MILL-PAPA PIJU X

Quadragesimo Anno

Enċiklika tal-Papa Piju XI,

lill-isqfijiet u lill-insara tad-dinja kollha,

saħħa u barka appostolika.

B’tifkira ta’ għeluq l-erbgħin sena

tar-Rerum Novarum.

 

15 ta’ Mejju 1931


 

Erbgħin sena għaddew minn dakinhar li ħarġet din l-Enċiklika ta’ Ljun XIII, ir-Rerum Novarum , li ebda waħda oħra ma tlaħħaq magħha: id-dinja kollha kull fejn jinsab nisrani, jiftakru fiha b’għożża kbirau jfaħħruha minn qalbhom.

Tabilħaqq illi l-Papa Ljun witta t-triq għaliha b’Enċikliki oħra li ħareġ minn qabel, bħal meta kiteb fuq l-imġiba tal-bnedmin bejniethom; fuq il-familja u s-sagrament taż-żwieġ; fuq mnejn hi ġejja s-setgħa tal-gvernijiet u fuq kif għandhom iġibu ruħhom mal-Knisja; fuq l-aqwa dmirijiet tal-insara bħala wlied ta’ art waħda; fuq il-ħsara tas-Soċjaliżmu u fuq il-fehmiet il-fiergħa ta’ min jidhirlu illi billi l-bniedem għandu rajh f’idejh, jista’ jinqeda bih kif jgħaddilu minn moħħu u jaqta’ xewqatu kollha: fuq dawn u ħwejjeġ oħra bħalhom, Ljun XIII uriena l-fehmiet tiegħu. Iżda bir-Rerum Novarum tiegħu, dan il-Papa ta’ qabilna għallem lill-bnedmin kollha kif għandhom jinġiebu bejniethom biex joħorġu b’wiċċ il-ġid mit-tfixkil u l-għawġ li sabu ruħhom fihom dik il-ħabta illi kien jeħtieġ għall-aħħar min jidħol għalihom u jerġa’ jmexxihom mat-triq tas-sewwa.

 

Għad li fil-milja tal-qawwa tagħha, għall-aħħar snin tas-seklu li għadda, id-dinja sabet ruħha mfixkla bix-xogħlijiet il-ġodda tal-magni li twaqqfu kullimkien fl-Ewropa u fl-Amerka; u bħall-ħwejjeġ kollha ta’ f’daqqa, qam taħwid kbir bejn il-ħaddiema u sidien minħabba dawn il-magni u x-xogħlijiet tagħhom ta’ bla qies. Is-sidien, għad li ftit fosthom, bdew minn tal-ewwel jmorru tajjeb ħafna b’dawn ix-xogħlijiet il-kbar tal-magni; u l-kotra l-kbira tal-ħaddiema u ta’ dawk l-eluf l-oħra li jgħixu bix-xogħol ta’ jdejhom u l-ħobżna ta’ kuljum, sabu ruħhom fl-aqwa faqar, ma jafux aktar fejn jagħtu rashom.

Sidien il-magni, billi kien jaqbel lilhom, dehrilhom illi hekk sejra d-dinja, illum imiss lili u għada lilek; u xejn ma qagħdu jħabblu rashom fuq in-nies tax-xogħol u l-ħaddiema l-oħra li ma setgħux jgħaddu mingħajrhom, u l-kotra l-kbira tagħhom baqgħu bla xogħol. L-għonja ma ħasbu xejn fihom: telqulhom għal rashom, ħa jħenn għalihom ħaddieħor, bla ma jdaħħlu jdhom f’buthom u jagħtuhom miż-żejjed tagħhom, u marru b’moħħhom li b’daqshekk ma kenux jiksru l-ġustizzja. U mhux talli ħasbuha kif jaqbel lilhom biss, iżda saħansitra l-gvernijiet żammew magħhom bil-liġijiet li ħarġu, bla ma qisuhom xejn lill-ħaddiema! Min-naħa tagħhom, ulied ix-xogħol, dawk li sabu ruħhom magħfusin għall-aħħar, ħteġilhom joqogħdu għal dan il-madmad, sa ma mbagħad ma felħux iżommu aktar. Uħud fosthom, fis-saħna u r-rabja li waqqgħuhom fihom dawk lib dew isefsulhom f’widnejhom fehmiet ta’ għira u mibegħda, waslu biex iridu jidħallsu mis-sidien u jaqilbu d-dinja ta’ taħt fuq. Oħrajn, imrobbijin ta’ nsara, ma redux jisimgħu b’dan, għalkemm ma jarwx b’għajnejhom u jmissu b’idejhomli ma tistax tibqa’ sejra hekk u jinħtiġilha din il-ħsara tissewwa, u mill-aktar fis. Min ilumhom, daqskemm sabu ruħhom magħfusin? Ta’ fehma waħda magħhom kien dawk l-insara, qassisin u lajċi, illi minn rajhom u bi mħabba ta’ aħwa, indaħlu minnufih għalihom u ilhom jaħdmu s-snin għall-ġid ta’ dawn l-imsejkna ħaddiema, biex jaraw kif jistgħu jeħilsuhom minn dan l-inkwiet qalil li xejn ma ħaqqhom, għaliex jaraw li xejn ma jaqbel mal-fehmiet t’Alla l-imbierek, li ma jridx il-ġid tad-dinja mqassam bejn il-ftit, u l-kotra l-kbira mċaħħda minn kollox.

Dawn, mela, ħaddmu rashom u għamlu li setgħu biex bil-ftehim tissewwa din il-ħsara, ħalli dan l-inkwiet ma jibqax għaddej sa ma jwaqqa’ d-dinja f’taqliba mill-akbar. Iżda, saħansitra l-aħjar nies, donnhom drabi jitilfu rashom; u fuq hekk, dawk li riedu l-ġid tal-ħaddiema, bdew jgħadduhom ta’ nies li jridu jaqilbu d-dinja ta’ taħt fuq; u, għax tgħid, sa wlied ix-xogħol bdew jeħduha magħhom jew jaħsbuha bil-maqlub tagħhom; u għalhekk ma setgħux ikunu jafu aktar minn liema triq kellhom jgħaddu.

 

F’dan it-taħwid ta’ fehmiet, b’xi waqtiet bi ġlied qalil, kulħadd, bħalma ġara drabi oħra, rafa’ għajnejh lejn Ruma ta’ Pietru, mnejn toħroġ il-kelma tal-fidwa għall-ġid tad-dinja kollha. F’riġlejn il-Vigarju ta’ Kristu fuq l-art, bdew resqin ħwejjeġ kbar ta’ għorrief, ta’ għonja li jħaddmu, u ta’ ħaddiema li lkoll kelma waħda, jitolbuh jindaħal u jara kif jagħmel jurihom it-triq bil-kelma tas-sewwa.

Il-Papa dam żmien twil jaħsibha u jitlob ‘l Alla d-dawl tiegħu, u jistħarreġ nies mill-aqwa li fil-fehma tiegħu kien jinqalgħu għal dan ix-xogħol u ta’ esperjenza kbira; u wara li għarbel u studja sewwa l-fehmiet tagħhom tal-għaqal, fl-aħħar ħass li jeħtieġlu jsamma’ leħnu bħala Vigarju ta’ Ġesù Kristu, li ma tmurx in-nies taħsbu baqa’ sieket u nesa jagħmel id-dmir tiegħu: u tkellem mal-Knisja kollha u mal-bnedmin kollha.

Fuq hekk, nhar il-15 ta’ Mejju 1891, xandar din il-bxara tiegħu mad-dinja kollha, bla xejn ma żammu aktar, u la tfixkil li jista’ jiltaqa’ miegħu jew lanqas is-snin li bdew jagħfsu fuqu,  u għamel il-ħila bla ma jdur la mal-lemin u lanqas max-xellug, u wera lill-bnedmin kollha kif għandhom jinġiebu bejniethom biex joħorġu b’wiċċ il-ġid minn dan it-taqlib li jinsabu fih.

 

It-tagħlim ta’ Rerum Novarum, aħwa għeżież tiegħi u wliedi maħbubin, hu kbir tassew u għalhekk din l-Enċiklika ta’ LjunXIII, qatt ma tista’ tintesa. Bħala r-ragħaj tar-rgħajja, ma felaħx jara dik il-ħsara kollha u dak il-għawġ kbir wisq, ħtija tal-ebusija ta’ qalb ta’ dawk li jagħfsu fuq in-nies tax-xogħol, li huma l-kotra l-kbira tal-bnedmin, u ħareġ b’dik l-ittra li ndaħal hu għalihom, la darba jaf li wħud ma kellhom għajnuna ta’ ħadd, billi dawk li jqabbduhom ix-xogħol jaħsbu għal rashom u jridu kollox għalihom infushom, u jraħħsu fuq xulxin għar-rgħbat al-qligħ. Ljun XIII ħadem bl-akbar għaqal u ħadem b’rasu, mingħajr xejn ma qieshom il-fehmiet tas-soċjalisti jew ta’ xi oħrajn, li dehrilhom li bil-ħila tagħhom kollha sejrin jifdu d-dinja minn din il-ħsara, waqt illi hu bid-dehen tiegħu ra li ma setgħu jagħmlu xejn ħlirf aktar ħsara.

 

Iva, il-Papa bil-jedd kollu tal-Knisja Mqaddsa, u bħala dmir tiegħu ta’ missier, ħa f’idejh dan il-ħsieb; u mill-għoli ta’ fejn jinsab bħala għassa għall-ġid tal-bnedmin kollha, għaraf u għallem lill-għonja u lill-foqra dak li għandu jkun xieraq bejniethom: sa fejn jasal il-jedd ta’ min joħroġ flusu biex iħaddem u ta’ min imidd idejh għax-xogħol ta’ min iħaddmu; u fl-istess ħin uriehom lit-tnejn fejn għandha tindaħal il-Knisja u fejn il-Gvern  u fejn dawk li għandhom x’jaqsmu max-xogħol.

U leħen il-Papa ma marx mar-riħ, għaliex ilkoll laqgħu kliemu u ferħulu għalli qal; u mhux biss dawk ulied il-Knisja li jqumu dejjem il-kelma tiegħu, u bosta oħrajn minn fost ulied il-Knisja li jinsabu mbegħdin mis-sewwa u ħarġu minn ħdanha, imma tista’ tgħid kull min iħabrek għall-ġid tal-oħrajn u saħansitra l-gvernijiet, fehmuha tajjeb kemm it-tagħlim tal-Papa jista’ jiswa għal pajjiżhom.

Fuq kulħadd, iżda, din l-ittra tal-Papa laqgħuha b’għożża kbira l-ħaddiema l-insara, għaliex raw kemm tabilħaqq il-Papa ried il-ġid tagħhom, u nagħhom ferħu dawk l-ulied l-oħra tal-Knisja li kienu ilhom is-snin jitħabtu għalihom biex iġibuhom ‘il quddiem u sad an iż-żmien ma rawx għajr bruda u ma ltaqgħux ħlef mat-tfixkil ta’ min ma kienx jaqbel magħhom. Dawn kollha, iva, żammew mal-Enċiklika Rerum Novarum; u mhux ta’ dan biss, iżda baqgħu dejjem aktar minn sena għal sena jfaħħruha, daqskemm rawha tgħodd għal kulħadd.

Imma oħrajn ħaduha bi kbira wisq; dan it-tagħlim mimli għerf ta’ Ljun XIII, ħadhom għal għarrieda u messhom fil-laħam il-ħaj, għaliex kien bil-maqlub tal-fehmet mgħawġa tagħhom. Oħrajn, imbagħad, ta’ qalbhom żgħira u ta’ bla ħila, għalkemm faħħru r-Rerum Novarum, dehrilhom li mhix sejra ssewwi d-dinja, għaliex mhux lakemm tgħid!

