, in IV Sent., D. 12, q. 1, art. 3, sol. 3; D. 43, q. 1, art. 3, sol. 1 et 2).

32. Hekk ukoll jaħsibha, fost ħafna oħrajn, id-Duttur Serafiku, li jżomm li hu għal kollox minnu li kif Alla lill-Verġni Marija, meta nisslet lil Ġesù u tagħtu lid-dinja, ħarsilha l-kastità u l-integrità tagħha verġinali, hekk ukoll ma ħalliex li ġisimha jitħassar u jsir irmied (cfr. S. Bonaventura, De Nativitate B. Mariae Virginis, sermo 5). Meta mbagħad ifisser u japplika għall-Verġni Marija dawn il-kliem tal-Iskrittura Mqaddsa: “Min hi Dik li tiela’ mix-xagħri, mimlija bil-hena u li qiegħda titwieżen mal-maħbub tagħha?” (Cant. 8, 5) jirraġuna hekk: “U minn hawn jista’ jidher biċ-ċar li qiegħda hemm (fil-belt tas-sema) bil-ġisem… Għax infatti, l-hena ma tkunx sħiħa jekk ma tkunx hemm bil-persuna tagħha u billi l-persuna mhix ir-ruħ, iżda l-kompost, jidher ċar li Hija tinsab hemm bil-kompost tagħha, jiġifieri bil-ġisem u r-ruħ, inkella ma jkollhiex hena sħiħa” (S. Bonaventura, De Assumptione B. Mariae Virginis, sermo 1).

33. Fl-aħħar żmien tat-teoloġija skolastika, jiġifieri fis-seklu XV, San Bernardinu minn Siena, filwaqt li jiġbor fil-qosor dak kollu li t-teoloġi tal-Medjuevu kienu qalu u tkellmu fuq dan, ma semmiex biss dawk il-konsiderazzjonijiet ewlenin li kienu għamlu d-dutturi ta’ qablu, iżda żied magħhom xi oħrajn. Jiġifieri x-xebħ tal-Omm divina ma’ l-Iben divin fil-kobor u fid-dinjità tar-ruħ u tal-ġisem – u li minħabba f’dan ma nistgħux naħsbu li r-Reġina tas-sema hija mifruda mir-Re tas-sema – jitlob biċ-ċar li “Marija m’għandhiex tkun jekk mhux fejn jinsab Kristu” (S. Bernardinus Senens. In Assumptione B.M. Virginis, sermo 2); barra minn dan huwa raġonevoli u xieraq li fis-sema jinsabu gglorifikati r-ruħ u l-ġisem kemm tar-raġel u kemm tal-mara; fl-aħħarnett il-fatt li l-Knisja qatt ma fittxet u qiegħdet għall-qima tal-fidili r-relikwi tal-ġisem tal-Imqaddsa Verġni, huwa argument li jista’ jissejjaħ: “Kważi prova sensibbli” (S. Bernardinus Senens. In Assumptione B.M. Virginis, sermo 2).

34. Fi żminijiet aktar qrib, il-fehmiet ġa msemmijin tas-Santi Padri u tal-Għorrief kienu fl-użu komuni. San Robert Bellarmino, fil-waqt li jaqbel mal-ħsieb nisrani li ilu ġej minn sekli mgħoddija, jgħid: “U min jista’ jemmen li l-Arka tal-qdusija, l-għamara tal-Verb, it-tempju tal-Ispirtu s-Santu kellu jaqa’. Il-fehma tiegħi tistmerr il-ħsieb biss li dak il-ġisem verġni li nissel ‘l Alla, wildu, għajxu u ġarru kellu jsir irmied jekk ikun mogħti bħala ikel lid-dud (S. Robertus Bellarminus, Conciores habitae Lovanii, concio 40: De Assumptione B. Mariae Virginis).

35. Hekk ukoll San Franġisk di Sales wara li jgħid li ma jiswiex li wieħed jiddubita li Kristu wettaq b’mod l-aktar perfett il-kmand t’Alla li bih l-ulied huma mġiegħla li jqimu ‘l ġenituri tagħhom, jagħmel dil-mistoqsija: “Min hu dak l-iben li, jekk jista’, ma jreġġgħax għall-ħajja ‘l ommu u, wara l-mewt, ma jeħodhiex miegħu fil-ġenna?” (Oeuvres de St. Francois de Sales, sermon autographee pour le fète de l’Assumption). U San Alfons jikteb: “Ġesù ħeles lill-ġisem ta’ Marija mit-taħsir, għax kien ikun għajb għalih li jitħassar dak il-laħam verġinali li minnu Huwa ħa ġismu (S. Alfonso M. De’ Liguori, Le glorie di Maria, parte II, disc. 1).

