L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Marialis Cultus

 

 

Il-Papa Pawlu VI

 

 

Ħajr lil Antoinette Degabriele

għal typing u korrezzjoni

 

 

 

 

 

 

 

 

 

EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA

MARIALIS CULTUS

TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAWLU VI

lill-Isqfijiet kollha li huma fil-paċi

u f'għaqda mas-Sede Appostolika għat-tmexxija

tajba u l-iżvilupp tad-devozzjoni

lejn l-Imqaddsa Verġni Marija

 

Daħla: Kif jinqasam it-trattat. Iċ-ċirkustanza u l-iskop tad-dokument.

 

Għeżież Ħutna, Saħħa u Barka Appostolika.

Sa mill-mument meta konna msejjħin għas-Sede ta' Pietru, ħabrikna bla waqfien biex inkabbru d-devozzjoni lejn l-Imqaddsa Verġni Marija. Dan għamilnieh mhux biss biex infissru l-fehma tal-Knisja u l-ġibda tagħna personali, imma wkoll għax, kif jaf kulħadd, din id-devozzjoni tagħmel parti kbira mill-qima qaddisa li fiha jitħalltu l-ogħla tifsir ta' għerf u reliġjon1 u li għalhekk hija d-dmir ewlieni tal-poplu t'Alla.

Kien eżatt b'dan l-iskop f'moħħna li dejjem għinna u għamilna l-kuraġġ biex isseħħ il-ħidma kbira ta' tibdil fil-liturġija kif tqanqal mill-Konċilju Ekumeniku Vatikan II. Żgur li huwa skont il-pjan tal-Provvidenza t'Alla li l-ewwel dokument tal-konċilju li flimkien mal-għeżież Padri approvajna u ffirmajna fl-Ispirtu s-Santu kellha tkun il-Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium. L-iskop ta' dan id-dokument kien eżatt li jerġa' jagħti l-ħajja u jkabbar il-liturġija u biex is-sehem tal-fidili f'dawn il-misteri qaddisa jħalli aktar frott2. Minn dak iż-żmien 'il quddiem, ħafna atti tal-Pontifikat tagħna kienu maħsuba biex itejbu l-qima divina. Dan jidher mill-fatt li f'dawn l-aħħar snin xandarna bosta kotba tar-Rit Ruman biex nerġgħu nġibuh skont il-prinċipju u r-regoli tal-Konċilju. Għal dan nirringrazzjaw mill-qalb lill-Mulej, li jagħti dak kollu li hu tajjeb, u nibqgħu nafuh lill-konferenzi episkopali u isqfijiet individwali li ħadmu flimkien magħna fit-tħejjijiet ta' dawn il-kotba.

Meta naħsbu fuq il-ħidma li diġà twettqet u fuq l-ewwel riżultati tajbin ta' dan it-tiġdid fil-liturġija nimtlew bil-ferħ u gratitudni. Dawn ir-riżultati tajbin għandhom bilfors jiżdiedu aktar ma jiftiehem l-iskop ta' dan it-tibdil u jitwettaq sewwa. Fl-istess ħin qatt ma nieqfu b'ħeġġa kbira ninteressaw ruħna f'dak kollu li jista' jtemm sewwa t-tiġdid tal-qima li l-Knisja fi spirtu u verità (Ġw. 4,24) tadura lill-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, "tqim b'imħabba speċjali lil Marija, l-Omm l-aktar Qaddisa ta' Alla"3 u tagħti ġieh b'devozzjonijiet reliġjużi t-tifkira tal-martri u l-qaddisin l-oħra.

L-iżvilupp li nixtiequ fid-devozzjoni lejn l-Imqaddsa Verġni Marija hija turija tal-qima vera tal-Knisja. Kif diġà għidna qabel, din id-devozzjoni taqbel mal-unika qima "Kristjana" kif inhi msejħa tajjeb. Dan għaliex Kristu huwa l-bidu u l-qawwa tagħha, issib it-tifsir sħiħ tagħha fi Kristu, u għaliex twassal għand il-Missier permezz ta' Kristu fl-Ispirtu. Fil-qasam tal-qima, din id-devozzjoni bilfors turi l-pjan tal-fidwa t'Alla, li fih tixraq sura speċjali ta' qima għall-post waħdieni li Marija żżomm f'dan il-pjan4. Kull żvilupp veru li jsir fil-qima nisranija jrid bilfors iġib miegħu żieda xierqa fil-qima lejn Omm il-Mulej. Barra minn hekk, l-istorja tal-qima turi kif "il-ħafna suriet ta' qima lejn Omm Alla li l-Knisja approvat bħala parti mid-duttrina tajba"5 żviluppat fi ftehim taħt il-qima ta' Kristu, u dejjem iddur lejn din il-qima bħala ċentru naturali u bżonnjuż. L-istess qed jiġri fi żmienna. Illum, ir-riflessjoni tal-Knisja fuq il-misteru ta' Kristu u fuq in-natura tagħha stess, wasslitha biex issib l-istess figura ta' Mara, il-Verġni Marija, l-Omm ta' Kristu u l-Omm tal-Knisja, fil-qalba tal-istess misteru ta' Kristu u fil-quċċata tal-Knisja. Din iz-zieda ta' tagħrif fuq il-missjoni ta' Marija ġabet aktar qima bil-qalb lejha kif ukoll rispett u qima kbira lejn il-pjan għaqli t'Alla li bħal f'kull dar, qiegħed Mara fil-Familja tiegħu (il-Knisja), li b'mod moħbi u fi spirtu ta' servizz tgħasses fuq din il-Familja "u tieħu ħsiebha sewwa sakemm jasal il-jum glorjuż tal-Mulej"6.

Fi żmienna, it-tibdil li sar fil-ħajja soċjali, f'kif jaħsbuha n-nies, fl-arti, fl-ittri u f'mezzi oħra ta' kumunikazzjoni soċjali kellu effett ukoll fuq it-turija tal-fehma reliġjuża. Xi drawwiet ta' qima li sa ftit ta' żmien ilu kienu jidhru li huma tajbin biex ifissru l-fehmiet reliġjużi tal-insara u ta' komunitajiet sħaħ, illum jidhru li mhumiex tajbin biżżejjed għaliex marbutin ma' għamliet soċjali u kulturali tal-imgħoddi. Min-naħa l-oħra, l-bnedmin qed ifittxu toroq oħra biex juru r-relazzjoni li ma titbiddel qatt bejn il-ħolqien u l-Ħallieq, bejn l-ulied u Missierhom. F'xi wħud dan jista' joħloq taħwid għal xi ftit żmien. Imma kull min bit-tama f'Alla jaħseb fuq dan, isib li dawn il-ġibdiet għal qima moderna (bħal ngħidu aħna li tagħmel interjuri s-sentimenti reliġjużi) huma maħsuba biex jagħtu s-sehem tagħhom fl-iżvilupp tal-qima nisranija b'mod ġenerali u fl-iżvilupp tad-devozzjoni lejn l-Imqaddsa Verġni b'mod partikulari. Għalhekk iż-żminijiet tagħna, attenti għat-tradizzjoni u l-iżvilupp tat-teoloġija u x-xjenza, jagħtu s-sehem tagħhom ta' tifħir lil dik li skont il-kliem profetiku tagħha l-ġnus kollha jsejħulha mbierka (ara Luqa 1,48).

Għalhekk, għeżież ħutna, inqisuha bħala ħaġa li tmur mas-servizz appostoliku tagħna li nitħaddtu fuq numru ta' suġġetti li għandhom x'jaqsmu mal-post tal-Verġni Mbierka fil-qima tal-Knisja. Dawn is-suġġetti diġà ġew bejn wieħed u ieħor meqjusa mill-Konċilju Vatikan II7 kif ukoll minna stess8. Imma huwa meħtieġ li nerġgħu nduru għalihom biex inneħħu d-dubji, u l-aktar biex ngħinu l-iżvilupp tal-qima lejn il-Verġna Mbierka li fil-Knisja hija mqanqla mill-Verb t'Alla u mħarrġa fl-Ispirtu ta' Kristu.

Għalhekk nixtiequ li niġbdu fit-tul dwar xi problemi li għandhom x'jaqsmu mar-relazzjoni bejn il-liturġija mqaddsa u l-qima lejn il-Verġni Mbierka (I),  biex nagħtu l-ħsibijiet u d-direttivi tajbin li jgħinu l-iżvilupp ta' din il-qima (II) u fl-aħħar nett biex inġibu 'l quddiem numru ta' riflessjonijiet maħsuba biex jagħmlu l-kuraġġ ħalli jerġgħu jibdew b'mod ħaj u aktar informattiv, ir-reċita tar-Rużarju, prattika li kienet inkoraġġita ħafna mill-predeċessuri tagħna u li hija mxerrda ħafna fost il-popli nsara (III).

 

L-EWWEL PARTI

Il-Qima lejn l-Imqaddsa Verġni Marija fil-Liturġija

1.  Qabel ma nibdew nitkellmu dwar il-post tal-Imqaddsa Verġni Marija fil-qima nisranija, l-ewwel irridu nitfgħu għajnejna fuq il-liturġija mqaddsa. Minbarra l-ħafna tagħlim li hemm fil-liturġija, tħalli wkoll effett qawwi fil-ħajja pastorali, kif ukoll hija meqjusa bħala eżempju ta' siwi kbir għal għamliet oħra ta' qima. Konna nixtiequ kieku nitkellmu dwar il-liturġiji differenti tal-Lvant u l-Punent, imma f'dan id-dokument ser nitkellmu kważi fuq il-kotba tar-Rit Ruman biss. Fil-fatt, skont ir-regoli prattiċi tal-Konċilju Vatikan II9, kien dan ir-Rit biss li kien imġedded bil-bosta. Dan jgħodd ukoll f'dak li għandu x'jaqsam mal-wirjiet ta' qima lejn Marija. Għalhekk dan ir-Rit jixraqlu li jkun studjat sewwa.

I TAQSIMA

Il-Verġni Mbierka fil-Liturġija Rumana wara t-Tiġdid

2.  It-tibdil fil-Liturġija Rumana kien jitlob ukoll tibdil bil-għaqal fil-Kalendarju Ġenerali. Il-Kalendarju huwa mqassam b'mod li jagħti l-importanza mistħoqqa liċ-ċelebrazzjoni fi ġranet xierqa għall-fidwa. Hemm imqassam matul is-sena l-misteru kollu ta' Kristu, mill-Inkarnazzjonii sat-tama tat-tieni miġja tiegħu fil-glorja. B'hekk setgħu jsiru t-tifkiriet ta' Omm Kristu b'mod mill-aktar ħaj u magħqud mal-misteri ta' Binha matul is-sena.

3.  Ngħidu aħna, matul il-liturġija tal-Avvent insibu bosta tifkiriet ta' Marija minbarra s-Solennità tat-8 ta' Diċembru. Din hija fl-istess ħin it-tifkira tat-tnissil bla Tebgħa ta' Marija, tat-tħejjija prinċipali (ara Iż. 11, 1)10 għall-miġja tal-Messija, u l-bidu ferħan tal-Knisja mingħajr tebgħa jew tikmix11. Insibu wkoll tifkiriet l-aktar bejn is-17 u l-24 ta' Diċembru, u fil-Ħdud ta' qabel il-Milied li jfakkruna fil-profeziji antiki li kellhom x'jaqsmu mal-Omm Verġni u l-Messija12. Dawn ukoll fihom qari mill-Evanġelju li jirrakkonta l-wasla tat-twelid ta' Kristu u l-Prekursur tiegħu13.

4.  B'dan il-mod, il-fidili waqt li jgħixu l-ispirtu tal-Avvent fil-liturġija, jaħsbu dwar l-imħabba bla qies li biha l-Omm Verġni stenniet lil Binha14, u huma mistiedna biex jeħduha bħala mudell u jħejju rwieħhom biex jilqgħu 'l Feddej li għandu jiġi. Huma għandhom "iħabirku fit-talb u jifirħu"15. Wieħed għandu jinduna li l-liturġija tal-Avvent, li tgħaqqad il-miġja tal-Messija u l-miġja glorjuża ta' Kristu mat-tifkira ta' Ommu tagħti bilanċ tajjeb fil-qima tal-insara. Dan il-bilanċ għandu jittieħed bħala regola biex tispiċċa xeħta (kif ġara xi minn daqqiet f'devozzjonijiet populari) li nifirdu l-qima tal-Verġni Mbierka minn Kristu, li jmorru flimkien. Dan ukoll jagħmilha ċerta li dan iż-żmien liturġiku għandu jkun żmien xieraq għall-qima lejn Omm il-Mulej, kif jgħidu bosta għorrief tal-liturġija. Aħna napprovaw dan il-ħsieb u nittamaw li kulħadd jaċċettah u jimxi fuqu.

5.  Fiż-Żmien tal-Milied titwal it-tifkira tal-Omm divina u verġinali li ġabitilna l-fidwa, dik l-Omm li "bla ma ħassret il-Verġinità tagħha ġabet fid-dinja lill-Feddej"16. Tant hu hekk, li fis-Solennità tat-Twelid ta' Kristu, il-Knisja tadura lill-Feddej u tqim lil Ommu. Fil-festa tal-Epifanija, meta l-Knisja tfakkar li kulħadd huwa msejjaħ għall-fidwa, taħseb fuq il-Verġni Mbierka, il-veru Tron tal-Għerf u l-veru Omm tas-Sultan. Hija din il-Verġni li tagħti lill-Għorrief lill-Feddej tal-bnedmin kollha (Mt. 2, 11) biex jadurawh. Fil-festa tal-Familja Mqaddsa ta' Ġesù, Marija u Ġużeppi (Ħadd fost l-Ottava tal-Milied), il-Knisja taħseb b'qima kbira fuq il-ħajja qaddisa li kienu jgħixu fid-dar ta' Nażaret Ġesù, l-Iben t'Alla u Bin il-Bniedem, Marija Ommu, u Ġużeppi, il-bniedem ġust (Mt 1,19).

Fit-tibdil li sar f'dan iż-żmien tal-Milied jidher li l-attenzjoni ta' kulħadd ghandha tintefa' fuq is-Solennità ta' Marija, l-Omm Imqaddsa t'Alla. Din it-tifkira li ssir fl-1 ta' Jannar biex taqbel mal-liturġija antika tal-Belt ta' Ruma, għandha l-ħsieb li tfakkar is-sehem ta' Marija fil-misteru tal-fidwa. Ghandha l-ħsieb ukoll li tgħolli l-kobor li dan il-misteru jagħti "lill-Omm Imqaddsa ... li permezz tagħha kien jistħoqqilna nirċievu l-Awtur tal-Ħajja"17. Huwa fl-istess ħin, żmien tajjeb biex inġeddu l-adorazzjoni lejn il-Prinċep tal-Paċi li għadu jitwieled, biex nisimgħu għal darb'oħra l-aħbar it-tajba tal-anġli (Lq 2,14), u biex nitolbu 'l Alla permezz tar-Reġina tal-Paċi biex tagħtina r-rigal kbir tal-paċi. Huwa għalhekk li fil-ġrajja ta' ferħ tal-Ottava tal-Milied kif ukoll tal-ewwel ġurnata tas-sena waqqafna l-Jum Mondjali tal-Paċi, jum li kulma jmur qiegħed iżid fl-appoġġ u diġà qiegħed iġib frott ta' paċi fil-qlub ta' bosta.

6.  Ma' dawn is-Solennitajiet li semmejna (it-Tnissil bla Tebgħa u Omm Alla) għandna nżidu dawk it-tifkiriet għeżież u antiki tal-25 ta' Marzu u l-15 ta' Awwissu.

Għas-Solennità tal-Inkarnazzjoni tal-Verb, l-isem antik, it-Tħabbira tal-Mulej, reġa' daħal apposta fil-Kalendarju Ruman. Imma l-festa kienet u għadha waħda ta' Kristu u tal-Verġni Mbierka; tal-Verb li sar "l-Iben ta' Marija" (Mk. 6,3), u tal-Verġni li saret Omm Alla. F'dak li għandu x'jaqsam ma' Kristu, kemm il-Lvant kif ukoll il-Punent, fil-għana bla tarf tal-liturġiji tagħhom jiċċelebraw din is-Solennità bħala tifkira tal-fidwa bil-"fiat" tal-Verb Inkarnat, li kif daħal fid-dinja qal: "Alla, hawn jien! Ġej biex nobdi r-rieda tiegħek" (Lhud 19,17; Sal. 39,8-9). Dawn jagħmlu din it-tifkira bħala l-bidu tal-fidwa u tal-għaqda li ma tinħall qatt tan-natura ta' Alla man-natura tal-bniedem fil-Persuna waħda tal-Verb. F'dak li għandu x'jaqsam ma' Marija, dawn il-liturġiji jiċċelebraw din il-festa bħala ta' Eva l-ġdida, il-verġni ubbidjenti u fidila, li bil-"fiat" ġeneruż tagħha (Lq 1,38) permezz tal-Ispirtu s-Santu saret Omm Alla, u Omm tassew tal-Ħajjin. Meta aċċettat fil-ġuf tagħha l-Medjatur waħdieni (l Tim. 2,5) saret il-veru Arka tal-Patt u l-veru Tempju ta' Alla. Dawn il-liturġiji jiċċelebrawha bħala l-quċċata tad-djalogu tal-fidwa bejn Alla u l-bniedem u bħala tifkira tar-rieda u l-koperazzjoni libera tal-Verġni Mbierka fil-pjan tal-fidwa.