 

Għalfejn, issa din l-Enċiklika l-oħra, meta r-Rerum Novarum ilhom ifaħħruha erbgħin sena? Aħwa għeżież u maħbubin uliedi, jixraq iva li Aħna nitkellmu fuqha, u nfakkrukom fuq il-ġid li għamlet, l-aktar din is-sena li ġejjin kollha l-ħaddiema l-kattoliċi f’din il-Belt imqaddsa tagħna, biex inkellmuhom ukoll fuq xi ħwejjeġ li qalgħu fuqha, u nfehmuhom aktar bir-reqqa fuq xi ħejjeġ oħra tagħha, u ngħarblu xi fehmiet tal-għedewwa tal-Knisja biex xejn xejn nuruhom mnejn ġejja l-ħsara tal-mibegħda tal-bnedmin bejniethom, u li din il-ħsara ma tistax tissewwa ħlief jekk jissewwew il-qalb u l-moħħ tal-bniedem.

                                                                         


 

I

Kemm ġid għamlet ir-Rerum Novarum

Nibdew biex minn qalbna nirringrazzjaw ‘l Alla għall-ġid kbir li ġabitilna din l-Enċiklika ta’ Ljun XIII; għaliex kif iwissina San Ambroġ: “Ma hemmx dmir aqwa milli tgħaġġel trod il-ħajr lil min swielek ta’ ġid.”  U jekk Aħna jkollna nsemmu kemm ġid ħareġ minn Rerum Novarum, jeħtiġilna nfakkrukom fil-ġrajjiet kollha ta’ dawn l-aħħar erbgħin sena.

 

Ljun XIII jibda biex iwissina fuq dak li titlob minna l-Knisja Mqaddsa, b’tagħlim mibni fuq il-Kelma t’Alla, illi jeħtieġ isir il-ftehim fost il-bnedmin bi mġiba tajba bejniethom, u bl-għaqdiet li jmisshom jitwaqqfu bħall-imgħoddi għall-ġid tan-nies tax-xogħol u ta’ kulħadd. Kemm drabi dan it-tagħlim ta’ Rerum Novarum ma tkellmux fuqu Ljun XIII innifsu u l-Papiet l-oħra ta’ warajh! U b’liema ħeġġa ma fissruhiex l-isqfijiet tad-dinja kollha u għallmu fuqha ‘l uliedhom insara, b’fehma waħda mal-Papa!  Bħalhom imxew mal-Knisja ħafna qassisin għorrief u magħhom ħafna lajċi li ħadma b’ħafna ħeġġa biex juru lin-nies tax-xogħold an it-tagħlim talPapa u jfissruhulhom bir-reqqa kollha, biex jistgħu jifhmuh aħjar, għaliex it-tagħlim tal-Knisja hu dejjem wieħed bla ma jista’ qatt jinbidel, imma jeħtieġlu dejjem aktar jixtered biex ikun magħruf minn kulħadd.

 

Bid-dawl li xeħet fuqha LjunXIII bl-Enċiklika tiegħu, twettqet idea oħra nisranija, ġejja dejjem aktar ‘il quddiem u dejjem aktar titjieb b’għerf ġdid, daqskemm ħabirku bla head dawk l-irġiel għorrief u kapaċi, illi min-naħa tagħna nqisuhom ta’ għajnuna kbira għall-Knisja. Għaliex huma dan il-għerf il-ġdia ma jitilqulux jintilef fid-dlam, iżda juruh id-dawl biex jista’ kulħadd jarah, billi jgħallmuh fl-universitajiet kattoliċi u s-seminarji, fis-seminars u fil-kotba li xxerrdu bl-għeluf fuq dan it-tagħlim.

Mhux dan biss hu l-ġid li ħareġ minn Rerum Novarum. It-tagħlim ta’ din l-Enċiklika beda dieħel ħelu ħelu saħansitra f’moħħ dawk li billi jinsabu mbegħdin mill-Knisja, ma jridu jafu xejn biha s-setgħa tagħha; u hekk dan it-tagħlim baqa jixterd fost il-bnedmin ta’ kull gens.Għandna verament għax nifirħux’ħin naraw dan it-tagħlim kattolku, li b’ħiltu kollha xandar danil-Papa ta’ qabilna, jissemma mad-dinja kollha u nies mill-aqwa jħaddnuh; u mhux biss f’kotba u gazzetti miktubin minn xi wħud li mhumiex tal-Knisja tagħna, iżda jissemma saħansitra fil-parlamenti u fil-qrati.

 

U fuq kollox, wara l-Gwerra l-Kbira(1914-1918), dawk li għandhom f’idejhom it-tmexxija tal-pajjiżi, urew ix-xewqa tagħhom li jimxu ma’ dan it-tagħlim biex iġibu l-paċi fid-dinja; u wisq aktar imbagħad kif għandu jiftiehem il-jedd li għandhom il-ħaddiema, u f’bosta ħwejjeġ qablu sewsew mat-tagħlim u mat-twissijiet ta’ Ljun XIII, u tistħajjilhom meħudin minn fuq ta’ Rerum Novarum. Tabilħaqq li jgħoddu għaliha din l-Enċiklika l-kliem ta’ Isaija fejn jgħid li Alla “jgħolli sinjal għall-ġnus.” (Isaija 11: 12).

 

Dan it-tagħlim ta’ Ljun XIII sewa mill-aktar għan-nies tax-xogħol, daqskemm żdiedu bla tarf minħabba li żdied ix-xogħol għalihom bl-industriji l-ġodda, u n-nies fehmitha tajjeb illi l-ħaddiema mhux ta’ min jitlaqhom għal rashom bla ma jqisuhom ftit u xejn iżjed minn xi għodda tax-xogħol. U bit-tħabrik tas-saċerdoti, daqskemm qabżu għalihom, il-ħaddiema għarfu wkoll il-ġieħ li jistħoqqilhom, u kif jistgħu b’ħilithom jiġu ‘l quddiem , u liema jedd għandhom kif ukoll liema huma d-dmirijiet tagħhom. U minn Rerum Novarum ‘l hawn, l-opri u l–istituti tal-karità li twaqqfu għalihom u l-għaqdiet għall-għajnuna ta’ bejniethom żdiedu bil-bosta.

 

U l-Papa fakkar lill-Gvernijiet fuq id-dmir li għandhom li jimxu bil-ġustizzja mal-fqir u l-ħaddiem, u mhux jagħtu wiċċ lill-għonja, li ma jeħtiġuha xejn l-għajnuna tal-gvern, u filwaqt ma jikkalkulaw xejn in-nies tax-xogħol u l-foqra. Mhux li minn qabel Rerum Novarum ma ken hemm ħadd fosthom li ħaseb li jgħin il-nies tax-xogħol; uħud minnhom qabżu għalihom u laħqu ħaduha ma’ min għafashom; iżda, issa, daħħluha f’moħħhom illi jeħtiġilhom jindaħlu, u qabdu jagħmlu li jistgħu għalihom b’liġijiet sodi li jkunu ta’ fejda għall-ħaddiema.

 

Fejn qatt sa ħamsin sena ilu twebblu fil-parlamenti u għaddew liġijiet għall-ġid tal-ħaddiema: għas-saħħa tagħhom u tal-familji tagħhom, billi ħasbulhom għal djar bir-roħs, għal paga, għal korrimenti, f’kelma waħda kemm jeħtiġilhom għall-ħajja tagħhom u l-aktar għal uliedhom n-nisa tagħhom? Għaliex jekk dawn il-liġijiet ma ħarġux dejjem jew kullimkien kif xtaqhom Ljun XIII, ħadd ma jista’ jiċħad illi bosta drabi tistħajjilhom meħudin kelma b’kelma minn Rerum Novarum.

 

Iżda, dan l-għaref Papa, uriehom tajjeb kemm jinħtieġ fuq kollox il-ftehim ta’ bejn min iqabbad in-nies għax-xogħol u l-ħaddiema; u dan jista’ jsir l-aktar bit-twaqqif tat-trejd unjins għalihom u l-għaqdiet ta’ min iħaddem, biex hekk jersqu lejn xulxin bħal aħwa u jistgħu jiftiehmu ħafna aħjar bejniethom. Din tal-għaqdiet, ħaduha bi kbira wisq uħud mill-gvernijiet, għaliex dehrilhom li sejrin isaħħnu xi lifgħa f’ħobbhom, u l-ħaddiema jixxewxu għalihom, filwaqt li kienu jistqarru kemm dawn l-għaqdiet jiswewlhom lill-għonja biex iżommu tagħhom minn fuq! Kemm aktar mela kienu tabilħaqq kellhom bżonnhom il-ħaddiema dawn l-għaqdiet kif riedhom għalihom Ljun XIII, biex b’hekk jistgħu jiqfulhom bis-sewwa lil dawk li riedu jżommuhom taħt il-madmad tagħhom!

Kien hemm ukoll xi gvernijiet insara li għall-ewwel ma għoġbuhomx dawn l-għaqdiet għax ħasbu li sejrin ikunu bħal ħafna bejtiet ta’ soċjalisti. U tgħid il-Papa ma ħasibx f’kollox?

Mhux hu kien li wissiehom lill-ħaddiema, għall-aħjar tagħhom, li jagħmlu l-ħila lil xulxin u jgħixu ta’ nies tar-ruħ, iħobbu l-Knisja u jgħinu lil xulxin bħal aħwa bl-għaqdie ta’ bejniethom, u b’hekk ukoll imorru ‘l quddiem u jiswielhom biex jiksbu xi ħaġa taħt ix-xemx għalihom u għal uliedhom? Mhux hu fehemhom u għallimhom minn liema triq għandhom jgħaddu biex jimxu ‘l quddiem kif xieraq u bis-sewwa t’Alla? U kemm qassisin u lajċi, bil-ħeġġa tal-imħabba t’Alla u tal-ħaddiema, ma ħabirkux kemm setgħu għall-ġid tan-nies tax-xogħol, u b’hekk wittew it-triq għall-aħjar tal-ħaddiema u tal-għonja, u tal-bnedmin kollha? F’kull pajjiż, imbagħad, il-ħaddiema ngħaqdu bejniethom kif l-aktar dehrilhom jaqbel mal-fehmiet tagħhom, u fil-ħin mat-twissijiet ta’ Rerum Novarum li jgħoddu aktar għal pajjiżhom. Ngħidu aħna xi wħud fosthom ngħaqdu fi trejd unjins biex jiksbu l-qligħ li jmisshom bis-sewwa fix-xogħol li jidħlu għalih; oħrajn ħasbu għal għajnuna lil xulxin fix-xogħol, fil-mard, fil-qgħad u fix-xjuħija; waqt li oħrajn ħasbu biss għall-ħwejjeġ spiritwali.

Dawn l-aħħar għaqdiet li semmejna, twaqqfu l-aktar fejn il-liġijiet ta’ pajjiżhom, jew in-nuqqas ta’ xogħol, jew it-taħsir tal-moħħ u tal-qalb, ħagħlithom jifhmuha illi mingħajr is-saħħa tal-kotra ma jifilħux jeqfulhom lil sħabhom ta’ rashom sħuna, u bħala nsara sabu ruħhom fi tfixkil mill-akbar. U fuq hekk, ħassew il-ħtieġa li saħansitra jingħaqdu ma’ trejd unjins mhux tal-istess ħsieb tagħhom, iżda bil-fehma min-naħa tagħhom jibqgħu jżommu mal-ħaqq u s-sewwa, bla ma jindaħlulhom fit-twemmin ta’ nsara li huma. Iżda, jibqa’ f’idejn l-isqfijiet li jħallu jew le lill-ħaddiema nsara jidħlu ma’ dawn it-trejd unjins, u meta jaraw li dawn il-ħaddiema ma jistgħux jagħmlu ieħor, għalkemm ma jeqfux ma jwissuhomx li jibqgħu dejjem b’għajnejhom miftuħa u jaħsbulhom għall-aqwa ġid spiritwali tagħhom, kif semmielhom il-Papa Piju X f’Enċiklika minn tiegħu. Fost ħwejjeġ oħra, u fuq kollox, hu xtaqhom iwaqqfu għaqdiet għat-tagħlim nisrani tagħhom, bbarra milli jiswa lilhom, ikunu jistgħu ixerrdu fost sħabhom tat-trejd unjins iż-żerriegħa t-tajba

Xi ngħidu wkoll għall-għaqdiet l-oħra tal-bdiewa u ta’ nies oħra tax-xogħol li ngħaqdu bejniethom biex isaħħu lil xulxin għall-ġid tagħhom u ta’ wliedhom?