36. Iżda wara li ntwera biċ-ċar f’hiex tikkonsisti dil-festa, ma naqsux għorrief li iktar milli fuq raġunijiet teoloġiċi li minnhom jidher kemm tabilħaqq hu xieraq it-tlugħ fis-sema tal-Imqaddsa Verġni Marija bir-ruħ u l-ġisem, tefgħu għajnejhom fuq il-fidi tal-Knisja, Għarusa mistika ta’ Kristu, mingħajr tebgħa u mingħajr tikmixa (cfr. Eph. 5, 27) li hi msejjħa mill-appostlu “Kolonna u sies tas-sewwa” (1 Tim. 3, 15) u mqegħdin fuq din il-fidi komuni kienu jżommu bħala temararja, biex ma ngħidux eretika, is-sentenza kuntrarja. Infatti San Pietru Canisio, fost ħafna oħrajn, wara li qal li l-kelma Assunzjoni tfisser il-glorifikazzjoni mhux biss tar-ruħ, iżda wkoll tal-ġisem, u wara li semma li l-Knisja minn ħafna sekli, ilha tqim u tagħmel il-festa ta’ dan il-misteru marjan, jgħid: “Din is-sentenza li ilha emmnuta minn ħafna sekli, hi hekk imwaħħla fil-qlub tal-fidili tajba u hekk milqugħa bil-qalb mill-Knisja kollha, li dawk li jiċħdu li l-ġisem ta’ Marija kien meħud fis-sema, m’għandhom lanqas biss ikunu mismugħa bis-sabar, imma mċanfra bħala nies ta’ rashom iebsa, jew għal kollox temerarji u mimlijin aktar bi spirtu eretiku milli kattoliku” (S. Petrus Canisius De Maria Virgine).

37. Fl-istess ħin, id-Duttur il-Kbir wara li qiegħed bħala regola fil-Marjoloġija li: “L-misteri tal-grazzja li Alla ta lill-Verġni, m’humiex meqjusa minn liġijiet ordinarji, iżda mis-setgħa bla tarf ta’ Alla, kemm il-darba iżda l-ħaġa fiha nfisha tkun xierqa u tkun taqbel ma’ l-Iskrittura” (Suarez F. In tertiam partem D. Thomae, quaest. 27, art. 2, disp. 3, sec. 5, n. 31), ibbażat fuq il-fidi tal-Knisja dwar l-Assunzjoni seta’ jikkonkludi li dan il-misteru kellu jitwemmen bl-listess qawwa li biha kellu jitwemmen il-Konċepiment Immakulat tal-Imqaddsa Verġni; u allura hu ġa kien iżomm li dawn iż-żewġ veritajiet setgħu ikunu definiti.

38. Dawn ir-raġunijiet u l-konsiderazzjonijiet kollha tas-Santi Padri u tat-teoloġi għandhom bħala l-aħħar fundament tagħhom l-Iskrittura Mqaddsa, li turina l-kbira Omm Alla magħquda b’rabta qawwija ma’ binha Alla u Sieħba miegħu f’dak kollu li għadda minnu. Għalhekk jidher kważi impossibbli li, wara dil-ħajja, tistħajjilha mifruda minn Kristu, jekk mhux bir-ruħ għallinqas bil-ġisem, lil Dik li nisslitu, tagħtu lid-dinja, għajjxitu b’ħalibha, ġarritu f’dirgħajha u rassitu ma’ ħdanha. Mill-mument li l-Feddej tagħna sar Iben Marija, bla dubju, billi huwa jħares perfettament il-liġijiet t’Alla, ma setax ma jqimx, mhux biss lill-Missier Etern, iżda wkoll ‘l Ommu maħbuba. U għalhekk billi Hu seta’ jagħtiha ‘l Ommu ġieħ hekk kbir li jħarisha mit-taħsir tal-qabar, għandna nemmnu li Hu tabilħaqq tahulha.