Is-Solennità tal-15 ta' Awwissu tfakkarna fit-tlugħ glorjuż ta' Marija fis-sema. Hija l-festa tax-xorti, tal-milja, tal-barka, tal-kobor tar-ruħ bla tebgħa tagħha, kif ukoll tal-ġisem verġni tagħha, u tal-figura perfetta tagħha ma' Kristu Rxoxt. Hija festa li tpoġġi quddiem għajnejn il-Knisja u l-bnedmin kollha x-xbieha u l-prova ta' faraġ li għad isseħħ it-tama tagħhom tal-aħħar, jiġifieri li din il-glorja sħiħa hija wkoll ix-xorti ta' dawk kollha li Kristu għamel ħutu billi ħa "ġisem u demm bħalhom" (Lhud 2,14; ara Gal. 4,4). Is-Solennità tat-Tlugħ fis-sema hija mtawla bit-tifkira li tiġi sebat ijiem wara, tal-Imqaddsa Verġni Marija bħala Sultana. F'din il-ġurnata naħsbu fuq dik li qiegħda magenb is-Sultan taż-żminijiet, tiddi bħala Sultana u tidħol għalina bħala Omm18. Għalhekk, dawn l-erba' Solennitajiet juru bl-aqwa grad liturġiku l-veritajiet ewlenin tal-fidi li għandhom x'jaqsmu mal-Qaddejja tal-Mulej.

7.  Wara dawn is-Solennitajiet li semmejna, wieħed irid jagħti każ fuq kollox ta' dawk iċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru ġrajjiet tas-salvazzjoni li fihom il-Verġni Mbierka kienet magħquda ma' Binha. Dawn huma t-Twelid ta' Marija (8 ta' Settembru), "tama u xefaq ta' salvazzjoni għad-dinja kollha"19, il-Viżitazzjoni (31 ta' Mejju) li fiha l-liturġija tfakkarna meta "l-Imbierka Verġni Marija li kienet qed iġġorr 'il Binha fil-ġuf tagħha"20 marret iżżur lil Eliżabetta biex tagħtiha l-għajnuna bl-imħabba u biex tħabbar il-ħniena ta' Alla, l-Feddej21. Hemm ukoll it-tifkira tad-Duluri (15 ta' Settembru), okkażjoni tajba biex wieħed jgħix mill-ġdid dak iż-żmien importanti fl-istorja tas-salvazzjoni u biex fl-istess ħin jagħti qima lill-Omm "magħquda mal-Passjoni tal-Iben, u qrib tiegħu merfugħ fuq is-salib"22.

Il-festa tat-2 ta' Frar ukoll, li reġgħet bdiet tissejjaħ "il-Preżentazzjoni tal-Mulej", għandna nqisuha bħala tifkira t'għaqda bejn l-Iben u l-Omm, jekk nifhmu s-sens sħiħ tagħha. Din hija t-tifkira tal-misteru tal-fidwa mwettqa minn Kristu, u li miegħU kienet magħquda b'mod tal-għaġeb l-Omm tal-Qaddej ta' Yahweh. Huwa jwettaq il-missjoni ta' Iżrael tal-Qedem, u huwa l-mudell tal-Poplu ġdid ta' Alla li l-ħin kollu qed jiġi ppruvat fil-fidi u t-tama, permezz tat-tbatija u l-persekuzzjonijiet (Lq. 2,21-35).

8.  Il-Kalendarju Ruman kif inhu mġedded jagħti importanza speċjali lil dawn it-tifkiriet, imma fl-istess ħin fih ukoll tifkiriet oħra li huma marbutin ma' devozzjonijiet lokali u li saru aktar popolari u mfittxija (11 ta' Frar: il-Madonna ta' Lourdes; 5 ta' Awwissu: Dedikazzjoni tal-Bażilka ta' Santa Marija Maggiore). Hemm oħrajn li fil-bidu kienet issir it-tifkira tagħhom minn xi familja reliġjuża, imma li llum tant xterrdu li nistgħu nqisuhom li jgħoddu għall-Knisja kollha (16 ta' Lulju: il-Madonna tal-Karmnu, 7 ta' Ottubru: il-Madonna tar-Rużarju). Hemm ukoll oħrajn li jippreżentaw valuri għoljin ta' min wieħed jimxi fuqhom. Dawn kważi kollha bdew fil-Lvant (21 ta' Novembru: Preżentazzjoni tal-Madonna), jew inkella tifkiriet li joħorġu minn devozzjonijiet ta' żmienna (is-Sibt wara s-Solennità tal-Qalb ta' Ġesù: Qalb bla Tebgħa ta' Marija).

9.  Wieħed m'għandux jinsa li l-Kalendarju Ġenerali Ruman ma fihx iċ-ċelebrazzjonijiet Marjani kollha. Imma wieħed jistenna li l-kalendarji lokali jkun fihom il-festi Marjani ta' dawn il-Knejjes, dejjem skont ir-regoli tal-liturġija. Wieħed għandu jiftakar ukoll li t-tifkiriet tal-Verġni Mbierka jistgħu jsiru aktar spissi billi jintużaw il-Quddies tal-Madonna nhar ta' Sibt. Din hija tifkira antika u sempliċi u li tista' tintuża b'ċerta ħeffa minħabba li l-Kalendarju jippermetti u fil-Missal hemm ħafna forom.

10.  F'din l-eżortazzjoni appostolika m'għandniex il-ħsieb li ngħarblu dak kollu li fih il-Missal Ruman il-ġdid, imma biex inwettqu l-ħidma tagħna u napprezzaw it-tiġdid fil-kotba tar-rit Ruman23, nixtiequ nsemmu xi punti u suġġetti. L-ewwel nett nieħdu gost naraw kif it-Talbiet Ewkaristiċi tal-Missal fihom tifkira xierqa tal-Verġni Marija bħal dawk tal-Liturġiji tal-Lvant24. Hekk il-Kanoni Ruman l-antik ifakkar 'l Omm il-Mulej bi kliem ta' duttrina u spirati minn qima: "F'għaqda mal-Knisja kollha nfaħħru lil Marija dejjem Verġni, Omm Ġesù Kristu, l-Mulej u Alla tagħna". Bl-istess mod fit-III Talba Ewkaristika ġdida li tfisser b'talba mqanqla x-xewqa ta' dawk li qed jitolbu biex jieħdu sehem mill-wirt ta' wlied flimkien mal-Omm: "Agħmel li jagħmilna offerta li tibqa' għal dejjem quddiemek (il-Missier) u jgħinna biex nidħlu fil-wirt tal-qaddisin, mal-Verġni Omm Alla Marija". Din it-tifkira ta' kuljum li qiegħda fil-qalba tas-Sagrifiċċju divin, għandha tkun meqjusa bħala l-mod kif l-aktar tidher il-qima li l-Knisja tagħti lill-"Imbierka tal-Aktar Għoli" (Lq. 1,28).

11.  Jekk nagħtu ħarsa lejn il-Missal kif inhu mġedded, naraw kif is-suġġetti Marjani importanti kollha sabu posthom f'dawn it-talbiet Rumani biex jitkompla t-tagħlim tal-imgħoddi. Hekk nistgħu ngħidu għat-tnissil bla tebgħa, il-milja tal-grazzja, Omm Alla, Verġni bla tebgħa, Tempju tal-Ispirtu s-Santi, s-sehem ta' Marija fil-missjoni ta' Binha, l-qdusija eżemplari, l-indħil tagħha mqanqal mill-ħniena, it-Tlugħ tagħha fis-sema, Sultana u Omm, u oħrajn. Nistgħu naraw ukoll suġġetti oħra li biex ngħidu hekk huma ġodda u li sabu posthom bi qbil perfett mal-iżvilupp tat-teoloġija ta' żmienna. Hekk nistgħu nsemmu l-ħsieb Marija-Knisja li daħal fil-Missal taħt bosta forom bħalma b'ħafna forom Omm Kristu u l-Knisja għandhom x'jaqsmu ma' xulxin. Hekk li fit-tifkira tat-Tnissil bla Tebgħa tal-Verġni Mbierka wieħed jista' jara l-bidu tal-Knisja, għarusa bla tebgħa ta' Kristu25; fit-tlugħ fis-sema, wieħed jista' jagħraf il-bidu ġa lest u x-xbieha ta' dak li għad irid jiġri fil-Knisja26; fil-misteru ta' Omm, wieħed jista' jistqarrHa bħala Omm tar-Ras u tal-membri: Omm qaddisa t'Alla, u għalhekk Omm li taħseb għall-Knisja27.

Meta mbagħad il-liturġija ddawwar il-ħarsa tagħha lejn l-ewwel żminijiet tal-Knisja, jew tal-Knisja ta' żmienna dejjem issib 'il Marija. Fl-ewwel żminijiet qiegħda flimkien mal-appostli28; fi żmienna qiegħda magħna b'mod attiv u trid tgħix il-misteru ta' Kristu flimkien mal-Knisja: "... Agħmel li l-Knisja tiegħek, magħquda ma' Marija fil-passjoni ta' Kristu, jkollha sehem mill-glorja tal-qawmien"29. Hija wkoll leħen ta' tifħir li magħha l-Knisja trid tagħti ġieh lil Alla: "... biex flimkien ma' Marija nagħtuk ġieh"30. U billi l-liturġija hija l-qima li trid ħajja li taqbel magħha, titlob li l-qima lejn il-Verġni Mbierka għandha ssir imħabba sħiħa u qawwija lejn il-Knisja kif jingħad fit-Talba ta' wara t-Tqarbin fil-Quddiesa tal-15 ta' Settembru: "Biex bit-tifkira tad-duluri tal-Verġni Mqaddsa, intemmu fina flimkien mal-Knisja mqaddsa dak li jonqos fil-passjoni ta' Kristu."

12.  Il-Lezzjonarju tal-Quddiesa huwa wieħed mill-kotba tar-Rit Ruman li gawda ħafna bit-tiġdid ta' wara l-Konċilju. Dan għaliex żdiedu t-testi kif ukoll minħabba l-valur tagħhom u li fihom il-Kelma t'Alla dejjem ħajja u ta' siwi (Lhud 4,12). B'dan il-ħafna qari mill-Iskrittura, l-istorja sħiħa tal-fidwa tista' tinqara fi tliet snin u b'hekk il-misteru ta' Kristu jsir aktar sħiħ. Dan bilfors kellu jġib miegħu li l-lezzjonarju jkun fih numru kbir ta' qari dwar il-Madonna kemm mill-Antik u mill-Ġdid Testment.

Din iż-żieda ma saritx bl-addoċċ, imma ntgħażel biss dak il-qari li b'xi mod jista' jitqies bħala Marjan kemm mix-xhieda tal-qari, jew bħala frott ta' tifsir tajjeb imfassal fuq it-tagħlim tal-Maġisteru jew skont tradizzjoni soda. Hija ħaġa flokha li wieħed jara li dan il-qari ma jsirx biss f'xi festa tal-Verġni Mbierka imma f'bosta okkażjonijiet oħra, bħal f'xi Ħdud matul is-sena liturġika31, f'ċelebrazzjonijiet li jolqtu fil-fond il-ħajja sagramentali tan-nisrani u l-għażliet tiegħu32, kif ukoll fi żminijiet ta' ferħ u dwejjaq fil-ħajja tan-nisrani33.

13.  Il-Liturġija tas-Sigħat, l-Uffiċċju ta' tifħir, kif ġie mġedded fih ukoll xhieda mill-aqwa ta' qima lejn Omm Alla. Dawn jinsabu fl-innijiet, li jiġbru fihom fost l-aqwa kitba mid-dinja kollha, bħat-talba sabiħa ta' Dante Alighieri lill-Verġni Mbierka34, kif ukoll l-antifoni li jkomplu l-Uffiċċju ta' kuljum. Ma' dawn it-talbiet poetiċi żdiedet it-talba magħrufa "Sub tuum praesidium", magħġuba sa' mill-qedem kif ukoll minħabba l-kliem sabiħ. Fit-talb tal-Lawdi u tal-vespri wkoll mhux nieqes it-talb ta' fiduċja lejn l-Omm tal-ħniena. Hemm ukoll għażla bla qies ta' kitbiet fuq il-Madonna, li jafu awturi tal-ewwel sekli tal-Knisja, taż-żminijiet tan-nofs, kif ukoll taż-żmien modern.

14.  Jekk fil-Missal, fil-Lezzjonarju u fil-Liturġija tas-sigħat, il-qofol tat-talba liturġika Rumana, insibu bosta drabi t-tifkira tal-Verġni Mbierka, f'kotba oħra tal-liturġija ma jonqsux sejħat ta' mħabba u qima lejn Omm Alla. Hekk il-Knisja ssejħilha Omm tal-Grazzja qabel ma ssawwab l-ilma tal-fidwa tal-magħmudija35. Il-Knisja ssejjaħ l-għajnuna tagħha għall-ommijiet li jiġu ferħanin fil-knisja biex iroddu ħajr ta' dan id-don tal-maternità36. Il-Knisja tpoġġiha bħala mudell ta' dawk li jridu jimxu wara Kristu billi jħaddnu l-ħajja reliġjuża37, jew il-Konsagrazzjoni tal-Verġni38.  Għal dawn il-Knisja titlob l-għajnuna tagħha ta' Omm39. Il-Knisja wkoll titlob bil-ħerqa lil Marija għal uliedha li jkunu waslu fis-siegħa tal-mewt40. Titlob ukoll l-għajnuna ta' Marija għal dawk li ħallew din id-dinja u dehru quddiem Kristu, id-Dawl ta' dejjem41. Il-Knisja permezz ta' Marija titlob il-faraġ għal dawk li bil-fidi jitnikktu minħabba l-firda tal-għeżież tagħhom42.

15.  Dan l-istudju dwar il-kotba tal-Liturġija kif ġew imġedda jagħtina nota ta' kuraġġ li t-tiġdid ta' wara l-Konċilju, kif kienet ix-xewqa tal-moviment liturġiku, qiegħed kif inhu xieraq il-Verġni Mbierka fil-misteru ta' Kristu skont it-tradizzjoni. It-tiġdid għaraf il-post waħdieni li jixirqilha fil-qima nisranija bħala Omm qaddisa ta' Alla u bħala Sieħba denja tal-Feddej. U ma jistax ikun mod ieħor. Jekk nagħtu ħarsa lejn l-istorja tal-qima nisranija, wieħed jara li kemm fil-Lvant kif ukoll fil-Punent l-aktar kliem għoli u ċar ta' qima lejn il-Verġni Mbierka ħareġ mil-Liturġija, jew inkella kienu magħquda magħha.

Nixtiequ nagħmluha ċara li l-qima li l-Knisja Universali llum tagħti lil din il-Qdusija ġejja minn firxa twila u żieda bla qies ta' qima li l-Knisja ta' kull żmien dejjem tatha, bl-akbar reqqa għall-verità u dejjem bl-akbar attenzjoni għal forma għolja. Minn din it-tradizzjoni li kienet sa' minn dejjem ħajja bl-għajnuna tal-Ispirtu u bis-smiegħ il-ħin kollu tal-Kelma, il-Knisja ta' żmienna tieħu l-iskop, ir-raġuni u l-qawwa tal-qima li tagħti lill-Verġni Mbierka. Il-Liturġija li titwettaq u tissaħħaħ permezz tal-Maġisteru, hija wirja mill-aktar għolja u prova ċara ta' din it-tradizzjoni ħajja.

 

II  TAQSIMA  

Il-Verġni Mbierka Mudell tal-Knisja fit-Taħriġ tal-Qima

16.  Waqt li nkomplu fuq il-linji tat-tagħlim tal-Konċilju dwar Marija u l-Liturġija, nixtiequ li ninżlu fil-fond dwar punt wieħed: Marija bħala mudell spiritwali ta' kif il-Knisja tfakkar u tgħix il-misteri qaddisa. Il-Verġni Mbierka hija mudell f'dan il-qasam, minħabba li għall-Knisja hija l-mudell l-aktar perfett tal-fidi, tal-imħabba u tal-għaqda sħiħa ma' Kristu43. Fi kliem ieħor, Marija hija mudell għall-Knisja li għandha tkun dejjem lesta bħala għarusa l-aktar maħbuba, l-aktar magħquda mal-Mulej tagħha, billi ssejjaħlu u tagħti qima lill-Missier Etern permezz tiegħU44.

17.  Marija hija l-verġni dejjem imħejjija li tilqa' l-kelma t'Alla bil-fidi li kienet għaliha l-bidu u t-triq li twassal biex issir Omm Alla. Kif qal Santu Wistin "Marija l-Imbierka bit-twemmin nisslet lil Ġesù, u bit-twemmin tagħtu l-ħajja"45. Tant hu hekk li meta rċeviet mingħand l-anġlu t-tweġiba għad-dubji tagħha (Lq. 1,34-37) "mimlija bil-fidi, nisslet lil Kristu l-ewwel f'moħħha u mbagħad fil-ġuf tagħha u qalet 'Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ikun minni skont kelmtek' (Lq. 1,38)"46. Kienet il-fidi li ġabitilha l-barka li għamlitha żgura mill-wegħda: "u mbierka int li emmint għall-kelmiet tal-Mulej" (Lq. 1,45). Kienet bil-fidi tagħha li tat is-sehem tagħha u li kienet ix-xhud waħdieni tal-Inkarnazzjoni, meta kienet taħseb fuq il-ġrajjiet tat-tfulija ta' Kristu u tirrifletti fuqhom f'qalbha (Lq. 2,19; 51). Il-Knisja wkoll tagħmel l-istess, l-aktar fil-Liturġija meta bil-fidi tisma', taċċetta, ixxandar u tqim il-Kelma t'Alla, tqassamha lill-insara bħala ħobż tal-ħajja47 u fid-dawl ta' din il-kelma tistudja s-sinjali taż-żminijiet, tfisser u tgħix il-ġrajjiet tal-istorja.