Imma issa jkollna nistqarru illi għalkemm l-għaqdiet tal-ħaddiema żdiedu kullimkien wara li ħarġet Rerum Novarum, l-għaqdiet l-oħra tas-soċjalisti kotru bil-wisq aktar, u fuq ma jifilħux għalihom. Barra minn hekk, Ljun XIII wera x-xewqa u ħabrek kemm seta’ biex dawk li jħaddmu u joħrġu flushom għall-industriji, jingħaqdu wkoll bejniethom; imma dawn, sfortunatament, baqgħu lura u ma seħħux, mhux għaliex kieku naqas minnhom, imma minħabba ħafna tfixkil ieħor li laħaq inqala’, u Aħna nafu fiex isibu ruħhom u nagħdruhom. Madankollu, aħna għandna tama sħiħs illi biż-żmien, u ma jdumx, dan it-tfixkil jista’ jitwarrab, għaliex diġà bdejna narawhom mexjin ‘il quddiem, u xi daqsxejn ta’ ġid Aħna narawh ukoll, u nifirħu minn qalbna.

 

L-Enċiklika Rerum Novarum ta’ Ljun XIII, hija tabilħaqqa il-Magna Carta tal-insara tad-dinja kollha; fiha jinsab niġbur kulma jiswa għall-ġid ta’ kulħadd, ħaddiema foqra u għonja; qisuha mera tad-dinja kif tinsab illum; fiha, nistgħu ngħidu, jinsab miġbur it-tagħlim kollu tal-Vanġelu, għaliex minn dan l-ilma tal-ħajja mela dan il-Papa biex jara kif isewwi l-ħsara jew għallinqas itaffiha. Din iż-żerriegħa mxerrda bil-kotra madwar erbgħin sena ilu, waqgħet fuq ħamrija għammiela, għaliex il-ħsad lib l-għajnuna t’Alla ġabret il-Knisja Mqaddsa sewa ta’ ġid għal kulħadd.

Issa b’daqshekk? Tiltaqa’ ma’ wħud li jgħidulek li m’hemmx għalfejn dan it-tifħir u dan l-għaġeb kollu fuq li Rerum Novarum għalqet l-erbgħin sena tagħha! Dawn in-nies bħal iwarrbuha u jqisuha bħala xi ħaġa ta’ siwi żgħir, billi ftit li xejn jifhmuh it-tagħlim tagħha; jew inkella ma jridux jifhmuh, u juru l-ebusija ta’ qalb imħassra.

 

Imma tul dawn l-erbgħin sena tagħha, kemm għaliex iż-żminijiet tbiddlu, u kemm għaliex xi ħwejjeġ tat-tagħlim ta’ Ljun XIII, saħansitra fost l-insara kien hemm min ma fehemhomx u anki argumentaw bejniethom kif dan jew dak it-tagħlim imissu jiftiehem, jidhrilna li għandna issa infissruhulkom Aħna, u sejrin nagħmluh bil-milja tas-setgħa Tagħna ta’  Papa, u nibqgħu nafuhulkom minn qalbna lilkom ilkoll.[1]


 

II

Kif tidħol is-Setgħa tal-Knisja

Imma, qabel xejn ma nitrattaw fuq dak li għedna qabel, tridu tifhmuha tajjeb, kif saħaq il-Papa Lun XIII, illi Aħna għandna jedd sħiħ u fl-istess ħin id-dmir li ngħallmu kull ma jista’ jkun ta’ ġid għal ulied il-Knisja. Mhux id-dmir tal-Knisja li tindaħal fil-ħwejjeġ tad-dinja u tmexxihom hi, iżda fil-ħwejjeġ spiritwali li jibqgħu għal dejjem; u fuq kollox l-Knisja ma jidhrilhiex li għandha tindaħal fihom għaliex anqas biss jixirqilha tagħmlu b’mod ħafif. Iżda, imbagħad anqas tista’ ma tindaħalx fejn Alla jridha bis-setgħa li taha Hu nnifsu, basta mhux fil-ħwejjeġ tad-dinja, illi għalihom la tinqala’  jew għandhom x’jaqsmu max-xogħol tagħha imma f’dawk il-ħwejjeġ li fihom għandha x’taqsam il-ħajja spiritwali ta’ wliedha. Għaliex Alla fdalna f’idejna il-verità tiegħu biex Aħna ninqdew biha biex inwasslu, infissru u mmexxu kull meta naħsbu li hu ta’ ġid, fi żmienha u barra minn żmienha, il-liġi tal-ispirtu; u għalhekk Aħna jinħtiġilna nindaħlu fil-ħwejjeġ tad-dinja meta jkollhom x’jaqsmu mal-ħajja spiritwali. Għaliex għalkemm l-ispirtu u d-dinja għandhom toroq differenti minn xulxin, ma jista’ qatt jingħad li ma għandhom x’jaqsmu xejn ma’ xulxin, jiġifieri li l-ħwejjeġ tad-dinja m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-ħajja tal-ispirtu. Għaliex imqar bl-intellett li Alla ta lill-bniedem, jista’ dan il-bniedem jinduna illi l-ġid u l-għaqal tal-moħħ li Hu żejnu bih, ħalaqhomlu Hu biex ikunulu ta’ għajnuna għall-ħajja tal-ġisem u tar-ruħ. Għaliex l-ispirtu jġagħalna nfittxu li ngħixu sew, u fl-imġiba tagħna nkunu xhieda ħalli fl-aħħar mill-aħħar ikun ta’ ġid għal kulħadd, bix nistgħu nirbħu l-aqwa ġid fuq il-ġid kollu, l-imħabba ta’ dak Alla li ħalaqna u kulma jinsab fid-dinja.

  1. Kulħadd tiegħu, tiegħu

Insemmu issa ħaġa b’ħaġa, u nibdew fuq li kulħadd għandu d-dritt fuq il-propjetà tiegħu.

Intom tafu, aħwa għeżież u maħbubin uliedi, kemm il-Papa Ljun XIII saħaq b’qawwa fuq dan id-dritt li kulħadd tiegħu tiegħu, bil-maqlub tal-idea tas-soċjalisti ta’ żmienna – u wriena kemm hu minnu illi jekk tneħħi d-dritt tal-bniedem fuq il-propjetà tiegħu, mhux talli l-ħaddiema ma jmorrux tajjeb imma talli jispiċċaw ħażin wisq. Imma, la darba għadu wieħed jiltaqa’ ma’ dawk li jeħduha kontra l-Papa u l-Knisja u jigdbu fuqhom u jsostnu illi kemm qabel u kemm fi żmienna, il-Papa u l-Knisja jżommu mal-għonja u ma jistmawx lill-ħaddiema u saħansitra ssib xi nsara li għadhom ma fehmux sewwwa x’ried jgħallem il-Papa Ljun XIII bir-Rerum Novarum,  dehrilna li Aħna għandna nfissru dan it-tagħlim tagħha u nuru l-qawwa u l-għerf tat-tagħlim tiegħu, li hu tagħlim tal-Knisja kollu kemm hu.

L-ewwelnett la l-Papa Ljun XIII u lanqas l-għorrief tal-Knisja li fissru dan it-tagħlim tal-Knisja, qatt ġie f’moħħhom illi dak li wieħed għandu b’tiegħu mhux propjetà tiegħu u jista’ jinqeda bih kif jidhirlu hu: ilkoll minn dejjem għallmu illi l-jedd fuq il-ġid illi wieħed għandu hu jedd ġej minn Alla nnifsu, biex hekk kull bniedem jista’ jinqeda bih kif jeħtieġlu għalih innifsu u għal niesu, għaliex kemm ġid Alla ħalaq, ħolqu biex nistgħu verament nindew bih għal skop tajjeb. Issa biex dan jista’ jsir kif irid Alla, wieħed għandu jkun jaf it-triq mnejn għandu jgħaddi. Għaliex jekk wieħed jiċħad li ħadd ma jista’ jkollu ebda ġid li jkun tiegħu u jagħmel bih li jidhirlu li hu l-aħjar għalih u jinsisti li kollox hu ta’ kulħadd, dan jkunx jaħsibha ta’ nisrani; din hi idea mgħawġa li ġġib ħafna ħsara lid-dinja.

Jeħtiġilna mela ntennu mal-Papa Ljun XIII u nifhmuha sewwa, illi kull bniedem, ħwejġu ħwejġu, iżda mbagħad jgħix u jħalli lil min jgħix: jiġifieri ma jmissx ħwejjeġ ta’ ħaddieħor u jinqeda bil-ġid li għandu kif irid Alla. Anqas jista’ bniedem iħarrek bniedem ieħor quddiem imħallef biex iġagħlu jagħtih sehem milli għandu, billi jaħseb li ħaddieħor għandu aktar milli jeħtieġlu jew għaliex jara li dan il-ġid żejjed qiegħed imur fil-ħala, għaliex tiegħu jibqa’ tiegħu u ħadd na jista’ għal daqshekk jiċħadhulu. Sewwa mela jagħmlu u ħaqqhom kull tifħir, dawk li jindaħlu bil-ħsieb li jfissru x’inhu xieraq u safejn għandu wieħed jedd fuq ħwejġu, kif minn dejjem ħasbitha u għallmet il-Knisja u mhux kif xi wħud iridu jxerrduha biex iqarrqu bin-nies, u fl-istess ħin isejħu lilhom infushom insara!

  1.  Is-Setgħa tal-Gvern.

Biex niftiehem sewwa, irid wieħed jaħseb fih innifsu u fil-familja tiegħu bil-ġid li għandu, bla ma jinsa d-dmirijiet tiegħu lejn kulħadd, għad li fuq hekk ħadd ma jista’ jindaħallu, u wisq anqas jista’ wieħed iġagħlu jħallat u jaqsam mal-oħrajn. Jista’, madankollu, il-Gvern jindaħal b’xi liġijiet tiegħu bla ma jonqos b’daqshekk lil-liġi t’Alla, sakemm jara lid an jeħtieġ għall-ġid ta’ kulħadd. U dan ried ifisser Ljun XIII fejn fir-Reum Novarum semma illi Alla reħa f’idejn il-bnedmin, bil-għaqal li tahom, u lill-gvernijiet bil-liġijiet f’pajjiżhom, ifissru huma safejn wieħed ikollu dritt għal ħwejġu. Għaliex tabilħaqq kulħadd kif jifhimha, sew kif konna fissirna Aħna wkoll meta għedna erba’ snin ilu, illi t-tifsir tal-jedd li wieħed għandu fuq il-propjetà tiegħu jinbidel minn żmien għal żmien! Tibda minn żminijiet il-ġnus il-ħorox u s-slavaġ, fejn għadhom uħud b’dik l-idea sal-lum; imbagħad naslu fi żmien il-patrijarki; warajhom laħqu slaten b’rajhom f’idejhom jagħmlu li jridu bla ma jista’ ħadd imerihom; u iktar tard ġew is-slaten kif nafuhom illum. Iżda, lanqas ma jista’ l-gvern  jindaħal kif ifettillu: bħal, mgħidu aħna, ma għandu ebda jedd li ma jħallix lill-bniedem li għandu l-propjetà tiegħu iħalliha b’wirt għal wara mewtu; ebda gvern ma jista’ jindaħallu f’dan, għaliex il-bniedem laħaq qabel il-gvern, u l-familja tiegħu laħqet minn qabel l-għaqda tal-familji li jgħixu fl-ibliet.