39. Iżda fuq kollox għandna niftakru li, mis-seklu II, Marija Verġni hija murija mis-Santi Padri bħala Eva l-ġdida, marbuta bil-qawwi ma’ Adam il-ġdid, għalkemm tiddependi minnu f’dik il-ġlieda mal-għadu tal-infern li kif kien imħabbar mill-ewwel Vanġelu (Ġen. 3: 15), kellha tintemm b’rebħa sħiħa fuq id-dnub u fuq il-mewt li huma dejjem imseħbin ma’ xulxin fil-kitba tal-Appostlu tal-Ġnus (cfr. Rom. Cap. 5 et 6; I Cor. 15, 21-26; 54-57). U għalhekk kif il-qawma rebbieħa mill-imwiet ta’ Kristu kienet l-aktar meħtieġa u s-sinjal tal-aħħar ta’ din ir-rebħa, hekk ukoll għal Marija l-ġlieda li qasmet ma’ Ġesù kellha tintemm fil-glorifikazzjoni tal-ġisem tagħha verġinali; għax kif jgħid l-istess Appostlu, “Meta, dan il-ġisem li jmut jilbes in-nuqqas tal-mewt, hemm isseħħ il-kelma li nkitbet: Il-mewt tħassret bir-rebħ” (I Cor. 15-54).

40. U hekk, il-kbira Omm Alla, magħquda b’misteru ma’ Ġesù Kristu sa mill-eternità “bl-istess digriet” (Bolla Ineffabilis Deus, I c. p. 599) ta’ predestinazzjoni, bla tebgħa fit-tnissil tagħha, Verġni safja fil-maternità divina tagħha, sieħba ġeneruża tal-Feddej Divin, li ġieb rebħa sħiħa fuq id-dnub u l-konsegwenzi tiegħu, fl-aħħar, bħala l-ikbar fost il-privileġġi tagħha kienet meħlusa mit-taħsir tal-qabar, u wara li rebħet il-mewt, kif ġa kien rebaħha Binha, kienet imtellgħa bir-ruħ u l-ġisem fil-glorja tas-sema, fejn qiegħda Reġina n-naħa tal-lemin ta’ Binha, sultan taż-żminijiet li ma jistax imut (cfr. I Tim. 1, 17).

41. Billi għalhekk il-Knisja universali li fiha jgħix l-Ispirtu tal-Verità u li jmexxiha mingħajr żball għat-tagħrif tal-veritajiet rivelati, matul iż-żminijiet, b’ħafna modi wriet il-fidi tagħha u billi l-Isqfijiet tad-dinja kattolika tista’ tgħid għalenija taw il-kunsens tagħhom biex tkun definita bħala domma tal-fidi kattolika u divina l-verità tat-tlugħ is-sema tal-Imqaddsa Verġni Marija bir-ruħ u l-ġisem – verità mqiegħda fuq l-Iskrittura Mqaddsa, mitwielda fil-qlub tal-fidili, imwettqa mill-qima tal-Knisja sa minn żminijiet ‘il bogħod ħafna, taqbel għall-aħħar mal-veritajiet l-oħra rivelati, murija u mfissra biċ-ċar mill-istudju tax-xjenza u mill-għerf tat-teoloġi – inżommu li wasal il-ħin maħtur mill-providenza t’Alla biex inxandru bis-solennità dan il-privileġġ ta’ Marija Verġni.