18.  Marija hija wkoll il-Verġni tat-talb. Hekk tidher fiż-żjara li għamlet għand omm il-prekursur, meta fetħet qalbha f'tifħir lil Alla bi kliem ta' umiltà, fidi u tama. Dan huwa l-Magnificat (Lq. 1,45-55), it-talba perfetta ta' Marija, l-għanja taż-żminijiet tal-Messija li fihom jingħaqad il-ferħ ta' Iżrael l-antik u l-ġdid. Kif jaħseb San Irinew, fil-Kantiku ta' Marija reġa' nstama' l-ferħ ta' Abraham li ħabbar il-Messija (cf Ġw. 8,56)48 u nstemgħet minn qabel il-profezija tal-Knisja: "Fil-ferħ tagħha Marija ħabbret f'isem il-Knisja: 'Ruħi tgħolli bil-ferħ 'il-Mulej...'"49. Tant hu hekk li l-Kantiku tal-Verġni xtered u sar it-talba tal-Knisja kollha f'kull żmien.

F'Kana, Marija dehret bħala l-Verġni qed titlob, meta wriet lil Binha bil-ħtieġa materjali li nqalgħet u ġabet l-effett tal-grazzja, jiġifieri li Ġesù billi għamel l-ewwel "sinjal" wettaq id-dixxipli fil-fidi fih (Ġw. 2,1-12).

Anki fl-aħħar silta fuq il-ħajja ta' Marija nsibuha titlob: "l-appostli kienu magħquda fit-talb flimkien ma' nisa oħra, u ma' Marija omm Ġesù u ma' ħutu" (Atti 1,14). Hawnhekk għandna 'l Marija titlob fit-twelid tal-Knisja u fil-Knisja ta' kull żmien, għaliex meta ttellgħet fis-sema, hija ma warrbitx il-missjoni tagħha ta' talb u fidwa50. L-isem ta' Verġni fit-talb jixraq ukoll lill-Knisja li kuljum toffri 'l Missier il-ħtiġiet ta' wliedha: "tfaħħar il-Mulej bla waqfien u tidħol għall-fidwa tad-dinja"51.

19.  Marija hija wkoll il-Verġni Omm, jiġifieri dik li "bit-twemmin u l-ubbidjenza ġabet fuq din l-art lill-istess Iben tal-Missier bla ma kienet taf raġel, imma billi l-Ispirtu s-Santu  dellel fuqha"52. Saret Omm b'mod tal-għaġeb, u twaqqfet minn Alla bħala sinjal u mudell tal-frott tal-Knisja Verġni li hija wkoll issir omm għaliex fit-tagħlim u l-magħmudija ġġib għal ħajja ġdida u bla tmiem ulied imnissla mill-Ispirtu s-Santu u mwielda minn Alla53. Għalhekk tajjeb kienu jgħallmu l-għorrief tal-Knisja meta kienu jgħidu li bis-sagrament tal-magħmudija l-Knisja ttawwal il-maternità tal-Verġni Marija. Fost dawn ix-xhieda nixtiequ nfakkru dik tal-magħruf predeċessur San Leone l-Kbir li f'Omelija tal-Milied qal: "Il-bidu li ħa (Kristu) fil-ġuf tal-Verġni, tah lill-fonti tal-Magħmudija; ta lill-ilma dak li ta lil Ommu. Il-qawwa tal-Aktar Għoli u l-opra tal-Ispirtu s-Santu (Lq. 1,35) li nisslu l-Feddej f'Marija għandhom l-istess effett biex l-ilma jnissel mill-ġdid lil min jemmen"54. Jekk irridu mmorru għall-għejun tal-Liturġija, nistgħu nsemmu l-famuża Illatio tal-Liturġija Mozarabika: "Dik (Marija) kellha l-Ħajja fil-ġuf tagħha, din (il-Knisja) tnissel il-Ħajja fl-ilma tal-Magħmudija. Fil-ġisem ta' Marija, Kristu ħa l-forma; fl-ilma tal-Knisja Kristu jintlibes"55.

20.  Fl-aħħar nett, Marija hija wkoll il-Verġni li tagħmel l-offerti. Fil-Preżentazzjoni ta' Ġesù fit-Tempju (Lq. 2,22-35), il-Knisja mmexxija mill-Ispirtu s-Santu, sabet li barra mit-tħaris tal-liġijiet dwar l-offerta tal-ewwel iben (Eż 13,11-16) u l-purifikazzjoni tal-Omm (Lev. 12,6-8) hemm misteru tas-salvazzjoni li għandu x'jaqsam mal-istorja tas-salvazzjoni. Hija tara t-tkomplija tal-offerta prinċipali li l-Verb Inkarnat għamel lill-Missier meta daħal fid-dinja (Lhud 15,57). Il-Knisja rat il-fidwa mħabbra għal kulħadd, għaliex meta Xmuni laqa' t-Tarbija bħala d-dawl li kellu jdawwal il-bnedmin u bħala l-glorja ta' Iżrael (Lq. 2,32) ra fiH il-Messija, Feddej ta' kulħadd. Il-Knisja għarfet ukoll il-profezija dwar il-passjoni ta' Kristu fil-kliem ta' Xmuni meta għaqqad 'l Iben bħala "sinjal ta' kontradizzjoni" (Lq. 2,34) u li sejf kellu jinfed ir-ruħ tal-Omm (Lq. 2,35), li ġrat fuq il-kalvarju. Għalhekk dan hu misteru ta' salvazzjoni li ħafna drabi jxaqleb il-preżentazzjoni fit-Tempju lejn il-ġrajja tas-salvazzjoni fuq is-salib. Il-Knisja stess, l-aktar miż-Żminijiet tan-Nofs 'l hawn rat fil-qalb tal-Verġni li ġarret 'l Binha lejn Ġerusalemm biex toffrih 'il Mulej (Lq. 2,22), rieda li tagħmel din l-offerta li tisboq it-tifsira ordinarja tar-rit. Ta' dan għandna xhieda fit-talba ta' mħabba ta' San Bernard: "Imqaddsa Verġni, offri 'l Ibnek u agħti 'l Mulej il-frott imbierek tal-ġuf tiegħek. Offri din il-Vittma qaddisa li togħġob lil Alla għall-paċi ta' kulħadd"56.

Din l-għaqda tal-Omm mal-Iben fil-ġrajja tal-fidwa57 tilħaq il-quċċata tagħha fuq il-kalvarju, fejn Kristu "offra 'l Alla lilu nnifsu bħala vittma bla tebgħa" (Lhud 9,14) u fejn Marija kienet wieqfa maġenb is-salib (Ġw. 19,25), fi tbatija kbira flimkien mal-uniku iben tagħha u b'qalb ta' Omm kienet magħquda mas-sagrifiċċju tiegħU. Bl-imħabba aċċettat is-sagrifiċċju tal-vittma li hija stess nisslet58 u kienet qed toffri lil Missier Etern59. Biex dan is-sagrifiċċju tas-salib jibqa' għal dejjem, il-Feddej divin bħala tifkira tal-mewt u l-qawmien waqqaf is-sagrifiċċju tal-Ewkaristija u fdah f'idejn il-Knisja, l-għarusa tiegħU60. Il-Knisja, l-aktar fil-Ħdud, tiġbor l-insara biex jiċċelebraw l-għid tal-Mulej sakemm jerġa' jiġi61. Dan tagħmlu f'għaqda mal-qaddisin fis-sema u fuq kollox mal-Verġni Mbierka, waqt li tipprova tixbah l-imħabba mħeġġa u l-fidi soda tagħha.

21.  Marija mhux biss hija mudell tal-Knisja kollha fit-taħriġ tal-qima divina, imma hija wkoll għalliema tal-ħajja spiritwali għal kull nisrani. Sa mill-bidu l-insara bdew iħarsu lejn Marija u bħalha jagħmlu ħajjithom qima 'l Alla u jagħmlu l-qima bħala l-impenn ta' ħajjithom. Sa' mir-raba' seklu, San Ambroġ meta kien ikellem lin-nies kien jgħidilhom li jittama li kull wieħed minnhom ikollu l-ispirtu ta' Marija biex ifaħħar 'l Alla: "Għandu jkun f'kull nisrani l-ispirtu tagħha biex jifraħ f'Alla"63. Fuq kollox Marija hija l-mudell ta' dik il-qima li tagħmel mill-ħajja offerta lil Alla. Dan hu tagħlim antik, imma li jiswa għal dejjem u li kulħadd jista' jisma billi jagħti każ tat-tagħlim tal-Knisja, u billi jisma' l-leħen tal-Verġni meta minn qabel wettqet it-talba tal-għaġeb li għamel il-Mulej: "Ikun li trid int" (Mt. 6,10), billi wieġbet għall-ħabbâr ta' Alla: "Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej: isir minn skont kelmtek" (Lq 1,38). L-"iva" ta' Marija hija tagħlima u eżempju għall-insara kollha biex l-ubbidjenza għar-rieda tal-Missier tkun it-triq u l-mezz tal-qdusija tagħhom.

22.  Min-naħa l-oħra huwa importanti li tara kif il-Knisja turi b'ħafna modi ta' qima, r-relazzjoni tagħha ma' Marija: b'qima kbira meta taħseb fuq il-kobor tal-Verġni li saret Omm il-Verb inkarnat permezz tal-Ispirtu; b'imħabba li tħeġġeġ meta tara 'l Marija, omm spiritwali tal-membri kollha tal-ġisem mistiku; b'tama meta tħoss l-id tal-Avukata u l-Għajnuna tagħha64; b'servizz ta' mħabba meta tara fil-qaddejja umli tal-Mulej is-Sultana tal-Ħniena u l-Omm tal-grazzja; b'eżempju ħerqan meta taħseb fuq il-qdusija u l-virtujiet tal-"Mimlija bil-Grazzja" (Lq. 1,28); bi stagħġib kbir meta tara fiha "ix-xbieha l-aktar safja li tixtieq u tittama li tkun"65; bi studju bir-reqqa meta tara fis-Sieħba tal-Feddej li ġa għandha sehem sħiħ mill-frott tal-misteru  tal-Għid, minħabba l-milja tagħha tal-futur, sakemm jasal il-jum li fih, imnaddfa minn kull tikmixa u minn kull tebgħa (Ef. 5,27), issir bħal għarusa mzejjna għall-għarus, Ġesù Kristu (Apok.21,2).

23.  Għalhekk, ħuti għeżież, meta naħsbu fuq il-qima li t-tradizzjoni fil-liturġija tal-Knisja Universali u r-Rit Ruman kif inhu mġedded jagħtu lill-Omm qaddisa ta' Alla, waqt li niftakru kif il-liturġija minħabba l-valur waħdieni tagħha ta' qima hija r-regola tad-deheb għall-qima nisranija; u meta naraw kif il-Knisja meta tfakkar il-misteri qaddisa ġġib ruħha b'fidi u mħabba bħal dawk tal-Verġni, nifhmu kemm hu floku l-Konċilju Vatikan II meta jħeġġeġ lill-ulied kollha tal-Knisja biex "ixerrdu ħafna l-qima, l-aktar il-qima tal-liturġija lejn il-Verġni Mbierka"66. Aħna rridu li dan jintlaqa' minn kulħadd bla ma jħallu xejn barra u li b'ħeġġa jitpoġġa fil-prattika.

 

 

IT-TIENI PARTI

It-Tiġdid tal-Qima lejn Marija

24.  L-istess Konċilju Vatikan II jħeġġeġ imbagħad biex flimkien mal-qima tal-liturġija jitqajmu wkoll forom oħra ta' qima, l-aktar dawk li jrid il-Maġisteru67. Kif jaf kulħadd il-qima tal-insara lejn Omm Alla ħadet ħafna forom skont il-ħtiġiet tal-post u taż-żmien, kif ukoll skont l-għaqal tal-popli u l-kultura tagħhom. Dan juri li l-forom li bihom nuru l-qima jorbtu skont iż-żmien. Għalhekk tidher il-ħtieġa ta' tiġdid li jbiddel dawk l-affarijiet li jistgħu jitbiddlu, waqt li jisħaq fuq l-affarijiet li huma dejjem ġodda u li jiġbru fihom it-tagħlim miġjub mill-ħsieb tat-teoloġija u s-suġġerimenti tal-Maġisteru tal-Knisja. Dan juri l-ħtieġa li l-Konferenzi Episkopali, l-knejjes lokali, il-familji reliġjużi, u l-insara jħeġġu ħidma sinċiera u fl-istess ħin ikomplu jġeddu l-qima lejn il-Verġni. Dan it-tiġdid għandu jżomm quddiemu t-tradizzjoni kollha u jkun miftuħ għax-xewqat f'lokhom tal-bnedmin ta' żmienna. Għalhekk, ħuti għeżież, jidher li jaqbel li nurukom xi prinċipji li fuqhom hemm bżonn li nimxu f'din il-ħaġa.

 

I TAQSIMA     

Il-Qima lejn il-Verġni Mbierka fid-dawl tat-Tagħlim

dwar it-Trinità, Kristu u l-Knisja

25.  Fuq kollox hija ħaġa f'lokha ħafna li nuru l-qima tagħna lejn il-Verġni Marija fid-dawl tat-tagħlim dwar it-Trinità u dwar Kristu, għaliex jagħmel parti minnha u huwa meħtieġ. Tant hu hekk li l-qima nisranija hija fiha nnifisha qima lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu, jew aħjar kif insibu fil-liturġija, lill- Missier, bi Krisu u fl-Ispirtu. F'dan id-dawl, din il-qima bilfors tiġbor fiha, għalkemm b'mod mill-aktar differenti, l-ewwel u b'mod speċjali, l-qima lejn Omm il-Mulej, u mbagħad lejn il-qaddisin, għaliex permezz tagħhom il-Knisja tħabbar il-misteru tal-Għid, għaliex huma batew ma' Kristu u kisbu l-glorja miegħU68. Għall-Verġni Marija, kollox għandu x'jaqsam ma' Kristu u kollox ġej minnu. Fid-dawl ta' Kristu, sa' minn dejjem, Alla l-Missier għażilha biex tkun l-Omm qaddisa u żejjinha b'doni tal-Ispirtu, li ma ta lil ħadd iżjed. Żgur li l-qima nisanija tassew qatt ma naqset li tagħti importanza din l-għaqda li ma tistax tinħall u li għall-Verġni kollox ġej mill-Feddej divin bilfors69. Kollox ma' kollox jidhrilna li jaqbel ħafna max-xaqliba spiritwali ta' żmienna, kif inhi maħkuma u mitlufa fuq il-problema ta' "Kristu"70, li fil-qima lejn il-Verġni għandu jkun hemm importanza fuq it-tagħlim dwar Kristu. Dan għandu jsir b'mod li jidher sewwa l-pjan t'Alla li waqqaf sa' minn qabel "il-bidu ta' Marija u l-Inkarnazzjoni tal-Għerf divin b'digriet wieħed"71. Bla dubju ta' xejn, dan jagħmel il-qima lejn Omm Ġesù aktar soda u jagħmilha mezz tajjeb biex nilħqu "t-tagħrif sħiħ tal-Iben t'Alla sakemm nilħqu l-milja ta' Kristu" (Ef. 4,13). Min-naħa l-oħra, dan hu tajjeb ukoll biex iżid il-qima lejn Kristu stess, għax skont il-ħsieb tal-Knisja sa' minn dejjem u msaħħaħ fi żmienna72 "dak li jingħata lill-Qaddejja jingħata 'l-Mulej; u b'hekk dak li jingħata 'l Omm idur fuq l-Iben; u l-offerta fqira lis-Sultana ssir unur mogħti lis-Sultan"73.