Kien għalhekk li l-Papa Ljun XIII bil-għaqal tiegħu wissa lill-gvernijiet li ma għandhomx il-jedd jagħfsu żżejjed b’taxxi ibsin  ħafna u b’hekk iġibu fix-xejn il-ġid li l-bniedem għandu. B’danakollu meta l-gvernijiet jindaħlu bis-sewwa u bil-ġustizzja għall-ġid ta’ kulħadd, mħgħandhomx fuq hekk jissejħu għedewwa tal-pajjiż, imma ħbieb ta’ min għandu xi ħaġa taħt ix-xemx, u jitqiesu bħala strumenti f’idejn Alla biex b’hekk kulħadd jibqa’ tiegħu u ma tikbirx il-ħsara, jew iż-żejjed tal-pajjiż jintilef waqt li Alla ħalaq kollox għall-ġid ta’ kulħadd. Meta l-gvern iżomm ruħu u jimxi tajjeb, ikun qisu bħala għassa tal-ġid ta’ kull wieħed, fl-istess ħin kulħadd jaf fejn hu miexi

  1.  Dmir ta’ min għandu ż-żejjed       

Imma issa nirreferu għaż-żejjed li wieħed jista’ jkollu matul is-sena, għax iż-żejjed tar-renta tiegħu wieħed m’għandux jagħmel bih li jrid għal kollox.Wara li jinqeda għall-ħajja, għad-dar, u b’kemm jeħtieġlu biex iżomm ruħu talli hu, dak li jibqagħlu żejjed ma jistax jagħmel bih li jrid għal kollox. Filfatt l-Kotba Mqaddsa u l-kitbiet tal-għorrief tal-Knisja jisħqu ħafna li l-għonja jeħtieġ jaħsbu għall-għajnuna tal-fqir u tal-imsejken, u jiftħu jdejhom bla ma joqogħdu jaħsbuha u jagħtu milli għandhom bla ma jiddejqu.

  1. Kif oġġett isir tagħna

L-ewwelnett oġġett jista’ jsir tagħna minn ras il-għajn, bħal min jiġih f’idejh l-ewwel, ngħidu aħna art jew oġġetti oħra bla ma laħaq sabhom ħaddieħor, jew dak li jikseb bil-qligħ ta’ jdejh jiġifieri bil-ħila tiegħu meta jaħdem għal rasu: dan kien hekk minn dejjem u hekk għallem ukoll Ljun XIII. Jistgħu jgħidu li jridu, għax ebda ħsara ma jagħmel lil għajru jekk dak li jkun iżomm għalih dak li mhu ta’ ħadd jew ħadd ma għandu jedd fuqu. Il-ħaddiem m’għandu l-ebda jedd fuq ix-xogħol li jħallsuh għalih; imma l-qligħ ta’ fuq ix-xogħol li jaħdem għal rasu u jġibu jiswa aktar bil-ħila tiegħu, dan propjetà tiegħu.

  1. Kapital u Xogħol

Imma hi kwistjoni oħra meta ħaddiem jagħti x-xogħol liul min iħaddmu. Għall-ħaddiema fir-Rerum Novarum, Ljun XIII jgħid hekk: “B’xogħol il-ħaddiema jistagħnew il-pajjiżi.” Tabilħaqq, mhux jaqaw bix-xogħol ta’ jdejhom li kiber l-għana, ukoll meta bdew jinqdew bil-magni, ladarba mingħajrhom anqas il-magni ma jaħdmu? U minn dejjem kien hekk: ebda nazzjon ma sab ruħu fil-wisa’ u fix-xaba’ u stagħna u kiber, mingħajr it-taħbit tan-nies kollha tiegħu, sew ta’ dawk li jħaddmu u kemm ta’ dawk li jaħdmu. B’danakollu, dan ix-xogħol u t-taħbit kollu kien jintilef u jispiċċa-xejn, jew anqas biss seta’ jiġihom f’moħħhom, li kieku Alla, li ħalaq kollox, ma ħasbilhomx  mill-ewwel bil-ġid kollu li tagħti l-art, b’dak li hemm moħbi fiha u b’li jista’ jsir bih.Għaliex fl-aħħar mill-aħħar x’inhu x-xogħol ħlief li wieħed jinqeda bis-setgħa tar-ruħ u bil-qawwa tal-ġisem b’dawn il-ħwejjeġ li tagħtih l-art u bl-għaqal kollu jinqeda bihom? Biex kollox mela jimxi kif irid Alla, huwa xieraq illi dan il-ġid kollu jitqassam lil min imissu. Minn hekk ġej illi jekk bniedem ma jaħdimx għal rasu u bi ħwejġu, jeħtieġlu jaqsam ix-xogħol tiegħu ma’ ħwejjeġ ħaddieħor, għaliex wieħed mingħajr l-għajnuna ta’ sieħbu, jigġu qishom ġisem bla ras. Hekk ried jgħid Ljun XIII meta fir-Rerum Novarum kiteb hekk: “Il-Kapital ma jgħaddix mingħajr ix-Xogħol, u lanqas ix-Xogħol mingħajr il-Kapital”. Għħalhekk mhix kelma f’waqtha meta wieħed imur jgħid illi t-tħabrik tal-wieħed u tal-ieħor imiss lil wieħed biss; jew anqas hi ħaġa sewwa illi wieħed jgħidli sata’ jgħaddi mingħajr l-ieħor, u li l-ieħor m’għamel xejn, biex hekk ikun irid iżomm il-qligħ kollu għalih innifsu biss.

  1. Mhux il-qligħ kollu jistħoqq lil-Kapitalist.

Għal żmien twil hekk għamel il-kapitalist, żamm għalih iż-żejjed fuq li żejjed, ried kollox għalih, ried il-kapital u l-imgħax, u lill-ħaddiem lanqas biss ħallieh jgħix, għaliex bilkemm kien iħallsu tax-xogħol ta’ jdejh: il-qkigħ kollu kien imur għall-għonja, u l-ħaddiema kien ikollhom jibqgħu jgħixu fil-faqar u fl-għaks, kemm kemm ma jmutux bil-ġuħ; għaliex, għalkemm mhux dejjem jew lanqas il-pajjiżi kollha mxew ma’ dan it-tagħlim ta’ Manchester fejn bdew iħaddmu l-ħaddiema għall-ewwel darba fuq il-magni, ftit jew wisq hekk kienet is-sistema kullimkien. Bosta nies ħaduha bl-aħrax kontra dawn il-fehmiet mgħawġa; u mhux biss dawk li sabu ruħhom imċaħħdin mill-jedd li kellhom li jtejbu l-livell ta’ għajxien tagħhom.

  1. Mhux kollox lanqas jistħoqq lill-Ħaddiem

B’danakollu, imbgħad oħrajn li qabżu għall-ħaddiem, ħarġu b’ideat bil-maqlub tal-oħrajn u mgħawġin daqs tagħhom: dawn ħarġu bl-idea illi l-qligħ kollu, barra milli jeħtieġ għat-tiswija tal-magni u l-ispejjeż l-oħra, imiss bil-jedd kollu lill-ħaddiema. Issa din l-idea, illi hi agħar minn ta’ dawk is-soċjalisti li jridu kollox f’idejn il-gvern, iħħib ħsara wisq akbar, għaliex bħal xejn jaċċettaha min ma joqgħodx iqis l-affarijiet.

  1. Kif l-aħjar isir it-tqassim tal-ġid

Biex ma jitqarraqx b’dawn l-ideat li jbiegħdu l-ġustizzja, għandu jiftakar fil-kliem mimli għerf ta’ Ljun XIII: “L-art ukoll jekk kienet maqsuma fost il-bnedmin kollha, tibqa’ dejjem tagħti l-prodotti tagħha biex bihom jgħix kulħadd,” għaliex kulħadd jgħix minn dak li tagħti l-art. Aħna wkoll irreferejna għal dan meta għedna illi t-tqassim tal-ġid hemm bżonnu biex il-ħolqien kollu jieħu sehem fl-għajxien tal-bniedem.

Għaliex mhux billi wieħed jgħid illi l-ġid tad-dinja messu tqassam hekk u hekk, għax Alla biss jaf kif dan għandu jsir biex kollox jimxi skont ir-rieda tiegħu. Dan il-ġid, li kull ma jmur qiegħed dejjem jikber, irid jitqassam fost il-bnedmin, fost il-kbar u  ż-żgħar, l-għani u l-ħaddiem, ħalli jkun jiswa ta’ ġid għal kulħadd, kif jgħallem Ljun XIII: b’din l-idea li turi s-sewwa magħruf, għaqda waħda m’għandhiex għaliex tiċħad lil oħra is-sehem li jmissha tal-qligħ. Tabilħaqq jiksru l-liġi mqaddsa t’Alla kemm l-għonja lijidhrilhom li l-qligħ kollu jmiss lilhom; u kemm il-ħaddiem li jidhirlu li l-qligħ li jġib ix-xogħol, imiss lilu biss, billi x-xogħol ta’ jdejh hu tiegħu waħdu. Meta jxewxu lill-ħaddiema li jsibu ruħhom magħfusin sew mill-kapitalisti, jitilfu r-raġuni u jkunu jridu kollox għalihom u jqumu bl-aħrax kontra min għandu l-flus, ġiebu min fejn ġiebu la darba ma qalgħux bil-ħidma ta’ jdejh. Għaliex saħansitra jikkwotaw lil San Pawl biex isaħħu l-ideat tagħhom, imma fejn jgħid  illi “Min ma jaħdimx ma għandux jedd jiekol” ma għandu x’jaqsam xejn. San Pawl, dan jgħidu għal min ma jridx jaf bix-xogħol għalkemm jiflaħ għalih u jmiss jmidd idejh għalih; u jwiddibna kif hu xieraq illi ż-żmien li jkollna s-saħħa tal-ġisem u tal-moħħ ninqdew bihom, u mhux irridu lil ħaddieħor jitwikka bina meta aħna nistgħu naħdmu għalli jiħtiġilna għall-ħajja. Ma ried ifisser bl-ebda mod illi x-xogħol tal-idejn  biss jagħtina d-dritt għall-għajxien u għas-sehem tal-qligħ li jġib ix-xogħol. (2 Tess, 3: 8, 10)

Kull klassi ta’ nies għandha d-dritt li jkollha s-sehem li jmissha; u t-tqassim tal-ħwejjeġ li ħalaq Alla, irid isir ki titlob il-ġustizzja, biex igawdi kulħadd. U jmissu kulħadd jiftaħ għajnejh u jinduna illi kif sejrin l-affarijiet, li l-ftit għandhom iż-żejjed u l-kotra l-kbira tgħix fil-faqar u l-għaks, l-iktar minħabba t-taqlib kollu li fih tinsab id-dinja.

  1. Il-fqir ukoll jeħtieġ li jimxi ‘l quddiem.

Dan tabilħaqq kien il-Papa Ljun XIII jixteqilhom lill-ħaddiema u lill-foqra, illi kulħadd jagħmel il-parti tiegħu biex inġibuhom ‘il quddiem. Għalhekk Aħna nħossu l-ħtieġa illi llum nsemmulkom fuq hekk, billi dak li hu qal għalihom, aktarx in-nies insewh jew għax riedu jinsewh jew daħħluha f’rashom illi dak li wissiena bih, ma seta’ jseħħ qatt.; għalkemm mhux talli ma setax isir, iżda kien jeħtieġ isir. U għad li fi żmienna, il-faqar u l-għaks ma għadux bħal dak ta’ erbgħin sena ilu, u

l-ħaddiem mexa ‘l quddiem f’diversi affarijiet, l-aktar fl-ibliet il-kbar, billi l-magni żdiedu kullimkien u sal-aħħar trufijiet tad-dinja, il-ħaddiema sabu ruħhom bla xogħol; u mhux huma biss imma bħalhom saħansitra dawk li jaħdmu r-raba’, bla ma għandhom ebda tama li jmisshom l-iżgħar sehem minnu, u l-krib ta’ dawn l-eluf ta’ nies tela’ s-sema u jiġbed fuq l-art is-saħta.

Għalkemm hu minnu illi bejn il-faqar u l-għaks hemm differenza kbira, daqshekk ieħor minnu illi bla għadd huma dawk li jfittxu jaqilgħu għall-ħajja bix-xogħol ta’ jdejhom u ma għandhomx daqsxejn ta’ toqba fejn idabbru rashom, waqt illi tgħoddhom dawk li jgħumu fil-ġid. Minn fejn hu ġej dan kollu, meta l-magni sejrin dejjem u jarmu mitt ġid, ħlief għaliex it-tqassim ta’ dan il-ġid kollu mhux qiegħed kif irid Alla fost il-gruppi kollha ta’ nies?