42. Aħna li qiegħedna l-Pontifikat tagħna taħt il-ħarsien speċjali tal-Verġni Mqaddsa u li lejha dorna f’waqtiet tal-akbar niket, aħna, li pubblikament ikkonsagrajna d-dinja kollha lill-Qalb bla tebgħa tagħha, u ħafna drabi ġarrabna l-ħarsien tagħha l-aktar qawwi, għandna tama qawwija li din il-proklamazzjoni solenni u d-definizzjoni tal-Assunzjoni tkun ta’ ġid kbir għall-bnedmin kollha għax trodd glorja lis-Santissma Trinità li magħha l-Verġni Omm Alla hi marbuta b’irbit singulari. Infatti, hemm x’wieħed jittama li l-insara jitħeġġu b’devozzjoni ikbar lejn l-Omm tas-sema u li dawk kollha li jiftaħru bl-isem ta’ nsara jkunu jixtiequ minn qalbhom l-għaqda mal-Ġisem Mistiku ta’ Ġesù Kristu u li mħabbithom tikber lejn dik li għandha mħabba ta’ Omm lejn il-membri kollha ta’ dan il-Ġisem meqjum. Hemm x’wieħed jittama wkoll li dawk kollha li jaħsbu fuq l-eżempji kbar ta’ Marija, jipperswadu ruħhom mis-siwi ta’ ħajjiet il-bniedem kemm il-darba tingħata għal kollox biex twettaq ir-rieda tal-Missier tas-sema, u għall-ġid tal-oħrajn; mhux biss, iżda, mentri l-materjaliżmu u d-drawwiet imħassra li jiġu minnu qegħdin jheddu li jeqirdu kull virtù u li jagħmlu ħerba mill-ħajjiet tal-bnedmin billi jqajjmu gwerer, j’Alla kulħadd jara l-mod l-aktar ċar għal liema ħsibijiet għolja huma ddestinati l-erwieħ u l-iġsma; fl-aħħarnett, li t-twemmin fit-tlugħ is-sema ta’ Marija bir-ruħ u l-ġisem jagħmel aktar qawwija u aktar ħaddiema l-fidi fir-risurrezzjoni tagħna.

43. Imbgħad huwa partikolarment għal qalbna li l-providenza t’Alla riedet tlaqqa’ dil-ġrajja solenni mas-sena Mqaddsa li għoddha spiċċat; dan, infatti, jippermettilna li nżejjnu l-ġbin tal-Verġni Omm Alla b’din il-ġawhra kollha dija filwaqt li għadu sejjer il-Ġublew il-Kbir u li nħallu monument etern tal-imħabba tagħna mħeġġa lejn l-Omm t’Alla.

44. Għalhekk, wara li għollejna t-talb tagħna mħeġġeġ lejn Alla u tlabna d-dawl tal-Ispirtu tal-Verità, għall-glorja t’Alla li jista’ kollox, li xerred fuq Marija l-imħabba tiegħu speċjali għall-ġieħ ta’ Ibnu, Re taż-żminijiet li ma jistax imut u rebbieħ tad-dnub u tal-mewt, għall-glorja ikbar tal-Kbira Ommu u għall-ferħ tas-Sinjur tagħna Ġesù Kristu, tal-Qaddisin, hena tal-Knisja kollha, bis-setgħa tal-Appostli, Pietru u Pawlu u tagħna nxandru, niddikjaraw u niddefinixxu bħala domma minn Alla rivelata li: l-Omm t’Alla bla tebgħa dejjem Verġni Marija, meta spiċċatilha l-ħajja tagħha ta’ hawn fl-art, kienet imtellgħa għall-glorja tas-sema bir-ruħ u l-ġisem.

45. Għalhekk jekk xi ħadd, Alla ħares qatt, ikollu l-ħila jiċħad jew jiddubita għax irid minn dak li kien definit minna, għandu jkun jaf li jonqos mill-fidi divina u kattolika.

46. Biex, imbgħad, din id-definizzjoni tagħna tat-tlugħ fis-sema ta’ Marija Verġni bir-ruħ u l-ġisem tkun magħrufa mal-Knisja kollha, ridna li din l-ittra tagħna appostolika tibqa’ bħala tifkira għal dejjem u nikkmandaw li għall-kopji tagħha, ukoll stampati, iffirmati minn idejn xi nutar pubbliku u bis-siġill ta’ xi perusuna b’xi dinjità ekklesjastika, jingħata għal kollox minn kulħadd l-istess twemmin li qiegħed jingħata għal din li għandna quddiemna jekk tkun murija.

47. Ħadd għalhekk ma jista’ jikser din id-dikjarazzjoni, l-proklamazzjoni u d-definizzjoni tagħna, jew li jmur kontra tagħha jew li jonqos minnha. Jekk xi ħadd jissogra jagħmel dan, għandu jkun jaf li jiġbed fuqu l-korla t’Alla li jista’ kollox u tal-Beati Appostli tiegħu Pietru u Pawlu.

48. Mogħti minn Ruma, ħdejn San Pietru, fis-sena tal-Ġublew il-Kbir elf disgħa mija u ħamsin, l-1 tax-xahar ta’ Novembru, festa tal-Qaddisin kollha, fit-tnax-il sena tal-Pontifikat tagħna.

 

Papa Piju XII