26.  Dwar dan is-sehem ta' Kristu fil-qima tal-Verġni, jidhrilna li huwa meħtieġ li nfakkru kemm huwa xieraq li f'din il-qima nagħtu importanza lil wieħed mill-aktar fatti importanti tal-fidi: il-Persuna u l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Tant hu hekk li l-ħsieb tat-teoloġija flimkien mal-liturġija wrew kif  il-ħidma qaddisa tal-Ispirtu fil-Verġni ta' Nażaret kienet il-quċċata tal-ħidma tiegħu fl-istorja tal-fidwa. Għalhekk, ngħidu aħna, xi għorrief u kittieba tal-Knisja jaraw il-qdusija sa' mill-bidu ta' Marija, fil-ħidma tal-Ispirtu li "taha tifsila ġdida u għamilha ħolqien ġdid"74. Meta ħasbu fuq il-passi tal-evanġelju "L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa tal-Għoli tgħattik" (Lq. 1,35) u "Marija .... nstabet tqila bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu li nisslet lil min hemm fiha" (Mt. 1,18, 20) raw li l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu qaddset u tat il-frott lil Marija Verġni75 u biddlitha f'palazz tas-Sultan jew "f'għamara tal-Verb"76, tempju jew tabernaklu tal-Mulej77, "Arka tal-Patt" jew "Arka tal-Qdusija"78. Dawn kollha huma ismijiet meħudin mill-Iskrittura. Meta daħlu ftit aktar fil-fond fil-misteru tal-Inkarnazzjoni sabu li bejn l-Ispirtu s-Santu u Marija hemm dehra misterjuża ta' żwieġ. Prudenzio fisser dan f'poeżija: Il-Verġni mhux miżżewġa, żżewġet mal-Ispirtu"79. Dawn l-għorrief kienu jsejħulha "tempju tal-Ispirtu s-Santu"80, li jsaħħaħ il-qdusija tal-Verġni bħala għamara ta' dejjem tal-Ispirtu t'Alla. Meta daħlu wkoll fil-fond fit-tagħlim dwar il-Paraklitu, sabu li minnU toħroġ bħal min-nixxiegħa l-milja tal-grazzja (Lq. 1,28) u kotra ta' doni li jżejnuha. Għalhekk jagħtu lill-Ispirtu l-fidi, t-tama u l-imħabba li jagħtu l-ħajja lill-qalb tal-Verġni, is-saħħa li sostnietha biex taċċetta r-rieda t'Alla, il-forza li żammitha soda fit-tbatija taħt is-Salib81. Fl-Għanja ta' tħabbir ta' Marija (Lq. 1,45-55) raw il-ħidma speċjali tal-Ispirtu li tħaddet bil-fomm tal-Profeti82. Fl-aħħar nett, meta ħasbu li l-Omm ta' Ġesù kienet fiċ-ċenaklu, fejn l-Ispirtu niżel fuq il-Knisja tal-bidu (Atti 1,12-14; 2,1-4), dawn l-għorrief żviluppaw is-suġġett antik ta' Marija u l-Knisja83, u fuq kollox daru fuq l-għajnuna tal-Verġni biex l-Ispirtu jagħtihom is-setgħa li jnisslu 'l Kristu fir-ruħ tagħhom. Kif jgħid San Ildefonsu f'talba li hija mimlija tagħlim u spirtu ta' talb: "Nitolbok, Verġni Mqaddsa li jkolli lil Ġesù mingħand l-Ispirtu li permezz tiegħu nissilt lil Ġesù. Ħa tilqa' ruħi lil Ġesù bil-ħidma ta' dan l-Ispirtu, li bih laħmek nissel lil Ġesù stess .... Ħa nħobb lil Ġesù fl-Ispirtu s-Santu li fiH naduraw lil Ġesù bħala Mulej u naħsbu fuqu bħala Iben"84.

27. Kultant jingħad li ħafna kitba spiritwali tal-lum ma turix biżżejjed it-tagħlim kollu dwar l-Ispirtu s-Santu. Huwa x-xogħol tal-istudjużi li jqisu u jaraw kemm dan hu minnu. Imma x-xogħol tagħna huwa li nħeġġu 'l kulħadd, l-aktar lil dawk li għandhom il-kura pastorali u lit-teologi, biex jidħlu aktar fil-fond fil-ħsieb fuq il-ħidma tal-Ispirtu fl-istorja tal-fidwa u biex iqisu li l-kitba fuq il-qima nisranija tisħaq kif inhu xieraq dwar il-ħidma tiegħu li jagħti l-ħajja. Minn dan joħroġ, l-aktar x'għandhom x'jaqsmu ma' xulxin l-Ispirtu t'Alla u l-Verġni ta' Nażaret u l-ħidma tagħhom fil-Knisja. U minn ħsieb aktar fil-fond fuq it-tagħrif tal-fidi joħroġ kif wieħed għandu jgħix fil-qdusija.

28.  Huwa wkoll meħtieġ li fit-taħriġ ta' qima li l-insara jfaħħru lil Omm il-Mulej, ikun ċar il-post li għandha fil-Knisja: "wara Kristu l-aktar post għoli u l-aktar qrib lejna"85. Il-bini liturġiku tar-Rit Biżantin kemm fl-arkitettura kif ukoll fix-xbihat juru ċar il-post ta' Marija fil-Knisja. Fil-bieb tan-nofs tal-iconostasis hemm it-tħabbira lil Marija, fl-apside hemm ix-xbieha ta' Omm Alla fil-glorja. B'dan il-mod wieħed jara kif meta l-qaddejja tal-Mulej aċċettat bl-imħabba, umiltà, il-bnedmin bdew it-triq lura lejn Alla u raw fil-glorja tal-Verġni Mbierka l-iskop tal-mixja tagħhom. Is-simbolu tal-bini tal-Knisja juri l-post ta' Marija fil-misteru tal-Knisja, u mimli tifsir u wieħed jittama li l-forom differenti tal-qima lejn il-Verġni Mbierka jistgħu jkunu miftuħa għad-dehra tal-Knisja.

Is-sejħa tal-Konċilju Vatikan II dwar il-ħsibijiet ġenerali tan-natura tal-Knisja bħala familja t'Alla, poplu t'Alla, saltna t'Alla, Ġisem Mistiku ta' Kristu86, tagħmilha aktar ħafifa għall-insara biex jifhmu l-missjoni ta' Marija fil-misteru tal-Knisja, u l-post speċjalii tagħha fix-xirka tal-qaddisin. L-insara jkunu aktar jistgħu jħossu l-irbit t'aħwa li jgħaqqadhom kollha għaliex huma wlied tal-Verġni "li fit-twelid mill-ġdid u fil-formazzjoni spiritwali tagħhom tagħti sehemha b'imħabba t'Omm"87, kif ukoll għaliex huma wlied il-Knisja għaliex "twelidna mill-ġuf tagħha, xrobna mill-ħalib tagħha, u ngħixu bl-Ispirtu tagħha"88. Kemm Marija kif ukoll il-Knisja jagħtu sehemhom biex inisslu l-Ġisem Mistiku ta' Kristu "It-tnejn huma Omm Kristu, imma l-ebda waħda ma nisslet il-ġisem kollu bla l-għajnuna tal-oħra"89. Fl-aħħar nett l-insara jifhmu wkoll aktar eżatt li l-ħidma tal-Knisja fid-dinja tixbaħ u tkompli l-ħidma ta' Marija. Tant hu hekk li l-imħabba u l-ħidma tal-Verġni f'Nażaret, fid-dar ta' Eliżabetta, f'Kana, fuq il-Golgota (li kollha huma mumenti tal-fidwa li għandhom importanza fil-ħajja tal-Knisja) jkompli fil-ħidma tal-Knisja Omm, biex il-bnedmin kollha jaslu għat-targħrif tas-sewwa (1 Tim. 2,4), fil-ħsieb għall-umli, għall-fqar, għad-dgħajfa, fil-ħidma bla waqfien għall-paċi u l-ftehim soċjali, fl-isforzi tagħha biex il-bnedmin kollha jkollhom sehem mill-fidwa li l-mewt ta' Kristu mmeritat għalihom. B'hekk l-imħabba għall-Knisja ssir imħabba għal Marija u bil-maqlub, għaliex il-waħda ma tistax tkun mingħajr l-oħra kif juri tajjeb San Kromazju t'Aquileja: "Il-Knisja kienet magħquda fiċ-ċenaklu flimkien ma' Marija, Omm Ġesù, u ma' ħutu. Għalhekk ma nistgħux nitkellmu dwar il-Knisja mingħajr Marija, Omm il-Mulej, flimkien ma' ħutu"90. Biex nagħalqu, nerġgħu nisħqu fuq il-ħtieġa li l-qima lejn il-Verġni Mbierka għandha turi biċ-ċar is-sehem importanti tal-Knisja. B'hekk din il-qima tkun tista' tiġġedded kemm fil-forom kif ukoll fil-kitba, kif inhu xieraq.

 

 

II TAQSIMA   

Erba' Għajnuniet għall-Qima lejn il-Verġni Mbierka mill-Bibbja,

mill-Liturġija, mill-Ekumeniżmu u mill-Antropoloġija

29.  Ma' dan li għidna hawn fuq, li joħroġ mill-ħsieb dwar il-Verġni Marija u Alla, Missier, Iben u Spirtu s-Santu, u dwar il-Verġni Marija u l-Knisja, nixtiequ waqt li nimxu fuq it-tagħlim tal-Konċilju li nżidu xi għajnuniet mill-Bibbja, mill-Liturġija, mill-Ekumeniżmuu u mill-Antropoloġija, biex inżommuhom quddiem għajnejna waqt it-tiġdid jew il-ħolqien tal-qima, biex nagħmlu aktar ħaj u aktar jinħass l-irbit li jgħaqqadna ma' Omm Kristu u ma' Ommna fix-xirka tal-qaddisin.

30.  Illum huwa meqjus meħtieġ fil-qima nisranija li kull forma ta' qima jkollha xi marka mill-Bibbja. L-iżvilupp tal-istudji tal-Bibbja, it-tixrid dejjem jiżdied tal-Bibbja Mqaddsa u fuq kollox l-eżempju tat-tradizzjoni u l-ħidma nterna tal-Ispirtu, jqanqlu l-insara ta' żmienna biex jużaw dejjem iżjed il-Bibbja bħala ktieb ewlieni tat-talb, u biex joħorġu minnha ispirazzjonijiet tassew u eżempji li ma jingħaddux. Il-qima lejn il-Verġni Mbierka ma tistax tkun nieqsa minn din il-linja ġenerali tal-qima nisranija92, imma għandha tkun ispirata minnha biex tieħu saħħa ġdida u għajnuna ċerta. Il-Bibbja li tpoġġi quddiemna b'mod tal-għaġeb il-pjan ta' Alla għall-fidwa tal-bnedmin, hija mimlija bil-misteru tal-Feddej, u mill-Ġenesi sal-Apokalissi titkellem ukoll b'mod ċar fuq dik li hija Omm u Sieħba tal-Feddej. Imma, ma nixtiequx li din il-marka tal-Bibbja tkun biss fl-użu bir-reqqa tat-testi u s-simboli li jkunu magħżula bil-għaqal mill-Bibbja Mqaddsa. Aktar minn dan huwa meħtieġ. Tant hu hekk li huwa meħtieġ li t-talb u l-kant ikollhom il-kliem u l-ispirazzjoni tagħhom mill-Bibbja, u fuq kollox li l-qima lejn il-Verġni tkun magħquda mal-ġrajjiet kbar tal-messaġġ nisrani. Dan isir sakemm l-insara li jqimu lil dik li hi Tron tal-Għerf, ikunu huma stess imdawla bil-kelma t'Alla, u mmexxija biex jgħixu skont it-twissijiet tal-Għerf Inkarnat.

31.  Aħna ġa tkellimna dwar il-qima li l-Knisja tagħti lil Omm Alla fiċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija mqaddsa. Imma issa waqt li qed nitkellmu fuq il-forom l-oħra ta' qima u fuq il-provi li jdawluhom, ma nistgħux ma niftakrux fir-regoli tal-kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium li waqt li tħeġġeġ bil-qalb kollha t-taħriġ ta' qima tal-insara żżid: "... Jinħtieġ li dawn l-għemejjel ikunu minsuġa b'mod li waqt li jiġu mħarsa ż-żminijiet tal-liturġija, ikunu jaqblu mal-liturġija mqaddsa, ikunu b'xi mod ġejjin minnha, u jwasslu lill-poplu nisrani għaliha, billi min-natura tagħha hija ogħla minnhom sewwa"93. Din hija regola ta' għerf u regola ċara, imma mhux faċli biex titħaddem, l-aktar fil-qima lejn il-Verġni li tagħha nsibu ħafna forom differenti. Dak li huwa meħtieġ min-naħa ta' min huwa responsabbli għall-ġemgħa lokali huwa sforz, kollu kemm hu pastorali u li jkomplu sal-aħħar. Min-naħa tal-insara huwa meħtieġ li jkunu lesti biex jaċċettaw regoli u pariri li jiġu min-natura vera tal-qima nisranija. Xi minn daqqiet ikun meħtieġ li nibdlu xi drawwiet li bihom in-natura vera tal-qima nisranija tkun xi ftit imċajpra.

Għalhekk nixtiequ nsemmu żewġ modi li fil-ħidma pastorali jistgħu jġibu fix-xejn ir-regoli tal-Konċilju Vatikan II. L-ewwel nett hemm xi wħud li għandhom f'idejhom il-kura tal-erwieħ li mill-ewwel ikażbru d-devozzjonijiet li b'forom tajbin ingħataw mill-Maġisteru, jpoġġuhom fil-ġenb u b'hekk joħolqu vojt li ma jimlewhx. Dawn jinsew li l-Konċilju qal li d-devozzjonijiet għandhom ikunu jaqblu mal-liturġija u mhux li nwaqqfuhom. Mbagħad hemm l-imġiba tal-oħrajn li bla ebda raġuni liturġika u pastorali, jgħaqqdu flimkien devozzjonijiet u liturġija f'ċelebrazzjonijiet li m'għandhom x'jaqsmu xejn ma' xulxin. Kultant jiġri li fl-istess ċelebrazzjoni tas-sagrifiċċju tal-ewkaristija jdaħħlu xi novena jew devozzjoni oħra, bil-periklu li t-tifkira tal-Mulej ma tkunx il-quċċata tal-laqgħa tal-ġemgħa nisranija, imma biss il-ħin ta' xi devozzjoni. Lil min jagħmel hekk, irridu nfakkruhom li r-regola tal-Konċilju trid li d-devozzjonijiet u l-liturġija jmorru flimkien mhux li jitħawdu flimkien. Kull ħidma pastorali għandha turi u tisħaq fuq il-vera natura tal-liturġija u min-naħa l-oħra tapprezza d-devozzjonijiet biex tkun tista' tirranġahom għall-ħtiġiet tal-komunità tal-Knisja partikolari u jkunu għajnuniet kbar għal-liturġija.

32.  Minħabba n-natura tagħha fil-Knisja, il-qima lejn il-Verġni turi x'inhuma l-ħsibijiet tal-Knisja stess. Fi żmienna tiżboq il-ħerqa għall-għaqda fost l-insara. Għalhekk il-qima lejn Omm il-Mulej tkun miftuħa għax-xewqat u l-għanijiet tal-moviment ekumeniku. Dan hu hekk minħabba bosta raġunijiet.

Qabel xejn, l-insara kattoliċi jingħaqdu ma' ħuthom tal-Knisja Ortodossa fil-qima b'forom ta' poeżija u ta' tagħlim lejn il-Verġni Mbierka, b'mod speċjali b'imħabba lejn il-glorjuża Omm Alla u billi jsejħulha "Tama tal-Insara"94; jingħaqdu mal-Anglikani li t-teologi klassiċi tagħhom kienu ġa taw każ tal-pedament mill-Bibbja għall-qima lejn Omm il-Mulej tagħna, u t-teologi ta' żmienna jisħqu fuq l-importanza tas-sehem ta' Marija fil-ħajja nisranija; u jingħaqdu ma' ħuthom tal-Knejjes tar-Riforma li fihom kibret l-imħabba u l-ħerqa għall-Bibbja, billi jfaħħru 'l Alla bl-istess kliem tal-Verġni (Lq. 1,46-55).

Barra minn hekk, il-qima lejn Omm Kristu u l-insara, hija għall-Kattoliċi okkażjoni naturali u ta' spiss biex jitolbuha tidħol għalihom quddiem l-Iben, biex isseħħ l-għaqda tal-imgħammdin kollha f'poplu wieħed t'Alla95. Ma' dan ukoll, hija rieda tal-Knisja Kattolika li bla ma jitnaqqas bl-ebda mod il-karattru ta' din il-qima96, tieħu ħsieb li twarrab kull esaġerazzjoni li tista' twassal lill-aħwa insara l-oħra għal xi żball dwar it-tagħlim veru tal-Knisja Kattolika97. Barra minn hekk kull wirja ta' qima li ma taqbilx mal-prattika Kattolika għandha titwarrab.

Fl-aħħar nett billi hi ħaġa naturali li fil-vera devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka "l-Iben ikun magħruf, maħbub u glorifikat kif inhu xieraq ... meta l-Omm tkun imfaħħra"98, din issir it-triq li twassal għand Kristu, il-bidu u l-qofol tal-għaqda tal-Knisja li fiha dawk li jistqarru bil-miftuħ li huwa Alla u Mulej, Feddej u Medjatur Waħdieni (1 Tim. 2,5) huma msejħa biex ikunu ħaġa waħda ma' xulxin, ma' Kristu u mal-Missier f'għaqda mal-Ispirtu s-Santu99.