Jeħtieġ, mela, li l-kapitalisti jdaħħluha f’rashom illi lill-ħaddiema mil-lum ‘il quddiem jagħtuhom li ħaqqhom mill-qligħ li jkollhom bix-xogħol tagħhom, mhux kollox jispiċċa taħt idejn l-għonja. U l-ħaddiem, bli jmissu minn dan il-qligħ, mhux bl-iskop li jieqaf għal kollox mix-xogħol tiegħu (għaliex il-bniedem jitwieled għax-xogħol tiegħu bħal għasafar bil-ġwienaħ biex jittajru), iżda biex bil-mod il-mod jixtri jew itella’  daqsxejn ta’ post fejn joqgħod, għall-ġid tiegħu u tal-familja tiegħu, barra l-ħobżna ta’ kuljum. B’hekk ikollu moħħu mistrieħ għal xjuħitu u għal martu u għal uliedu.

Dawn kienu l-prinċipji tar-Rerum Novarum; Ljun XIII ma nħebiex wara subgħajh. Min-naħa tagħna, Aħna naqblu miegħu għal kollox b’din l-Enċiklika Tagħna; għaliex, jekk mhux mill-aktar fis, wieħed ma jħabrikx u jagħmel dmiru, jeħtieġ kulħadd jifhimha illi jekk is-sitwazzjoni tibqa’ sejra hekk,Aħna konvinti li ma għandux għalfejn wieħed illi d-dinja tibqa’ ma tmurx mill-ħażin għall-agħar.

  1.  Kif l-aħjar għandhom jitħallsu l-ħaddiemaż

Għaliex kif jistgħu qatt il-ħaddiema jfaddlu ftit flus, jekk mhux bix-xogħol ta’ jdejhom u l-għaraq ta’ ġbinhom? Għalkemm għandhom jiftiehmu minn qabel ma’ min iħaddimhom kemm għandhom jitħallsu tax-xogħol, xieraq ukollli jdaħħluhom fejn jistgħu f’xi sehem żgħir tal-qligħ li waqt li jaqbel lilhom ikun ta’ ġid ukoll għal min iqabbadhom ix-xogħol.

a)    L-ewwelnett, jeħtieġ li l-ħaddiem jitħallas li jkun biżżejjed għall-ħajja tiegħu u għall-familja.Għaliex, għalkemm jixraq li martu u wliedu jagħmlu l-parti tagħhom ukoll, l-aktar fil-biedja, fis-snajja’ u fil-ħwienet iż-żgħar, ma jiswiex illi wieħed iħaddem it-tfal iż-żgħar jew lanqas in-nisa aktar milli jifilħu. Wisq anqas imbagħad l-ommijiet li jridu jaħsbu għat-trobbija ta’ wliedhom u jlaħħqu mad-dar: dawn qatt ma jmisshom jaħdmu barra mid-dar biex iżidu ma’ dak li jaqla’ żewġhom ħalli jlaħħqu mal-ħajja. Għalhekk jeħtieġ ħafna illi min għadu jrabbi t-tfal, ikun imħallas b’mod li jlaħħaq għall-familja tiegħu. Jekk dan għadu ma jistax isir, jeħtieġjibda bla telf ta’ żmien; jeħtieġ illi din il-ħsara tissewwa u kull ħaddiem jitħallas kif jixraqlu. Nafu, iva, illi hemm xi wħud li qed jaħdmu b’dan l-iskop, u ħaqqhom kull tifħir għat-tħabrik tagħhom sabiex iġibu l-affarijiet jaħdmu sewwa għall-ġid tal-ħaddiema mgħobbijin bil-familja.

b)    Jekk min iħaddem ma jiflaħx iħallas lill-ħaddiema tiegħu kemm ħaqqhom,     wieħed irid jara jekk dan hux ġej mill-fatt li dak li jkun ma jinqalax għax-xogħol jew jekk ma jistax jinxi ‘l quddiem għaliex irid jinqeda b’għodod ta’ żminijiet oħra, jew jekk għandux min jaf imexxilu, għaliex minħabba f’hekk m’għandux jeħel il-ħaddiem u tonqoslu l-paga. Imma jekk imbagħad mhix ħtija tal-prinċipal li ma jaqlax biżżejjed biex iħallas lill-ħaddiema kemm ħaqqhom, jew għaliex hu jsib ruħu magħfus minn oħrajn li jistgħu jbigħu jew iridu jbigħu orħos minnu biex jeħdulu x-xogħol minn taħt idejh, u hekk ikollu jbigħ bit-telf, il-ħtija kollha taqa’ fuqhom, billi huma l-kawża tal-ħsara lill-ħaddiema tiegħu, u jġagħluh inaqqsilhom mill-paga. Mela, xieraq illi sew min iħaddem u sew min jaħdem jagħmlu l-almu tagħhom u jiftiehmu bejniethom biex iwarrbu dan it-tfixkil, u tajjeb li hawn tindaħal il-liġi biex tgħinhom għall-ġid ta’ kulħadd. Iżda, fuq kollox, jeħtieġ il-ftehim ta’ aħwa bejn min iħaddem u min jaħdem , u l-imħabba nisranija.

c)    Biex il-ħaddiem jista’, kif semmejna, jixtri xi ħaġa tal-bini jew tar-raba’ bil-qligħ tax-xogħol ta’ jdejh, jeħtieġ ukoll, barra milli jitħallas kif xieraq, li ma jonqoslux ix-xogħol.Għaliex mhux billi togħla jew tonqos il-paga, billi sew jekk togħla żżejjed jew tonqos iżżejjed, jaf f’daqqa waħda jonqos ix-xogħol. Kulħadd jaf illi jekk jonqos ix-xogħol għal żmien twil u kullimkien, kif saħansitra diġà rajnieh Aħna, issir ħsara kbira: għaks u tiġrib għall-ħaddiem bla xogħol, ħsara għall-pajjiż, u taqliba sħiħa fid-dinja. Ħażin ferm jagħmlu dawk li jgħollu jew inaqqsu l-paga lill-ħaddiema għall-iskop ta’ moħħhom u għall-qligħ tagħhom biss, bla ma jfittxu l-ġid komuni.Għalhekk jeħtieġ il-ftehim ukoll fuq il-prezzijiet tal-prodotti tar-raba’ u tal-oġġetti li jsiru bil-magni, għaliex dan jgħin ħafna biex il-pagi jitħallsu skont ma ħaqqu l-ħaddiem għax-xogħol tiegħu, u hekk kulħadd ikun jista’ jgħix komdu b’dak li Alla jqassam bix-xaba’ minn wiċċ l-art għal kulħadd, u bil-għajnuna tiegħu bil-magni fl-industriji wkoll. U bis-saħħa t’hekk, meta wieħed ikollu moħħu mistrieħ għall-ħajja, jiswielu ta’ ġid kbir ukoll għal ruħu.


 

III

Biex id-dinja timxi ‘l quddiem

Wara li fissirna fuq kif xieraq li jsir it-tqassim tal-ġid tal-ġid fid-dinja u fuq il-pagi tal-ħaddiema, f’Rerum Novarum insibu tagħlim mill-aqwa fuq kif għandna nimxu fil-ħajja tagħna mat-tagħlim tal-Evanġelju mqaddes.

Għalkemm wieħed jinnota li xi affarijiet irranġaw, jeħtieġ nibqgħu mexjin ‘il quddiem bla ma nieqfu; biex niftiehmu, hemm bżonn issa li nitkellmu fuq il-Gvernijiet u fuq il-ħajja spiritwali.

Nibdew biex ngħidu, illi t-tama Tagħna mhix kollha filli jindaħal il-Gvern u jindaħal f’kollox: fl-imgħoddi kollox kien imqassam u kull grupp ta’ nies kien jiftiehem m’ieħor, u kollox kien jimxi ħarir, waqt illi llum tista’ tgħid il-Gvern ħa kollox f’idejh, u donnu kollox waqa’ f’idejn ftit minn nies.

Billi fi żmienna kollox inbidel u żviluppa, jeħtieġu għaqdiet ħafna akbar biex imexxu d-dinja. Iżda, daqskemm mhux sewwa li wieħed jieħu minn idejn l-għaqdiet iż-żgħar dak ix-xogħol li setgħu jagħmluh għal rashom, biex ħaduh taħt idejhom oħrajn aqwa minnhom, daqshekk ieħor mhux u tal-akbar ħsara, li jitwarrbu minn idejn l-għaqdiet iż-żgħar dak li setgħu imexxu huma bla ħsara ta’ ħadd. U dan ma jista’ jiċħdu ħadd, għaliex li jista’ jagħmel il-bniedem minn rajh, wieħed għandu jgħinu biex imur ‘il quddiem, u mhux saħansitra jmur il-Gvern jaħtafulu minn idejh biex jikkontrollah hu. Il-Gvern imissu jgħin lill-industriji ż-żgħar  jimxu ‘l quddiem u filwaqt li huma jistgħu javvanzaw bla ħafna tfixkil, il-Gvernijiet jimxu ‘l quddiem u s-setgħa tagħhom tissaħħaħ dejjem.

 

Ftehim bejn klassi ta’ nies u oħra.  Sewwasew dan hu l-aqwa dmir tal-Gvern u ta’ kull min hu għaqli, illi jaraw kif jagħmlu u jġibu ftehim bejn klassi ta’ nies u dawk ta’ klassi oħra. Fuq hekk il-Gvern imissu bil-liġijiet tiegħu jerġa’ jwaqqaf l-għaqdiet ta’ kull sengħa jew xogħol separati, għaliex kif jinsabu llum imħalltin flimkien, waħda jaqblilha ħaġa li ma taqbel xejn lill-oħra, ma jistgħu qatt jiftiehmu bejniethom u mix-xejn jinqala’ t-taħwid u l-mibegħda. Fuq hekk, sewwa qal Ljun XIII f’Rerum Novarum, illi x-xogħol mhux xi għodda u l-ħaddiem jeħtieġ jġib ruħu ta’ bniedem li hu, u mhux ta’ għodda li tinbiegħ u tunxtara għal kull ħaġa ta’ xejn.

Iżda s-sitwazzjoni hi li hemm firda bejn ix-xogħol u n-nies li jidħlu għalih, għaliex min jiġġebbed minn hawn u min jiġġebbed minn, qisu suq tax-xogħol. Din il-ħsara, li kważi farrket id-dinja, tista’ tissewwa biss jekk jerġgħu jitwaqqfu l-għaqdiet li semmejna: kull klassi ta’ nies skont is-sengħa u x-xogħol tagħhom. Bosta nies għorrief jidhrilhom li għallinqas hemm bżonnhom ħafna biex id-dinja tagħmel progress kif għandu jkun. Ir-rabta bejn bejn min iħaddem u bejn il-ħaddiem titwettaq meta t-tnejn li huma jagħmlu dmirhom lejn xulxin; u fl-istess ħin l-għaqdiet ifittxu li jgħinu lil xulxin għall-ġid komuni bi ftehim ta’ aħwa. B’hekk kull waħda tissaħħaħ daqskemm kull waħda minnhom tara li taqdi dmirha sew. Meta mbagħad jinqala’ xi nkwiet bejn min iħaddem u l-ħaddiem u ma jistgħux jiftiehmu, jaqbel aktar li jiltaqgħu flimkien u kulħadd juri l-fehma tiegħu, u fl-aħħar kull wieħed jagħti l-vot fl-għaqda li jkun imdaħħal fiha u kull għaqda għaliha, qabel ma jerġgħu jiltaqgħu mill-ġdid.

Bħalma qal Ljun XIII għall-gvernijiet li kull wieħed minnhom jagħżel għalih it-tmexxija li jara l-aħjar għalih, hekk dawn l-għaqdiet jistgħu jagħżlu għalihom it-tmexxija li jaraw l-aħjar għalihom,  u fl-istess ħin jimxu skont ir-rieda t’Alla u l-ġid komuni, mingħajr ma wieħed jissieħeb magħhom ħlief jekk irid, jiġifieri minn jeddu  bla ma jiġi mġiegħel irid jew ma jridx.