33.  Nafu li hemm nuqqas ta' qbil importanti bejn il-ħsieb ta' ħafna aħwa ta' knejjes u għaqdiet ta' knejjes oħrajn u t-tagħlim kattoliku "dwar ... is-sehem ta' Marija fil-ġrajja tal-fidwa"100, u għalhekk dwar il-qima li tingħatalha. Madankollu, billi hija l-istess qawwa tal-aktar għoli li għattiet lill-Verġni ta' Nażaret (Lq. 1,35) li qiegħda kuljum taħdem fil-moviment ekumeniku u tagħtih il-frott, nixtiequ nuru t-tama tagħna li l-qima lejn il-Qaddejja umli tal-Mulej, li magħha għamel ħwejjeġ kbar Dak li jista' kollox (Lq. 1,49), issir ukoll bil-mod il-mod mhux it-tfixkil, imma t-triq u fejn jiltaqgħu u jingħaqdu dawk kollha li jemmnu fi Kristu. Tant hu hekk li nħossuna ferħanin li naraw li l-ftehim aħjar dwar is-sehem ta' Marija fil-Misteru ta' Kristu u tal-Knisja, minn aħwa mifrudin ukoll, tħaffef il-mixja lejn l-għaqda. Kif is-sehem tal-Verġni f'Kana ġiegħel lil Ġesù jwettaq l-ewwel miraklu tiegħu (Ġw. 2,1-12), hekk ukoll fi żmienna, l-għajnuna tagħha tgħin biex tasal is-siegħa li fiha d-dixxipli ta' Kristu jsibu l-għaqda sħiħa fil-fidi. Din it-tama tagħna hija mqabbla ma' dak li qal il-Papa Ljun XIII qabilna: "Il-kaġun tal-għaqda fost l-insara" tagħmel parti eżatt mill-ħidma ta' Marija bħala Omm Spiritwali. Għaliex Marija ma setgħetx nisslet u ma setgħetx tnissilhom jekk mhux f'fidi waħda u f'imħabba waħda, "għaliex forsi Kristu maqsum?" (1 Kor. 1,13). Għandna lkoll flimkien ngħixu l-ħajja ta' Kristu, biex f'ġisem wieħed u fl-istess ġisem nagħmlu frott għal Alla (Rum. 7,4)101.

34.  Fil-qima lejn il-Verġni Mbierka rridu wkoll nagħtu każ ta' xi tagħrif ċert u ppruvat tax-xjenzi umani. Dan jgħin biex inwarrbu waħda mir-raġunijiet ta' nuqqas ta' ftehim li jqumu dwar il-qima lejn Omm il-Mulej; fi kliem ieħor, in-nuqqas ta' qbil bejn xi fergħat tal-qima u s-sejbiet moderni fl-antropoloġija, kif ukoll il-bidliet fil-fond li saru fil-qasam tal-psikoloġija u s-soċjoloġija li fihom jgħix u jaħdem il-bniedem tal-lum. Tant hu veru li wieħed isibha bi tqila biex juri fil-ħajja u s-soċjetà ta' żmienna, ix-xbieha tal-Verġni kif toħroġ minn xi kitba ta' qima l-aktar fil-ħajja tal-mara tal-lum: fid-dar, fejn il-liġi u l-evoluzzjoni tad-drawwiet ġabu kif kienu xierqa lill-mara daqs ir-raġel u responsabbli miegħu fit-tmexxija tal-familja; fil-politika fejn f'ħafna pajjiżi l-mara għandha s-sehem tagħha daqs tar-raġel fil-ħajja politika; fil-ħajja soċjali fejn il-mara nxteħtet għal bosta impiegi u kuljum qed tħalli dejjem iżjed l-ambjent magħluq tad-dar; fil-kultura fejn il-mara għandha aktar ftuħ fit-tiftix tax-xjenza u fil-ħidma tal-moħħ.

Bħala riżultat ta' dawn l-affarijiet kollha, xi wħud ma jurux ġibda lejn il-qima tal-Verġni u jkollhom problema biex jieħdu 'l Marija ta' Nażaret bħala mudell tagħhom, għaliex jgħidu li ħajjitha kienet xi ftit jew wisq magħluqa ħdejn il-ħafna attivitajiet li llum huma miftuħa għall-bnedmin. F'dan is-sens, waqt li nħeġġu lit-teoloġi, lil dawk li jmexxu l-komunità nisranija, u lill-insara stess, biex jagħtu każ xieraq ta' dawn il-problemi, jidhrilna li huwa floku li nagħtu sehemna biex tinstab tweġiba xierqa għalihom billi nagħtu xi ħsibijiet tagħna.

35.  Qabel xejn, il-Knisja minn dejjem poġġiet il-Verġni Marija bħala mudell għall-insara mhux eżatt minħabba l-mod kif kienet tgħix, u wisq anqas minħabba l-ambjent soċjali u kulturali tagħha li llum kważi ma għadu mkien. Imma Marija hija mudell għall-insara għaliex fil-ħajja tagħha hija dejjem laqgħet għal kollox u b'mod responsabbli r-rieda t'Alla (Lq. 1,38), għaliex semgħet il-kelma u għexitha; għaliex ħajjitha kienet mimlija bl-imħabba u bl-ispirtu ta' servizz; għaliex kienet l-ewwel u l-aktar dixxiplu perfett ta' Kristu. Dan kollu jiswa bħala mudell għal kulħadd u għal dejjem.

36.  Imbagħad nixtiequ nuru li dawn il-problem li semmejna aktar 'il fuq huma marbutin max-xbieha popolari ta' Marija meħuda mill-kitba, u mhux mix-xbieha tagħha kif meħuda mill-Evanġelju, lanqas mit-tagħlim mgħarbel sewwa kif meħud mir-Rivelazzjoni. Anzi hija ħaġa mistennija li l-ġenerazzjonijiet insara li ġew f'ambjenti soċjali u kulturali differenti jfasslu x-xbieha u l-missjoni ta' Marija (bħala mara ġdida u nisranija perfetta li ġabret fiha l-qagħdiet l-aktar importanti fil-ħajja tal-mara: verġni, miżżewġa u omm), l-Omm ta' Ġesù, mudell tal-qagħda tal-mara u tal-ħajja tal-evanġelju, skont il-ħsieb, ideat u xbihat ta' żmienhom. Meta l-Knisja taħseb fuq l-istorja twila tal-qima lejn Marija, tifraħ meta tara din il-qima li ma waqfet qatt, imma qatt ma ntrabtet ma' xi modi ta' xi żmien partikolari jew xi ħsieb antropoloġiku. Il-Knisja fehmet li waqt li wirjiet reliġjużi huma fihom infushom tajbin, jistgħu ma jkunux jgħoddu biżżejjed għall-bnedmin ta' żminijiet u kulturi differenti.

37.  Fl-aħħar nett nixtiequ nuru li ż-żminijiet tagħna, xejn inqas minn ta' qabilhom, huma msejħin biex jiċċaraw it-tagħrif tagħhom skont il-kelma t'Alla, u biex inżommu mas-suġġett, biex iqabblu l-idejat antropoloġiċi tagħhom mal-problemi li joħolqu għax-xbieha tal-Verġni Marija, kif insibuha fl-Evanġelju. Il-qari tal-Bibbja taħt il-ħarsien tal-Ispirtu s-Santu flimkien mas-sejbiet tax-xjenzi umani u l-qagħdiet differenti tad-dinja tal-lum, jista' jwassal biex tifhem kif Marija tista' tkun meqjusa bħala mera tax-xewqat tal-bnedmin ta' żmienna. Għalhekk biex nagħtu eżempju, il-mara ta' żmienna, waqt li tixtieq li tagħti s-sehem tagħha billi tiddeċiedi fl-għażliet tal-komunità, bil-ferħa taħseb fuq Marija li, fi djalogu ma' Alla qablet b'mod responsabbli102 mhux biex tinħall xi problema mhux importanti, imma "għall-ħidma taż-żminijiet" kif kienet tissejjaħ tajjeb l-Inkarnazzjoni tal-Verb103. Wieħed għandu jistma li l-għażla ta' Marija biex tkun verġni fil-pjan t'Alla ħejjieha għall-misteru tal-Inkarnazzjoni, ma kienx xi att ta' disprezz għall-valur taż-żwieġ, imma kienet għażla ta' kuraġġ, magħmula biex tqaddes lilha nnifisha kollha kemm hi għall-imħabba t'Alla. B'hekk il-mara tal-lum tara bil-ferħ u b'għaġeb li Marija ta' Nażaret, waqt li kienet għal kollox f'idejn ir-rieda t'Alla, ma kienetx mara li tobdi bil-biża', jew li l-qdusija tagħha kienet iddejjaq lill-oħrajn, imma mara li ma toqgħodx titħasseb biex ixxandar li Alla jgħolli lill-umli u l-maħqurin u li jneħħi s-setgħanin ta' din id-dinja minn fuq it-tron tagħhom (Lq. 1,51-53). Hija tara f'Marija li tiżboq "l-umli u l-foqra tal-Mulej"104, mera qawwija, li taf xi jfissru faqar u tbatija, ħarba u eżilju (Mt. 2,13-23). Dawn huma ġrajjiet li ma jistgħux jaħarbu minn taħt għajnejn dawk li jridu jagħtu l-appoġġ fl-ispirtu tal-Evanġelju, l-isforzi għall-ħelsien tal-bniedem u tas-soċjetà. Marija ma tidhirx bħala Omm li jimpurtaha biss minn Binha divin, imma mara li bl-aġir tagħha qawwiet il-ġemgħa ta' żmien l-appostli fi Kristu (Ġw. 2,1-12) u l-missjoni tagħha ta' omm twessgħet u fuq il-kalvarju saret universali 105. Dawn mhumiex ħlief eżempji li minnhom jidher ċar kif ix-xbieha tal-Verġni ma tqarraqx ix-xewqat tal-bnedmin ta' żmienna u toffri mudell perfett ta' dixxiplu tal-Mulej: bennej tal-belt ta' din l-art u materjali, imma pellegrin bil-għaqal lejn il-belt tas-sema u eterna; ħabrieki għall-ġustizzja li teħles lill-batut u għall-imħabba li tibni lil Kristu fil-qalb.

38.  Wara li tajna dawn il-linji li kienu maħsubin biex jgħinu fl-iżvilupp bla tfixkil fil-qima ta' Omm il-Mulej, inħossu li huwa f'waqtu li niġbdu l-attenzjonii fuq xi drawwiet żbaljati dwar il-qima. Il-Konċilju Vatikan II ġa bl-awtorità tiegħu kkundanna kemm l-esaġerazzjonijiet tal-kliem u l-forma li jwasslu għal tagħlim ħażin, kif ukoll l-imħuħ magħluqa li jċajpru l-figura u l-missjoni ta' Marija. Il-Konċilju kkundanna wkoll xi tgħawwiġ fil-qima, bħal twemmin fieragħ li jwarrab l-importanza minn fuq is-serjetà għal fuq it-taħriġ minn barra biss; sentiment bla frott u li jgħaddi malajr, li huwa 'l bogħod mill-Evanġelju li jitlob ħidma bla waqfien106. Aħna nsaħħu dawn il-kundanni li jagħmel il-Konċilju fuq din l-imġiba u għemil. Dawn ma jaqblux mal-fidi kattolika u għalhekk m'hemmx posthom fil-qima kattolika. Difiża tajba kontra dawn l-iżbalji u t-tagħwiġ iġib il-qima lejn il-Verġni aktar b'saħħitha u tajba; qawwija fil-pedament fejn l-istudju tar-rivelazzjoni u l-attenzjoni għad-dokument tal-Maġisteru għad jirbħu fuq it-tfittix bla rażan għal affarijiet ġodda barra mis-soltu. Dan jiżgura li din il-qima tkun oġġettiva fl-isfond storiku, u għalhekk dak kollu li biċ-ċar huwa leġġenda jew falz għandu jitwarrab. Dan jiżgura wkoll li din il-qima tiġi taqbel mat-tagħlim, u għalhekk tiġi l-ħtieġa li twarrab il-preżentazzjoni falza tax-xbieha ta' Marija li waqt li tisħaq fuq fergħa waħda tfixkel id-dehra sħiħa li jagħti l-Evanġelju. Dan jagħmel l-iskop ta' din il-qima aktar ċar, u għalhekk għandu jingħata każ biex jinżamm 'il bogħod kull vantaġġ mhux xieraq.

39.  Fl-aħħar nett, skont il-ħtieġa nixtiequ li nerġgħu ngħidu li l-aqwa skop tal-qima lejn il-Verġni Mbierka hija l-glorja t'Alla u li tmexxi lin-nisrani biex jagħti ħajtu kollha kemm hi għar-rieda tiegħU. Tant hu hekk li meta wlied il-Knisja jgħaqqdu leħinhom mal-leħen tal-mara tal-Evanġelju u jfaħħru lil Omm Ġesù billi jgħidulu: "Imbierek il-ġuf li nisslek u s-sider li rdajt" (Lq. 11,27) jkunu wkoll immexxija biex jieħdu t-tweġiba serja tal-Imgħallem divin: "Imma aktar imberkin dawk li jisimgħu l-Kelma t'Alla u jagħmluha" (Lq. 11,28).

Din it-tweġiba kif jgħidu l-għorrief tal-Knisja107 u kif saħħaħ il-Konċilju Vatikan II108 hija tifħir ħaj għall-Verġni Marija, imma hija wkoll twissija għalina biex ngħixu skont il-kmandamenti t'Alla. Hija wkoll eku ta' kliem ieħor tal-Feddej: "Mhux kull minn jgħidli 'Mulej, Mulej' jidħol fis-saltna tas-sema, imma min jagħmel ir-rieda ta' Missieri li hu fis-sema" (Mt. 7,21), u "Intom ħbiebi jekk tagħmlu dak li nikkmandakom" (Ġw. 15,14).

 

 

 

 

 

IT-TIELET PARTI

Ħsibijiet dwar l-Atti ta' Qima:

L-"Angelus" u r-Rużarjuu Mqaddes

40.  Urejna xi prinċipji li kienu maħsubin biex jagħtu forza ġdida lill-qima ta' Omm il-Mulej. Issa huwa f'idejn il-Konferenzi Episkopali, dawk li huma responsabbli għall-komunità tal-post u l-familji reliġjużi biex iġeddu b'mod għaqli l-prattika u l-atti ta' qima lejn il-Verġni Mbierka u jħeġġu l-ħerqa ta' dawk li mqanqlin minn spirtu reliġjuż veru jew minn ħtieġa pastorali jixtiequ jagħtuha ħajja b'forom ġodda. Madankollu jidhrilna li hija ħaġa flokha għal bosta raġunijiet, li nitkellmu fuq żewġ atti ta' qima li huma l-aktar midħla fil-punent u li dwarhom din is-Sede tal-Appostli tkellmet kemm-il darba: l-Angelus Domini u r-Rużarju, jew il-kuruna tal-Imbierka Verġni Marija.

L-"Angelus Domini"

41.   Il-kelma tagħna fuq l-Angelus Domini trid tkun biss waħda ħafifa, imma fl-istess ħin ta' kuraġġ ħaj biex tinżamm din id-drawwa fejn u meta tista'. Din it-talba m'għandhiex bżonn ta' tiġdid: il-forma hija ħafifa, in-natura tagħha hija meħuda mill-Bibbja u l-bidu tagħha fl-istorja jgħaqqadha mat-talba għas-saħħa u l-paċi, il-mixja tagħha hija kważi tal-liturġija li tqaddes iż-żminijiet differenti tal-jum, il-ftuħ tagħha jfakkarna fil-Misteru tal-Għid li fih waqt li niftakru fl-Inkarnazzjoni tal-Iben t'Alla, nitolbu li naslu "permezz tal-Passjoni u s-Salib tiegħu għall-glorja tal-qawmien"109. Dawn kollha jżommu tul iż-żminijiet il-valur u l-qawwa tal-Angelus bla tibdil. Huwa veru li xi drawwiet li biż-żmien żdiedu mat-talba tal-Angelus twarrbu jew diffiċli biex ikomplu fil-ħajja moderna, imma dawn huma affarijiet ta' bla importanza. Ma jistax jinbidel il-valur tal-ħsieb fuq il-misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Verb, it-tħabbira lill-Verġni, u t-talba għall-għajnuna kollha ħniena tagħha. Minkejja li jinbidlu ż-żminijiet, għal ħafna bnedmin ma jinbidlux il-ħinijiet speċjali tal-jum (filgħodu, f'nofsinhar u filgħaxija) li juru l-ħinijiet tal-ħidma tagħhom u jistednuhom għal waqfa ċkejkna biex jitolbu.

Ir-Rużarju Mqaddes

42.  Ħuti għeżież, issa rridu li nieqfu ftit fuq it-tiġdid ta' dik il-qima li ssejjħet "il-ġabra tal-Evanġelju kollu"110: il-kuruna tal-Imbierka Verġni Marija, ir-Rużarju. Għal dan, il-Papiet ta' qabilna taw l-għaqal u l-ħsieb tagħhom. Ħafna drabi ħeġġew biex jingħad spiss, u li jinxtered aktar, fittxew li jfissru n-natura tiegħu, għarrfu s-siwi tiegħu biex jimxi 'l quddiem it-talb tal-moħħ (kontemplazzjoni), talb ta' tifħir u għall-għajnuna fl-istess ħin, u fakkru l-qawwa tiegħu biex tinxtered il-ħajja nisranija u l-ħidma tal-appostolat. Aħna wkoll, sa mill-ewwel udjenza ġenerali tal-Pontifikat tagħna fit-13 ta' Lulju 1963, urejna r-rispett kbir tagħna għar-rużarju111. Minn dak iż-żmien sħaqna fuq dan il-valur f'ħafna drabi kemm ordinarji kif ukoll speċjali, bħal meta fi żmien ta' niket u dubji ħriġna l-Enċiklika Christi Matri (15 ta' Settembru 1966) biex indawru t-talb tagħna lejn l-Imbierka Verġni tar-Rużarju biex titlob 'l Alla l-aqwa ġid, il-paċi112. Din it-talba ġeddidniha fl-Eżortazzjoni Appostolika tagħna Recurrens Mensis October (7 ta' Otturbu 1969), fejn fakkarna r-raba' ċentinarju tal-Ittra Appostolika Consueverunt Romani Pontifices tal-Papa San Pju V li fiha wera u b'xi mod waqqaf il-forma tradizzjonali tar-Rużarju113.

43.  Din il-ħeġġa li ma taqtax min-naħa tagħna lejn din il-kuruna għażiża tal-Verġni Mbierka Marija wasslitna biex nieħdu interess mill-qrib fil-ħafna laqgħat li saru f'dawn l-aħħar snin dwar il-pastorali tar-Rużarju fid-dinja tal-lum. Dawn kienu laqgħat immexxija minn għaqdiet u minn persuni li għandhom għal qalbhom ħafna d-devozzjoni tar-Rużarju, u li fihom ħadu sehem isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u lajċi magħrufa għall-esperjenza tagħhom u t-tagħrif tagħhom fuq il-Knisja. Fost dawn, hija ħaġa flokha li nfakkru l-ulied San Duminku li għal żmien twil għassu u mexxew 'il quddiem din id-devozzjoni ta' saħħa. Flimkien ma' dawn il-laqgħat imxew it-tiftix tal-istorja, li kien maħsub mhux biex tinstab (bħal fl-arkeoloġija) il-forma ewlenija tar-Rużarju, imma biex tikxef il-ħsieb ewlieni, il-qawwa warajh u l-forma meħtieġa fih. Minn dawn il-laqgħat u tiftix ħarġu b'mod ċar il-karattru bażiku tar-Rużarju, l-elementi meħtieġa tiegħu u kif dawn għandhom x'jaqsmu ma' xulxin.

44.  Hekk, ngħidu aħna, dehret aktar ċara l-ispirazzjoni tal-Evanġelju fir-Rużarju, għaliex mill-Evanġelju, ir-Rużarju ħa t-tifkira tal-misteri u l-formoli ewlenin. Kif wieħed iħares lejn it-tħabbira ta' ferħ tal-Anġlu u kif il-Verġni aċċettat bit-tjieba, ir-Rużarju jieħu l-ħsieb mill-Evanġelju dwar kif għandha tkun l-imġiba tal-insara li jgħiduh. Is-Sliema waħda wara l-oħra, tpoġġi quddiemna għal darb'oħra wieħed mill-misteri prinċipali tal-Evanġelju, l-Inkarnazzjoni tal-Verb, kif insibuh fil-mument importanti tat-tħabbira lil Marija. Għalhekk ir-Rużarju huwa talba mill-Evanġelju, kif illum forsi aktar minn qabel iħobbu jsejħulu r-rgħajja tal-bnedmin u l-istudjużi.

45.  Ġa ntwera b'mod ċar kif it-tagħrif bil-mod u sewwa tar-Rużarju juri kif il-Verb t'Alla, li fil-ħniena tiegħu daħal fl-istorja tal-bniedem, wettaq il-fidwa. Ir-Rużarju juri ħaġa b'ħaġa l-ġrajjiet prinċipali tal-fidwa li twettqu fi Kristu: mit-tnissil fil-Verġni u l-misteri tat-tfulija ta' Kristu sal-quċċata fil-ġrajjiet tal-għid, il-passjoni mbierka u l-qawmien fil-glorja, kif ukoll l-effetti li kellha fuq il-Knisja għadha titwieled nhar Għid il-Ħamsin, kif ukoll fuq il-Verġni Marija fil-jum li fih wara l-eżilju f'din l-art, ittellgħet bir-ruħ u bil-ġisem fis-sema. Wieħed jara wkoll il-qasma tal-misteri tar-Rużarju fi tliet taqsimiet li jaqblu mhux biss skont kif ġraw il-ġrajjiet fiż-żmien, imma fuq kollox turi l-pjan ewlieni tat-tħabbira tal-fidi u terġa tpoġġi quddiemna l-misteru ta' Kristu kif rah San Pawl fl-innu famuż tal-Ittra lill-Filippin: tkażbir, mewt u glorja (2,6-11).

46.  Bħala talba mill-Evanġelju, li l-qofol tagħha huwa fil-misteru tal-Inkarnazzjoni u l-fidwa, ir-Rużarju huwa talba li jdawwar il-ħsieb tagħna lejn Kristu. Tant hu hekk li min-natura tagħha l-litanija ta' "Sliem għalik Marija" wara xulxin issir tifħir bla waqfien lil Kristu, li huwa l-qofol kemm tat-tħabbira tal-anġlu, kif ukoll tat-tislima ta' Omm il-Battista: "Imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek" (Lq. 1,42). Nistgħu nżidu u ngħidu li l-ħafna "Sliem Għalik" wara xulxin huma l-fus li fuqu jdur il-ħsieb tal-misteri. Dak Ġesù li nsejħu f'kull Sliema, huwa l-istess Ġesù li l-misteri wieħed wara l-ieħor iqiegħdu quddiemna bħala l-Iben t'Alla u l-Iben tal-Verġni, mwieled f''għar ġewwa Betlehem, ippreżentat minn ommu fit-tempju, żagħżugħ mimli bil-ħeġġa għall-ħwejjeġ ta' Missieru; Feddej waqt l-agunija fil-ġnien, imsawwat u nkurunat bix-xewk, mgħobbi bis-salib u jmut fuq il-kalvarju; jqum mill-mewt u jitla' fil-glorja tal-Missier biex jibgħat ir-rigal tal-Ispirtu s-Santu. Huwa magħruf li f'xi żmien kien hemm id-drawwa li għadhom iżommuha f'xi postijiet li mal-Isem ta' Ġesù ta' kull Sliema jżidu l-ħsieb ta' kull misteru. Dan isir eżatt biex jgħin il-ħsieb u jgħaqqad il-moħħ mal-fomm.

47.  Inħasset ukoll bi bżonn akbar il-ħtieġa li nerġgħu nisħqu li barra mill-valur tat-tifħir u t-talb, hemm ukoll element ieħor importanti fir-Rużarju, it-talb tal-moħħ. Mingħajru r-Rużarju huwa ġisem bla ruħ, u waqt li jingħad ikun hemm il-periklu li jsir numru ta' formoli wara xulxin bħal makna, u jeħodha kontra t-twissija ta' Ġesù: "Meta titolbu, tgħidux ħafna kliem bħall-pagani, li jemmnu li jinstemgħu minħabba l-ħafna kliem" (Mt. 6,7). Fih innifsu, r-Rużarju jitlob li jingħad bil-mod, kważi bil-lajma biex ikun iżjed faċli li min qed jitlob jaħseb fuq il-misteri tal-ħajja tal-Mulej, kif rathom il-qalb ta' Dik li kienet l-aktar qrib tal-Mulej, u b'hekk jinkixef l-għana bla qies tiegħu.

48.  Mill-istudju ta' dan l-aħħar, ħareġ b'mod tajjeb kif il-liturġija u r-Rużarju għandhom x'jaqsmu ma' xulxin. Min-naħa waħda nsibu b'enfasi li r-Rużarju huwa bħal xi fergħa li toħroġ miz-zokk antik tal-liturġija nisranija, "is-salmi tal-Verġni" li bih l-umli jingħaqdu mal-innu ta' tifħir u mal-indħil universali tal-Knisja. Min-naħa l-oħra wieħed jara li dan l-iżvilupp sar fi żmien (l-aħħar parti taż-Żminijiet tan-Nofs) meta l-ispirtu tal-liturġija kien għan-niżla u l-insara bdew iduru mill-Liturġija għad-devozzjonijiet li jinħassu, lejn Kristu bħala bniedem u lejn l-Imbierka Verġni Marija. Jekk fi żmien mhux il-bogħod xi wħud bdew juru x-xewqa tagħhom biex ir-Rużarju jidħol fir-riti tal-liturġija, waqt li oħrajn ħerqana biex jaħarbu żbalji pastorali ta' qabel, bla raġuni warrbu r-Rużarju, illum din il-problema nistgħu nħolluha b'mod aktar ħafif jekk nimxu fuq il-prinċipji tal-kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium: iċ-ċelebrazzjonijiet tal-liturġija u l-att ta' qima tar-Rużarju m'għandhomx jitqiesu la kontra xulxin u lanqas bħala l-istess114. Kull talba tħalli aktar frott daqskemm iżżomm in-natura vera tagħha u d-dehra tagħha. Għalhekk la l-valur ta' dejjem tal-liturġija jissaħħaħ, ma jkunx diffiċli tagħraf kif ir-Rużarju bħala att ta' qima jaqbel ħafna mal-Liturġija Mqaddsa. Tant hu hekk li bħal-liturġija, ir-Rużarju għandu natura kommunitarja, meħuda mill-Bibbja Mqaddsa u ddur fuq il-misteru ta' Kristu. Għalkemm huma differenti ħafna, it-tifkira fil-liturġija, u t-tifkira fit-talb tar-Rużarju fihom l-istess ġrajjiet ta' fidwa li wettaq Kristu. Il-liturġija terġa' ġġib quddiem għajnejna l-misteri l-kbar tal-fidwa tagħna mgħottija taħt sinjali u jaħdmu fil-moħbi. Ir-Rużarju permezz tal-ħsieb u d-devozzjoni, jfakkar l-istess misteri fil-moħħ ta' min ikun qed jitlob u jqanqal ir-rieda biex jiġbed minnhom regoli għal ħajtu. Meta din id-differenza importanti tkun ċara, ma jkunx diffiċli tifherm kif ir-Rużarju huwa l-aktar att ta' qima li jieħu l-qawwa tiegħu mil-liturġija, u jekk nimxu fuq il-ħsieb li kellu fil-bidu, jwassalna mill-ġdid fil-liturġija bla ma jsir parti minnha. Tant hu hekk li l-meditazzjoni fuq il-misteri tar-Rużarju  li tagħmel l-imħuħ u l-qlub tal-insara midħla tal-misteri ta' Kristu, tista' tkun l-aħjar tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tagħhom fil-liturġija u b'hekk isiru eku mtawwal. Madankollu huwa żball li għadu jsir f'xi postijiet li jingħad ir-Rużarju waqt xi azzjoni liturġika.

49.  Il-kuruna tal-Verġni Mbierka Marija, skont it-tradizzjoni aċċettata mill-Papa ta' qabilna San Piju V, u kif għallimha bis-setgħa tiegħu, fiha bosta elementi mqegħdin flimkien:

          a) Il-ħsieb flimkien ma' Marija fuq numru ta' misteri tal-fidwa, maqsumin b'mod għaqli fi tliet taqsimiet li juru l-ferħ ta' żmien il-Messija, it-tbatija fil-fidwa ta' Kristu, u l-glorja tal-Irxoxt li ddellel il-Knisja; dan huwa ħsieb li fih innifsu jwassal għal riflessjonijiet fil-prattika u jqajjem regoli għall-ħajja;

          b)  It-talba tal-Mulej, Missierna, li minħabba l-valur bla tarf tagħha hija l-qofol tat-talba nisranija u l-għana fil-bosta talbiet tagħha;

          c)  Is-Sliema, waħda wara l-oħra li hija magħmula mit-tħabbira tal-anġlu lill-Verġni (Lq. 1,28) u mill-merħba ta' Eliżabetta (Lq. 1,42) u wara tkompli t-talba tal-Knisja, Qaddisa. Is-Sliema wara xulxin hija ħaġa tar-Rużarju biss, u n-numru tagħhom, fil-forma sħiħa tas-soltu ta' mija u ħamsin juru xi xebħ mas-Salmi u jmur lura sa' mill-bidu ta' dan l-att ta' qima. Imma dan in-numru li skont drawwa antika, huwa maqsum f'posti ta' għaxra marbutin ma' kull misteru huma mqassmin fuq it-tliet taqsimiet li ġa semmejna, u b'hekk iġibu r-Rużarju b'ħamsin Sliema. Dan daħal ħafna fl-użu bħala qies normali ta' dan l-att, u f'dan id-daqs sar popolari fil-qima u approvat mis-setgħa tal-papiet li għanewh b'bosta indulġenzi;

          d)  It-tifħir tal-Glorja lill-Missier li skont id-drawwa komuni fil-qima nisranija tagħlaq it-talba mit-tifħir 'l Alla, wieħed fi tlieta, li minnu, bih, u fih sar kollox (Rum. 11,36).

50.  Dawn huma l-elementi li jagħmlu r-Rużarju. Kull wieħed għandu l-marka tiegħu li jekk nifhmuhom bil-għaqal u ngħożżuhom għandhom ikunu ċari waqt li jingħad ir-Rużarju, biex ir-Rużarju jkun jista' juri l-għana kollu tiegħu u l-varjetà tiegħu. Hekk li talba tal-Mulej għandha tingħad b'mod serju u ta' talb, is-Sliema b'mod ta' poeżija u kollha tifħir, b'mod ta' ħsieb waqt il-meditazzjoni miġbura tal-misteru, u b'mod ta' adorazzjoni waqt il-Glorja. Dan jgħodd għall-modi kollha li fihom jingħad ir-Rużarju: kemm fil-privat meta min jitlob ikun miġbur f'għaqda mal-Mulej, kif ukoll fil-komunità, fil-familja jew l-insara magħqudin fi grupp, biex joħolqu l-preżenza tal-Mulej (Mt. 18,20); kif ukoll fil-pubbliku, jiġifieri f'laqgħat li għalihom tissejjaħ il-ġemgħa tal-Knisja.

51.  F'dawn l-aħħar żminijiet inħolqu xi atti ta' qima li ħadu l-ħsieb tagħhom mir-Rużarju. Fost dawn, nixtiequ nsemmu u nħeġġu dawk li daħħlu fil-forma tas-soltu taċ-Ċelebrazzjoni tal-Kelma t'Alla xi elementi mill-kuruna tal-Verġni Mbierka, bħall-meditazzjoni fuq il-misteri u l-litanija wara xulxin tat-tħabbira tal-anġlu. Dawn l-elementi jsiru aktar importanti għaliex ikunu ċċarati mill-qari mill-Bibbja, imfissra fl-Omelija, jkunu flimkien ma' mumenti ta' skiet, u msaħħin bil-kant. Nieħdu gost inkunu nafu li dawn l-atti għenu biex tiftiehem aktar bis-sħiħ, l-għana spiritwali tar-Rużarju stess u biex jerġa' jingħad bil-qima fost għaqdiet u movimenti żgħażagħ.

52.  Issa nixtiequ biex inkomplu bil-ħsieb tal-Papiet ta' qabilna, biex inħeġġu bil-qawwa kollha li jingħad ir-Rużarju fil-familja. Il-Konċilju Vatikan II wera kif il-familja, iċ-ċellula ewlenija u importanti tas-Soċjetà "turi lilha nnifisha bħala s-santwarju tal-Knisja fid-dar permezz tal-imħabba tal-membri għal xulxin, u t-talb flimkien lejn Alla115. Għalhekk il-familja nisranija turi lilha nnifisha bħala "knisja tad-dar"116, jekk il-membri tagħha kollha flimkien, kull wieħed skont il-ħtieġa u kif jista', jxerrdu l-ġustizzja, jagħmlu l-opri tal-ħniena, jagħtu lilhom infushom għall-għajnuna ta' ħuthom, jieħdu sehem fl-apostolat tal-ġemgħa lokali l-aktar wiesgħa, u jidħlu fil-qima tal-liturġija117. Barra minn hekk jgħollu flimkien talb lil Alla, għaliex jekk jonqos dan, jonqos dak li hu meħtieġ fil-familja nisranija. Għalhekk flimkien mal-ħsieb tat-teoloġija li tqis lill-familja bħala knisja tad-dar, hemm bżonn bilfors li jsir sforz qawwi biex fil-ħajja tal-familja jerġa' jitwaqqaf it-talb flimkien.

53.  Skont it-tagħlim tal-Konċilju, ir-regoli ġenerali dwar il-liturġija tas-sigħat, kif inhu xieraq, tgħodd il-familja bħala wieħed mill-gruppi li fihom l-Uffiċċju Divin jista' jingħad fil-komunità: "Huwa xieraq ... li l-familja bħala Knisja fid-dar, toffri mhux biss talb flimkien lil Alla, imma wkoll jgħidu biċċiet mil-Liturġija tas-Sigħat biex ikunu magħqudin aktar bis-sħiħ mal-Knisja"118. Għandna nippruvaw kull mezz biex niżguraw li dan il-parir ċar u prattiku jintlaqa' bil-ferħa u dejjem jiżdied fost il-familji nsara.

54.  Imma m'hemmx dubju, li wara ċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija tas-Sigħat, il-quċċata tat-talb tal-familja li jista' jintlaħaq hija l-kuruna tal-Verġni Mbierka Marija, li meta tingħad flimkien għandna nqisuha bħala waħda mill-aħjar u l-aktar talbiet li tħalli frott, u kull familja nisranija hija mistiedna biex tgħidha. Tant hu hekk li nieħdu gost naħsbu u bil-qalb nittamaw li meta l-familja tiltaqa' fil-ħin tat-talb, ir-Rużarju huwa l-aktar forma ta' talb li jingħad u li hu magħgub. Nafu wkoll li kif tbiddlu l-kundizzjonijiet tal-ħajja llum, mhux faċli għall-familja li tinġabar, u wkoll li meta din il-ġabra sseħħ, ħafna affarijiet jagħmluha bi tqila biex issir żmien ta' talb. Bla dubju hija ħaġa tqila. Imma hija fin-natura tan-nisrani li fil-ħajja tiegħu ma jċedix għall-kundizzjonijiet tal-ambjent, imma jirbaħhom, ma jaqtax qalbu imma jagħmel kuraġġ. Għalhekk il-familji li jridu jgħixu s-sejħa sħiħa tagħhom u l-qdusija tal-familja nisranija għandhom jaħlu l-enerġija kollha tagħhom biex iwarrbu dak kollu li jfixkel dawn il-laqgħat tal-familja u ta' talb flimkien.