B’danakollu l-Gvern m’għandux jindaħal f’dak li jiftiehmu, għaliex ħadd aktar mhu kapaċi daqshombiex jara x’inhu l-aħjar għalih skont is-sengħa jew xogħol tiegħu. Jekk il-Gvern ikun irid jikkontrolla kollox u jindaħal iżżejjed, iġib il-ħsara, kif dejjem ġara s’issa.Li għandu jagħmel il-Gvern hu li jżomm magħhom u li jgħinhom bis-serjetà, inkella tfixkil u taħwid ikun hemm. Wara kollox il-Gvernijiet jigwadanjaw jekk jiftiehmu f’dak li hu kummerċ u jintrabtu b’pattijiet, għaliex wara kollox kulħadd bżonn xulxin u ħadd ma jimxi ‘l quddiem jekk kulħadd ifendi għal rasu.

Dwar dawn l-għaqdiet, għalkemm dawn it-Trade Unions rikonoxxuti mill-Gvernijiet ma jistgħux jistrajkjaw jew lanqas il-fabbriki ma jistgħu jwarrbuhom kif ġieb u laħaq, Aħna nafu u nistqarruha bla tlaqliq, illi wħud jibżgħu illi xi Gvernijiet qed jindaħlu b’tali mod bl-iskop li jikkontrollaw dawn it-Trade Unions u l-assoċjazzjonijiet l-oħra u mhux jgħinuhom biex javvanzaw. Bir-regolamenti li qed jagħmlulhom, għalkemm xi wħud minnhom jiswewhom ta’ ġid, dieħla fihom il-pulitka, biex imbagħad jinqdew bihom għall-iskopijiet ta’ moħħhom u mhux għall-ġid tal-ħaddiema u ta’ kulħadd.

Fil-fehma tagħna, barra li fuq kollox jeħtieġ il-barka t’Alla, jeħtieġ ukoll illi dawk ta’ rieda tajba jgħinu bil-pariri li jistgħu jagħtuhom. U Aħna għandna tama kbira li dan ix-xogħol jidħlu għalih uliedna l-insara kollha, mhux bħala mseħbin fl-Azzjoni Kattolika(għax mhux xogħol tagħha fejn tidħol il-politka tal-partiti) iżda bħala nsara li minn għandna tgħallmu kif jimxu mal-fehmiet tal-Knisja Mqaddsa – tal-Knisja Mqaddsa, nerġgħu ngħidu, għaliex kull jidħol il-ġid spiritwali, il-Knisja la għandha tinsa u lanqas tonqos mid-dmir tagħha li tgħallem u twissi kif jitlob Alla minnha.

B’danakollu dak kollu li għednielkom s’issa dwar x’għandu jsir biex id-dinja timxi ‘l quddiem, ma jiswa xejn jekk id-drawwiet il-ħżiena ma jinqatgħux, għaliex huma l-kawża ta’ dan it-taħwid kollu li naraw fi żmienna. Tabilħaqq, jekk fil-passat, id-dinja kienet miexja tajjeb u setgħet titjieb , ukoll jekk mhux mingħajr tfixkil, illum kollox tħarbat għaliex qalb il-bniedem tħassret. In-nies webbsu rashom u bdew jaħsbu biss għalrashom, bla ma jfittxu li l-ġid komuni dejjem jikber. Dan għaliex jew għaliex iġġennu wara l-ġid tad-dinja u l-fehmiet tagħha u ddejqu li joqogħdu għal min għandu s-setgħa fuqhom u bdew iridu l-kontroll taħt idejhom bla ma jrażżanhom ħadd.

Dan kollu ġej mis-Soċjaliżmu, u jaħtieġ issa nitkellmu fuqu u nagħtu l-idea tagħna fuqu bla ebda biża’ jew ħabi.

 


 

IV

Minn żmien Ljun XIII sal-lum

 

F’Rerum Novarum, Ljun XIII saħaq li biex ix-xogħol jista’ jimxi ‘l quddiem, il-kapital u x-xogħol jeħtieġu lil xulxin għaliex la l-wieħed u lanqas l-ieħor ma jistgħu javvanzaw jekk ma jimxux id f’id.

Għalkekk huwa fatt li l-flus tal-kapitalist huma propjetà tiegħu, ma jimxix sewwa jekk iħaddem flusu b’xogħol il-ħaddiem għal qligħ tiegħu biss, mingħajr ma jżomm f’moħħu li l-ħaddiem hu bniedem bħalu u bħalu ħaqqu kull rispett u kulħadd għandu d-dmir li jaħdem għall-ġid komuni u mhux ifittex l-interess personali biss. Hawnhekk qed nirriferu l-aktar fuq ix-xogħol li mhux tal-biedja, għalkemm dan ukoll għandu l-problemi tiegħu kif saħaq kemm-il darba Ljun XIII f’Rerum Novarum u kif semmejna Aħna wkoll aktar minn darba f’din l-enċiklika tagħna. Minn żmien Ljun XIII sal-lum, iż-żminijiet tbiddlu, billi l-industriji avvanzaw u l-poter tal-kapitalisti kiber magħhom daħal f’kollox, bit-tajjeb u l-ħażin tiegħu u bit-tfixkil u taħsir tal-qalb li ġab miegħu.

L-ewwelnett, fi żmienna, sar hawn iktar flus u l-poter tagħhom kompla ssoda; u mhux talli hekk iżda l-agħar ħaġa hi li l-flus qegħdin għand il-ftit; u dawn il-ftit igawdu minn fuq dahar minn jaħdem ix-xogħol fil-fabbriki. U tant kiber il-poter tal-flus li dawn il-ftit tista’ tgħid ħakmu d-dinja taħt idejhom u jmexxuha kif jaqblilhom u jixorbu demm kulħadd la darba jżommu għalihom il-qligħ kollu, bla ma jħallu min jgħix. U dan ġej billi kulħadd ifittex iraħħas fuq ħaddieħor bla ħniena u bla ma ħadd ma jindaħlilhom. B’hekk dawk li jifilħu l-aktar jaħtfu u jkunu aktarx nies li ma jkollhomx kuxjenza.

Dan il-poter iġib miegħu ikoll dik il-kilba li wieħed jaħtaf il-gvern taħt idejh, biex imbagħad imexxi kif jaqbel għal butu, u saħansitra jeħodha fuq hekk ma’ gvernijiet, għaliex wara kollox il-gvernijiet ippikati ma’ xulxin kull wieħed jiġbed lejh u b’hekk ħafna drabi jispiċċaw jitqabdu bejniethom.

 

Mhux qed tarawh b’għajnejkom, aħwa l-għeżież u maħbubin uliedi, fiex wasalna minħabba din il-kilba? Jibdew b’ħerqa kbira biex jaqbdu l-poter tal-pajjiż f’idejhom, biex imbagħad jaraw kif idaħħlu flus kemm jifilħu. B’hekk il-kummerċ kważi spiċċa fix-xejn u n-nies ħaduha kontra xulxin bla ħniena. Id-dmirijiet ta’ dawk li telgħu fil-gvern tħalltu mal-kilba għall-qligħ u hekk il-gvernijiet tilfu ġieħhom. U dak li-gvern li fuq kollox ifittex il-ġid komuni bla ma jindaħal fi ġlied ta’ partiti, waqa’ rsir tagħhom u tal-kilba għall-flus. B’hekk kulħadda daħħal f’moħħu li l-flus kollox u li l-ferħ tal-ħajja jinsab biss fejn hemm il-flus!

Wara li wrejna fuq din il-problema li għandha d-dinja u rajna li llum kollox jinbena fuq il-kapital u x-xogħol, issa se naraw kif jista’ jsib soluzzjoni għal dan it-taħwid. Ħa naraw mill-ewwel xinhi l-kawża ta’

 Din il-ħsara: biex il-kapital u x-xogħol jimxi id f’id skont kif irid Alla, barra milli kollox irid isir b’ġustizzja, jeħtieġ ukoll li mal-ġustizzja tingħaqad ukoll il-ħniena. Għalhekk il-gvern hemm bżonn jidħol b’mod prudenti u bil-qies, bla jindaħal iżżejjed bis-setgħa tiegħu, u jrażżan ir-regħba bejn il-gvernijiet, għaliex id-dmir tal-gvernijiet hu illi jaħsbu għall-ġid komuni u bil-ġustizzja biex kulħadd jista’ jgħix bla ma jtellef lil ħaddieħor biex jgħix.

Ma din il-problema li semmejna, hemm dak l-għadu l-ieħor tas-soċjaliżmu, illi minn żmien Ljun XIII ‘l hawn, kompla jiħrax u bħal inqasam f’żewġ gruppi li ta’ sikwit jidħlu f’konflitti, għalkemm it-tnejn li huma jaqblu f’ħaġa waġda biss, jiġifieri li jqumu kontra l-Knisja.

Grupp minnhom, dak tal-komunisti, jaħdem kemm jiflaħ biex iġib mibegħda bejn is-sinjuri u l-foqra, jirsistu biex ħadd ma jibqagħli xejn tiegħu, u dan jagħmluh b’wiċċhom minn quddiem. U kulfejn waslu fejn riedu, ħaġa tal-għġeb kemm urew kefrija li anqas baqgħu iġibu ruġhom ta’ bnedmin. X’ma għamlux ħsara fir-Russja u fiċ-¬ina? X’ma wrewx il-mibegħda tagħhom lejn il-Knisja Mqaddsa u lejn Alla stess, daqskemm imxew ħażin u bl-akbar ħruxija? Min-naħa tagħna ma nħossux li għandna nwissu lil ulied il-Knisja biex joqogħdu attenti mit-tagħlim tal-komuniżmu. B’danakollu ma nistgħux ma newġġgħux qalbna meta naraw ħafna nies bla ma jaħsbuha xejn jaqgħu fin-nassa u jxerrdu t-tagħlim tiegħu ta’ ħsara li jwassal għat-tixrid tad-demm u l-qerda tal-qerda tal-pajjiż. U kemm aktar ta’ min iwissi lil dawk li ma jippruvawx iwarrbu jew almenu jfittxu kif jista’ jirranġa dan in-nuqqas ta’ ftehim bejn klassi ta’ nies u oħra, u ma jindunawx li b’din l-attitudni iwasslu għall-ħsara u r-rovina tad-dinja?

Il-grupp l-ieħor, li baqa’ jissemma tas-Soċjalisti, ma jaqbel xejn fl-ideat tiegħu ma’ dik tal-Komunisti. Jidher li s-Soċjalisti beżgħu mit-tagħlim imħassar għall-aħħar li ġie f’moħħ il-Komunisti ta’ fosthom; u donnhom dawn is-Soċjalisti bħal bdew jaqblu mal-ideat tal-insara li jridu l-ġid komuni. Tant hu hekk li dawn is-Soċjalisti li qegħdin insemmu, kienu qed joqorbu mhux ħażin lejn is-sewwa u l-ideat tal-Knisja, u verament li ħadd ma jista’ jiċħad illi mill-programmi tagħhom taħsibhom li huma ħaġa waħda mal-aħjar insara li jridu l-ġid komuni.

Għedna li resqin lejn is-sewwa, għaliex jekk huma, milli jidher, ma jridux il-qligħ kollu tax-xogħol għall-ħaddiem iżda fl-istess ħin ma jaqblux mal-idea ta’ dawk li qegħdin fil-Gvern biex imexxu d-dinja kif jaqbel lilhom billi għandhom f’idejhom il-ġid kollu tal-pajjiż, fuq ħadd ma jista’ jmerihom. U jekk jibqgħu mexjin b’din l-idea, jaslu biex jaqblu mal-idea tal-aqwa nies, illi bid-dritt kollu jidhrilhom illi l-Gvern għandu jkollu xi ħaġa tiegħu wkoll, biex ma jissuperawhx dawk li għandhom f’idejhom il-poter tal-flus u jagħmlu li jridu huma bi ħsara ta’ kulħadd. Dawn l-ideat u x-xewqat ma jmorru xejn kontra t-tagħlim nisrani jew anqas huma ideat u xewqat tagħhom biss; u fuq hekk dawk li għandhom din l-idea anqas għandhom għalfejn isiru Soċjalisti: barra minn lokha li huma jingħaqdu magħhom.

Ma rridux ngħidu b’dan illi s-Soċjalisti kollha kemm huma jew dawk fosthom li ma jaqblux mal-Komunisti, waslu fejn kellhom jaslu;  għaliex għalkemm mhumiex tal-idea li ħadd ma jista’ jkollu l-propjetà privata tiegħu, mhumiex daqshekk ċerti safejn wieħed jqis li għandu bħala ħaġa l-propjetà private tiegħi. Xi wħud jaħsbu li jaqbel li jħallat u jaqsam magħhom dawn l-ideat tas-Soċjalisti li resqin lejna, bl-iskop li aktar jiġbidhom lejn it-tagħlim tal-Knisja; iżda din tama għalxejn.Dawk li jixtiequ jfissru lis-Soċjalisti d-dmir tagħhom, ħa jagħmluh kemm iridu, imma jridu jaraw li jgħallmuhom il-verità t’Alla, hi kollha kemm hi, għaliex waħda hija l-verità, u ma tistax tibqa’ l-verità jekk titħallat ma kwalunkwe idea mgħawġa. Iridu jgħallmu u jisħqu mas-Soċjalisti, illi anke l-ideat it-tajba ma jistgħux jitwettqu u jimxu ‘l jekk mhux bit-tagħlim tal-Knisja u bil-qawwa tal-imħabbba nisranija. U Aħna, bħala Missier tagħkom, ngħidilkom darba għal dejjem, bħala grupp ta’ nies li jingħaqdu flimkien b’din l-idea li jissejħu Soċjalisti, ma jistgħu qatt ikunu ta’ idea waħda mal-Knisja Mqaddsa, għalkemm jistgħu jidhru li qed joqogħdu għall-verità u l-ġustizzja tagħha kif diġà semmejna. 

Tant hu hekk li l-Knisja Mqaddsa tgħallimna li l-bniedem maħluq biex jgħix magħqud mal-bnedmin l-oħra, taħt it-tmexxija tas-setgħa kif riedha Alla l-imbierek, biex hekk il-bniedem dejjem javvanza u dejjem aktar  ifaħħar ‘l Alla, u waqt li jagħmel id-dmir tiegħu fejn Hu jqiegħdu, jgħix kuntent fid-dinja u jirbaħ il-hena ta’ dejjem. Mhux hekk iħares lejha s-Soċjaliżmu: huwa m’għandux idea ta’ dan jew ma jridx jaf bih, u jsostni li l-bniedem maħluq biex jgħix mal-bnedmin l-oħra għaliex hekk jaqbel għalih innifsu. Fi kliem ieħor is-Soċjalisti jidhrilhom li x-xogħol irid isir minn kulħadd flimkien bi skop wieħed illi l-ġid tad-dinja jikber dejjem u bil-kotra u illi kulħadd jagħmel l-almu tiegħu għal dan ix-xogħol, biex imbagħad kulħadd jgħix bix-xabgħa: ħalli l-bniedem ma jibqax ikollu poter! Il-ġid tad-dinja imur kollu għall-bniedem! U l-Gvern m’għandux jindaħal f’dan kollu! Jekk is-Soċjaliżmu ssiblu xi ħaġa tajba, din il-ħaġa tajba wkoll tkun mibnija fuq tagħlim qarrieqi, jiħifieri fuq ideat tal-bnedmin biss li ma jaqblu xejn fuq l-ideat tal-Knisja: għalhekk ma tista’ qatt din l-għamla ta’ Soċjaliżmu tissejjaħ Soċjaliżmu   Nisrani, jew anqas ma wieħed jista’ jkun verament Nisrani tassew u fl-istess ħin Soċjalista tassew.

Dan li għedna fuq is-Soċjaliżmu, u għednieh bis-setgħa kollha tagħna ta’ Papa, ngħiduh ukoll għat-tagħlim ta’ xi wħud mis-soċjalisti lit-tfal, bl-iskop li biż-żegħil tagħhom jiġbduhom lejhom minn ċkunithom, u jdarruhom għal quddiem, biex aktar jissaħħaħ is-Soċjaliżmu tagħhom. Fl-enċiklika tagħna, Divini illius Magistri, fissirnielkom fit-tul xi jfisser it-tagħlim nisrani, li xejn ma jaqbel mal-ideat tas-Soċjaliżmu; b’danakollu, billi jidhrilna li ftit li xejn qed isir biex jilqgħulha dan il-ħsara, naħsbu li aħjar nerġgħu nirreferu għal din il-problemal mill-ikbar li dieħla fiha d-dinja. Fil-fatt il-Bolxeviżmu nibet minnu.

 

Għandna verament biex ninkwetaw, x’ħin naraw li għadd kbir minn uliedna, l-iktar f’xi pajjiżi, illi għalkemm iżommu mat-twemmin nisrani, jitilqu l-Knisja biex jingħaqdu mas-Soċjaliżmu; u xi wħud minnhom jiftaħru b’dan l-isem u jħaddnu t-tagħlim tiegħu, waqt li oħrajn jissieħbu, bla ma jaħsbuha darbtejn jew għaliex jidhrilhom li ma jistgħux jagħmlu mod ieħor, ma’ xi għaqdiet li t-tagħlim tagħhom jaqbel ma’ tas-Soċjalisti. U Aħna, bi mħabba ta’ missier, stħarriġna mnejn hi ġejja din il-ħsara, u nsibu li bosta minnhom daħħlulhom f’rashom illi l-Knisja u dawk li jidhru li jżommu mal-Knisja, ixaqilbu lejn il-Kapitalisti u ma jimpurtahomx mill-ħaddiema, u fuq hekk iħossu li għall-imħabba tal-ħaddiema imisshom jingħaqdu mas-Soċjalisti.

Minn dan naraw kemm ħsara jagħmlu dawk l-insara illi ftit li xejn jimpurtahom mil-liġi tal-ġustizzja u tal-ħniena, li mhux biss trid li wieħed iħallas lill-ħaddiem kemm jistħoqqlu, iżda wkoll għandhom jgħinuh bħala ħuhom, daqslikieku lil Kristu Sidna stess. Kemm imbagħad jimxu agħar dawk li għall-kilba tagħhom tal-qligħ, ma jistħux jagħfsu lill-ħaddiem. Dawn in-nies ta’ qalbhom iebsa, huma l-kawża ta’ dawk li jwaħħlu fil-Knisja u jgħidu illi Hi żżomm mal-Kapitalisti u ma tħoss xejn għall-fqir u għall-ħaddiem! Ir-Rerum Novarum hi biżżejjed biex turi li mhux minnu dak li jwaħħlu bih il-Knisja, barra millil-Knisja minn dejjem qabżet għall-ħaddiem u għall-fqir u dejjem tfakkar u tgħallem lil uliedha l-għemejjel tal-ħniena.

Imma Aħna ma niksruhiex minn magħhom jew lanqas irridu nbegħduhom minna dawn l-ulied tagħna li tqarrqu ħarġu mit-triq tas-sewwa; le, Aħna b’qalbna kollha nixtequhom jerġgħu lura għal ħdan ommhom il-Knisja Mqaddsa. Kellhom bżonn jifhmuha li mkien ma jistgħu jsibu l-hena tagħhom ħlief ma’ Ġesù, li għażel għalih innifsu l-faqar għall-imħabba tal-bniedem biex hekk bil-għajnuna tal-faqar tiegħu nistgħu lkoll insiru għonja; Ġesù li kien fqir u għex fit-tbatija u li jistieden għal miegħu dawk kollha li jaħdmu fit-tbatija, biex ifarrġilhom qalbhom bin-nar tal-imħabba tiegħu; Dak li ma jħares lejn wiċċ ħadd biex imbagħad jitlob aktar mingħand min tah aktar u jħallas lil kulħadd daqskemm ħaqqu għax-xogħol tiegħu.

Fuq kollox, imma, jeħtieġ tibdil fil-ħajja, għalex eluf huma dawk li mitlufin fi proġetti kbar madwar id-dinja kollha, twarrbu mit-triq it-tajba: inkella ma jiswew xejn it-twissijiet tagħna tant li nkunu qisna qed nibnu fuq ir-ramel! Kif rajna, la s-Soċjaliżmu u lanqas il-Komuniżmu ma swew biex iġibu l-kwiet fid-dinja; ħadd ħlief il-Knisja ma tista’ tagħmlu, għaliex hi biss tgħallimna ma nintrabtux iżżejjed mal-ħwejjeġ ta’ dina l-art, għaliex b’din ir-regħba għalihom, minħabba d-drawwiet ħżiena kollha, kif jista’ l-bniedem jaħseb fil-ħajja ta’ dejjem, jekk qalbu marbuta mal-ħwejjeġ tal-art?

X’aktarx il-bnedmin ma jeħduhiex bi kbira ħlief jekk jisimgħu b’xi terremot bil-ħsarat li jġib u b’xi nkwiet ieħor fid-dinja. B’danakollu jekk inħarsu lejn dawn il-ħsarat kollha bl-għajnejn ta’ nsara li aħna, dawn il-ħsarat mhuma xejn ħdejn il-ħsarat tal-erwieħ. Imma madankollu wieħed jista’ jgħid li wasalna fi stat li eluf kbar ta’ nies bilkemm jaħsbu fl-aktar ħaġa li jeħtieġ jaħseb fiha l-bniedem, il-ħajja ta’ dejjem. Bħala ragħaj ta’ dawn in-nagħaġ bla għadd, mifdijin bid-demm tar-Ragħaj  tar-rgħajja li ħalla Lilna nieħdu ħsiebhom, ma nistgħux ma nħossux qalbna ta’ missier tingħafas x’ħin naraw lill-ulied Tagħna daħlu f’tiġrif bħal dan. Għalhekk Aħna qed nitolbu l-għajnuna ta’ dawk li jmisshom jissieħbu magħna f’dan ix-xogħol. Għaliex x’jiswielu l-bniedem jekk bil-għaqal tiegħu jirbaħ id-dinja kollha biex imbagħad jitlef ruħu? X’jiswielu t-tagħlim kollu tal-għaqal tad-dinja, jekk fl-aħħar mill-aħħar tirkbu r-regħba u jmur kontra l-kmandamenti t’Alla? Minn din l-imħabba l-ħażina tiegħu nnifsu, ġejja dik il-ġibda għall-ħwejjeġ li jgħaddu u jmorru, waqt li fl-istess ħin il-bniedem jitbiegħed dejjem aktar mill-ħwejjeġ tal-ħajja ta’ dejjem. U aktar ma joħroġ mit-triq tas-sewwa, aktar tikbirlu l-kilba għall-flus u jkompli aktar iwarrab lill-ħaddiem u lill-fqir. B’hekk ikompli jsaħħaħ l-idea: “Aħżen biss u kompli aħżen; aħdem mill-anqas u qis li taqla’ dejjem aktar; agħfas fuq l-oħrajn waqt li tieħu kollox taħt idejk billi tbigħ dejjem orħos minn sħabek!” U fuq kollox, donnhom il-liġijiet għall-għaqdiet tal-kapitalisti bejniethom aktar iħajruhom iħawdu u jqarrqu bin-nies! Huma jħawdu u jqarrqu kemm jifilħu fil-kotba tal-kummerċ, u ma jħossu xejn fil-kuxjenza. Dan kollu jsir għal skop biss ta’ qligħ ta’ flus! Dawk lib dew din it-triq wiesgħa li twassal għat-telfien, ħajru oħrajn jimxu bħalhom, x’ħin bil-ġid bla tarf li laħqu ħażnu daqskemm it-tlellix tal-ħajja għamxilhom għajnejhom, x’ħin rawhom jiddieħku bil-ħwejjeġ tar-ruħ u jgħakksu lil sħabhom li ma setgħux ilaħħqu magħhom.

Fejn jiltaqgħu ma’ kapitalisti bħal dawn, li jtellgħu u jniżżlu kif jaqblilhom il-kambju u l-prezzijiet tat-titoli, bil-poter tal-flus li għandhom f’idejhom li saħansitra jmexxu lill-gvern, xejn ma wieħed jiskanta illi l-ħaddiema jibirdu wkoll fil-ħajja spiritwali, l-aktar imbagħad meta dawk li jqabbduhom jaħdmu jitrattawhom bħala għodda. Jekk biss wieħed iġib quddiem għajnejh il-problemi li jħabbtu wiċċhom magħho mil-ħaddiema(l-aktar fosthom it-tfal u ż-żgħażagħ) u l-istat li fih jinsabu x-xebbiet u n-nisa fil-fabbriki l-kbar ta’ żmienna, tħossok titkexkex. U xi ngħidu għad-djar jew kmamar fejn huma jinġabru għall-mistrieħ tagħhom, fejn il-ħajja tal-familja ssib minn kull tfixkil? Jew meta lanqas quddiesa nhar ta’ Ħadd ma jistgħu jisingħu, billi l-ħinijiet tagħhom tax-xogħol ma jaqblu xejn ma dak li jinħtieġ biex ikollhom ftit mistrieħ? Id-dinja tassew tħassret għall-aħħar! Fl-imgħoddi anki dawk li ma kinux jafu jaqraw, kienu miġbudin lejn il-Knisja u t-tagħlim tagħha; imma llum il-ħaddiem issibu ma jaħsibx aktar ħlief kif jaqla’ l-ħobża tiegħu ta’ kuljum, ikun kif ikun. B’hekk dak dak ix-xogħol illi Alla ried li jiswa lill-bniedem ta’ ġid fir-ruħ u fil-ġisem anki wara l-waqgħa tiegħu fil-ġenna tal-art, issa tbiddel f’għodda tal-ħsara kbira: u waqt li x-xogħol iġib ‘il quddiem il-fabbriki, in-nies li jaħdmu fihom joħorġu minnhom b’qalbhom imħassra!

Kif sejra d-dinja, m’hemmx aktar tama għaliha; hemm bżonn li ddur lura għat-tagħlim tal-Evanġelju, jekk ma tridx tinqered għal kollox; jeħtieġ li togħod għall-kliem ta’ Kristu, kliem tal-ħajja ta’ dejjem. Aħna min-naħa tagħna ma nixtequx ħlief dan il-ġid lill-bnedmin kollha, u l-Knisja tagħmel dejjem kulma tista’ biex kollox jasal fejn irid Alla. B’danakollu l-bnedminkollha jridu l-ewwelnett ifittxu ‘l Alla u mbagħad jinqdew bil-ħwejjeġ kollha maħluqin minnu bħala għodda f’idejh, biex hekk il-bnedmin kollha jkunu jistgħu jirbħu l-hena ta’ dejjem. Dan imma ma jfissirx illi l-bniedem għandu jistħi mix-xogħol ta’ jdejh, jew ma ħaqqux jaħdem biex jaqla’ għall-ħajja biex hekk iżid, iwarrab u jibqa’ miexi ‘l quddiem u  jkabbar ġidu u jkollu kapital. Imma dan irid isir bis-sewwa u l-ħaqq t’Alla. U min bix-xogħlijiet tiegħu l-kbar iżid il-ġid lil pajjiżu, ħaqqu jkollu s-sehem li jmissu ta’ dan il-qligħ u jibqa’ mbagħad jagħti lill-kmandamenti t’Alla u l-jedd tal-proxxmu tiegħu, u jinqeda bil-ġid tiegħu ta’ nisrani li jħobb tassew ‘l Alla u lil ħutu l-bnedmin. Jekk id-dinja tibda timxi hekk, dejjem u kullimkien, fi żmien qasir terġa’ lura għalli kienet meta kollox kien imqassam b-ġustizzja. L-akbar dnub tal-bniedem fi żmienna huwa dik l-imħabba l-ħażina tiegħu nnifsu bir-regħba li ġġib magħha, waqt li jekk ifittex l-ewwel ħaġa s-saltna t’Alla u l-ġustizzja tiegħu, u mill-jittama fil-ħniena tiegħu għal dak li jeħtieġ għall-ħajja, Alla ma jinqsu qatt minn kelmtu.

B’danakollu jibqa’ dejjem minnu, illi għalkemm issir il-ġustizzja u kulħadd fl-aħħar iħallas skont kemm ħaqqu, mingħajr il-ħniena d-dinja ma’ timxix ‘il quddiem. Fuq kollox dak li jinħtieġ hi l-imħabba, għaliex l-imħabba tgħaqqad flimkien il-qlub. L-aħjar regolamenti, mingħajr l-imħabba, ma jistgħu qatt iressqu lill-bnedmin flimkien u jifhmuha illi huma lkoll ulied Missier wieħed li hu fis-smewwiet u b’hekk ilkoll flimkien ikunu ġisem wieħed fi Kristu u ħaġa waħda bejniethom. L-imħabba twassal biex il-kapitalisti u s-setgħanin jistmaw kif jixraq lill-foqra, jagħtuhom widen u jisimgħuhom f’dak li għandhom x’jgħidulhom, u jaħfrulhom minn qalbhom jekk jonqsuhom f’xi ħaġa. Il-ħaddiema min-naħa tagħhom iridu jinsew il-passat, l-għira u l-mibegħda li waqqgħuhom fihom bis-sefsif tagħhom dawk li qarrqu bihom. B’hekk ma jarawhiex bi kbira biex jagħtu sehemhom fid-dinja tax-xogħol u jsiru konvinti illi x-xogħol tagħhom hu ta’ ġid għal kulħadd, u min jaħdem kif imiss, jistħoqqlu kull ġieħ. B’dan il-mod ikun jimxi fit-triq tal-Iben t’Alla li bħala bniedem għażel għalih innifsu x-xogħol ta’ mastrudaxxa li n-nies ta’ żmienu kienu jqisuh bin mastrudaxxa.

B’dan l-imħabba ta’ aħwa skont il-vanġelu, għandna tama sħiħa illi l-bnedmin jtejbu r-relazzjonijiet ta’ bejniethom u jaslu għal dik “Il-Paċi fi Kristu fis-Saltna ta’ Kristu” li Aħna ħdimna għaliha b’qalbna kollha mindu Alla riedna Ragħaj tagħkom. U lilkom li Magħna mseħbin fit-tmexxija tal-Knisja ta’ Kristu u qegħdin taħdmu kemm tifilħu kulfejn tinsabu mqassmin fl-artijiet tad-dinja, saħansitra wkoll fil-missjonijiet fost il-pagani, dejjem b’fehma waħda Magħna, lilkom jistħoqqilkom kull tifħir. Dan it-tifħir nagħtuhulkom minn qalbna, lilkom u lildawk kollha fost il-kleru u l-lajċi għax nifirħu ħafna narawhom jieħdu sehem f’dan ix-xogħol skont kemm għandha jedd il-Knisja u skont id-dmir tagħha. Aħna nafu kemm hu iebes dan ix-xogħol, iżda la taqtgħux qalbkom minnu. Nafu, iva, li ssibu tfixkil minn kullimkien, sew mill-kapitalisti kif ukoll mill-ħaddiema. Bħala Nsara jixirqilkom taħbit bħal dan għax dan hu s-sehem ta’ dawk li jimxu wara Kristu.

Nintelqu, mela, f’idejn dak Alla li jrid is-salvazzjoni ta’ kulħadd, u nagħmlu kemm nistgħu biex ngħinu spiritwalment li dawn l-imsejkna li tbiegħdu minn Alla għar-regħba tal-ħwejjeġ tad-dinja li jgħaddu u jmorru. Xi drabi mhix ħaġa tqila daqs kemm tidher, li lil dawn l-rewieħ tiġbidhom lejn Alla, għaliex saħansitra wkoll fil-qlub l-aktar iebsa u mħassra, tiltaqa’ ma’ xi xrara żgħira ta’ ġibda lejn Alla. Aħseb u ara kemm aktar din ix-xrara kważi mitfija tikbes fl-erwieħ ta’ dawk l-eluf li waqgħu fil-ħtija minħabba n-nuqqas ta’ għaql jew tort tal-oħrajn li influwenzawhom!

Imbagħad Aħna nħossu ferħ kbir f’qalbna meta niftakru fil-ħafna għaqdiet ta’ ħaddiema żgħażagħ li jilqgħu s-sejħa t’Alla u jagħmlu li jistgħu biex jirbħu għal Kristu lil sħabhom tax-xogħol. U daqshom jistħoqqilhom it-tifħir Tagħna dawk li jmexxu l-għaqdiet tal-ħaddiema u ma jfittxux ħlief il-ġid ta’ sħabhom tax-xogħol u jaħdmu bil-għaqal kollu, bla ma jħabblu rashom mit-taħbit li jidħlu għalih. Aħna nfaħħru wkoll lil ħafna żgħażagħ li minħabba l-għerf tagħhom jew il-ġid li għandhom, ma jdumux ma javvanzaw fid-dinja, tant li qegħdin iħabblu rashom biex jaraw x’jista’ wieħed jagħmel bħala bniedem biex tissewwa din il-ħsara li tista’ tgħid qerdet id-dinja. Għaliex, kif intom tistgħu taraw b’għajnejkom, Aħwa għeżież u maħbubin Uliedi, f’dan iż-żmien id-dinja sejra għall-agħar, bħalma ġara drabi oħra, u tista’ tgħid waqgħet għall-qima tal-allat, billi l-ġid u l-ħwejjeġ tad-dinja għodda għamlithom allat tagħha!Bl-imħabba u bil-kelma t-tajba, il-ħaddiema fost il-ħaddiema u l-kapitalisti bejniethom, jistgħu jkunu jkunu l-aqwa appostli, jiġifieri li jkunu huma li jibdew dan ix-xogħol imqaddes f’isem il-Knisja. Il-kleru, bl-għaql tiegħu, jara li jagħżilhom hu dawn l-appostli minn fost il-ħaddiema u fost dawk li jimpjegaw in-nies għax-xogħol. Għal dan ix-xogħol hemm bżonn jitgħallmu u jħejju ruħhom sew u jkunu rħiel mkissrin għalih. Fuq kollox, irid ikollhom qalbhom mixgħula bl-imħabba ta’ Kristu, għaliex l-imħabba hi tal-aqwa setgħa biex tiġbed l-erwieħ lejn il-ħaqq u s-sewwa t’Alla. Il-Knisja ma għandha tibża’ minn xejn, anqas jekk id-dinja tinqaleb ta’ taħt fuq, għaliex Kristu taha kelma li qatt ma tiġi nieqsa. B’danakollu l-Knisja tibkihom dawk il-ħafna eluf ta’ erwieħ li jsibu ruħhom f’dan l-inkwiet u jċedu, wara li Kristu fdiehom bid-demm għażiż tiegħu.

B’din il-fehma, nitolbu lkoll flimkien l-għajnuna t’Alla u ma nħallux ulied id-dinja jegħlbu ulied id-Dawl. Wieħed jista’ jara kemm ulied id-dinja jiħabtu u kif jinsew it-tilwim ta’ bejniethom biex ilkoll flimkien jinxteħtu fuq ulied il-Knisja u jaħbtu għaliha u għal uliedha. Ħa jagħmlu bħalhom ulied il-Knisja għall-ġid ta’ kulħadd u jaħdmu ħaġa waħda, b’fehma waħda u b’qalb waħda taħt it-tmexxija tal-Knisja kif uriena l-Papa Ljun XIII bl-enċiklika Reum Novarum tiegħu. Kulħadd għandu jfittex il-ġieħ t’Alla l-imbierek għaliex Lilu biss tistħoqq is-setgħa, Lilu biss il-glorja u t-tifħir għal dejjem ta’ dejjem.

B’din it-tama li d-dinja tarġa’ fit-triq tas-sewwa, ħuti għeżież u maħbubin uliedi, Aħna nberkukom lilkom ilkoll tal-familja nisranija kollha li Kristu fdalna f’idejna. Imma, fuq kulħadd, Aħna mbierku lill-ħaddiema ta’ l-id u n-nies l-oħra tax-xogħol, illi Alla riedna nieħdu ħsiebhom aktar mill-oħrajn; u nbierku bi mħabba ta’ missier l-imgħallmin tax-xogħol insara.

  

Minn San Pietru, f’Ruma, nhar il-15 ta’ Mejju tas-sena 1931, l-għaxar sena tal-Pontifikat Tagħna.

 

Il-Papa Piju XI.  


 


[1] Rumani 1, 14

 

Ħajr lis-Sur Tony Aquilina tal-addattament minn verżjoni oħra tal-Malti antik.