55.  Waqt li nagħalqu dawn il-ħsibijiet li huma xhieda tal-interess u l-qima li din is-Sede Appostolika għandha għall-kuruna tar-Rużarju Mqaddes, nixtiequ li fl-istess ħin inħeġġu li fit-tixrid ta' din id-devozzjoni ma jinqabżux il-limiti u lanqas ma tintwera bħala biżżejjed waħidha. Ir-Rużarju huwa talba mill-aqwa, imma dwaru l-insara għandhom iħossuhom tassew ħielsa, imħeġġin biex jgħiduh bil-kwiet. imqanqlin mis-sbuħija tiegħu.

 

GĦELUQ

Il-Valur Teoloġiku u Pastorali tal-Qima

lejn il-Verġni Marija

56.   Għeżież ħutna, fit-tmiem ta' din l-eżortazzjoni appostolika nixtiequ nisħqu fil-qosor dwar il-valur teoloġiku tal-qima lejn il-Verġni u nfakkru fil-qosor il-ħtieġa pastorali tagħha għat-tiġdid tal-ħajja nisranija.

Il-qima tal-Knisja lejn il-Verġni Marija hija punt importanti tal-qima nisranija. Il-qima li l-Knisja tagħti lil Omm il-Mulej f'kull post u f'kull żmien, mill-barka tat-tislima ta' Eliżabetta (Lq. 1,42-45) sat-tifħir u t-talb ta' żmienna, hija xhieda mill-aktar qawwija tar-regoli ta' talb tal-Knisja u stedina biex tqajjem fiha regola ta' fidi. Min-naħa l-oħra, ir-regola ta' fidi tal-Knisja titlob li fuq kollox tfisser ir-regoli ta' talb lejn Omm Kristu. Din il-qima lejn il-Verġni għandha l-għeruq fondi tagħha fil-Kelma rivelata u fuq bażi qawwija ta' fidi: il-kobor waħdieni ta' Marija, "Omm l-Iben t'Alla u għalhekk Bint l-Aktar maħbuba tal-Missier, u l-għamara tal-Ispirtu s-Santu; għaliha dan ir-rigal ta' grazzja speċjali kien bil-bosta qabel kull ħlejqa oħra, kemm tas-sema kif ukoll tal-art"119; is-sehem tagħha fil-ħinijiet l-aktar importanti fil-ġrajja tal-fidwa, imwettqa mill-Iben; il-qdusija tagħha, sħiħa fit-tnissil bla tebgħa u li żdied kull meta ngħaqdet mar-rieda tal-Missier u għaddiet mit-triq tat-tbatija (Lq. 2,34-35; 2,41-52; Ġw. 19,25-27), tikber il-ħin kollu fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba; il-missjoni u l-post waħdieni tagħha fi ħdan il-Poplu t'Alla, li tiegħu hija sieħba mill-aqwa; eżempju l-aktar jiddi, u Omm ta' mħabba kbira; l-għajnuna tagħha bla waqfien u kollha frott, li għalkemm imtella' fis-sema, hija mill-aktar qrib għall-insara li jitolbuha kif ukoll lejn dawk li ma jagħtux każ li huma wliedha; il-glorja tagħha, li għaniet lill-bnedmin kollha kif qal tant tajjeb il-poeta Dante: "Inti tant għanejt lin-natura tal-bnedmin li l-Ħallieq tagħha ma rahiex bi kbira biex jissieħeb fiha"120. Fil-fatt, Marija hija mir-razza tagħna, bint tassew ta' Eva, għalkemm meħlusa mill-ħtija ta' din l-omm, u tassew oħtna, li bħala mara umli u fqira qasmet sal-aħħar il-kundizzjoni tagħna.

Inzidu wkoll li l-qima lejn il-Verġni Mbierka ssib il-valur tagħha fir-rieda bla qies u ħielsa t'Alla, li bħala mħabba eterna u divina (1 Ġw. 4,7-8, 16) kollox jagħmel skont il-pjan tal-imħabba. Huwa jħobbha u jagħmel ħwejjeġ kbar għaliha (Lq. 1,49); iħobbha għalih innifsu u għalina; taha għalih u għalina wkoll.

57.   Kristu huwa t-triq ewlenija lejn il-Missier (Ġw. 14,4-11). Kristu huwa l-aqwa eżempju li fih id-dixxiplu jrid ifassal l-imġiba tiegħu (Ġw. 13,15), biex iħoss l-istess bħalu (Fil. 2,15), jgħix l-istess ħajja u jkollu l-istess spirtu (Gal. 2.20; Rum. 8,10-11). Il-Knisja għallmet dan f'kull żmien, u fil-ħidma pastorali, xejn ma jista' jċajpar dan it-tagħlim. Imma l-Knisja, mgħallma mill-Ispirtu s-Santu u bl-esperjenza ta' ħafna żmien, taf li anki l-qima lejn il-Verġni Mbierka, wara l-qima lejn il-Feddej Divin u flimkien magħha, tagħti bosta frott pastorali u tibni qawwa li ġġedded il-ħajja nisranija. Ir-raġuni wara dan il-frott jista' jintgħaraf malajr. Tant hu hekk li l-ħafna elementi tal-missjoni ta' Marija lejn il-Poplu t'Alla huma fatti soprannaturali li jaħdmu u jħallu l-frott fil-ġisem tal-Knisja. Wieħed jifraħ meta jaħseb fuq il-ħafna elementi ta' din il-missjoni, u jara kif kull wieħed bil-frott tiegħu għandu l-istess skop, dak li jġib fl-ulied l-istess natura spiritwali tal-Ewwel Iben. Irridu ngħidu li s-sehem ta' Omm tal-Verġni, l-eżempju tal-qdusija tagħha, u l-grazzja divina, li hemm fiha, jsiru għall-bnedmin punt ta' tama mill-għoli.

Il-missjoni ta' Omm tal-Verġni ħeġġet lill-poplu t'Alla biex idur lejha b'tama ta' wlied, għaliex hija dejjem lesta biex tisimgħu b'għożża t'Omm u b'għajnuna li tħalli l-frott121. Il-poplu t'Alla dara jsejjħilha faraġ tal-imnikktin, saħħa tal-morda, kenn tal-midinbin, biex ikollu l-faraġ fid-dwejjaq, il-fejqan fil-mard, u l-qawwa tal-ħelsien fil-ħtija; għaliex hija ħielsa mid-dnub u twassal 'l uliedha biex jiġġieldu b'ħeġġa qawwija kontra d-dnub122. U hemm bżonn nerġgħu ngħidu li dan il-ħelsien mid-dnub u l-ħażen (Mt. 6,13) huwa meħtieġ qabel kull tiġdid tal-ħajja nisranija.

L-eżempju tal-qdusija jħeġġeġ l-insara biex jgħollu "għajnejhom lejn Marija, li tiddi quddiem il-ġemgħa tal-magħżulin bħala mudell tal-virtù"123. Dawn huma virtujiet sodi u mill-Evanġelju: il-fidi u li tilqa' bil-ħlewwa l-kelma t'Alla (Lq. 1,26-38; 1,45; 11,27-28; Ġw. 2,5); l-ubbidjenza mill-qalb (Lq. 1,38); l-umiltà tassew (Lq. 1,48); l-imħabba mħeġġa (Lq. 1,39-58); l-għerf bla qies (Lq. 1,29, 34; 2,19, 33, 54); il-qima lejn Alla, murija fit-twettiq tad-dmirijiet reliġjużi (Lq. 2,21, 22-40, 41); il-ħajr għar-rigali li qalgħet (Lq. 1,46-1,12-14); il-qawwa fl-eżilju (Mt. 2,13-23); fid-dwejjaq (Lq. 2,34-35, 49; Ġw. 19,25); il-faqar li juri l-kobor u t-tama f'Alla (Lq. 1,48, 24); il-kura sħiħa lejn l-Iben, mill-umiltà tal-grotta sad-disprezz tas-salib (Lq. 2,1-7; Ġw. 19,25-27); il-ħsieb bil-għaqal minn qabel (Ġw. 2,1-11); is-safa tal-verġni (Mt. 1,18-25; Lq. 1,26-38), il-qawwa u s-safa tal-imħabba t'għarusa. Dawn il-virtujiet tal-Omm iżejnu wkoll l-ulied li bil-qawwa jħarsu lejn l-eżempju tagħha, biex jimxu fuqu fil-ħajja tagħhom. Dan l-iżvilupp fil-virtujiet jidher bħala riżultat u frott misjur ta' dik il-ħeġġa pastorali li toħroġ mill-qima lejn il-Verġni Mbierka.

Il-qima lejn Omm il-Mulej ssir għall-insara okkażjoni biex jikbru fil-grazzja t'Alla, li huwa l-aħħar skop ta' kull ħidma pastorali. Għaliex ma jistax ikun li wieħed ifaħħar lil "mimlija bil-grazzja" (Lq. 1,28) bla ma jfaħħar fl-istess ħin il-grazzja t'Alla fih, jew il-ħbiberija ma' Alla, l-għaqda miegħu, il-qagħda tal-ispirtu fih. Din il-grazzja t'Alla timla l-bniedem kollu kemm hu u tagħmlu xbieha tal-Iben t'Alla (Rum. 8,29; Kol. 1,18). Il-Knisja Kattolika, mgħonija mill-esperjenza ta' bosta snin, tagħraf fid-devozzjoni lejn il-Verġni, għajnuna qawwija għall-bnedmin fil-mixja tagħhom lejn il-milja tagħhom. Marija, il-Mara l-Ġdida, hija qrib Kristu, ir-Raġel il-Ġdid. Fil-misteru tiegħu biss isib id-dawl il-misteru tal-bniedem124. Hija mogħtija lilna bħala rahan u garanzija li fi ħlejqa safja, jiġifieri fiha (f'Marija), ġa seħħ il-pjan t'Alla fi Kristu għall-fidwa tal-bniedem sħiħ. Il-Verġni Marija fid-dawl tal-ġrajjiet tal-Evanġelju u minħabba l-fatt li ġa qiegħda fil-belt t'Alla, toffri dehra ċara u kelma ta' kuraġġ għall-bnedmin ta' żmienna, li ħafna drabi jkunu magħfusin bin-niket u t-tama, megħlubin mill-limiti tagħhom, u mifnija minn xewqat bla għadd, imħawdin f'ruħhom u b'qalbhom maqsuma, b'moħħhom inċert minħabba l-ħsieb tal-mewt, magħfusin għax iħossuhom weħidhom waqt li jridu jingħaqdu ma' ħaddieħor, vittmi tad-dispjaċir u tal-għali. Hija turi r-rebħa tat-tama fuq in-niket, tal-għaqda fuq is-solitudni, tal-paċi fuq it-taqlib, tal-ferħ u s-sabiħ fuq id-dwejjaq u d-dispjaċir, tal-eternità fuq din l-art, tal-ħajja fuq il-mewt.

Il-qofol tal-Eżortazzjoni tagħna u l-aħħar raġuni tal-valur pastorali tal-qima lejn il-Verġni li twassal il-bniedem lejn Kristu huma l-kliem stess li hija qalet lill-qaddejja tat-tieġ ta' Kana: "Agħmlu dak li jgħidilkom" (Ġw. 2,5). Dawn il-kliem mad-daqqa t'għajn jidhru li jiswew biss biex juru x-xewqa li jirranġa t-tfixkil li nqala' fil-festa. Imma fid-dawl tar-raba' Evanġelju, huma bħal leħen li jerġa' jsemma l-kliem li qal il-poplu t'Iżrael biex juri li jaqbel mal-patt tas-Sinaj (Eż. 19,8; 24,3, 7; Dt 5,27), jew biex iġeddu l-kelma tagħhom (Ġos. 24,24; Esd. 10,12; Neħ. 5,12). Huwa leħen ukoll li b'mod tal-għaġeb jaqbel ma' dak tal-Missier fid-dehra fuq il-Muntanja Tabor: "Lilu isimgħu" (Mt. 17,5).

58.  Aħwa għeżież, tkellimna ftit fit-tul dwar element li huwa parti importanti tal-qima nisranija: il-qima lejn Omm il-Mulej. Dan kien meħtieġ min-natura stess tas-suġġett, li f'dawn l-aħħar snin kien suġġett ta' studju, ta' tiġdid, u xi minn daqqiet anki ta' perplessità. Aħna mfarrġin mill-ħsieb li x-xogħol li twettaq minn din is-Sede Appostolika, u minna stess, fuq il-linji tal-Konċilju, l-aktar dwar it-tiġdid tal-liturġija, huwa pass 'il quddiem biex il-qima lejn Alla, Missier u Iben u Spirtu, tkun aktar ħajja, u biex tikber il-ħajja nisranija fost l-insara. Aħna nimtlew bit-tama meta naraw li l-liturġija Rumana mġedda, meta neħduha f'daqqa, hija xhieda ċara tal-qima tal-Knisja lejn il-Verġni. Nittamaw li r-regoli li tajna biex nagħmlu din il-qima aktar safja u qawwija, isiru fil-prattika bis-sinċerità. Fl-aħħar nett nifirħu li l-Mulej tana okkażjoni li nagħtu dawn il-punti bil-ħsieb biex jiġġedded u jissaħħaħ ir-rispett lejn ir-Rużarju Mqaddes. Faraġ, tama u ferħ huma s-sentimenti li nixtiequ nibdlu f'tifħir bla tarf u ħajr lejn il-Mulej, waqt li ngħaqqdu l-leħen tagħna ma' tal-Verġni Mbierka kif titlob il-Liturġija Rumana125.

Aħwa għeżież, waqt li nuru t-tama tagħna li bl-impenn mill-qalb tagħkom, kemm fil-kleru kif ukoll fil-poplu li huma fdati f'idejkom tikber il-qima lejn Marija bi qligħ ċert għall-Knisja u għall-bnedmin, nagħtu mill-qalb il-Barka Appostolika tagħna lilkom u lill-insara kollha, li lilhom toffru l-ħeġġa pastorali tagħkom.

Mogħtija f'Ruma, minn San Pietru, 2 ta' Frar, Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej, fis-sena 1974, il-ħdax tal-Pontifikat Tagħna.

                                                                                      Papa PAWLU VI

 

 

Noti:

1                    Ara Lactantius, Divinae Institutiones IV, 3, 6-10; CSEL 19, p.279

2                    Ara Sacrosanctum Concilium, nn. 1-3, 11, 12, 48; AAS 56 (1964); pp. 97-98, 102-103, 105-106, 113

3                    Sacrosanctum Concilium, 103/186: AAS 56 (1964), p. 125

4                    Ara Lumen Gentium, n. 66/442, AAS 57 (1965) p. 65

5                    Ibid.

6                    Quddiesa votiva tal-Verġni Mbierka Marija, Omm il-Knisja, Prefazju

7                    Ara Lumen Gentium, nn. 66-67; AAS 57 (1965), pp. 65-66; Sacrosanctum Concilium,  n. 103; AAS 56 (1964), p. 125

8                    Ara Eżortazzjoni Appostolika Signum Magnum: AAS 59 (1967), pp. 465-475

9                    Ara Sacrosanctum Concilium,  n.3: AAS 56 (1964), p. 98

10                Ara ibid. n. 102: AAS 56 (1964), p. 125

11                Ara Missal Ruman imġedded b'digriet tal-Imqaddes Konċilju Ekumeniku Vatikan II, imxandar bis-setgħa tal-Papa Pawlu VI, edizzjoni tipika, MCMLXX, 8 ta' Diċembru, Prefazju.

12                Missal Ruman, imġedded b'digriet tal-Imqaddes Konċilju Ekumeniku Vatikan II, imxandar bis-setgħa tal-Papa Pawlu VI. Ordo Lectionum Missae, edizzjoni tipika, MCMLXIX, p. 8, l-ewwel qari (Sena A: Iż. 7,10-14: "Ara Verġni tnissel"; Sena B: 2 Sam. 7,1-15; 8b-11, 16. "It-tron ta' David jerġa' jitwaqqaf għal dejjem quddiem il-Mulej"; Sena C: Mik. 5,2-5a (Lhud 1-4a): "Minnek jitwieled għalija dak li għandu jaħkem fuq Iżrael")

13                Ibid., p. 8, Evanġelju (Sena A: Mt. 1,18-24; "Ġesù twieled minn Marija li kienet mgħarrsa ma' Ġużeppi, iben ta' David"; Sena B: Lq. 1,26-38; "Inti tnissel u tiled iben"; Sena C: Lq. 1,39-45: "Mnejn dan it-tifħir għalija li jkolli żjara mingħand Omm il-Mulej tiegħi?")

14                Ara Missal Ruman, Prefazju tal-Avvent, Prefazju II

15                Missal Ruman, ibid.

16                Missal Ruman, Talba Ewkaristika I, Imseħbin għall-Milied u l-ottava

17                Missal Ruman, 1 ta' Jannar, Antifona tal-Introjtu u Kolletta

18                Ara Missal Ruman, 22 ta' Awwissu, Kolletta

19                Missal Ruman, 8 ta' Settembru, Talba wara t-Tqarbin

20                Missal Ruman, 31 ta' Mejju, Kolletta

21                Ara ibid., Kolletta u Talba fuq l-Offerti

22                Missal Ruman, 15 ta' Settembru, Kolletta

23                Ara n. 1

24                Fost il-ħafna tifkiriet, ara dawn li ġejjin li huma miżmuma b'rispett kbir l-aktar fil-Lvant: Anaphora Marci Evangelistae: Prex Eucharistica, ed. A. Hanggi—I. Pahl. Fribourg. Ed. Universitaires, 1968, p. 107; Anaphora Iacobi Fratris Domini Graeca, ibid., p. 257; Anaphora Ioannis Chrysostomi ibid., p. 229

25                Ara Missal Ruman, 8 ta' Diċembru, Prefazju

26                Ara Missal Ruman, 15 ta' Awwissu, Prefazju

27                Ara Missal Ruman, 1 ta' Jannar, Talba wara t-Tqarbin

28                Ara Missal Ruman, Komuni tal-Imbierka Verġni Marrija, 6. Żmien il-Għid, Kolletta

29                Missal Ruman, 15 ta' Settembru, Kolletta

30                Missal Ruman, 31 ta' Mejju, Kolletta. Ara wkoll Prefazju tal-Imbierka  Verġni Marija II: "Huwa sewwa u xieraq.... f'din it-tifkira tal-Imqaddsa Verġni Marija nkabbru l-imħabba tiegħek għalina bl-istess kliem tagħha ta' radd il-ħajr"

31                Ara Lezzjonarju, III Ħadd tal-Avvent (Sena C: Zef. 3,14-18a) Ħadd fl-Ottava tal-Milied (Sena A: Mt. 2,13-15, 19-23; Sena B: Lq. 2,22-40; Sena C: Lq. 2,41-52); II Ħadd wara l-Milied (Ġw. 1,1-18); VII Ħadd wara l-Għid (Sena A. Atti 1,12-14); II Ħadd tas-Sena C: Ġw. 1,1-12); X Ħadd tas-Sena (Sena B: Ġen. 3,9-15); XIV-il Ħadd tas-Sena (Sena B: Mk. 6,1-6)

32                Ara Lezzjonarju, Il-Katekument u l-Magħmudija tal-adulti: it-Talba tal-Mulej (II Qari, 2, Gal. 4,4-7); Bidu tal-Ħajja nisranija barra l-Vġili tal-Għid (Evanġelju, 7, Ġw. 1,1-5, 9-14, 16-18); Quddiesa tat-Tieġ (Evanġelju 7, Ġw. 2,1-11); Konsagrazzjoni tal-Verġni u Professjoni Reliġjuża ( I Qari, 7, Iż. 61,9-11; Evanġelju, 6, Mk. 3,31-35; Lq. 1,26-38 (Ara Ordo Consecrationis Virginum, 130; Ordo Professionis Religiosae, Pars altera, 145)

33                Ara Lezzjonarju, għar-Refuġjati u l-Eżiljati (Evanġelju, 1, Mt. 2,13-15; 19-23); b'radd il-ħajr (I Qari, 4, Żef. 3,14-15)

34                Ara La Divina Commedia, Paradiso XXXIII, 1-9. ara Liturġija tas-Sigħat, Tifkira ta' Sidtna Marija fis-Sibt, Uffiċċju tal-Qari, Innu.

35                Ordni tal-Magħmudija tat-Tfal, n. 48; Ordni tal-Bidu tal-Ħajja Nisranija tal-Kbar, n. 214

36                Ritwal Ruman, Tit. VII, kap III, Barka għall-Ommijiet wara l-ħlas

37                Ara Ordni għall-Professjoni Reliġjuża, pars prior, 57 u 67

38                Ara Ordo Consecrationis Virginum, n. 16

39                Ara Ordo Professionis Religiosae, pars prior, nn. 62 u142; pars altera, nn. 67 u 158; Ordo consecrationis virginum, nn. 18 u 20

40                Ara Ordo Unctionis infirmorum eorumque pastoralis curae, nn. 143, 146, 147, 150

41                Ara Missal Ruman, Quddies għall-Mejtin, Għall-Aħwa, qraba u benefatturi mejtin, Kolletta

42                Ara Ordo Exequiarium,  n. 126

43                Ara Lumen Gentium, n. 63: AAS 57 (1965), p. 64

44                Ara Sacrosanctum Concilium, n. 7; AAS 56 (1964), pp. 100-01

45                Sermo 215, 4: PL 38, 1074

46                Ibid.

47                Ara Dei Verbum, n. 21: AAS 58 (1966), pp. 827-828

48                Ara Adversus Hereses IV, 7, 1, 990-991; S Ch 100, t II, pp. 454-458

49                Adversus Hereses III, 10, 2, PG 7, 1, 873; S Ch 34, p. 164

50                Ara Lumen Gentium, n. 62, AAS 57 (1965), p. 63

51                Sacrosanctum Concilium, n. 83/145: AAS 56 (1964), p. 121

52                Lumen Gentium, n. 63/139: AAS 57 (1965), p. 64

53                Ibid., n. 64/440; AAS 57 (1965), p. 64

54                Tractus XXV (In Nativitate Domini), 5: CCL 138, p. 123; Ch 22 bis, p. 132; ara wkoll Tractus XXIX (In Nativitate Domini) 1: CCL ibid., p. 117; S. Ch ibid., p. 178; Tractus LXIII (De Passione Domini) 6: CCL ibid., p. 386; S Ch 71, p.82

55                M. Ferotin, Le "Liber Mozarabicus Sacramentorum", col. 56

56                In Purificatione B. Mariae, Sermo III, 2; PL l83, 370; Sancti Bernardi Opera.ed. J. Leclercq-H. Rochais, IV, Romae 1966, p. 342

57                Ara Lumen Gentium, n. 57; AAS 57 (1965), p. 61

58                Ibid., n. 58/432; AAS 57 (1965), p. 61

59                Ara Piju XII, Enċiklika Mystici Corporis,  AAS 35 (1943), p. 247

60                Ara Sacrosanctum Concilum, n. 47; AAS 56 (1964) p. 113

61                Ara ibid., nn. 102 u 106: AAS 56 (1964), pp. 125 u 126

62                " ..... irrid infakkrek f'dawk kollha li minn din il-ħajja kienu jogħġbuk, mis-Santi Padri, il-patrijarki, il-Profeti, l-appostli .... u l-qaddisa u glorjuża Marija, Omm Alla u tal-qaddisin kollha ... ħa jiftakru fil-miżerja u l-faqar tagħna, u joffrulek, flimkien magħna, dan is-sagrifiċċju kbir u bla tixrid ta' demm": Anaphora Jacobi fratris Domini Syriaca: Prex Eucharistica, ed. A. Hanggi-1. Pahl, Frilbourg. Editions Universitaires, 1968, p. 274

63                Expositio Evangelii Secundum Lucam, II, 26, CSEL 32, IV, p. 55; S Ch 15, pp. 83-84

64                Lumen Gentium, n. 67/443: AAS 57 (1965), p. 65

65                Sacrosanctum Concilium, N. 103/186: AAS 56 (1964), p. 125

66                Lumen Gentium, n. 67/443: AAS 57 (1965), p. 65

67                Ara ibid., n. 67: AAS 57 (1965), PP. 65-66

68                Ara Sacrosanctum Concilium, n. 104: AAS 56 (1964), pp. 125-126

69                Ara Lumen Gentium, n. 66: AAS 57 (1965), p. 65

70                Ara Pawlu VI, Diskors tal-24 ta' April, 1970, fis-Santwarju ta' Sidtna Marija ta' Bonaria, f'Cagliari: AAS 62 (1970), p. 300

71                Piju IX, Ittra Appostolika Ineffabilis Deus Pii IX Pontificis Maximi Acta, I, 1, Romae 1854, p. 599; ara wkoll V. Sardi, La Solenne Definizione del Dogma Dell'Immacolata Concepimento di Maria Santissima, Atti e Documenti Roma 1904-1905, vol. II, p. 302

72                Ara Lumen Gentium, n. 66: AAS 57 (1965), p. 65

73                S. Hildefonsus, De Virginitate Perpetua Sanctae Mariae, Kap XII: PL 96, 108

74                Lumen Gentium, n. 56/430, AAS 57 (1965), p. 60 kif ukoll l-awturi li semmejna fin-nota n. 176

75                Ara S. Ambrosius, De Spiritu Sancto II, 37-38: CSEL 79, pp. 100-101; Cassianus, De Incarnatione Domini II, kap. II; CSEL 17, PP. 247-249; S. Beda, Homilia I, 3: CCL 122, p. 18 u p. 20

76                Ara S. Ambrosius, De Istitutione Virginis, kap XII, 79: PL 16 (ed. 1880), 339; Epistula 30, 3 ed. Epistula  42, 7: ibid., 1107 u 1175; Expositio Evangelii Secundum Lucam X, 132: S. Ch 52, p. 200; S. Proclus Constantinopolitanus, Oratio I, 1 u Oratio V, 3: PG 65, 681 u 720; S. Basilius Seleucensis, Oratio XXXIX, 3; PG 85, 433; S. Andreas Cretensis, Oratio IV; PG 97, 868; S. Germanus Constantinopolitanus, Oratio III, 15: PG 98, 305

77                Ara S. Hieronymus, Adversus Jovinianum I, 33: PL 23, 267; S. Ambrosius, Epistula 63, 33: PL 16 (ed. 1880), 1249; De Institutione Virginis, kap. XVII, 195: ibid., 246;  De Spiritu Sancto III, 79-80, CSEL 79, pp. 182-183; Sedulius, Hymnus "A Solis Ortus Cardine" vv. 13-14: CSEL 10, p. 164; Hymnos Acathistos, str. 23: ed. I. B. Pitra, Analecta Sacra, I, p. 261; S. Procius Constantinopolitanus, Oratio I, 3: PG 65, 684; Oratio II, 6: ibid., 700; S. Basilius Seleucensis, Oratio IV: PG 97, 868; S. Joannes Damascenus, Oratio IV, 10, PG 96, 667

78                Ara Severus Antiochenus, Homilia 57: PO 8, pp. 357-358; Hesychius Hierosolymitanus, Homilia de Sancta Maria Deipara: PG 93, 1464; Chrysippus Hierosolymitanus, Oratio in Sactum Maria Deiparam, 2: PO 19, p. 338; S. Andrea Cretensis, Oratio V: PG 97,  896, S. Joannes Damascenus, Oratio  VI, 6: PG 67, 672

79                Liber Apotheosis, vv. 571-572: CCL 126, p. 97

80                Ara S. Isidorus, De Ortu et Obitu Patrum, kap. LXVII, 114: PL, 83, 148: S. Hildefonsus, De Virginitate Perpetuae Sanctae Mariae, kap X: PL 96, 95; S. Bernardus, In Assumptione B. Virginis Mariae, Sermo IV, 4: PL 183, 428; In Nativitate B. Virginis Mariae, ibid., 442; S. Petrus Damianus; Carmina Sacra et Preces II, Oratio ad Deum Filium: PL 145, 921; Antiphona "Beata Dei Genetrix Maria": Corpus Antiphonatium Officii, ed. R.J. Hesbert, Roma 1970, vol. IV n. 6324, p. 80

81                Ara Paulus Diaconus, Homilia I, In Assumptione B. Mariae Virginis: PL 95, 1567; De Assumptione Sanctae Mariae Virginis, Paschasio Radberto trib., nn. 31, 42, 57, 83: ed. A. Ripberger, in "Spicilegium Friburgense" n. 9, 1962, pp. 72, 76, 84, 96-97; Eadmerus Cantuariensis, De Excellentia Virginis Mariae, kap. IV-V: PL 159, 562-567; San Bernardus In Laudibus Virginis Matri, Homilia IV, 3: Sancti Bernardi Opera, ed. J. Leclercq-H. Rochais. IV. Romae 1966, pp. 49-50

82                Ara Origines, In Lucam Homilia VII, 3: PG 13, 1817; S Ch. 87, p. 156; S. Cyrillus Alexandrinus, Commentarius in Aggaeum Propheta, kap. XIX; PG 71, 1060; S. Ambrosius,  De Fide  IV, 9, 113-114; CSEL 78 pp. 197-198; Expositio Evangelii Secumdum Lucam II, 23 u 27-28: CSEL 32, IV, pp. 53-54 u 55-56; Severianus Gabalensis, In Mundi Creationem Oratio VI, 10; PG 56, 497-498; Antipater Bostrensis, Homilia in Sanctissimae Deiparae Annuntiationem, 16: PG 85, 1785

83                Ara Eademrus Cantuariensis, De Excellentia Virginis Mariae,  kap VII, PL 159, 571; S. Amedeus Lausannensis, De Maria Virgine Matre Homilia, VII: PL 188, 1337; S Ch 72, p. 184

84                De Virginitate Perpetua Sanctae Mariae, kap. XII: PL 96, 106

85                Lumen Gentium, n. 54/428: AAS 57 (1965), p. 59. Ara Pawlu VI, Diskors lill-Padri tal-Konċilju fl-għeluq tat-tieni sessjoni tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, fl-4 ta' Diċembru 1963: AAS 56 (1964), p. 37

86                Ara Lumen Gentium,  n. 6, 7-8, 9-17; AAS 57 (1965), pp. 8-9, 9-12, 12-21

87                Ibid., n. 63/439: AAS 57 (1965), p. 64

88                S. Cyprianus, De Catholicue Ecclesiae Unitate, 5:CSEL 3, p. 214

89                Isaac de Stella, Sermo LI, In Assumptione B. Mariae: PL 194, 1863

90                Sermo XXX, 1: S Ch 164, p. 134

91                Lumen Gentium,  nn. 66-69: AAS 57 (1965), pp. 65-67

92                Ara Dei Verbum, n. 25, AAS 58 (1966), pp. 829-830

93                N. 13: AAS 56 (1964), p. 103

94                Ara Officium Magni Canonis Paracletici, Magnum Orologion, Athenis 1963, p. 558; passim fil-kanoni u t-talb tal-Liturġija: ara Sofronio Eustradiadou, Theotokarion, Chennevieres –sur-Marne 1931, pp. 9, 19

95                Ara Lumen Gentium, n. 69: AAS 57 (1965) pp. 66-67

96                Ara ibid., n. 66: AAS 57 (1965), p. 65; Sacrosanctum Concilium,  n. 103; AAS 56 (1964), p. 125

97                Ara Lumen Gentium, n. 67; AAS 57 (1965), pp. 65-66

98                Ibid., n. 66/442; AAS 57 (1965), p. 65

99                Ara Pawlu VI, Diskors lill-Padri tal-Konċilju fil-Bażilka tal-Vatikan fil-21 ta' Novembru 1964: AAS 57 (1965), p. 65

100            Unitatis Redintegratia, n. 20/560: AAS 57 (1965), p. 65

101            Enċiklika Adiutricem Populi: AAS 28 (1895-1896), p. 135

102            Ara Lumen Gentium, n. 56: AAS 57 (1965), p. 60

103            S. Petrus Chrysologus, Sermo CXLIII. PL 52, 583

104            Lumen Gentium, n. 55/429: AAS 57 (1965), pp. 59-60

105            Ara Pawlu VI, Eżortazzjoni Appostolika Signum Magnum, I: AAS 59 (1967), pp. 467-468; Missale Romanum, 15 ta' Settembru, Talba fuq l-Offerti

106            Ara Lumen Gentium, n. 67: AAS 57 (1965), pp. 65-66

107            Ara Santu Wistin, In Ioannis Evangelium, Tractus X, 3: CCL 36, pp. 101-102; Epistula 243,  Ad Laetum,  n. 9: CSEL 57, pp. 575-576; S. Beda, In Lucae Evangelium Expositio, IV, xi, 28: CCL 120, p. 237; Homelia I, 4: CCL 122, pp. 26-27

108            Ara Lumen Gentium, n. 58: AAS 57 (1965), p. 61

109            Missal Ruman, IV Ħadd tal-Avvent, Kolletta. L-istess dwar il-Kolletta tal-25 ta' Marzu li tista' tintuża fl-Angelus flok ta' qabilha

110            Piju XII, Ittra Philippinas Insulas lill-Arċisqof ta' Manila: AAS 38 (1946), p. 419

111            Ara Taħdita lil dawk li kienu qed jieħdu sehem fit-III Kungress Internazzjonali Dumnikan dwar ir-Rużarju: Insegnamenti di Paolo VI,  I (1963), pp. 463-464

112            Ara AAS 58 (1966), pp. 745-749

113            Ara AAS 61 (1969), pp. 649-654

114            Ara n. 13, AAS 56 (1964); p. 103

115            Apostolicam Actuositatem, n. 11/955: AAS 58 (1966), p. 848

116            Lumen Gentium, n. 11/314: AAS 57 (1965), p. 16

117            Ara Apostolicam Actuositatem, n. 11: AAS 58 (1966), p. 848

118            N. 27

119            Lumen Gentium, n. 53/427: AAS 57 (1965), pp. 58-59

120            La Divina Commedia, Paradiso XXXIII, 4-6

121            Ara Lumen Gentium, nn. 60-63: AAS 57 (1965), pp. 62-64

122            Ibid., n. 65: AAS 57 (1965),  pp. 64-65

123            Ibid., n. 65/441: AAS 57 (1965), p. 64

124            Ara  Gaudium et Spes, n. 22: AAS 58 (1966), pp. 1042-1044

125            Ara Missal Ruman, 31 ta' Mejju, Kolletta

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta