|
IL-KREDU TAL-POPLU TA’ ALLA
STQARRIJA TAL-FIDI MILL-PAPA PAWLU VI
F’GĦELUQ IS-SENA TAL-FIDI
30 TA’ ĠUNJU, 1968
X’GĦANDU JEMMEN IL-KATTOLIKU F’DAN IŻ-ŻMIEN TA’ TIBDIL U TA’ STUDJU?
Il-Papa Pawlu VI wieġeb ċar fl-Istqarrija tal-Fidi li għamel fit-30 ta’ Ġunju, 1968 waqt ċelebrazzjoni solenni fi Pjazza San Pietru biex jagħlaq is-Sena tal-Fidi.
Din l-Istqarrija ta’ Fidi mhux xi definizjoni dommatika ġdida; hija sempliċi espożizzjoni tal-Kredu, li ngħidu fil-Quddiesa. Żied xi kliem biex jispjega aħjar xi veritajiet skont kif huwa meħtieġ għaż-żminijiet ta’ llum.
Il-Papa donnu ried jobdi l-kelma li Ġesù Kristu qal lil San Pietru fl-aħħar Ċena, meta qallu:
“Jiena tlabt għalik biex il-Fidi tiegħek ma tonqosx, u inti .... wettaq il-ħutek” (Lq. 22, 21).
STQARRIJA TAL-FIDI
It-Trinità
Aħna nemmnu f’Alla wieħed il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, li ħalaq dak kollu li jidher – bħalma hi din id-dinja fejn ngħaddu l-ħajja tagħna – u dak li ma jidhirx – bħal ma huma l-ispirti puri msejħa wkoll anġli – u li ħalaq f’kull bniedem ir-ruħ spiritwali u immortali.
Aħna nemmnu f’dan Alla wieħed li hu assolutament wieħed fl-essenza infinitament qaddisa tiegħu kif ukoll fil-perfezzjonijiet tiegħu kollha: fl-omnipotenza tiegħu, fix-xjenza tiegħu bla tarf, fil-provvidenza tiegħu, fir-rieda u fl-imħabba tiegħu. “Hu dak li hu”, kif hu stess wera lil Mosè, u huwa “l-imħabba”, kif għallimna l-Appostlu Ġwanni, hekk li dawn iż-żewġ ismijiet Esseri u Mħabba, ifissru b’mod tal-għaġeb l-istess realtà divina ta’ Dak li wera lilu nnifsu lilna u li “waqt li jgħammar f’dawl li ma jistax jintlaħaq” hu fih innifsu ‘l fuq minn kull isem, mill-ħwejjeġ kollha u minn kull intelliġenza maħluqa. Dan Alla wieħed jista’ jagħtina t-tagħrif veru u sħiħ tiegħu innifsu, billi juri lilu nnifsu bħala l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu Santu, li tiegħu aħna msejħin bil-grazzja biex nissieħbu fil-ħajja ta’ dejjem, hawnhekk fl-oskurità tal-fidi, u wara l-mewt, fid-dawl ta’ dejjem. Ir-rabtiet ta’ bejniethom li jagħmlu t-Tliet Persuni minn dejjem, li huma kull waħda l-uniku u l-istess Esseri divin, huma l-ħajja intima u mbierka ta’ Alla infinitament qaddis, ‘l hemm bla tarf minn dak kollu li nistgħu nifhmu bħala bnedmin. Għalhekk aħna niżżu ħajr lit-tjieba divina għall-fatt li ħafna fidili jistgħu jixhdu magħna quddiem il-bnedmin li Alla hu wieħed, għalkemm ma jafux il-misteru tas-Santissima Trinità.
Għalhekk aħna nemmnu f’Alla li jnissel minn dejjem l-Iben; fl-Iben, il-Verb ta’ Alla, li hu mnissel minn dejjem; fl-Ispirtu s-Santu, Persuna mhux maħluqa li ġejja mill-Missier u mill-Iben bħala l-Imħabba tagħhom minn dejjem. Hekk, fit-tliet Persuni divini li huma “għal xulxin eterni u ugwali”, il-ħajja u l-hena ta’ Alla perfettament wieħed, joktru bla qies u jikkonsmaw lil xulxin fl-eċċellenza mill-aqwa u fil-glorja proprja ta’ Dak li mhux maħluq, hekk li “għandha tkun meqjuma l-unità fit-Trinità u t-Trinità fl-unità.
Ġesù Kristu
Aħna nemmnu f’Sidna Ġesù Kristu, li hu l-Iben ta’ Alla. Hu l-Verb etern, imwieled mill-Missier qabel kull żmien u tal-istess sustanza mal-Missier, jiġifieri “homoousios to Patri”; u bih sar kollox. Hu ħa l-ġisem bil-qawwa tal-Ispirtu Santu mill-Verġni Marija u sar bniedem; indaqs għalhekk mal-Missier skont id-divinità, inqas mill-Missier skont l-umanità, għal kollox wieħed mhux b’xi konfużjoni (li ma tistax issir) tas-sustanza imma bl-unità tal-persuna.
Hu għammar fostna, kollu grazzja u verità. Ħabbar u waqqaf is-Saltna ta’ Alla biex jagħmilna nagħarfu l-Missier. Tana l-kmandament li nħobbu ‘l xulxin bħalma hu nnifsu ħabbna. Għallimna t-triq tal-Beatitudnijiet tal-Vanġelu biex inkunu foqra fl-ispirtu, u mansweti, inġarrbu t-tbatija bis-sabar, ikollna għatx tal-ġustizzja, u ħniena, inkunu safjin fil-qalb, u nies tal-paċi, inbatu l-persekuzzjoni minħabba l-ġustizzja. Bata taħt Ponzju Pilatu, Ħaruf ta’ Alla li jerfa’ fuqu id-dnubiet tad-dinja, miet għalina msammar mas-Salib, u salvana bid-demm feddej tiegħu. Wara li difnuh, bil-qawwa tiegħu nnifsu qam mill-imwiet fit-tielet jum waqt li għolliena bil-qawwa tiegħu għat-tisħib fil-ħajja divina li hi l-grazzja. Tela’ s-sema, mnejn jerġa jiġi biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, kull wieħed skont il-merti tiegħu; hekk li jmorru fil-ħajja ta’ dejjem dawk li jkunu wieġbu għall-Imħabba u l-Ħniena ta’ Alla, imma jmorru fin-nar li qatt ma jintemm dawk li sa l-aħħar ikunu ċaħduhom.
U s-Saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem.
L-Ispirtu s-Santu
Aħna nemmnu fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja, li hu meqjum u msebbaħ flimkien mal-Missier u mal-Iben, Hu tkellem magħna b’fomm il-Profeti; intbagħat lilna minn Kristu wara li qam mill-imwiet u tela’ għand il-Missier; hu jdawwal, jagħti l-ħajja, iħares u jmexxi l-Knisja, isaffi l-membri tagħha sakemm ma jopponux il-grazzja. Bil-ħidma tiegħu, li tippenetra sal-qalba tar-ruħ, il-bniedem, fl-umiltà li jikseb minn Kristu, jista’ jsir perfett, bħalma perfett hu l-Missier li hu fis-smewwiet.
Marija SS.ma
Aħna nemmnu li Marija hi l-Omm, li baqgħet dejjem verġni, tal-Verb Inkarnat, Alla u Salvatur tagħna Gesù Kristu, u li hi, minħabba l-merti ta’ Binha, kienet mifdija b’mod iżjed eminenti, ħielsa minn kull tebgħa tad-dnub tan-nisel u mimlija bid-don tal-grazzja wisq iżjed mill-ħlejjaq l-oħra kollha.
Imsieħba mal-misteru tal-Inkarnazzjoni u tal-Fidwa b’rabta qawwija li ma tinħalx, il-Verġni Mqaddsa Marija, l-Immakulata, fit-tmien din il-ħajja, telgħet bir-ruħ u l-ġisem fil-glorja tas-sema u saret tixbaħ lil Binha li qam mill-imwiet hekk li kisbet minn qabel ix-xorti tat-tajbin kollha; aħna nemmnu li l-Omm Qaddisa ta’ Alla, Eva l-ġdida, Omm il-Knisja, tissokta fis-sema l-uffiċċju tagħha ta’ omm lejn il-membri ta’ Kristu, billi tikkoopera fit-tnissil u fl-iżvilupp tal-ħajja divina fl-erwieħ tal-mifdijin.
Id-Dnub u l-Grazzja
Aħna nemmnu li f’Adam kulħadd dineb; dan ifisser li l-ħtija oriġinali mwettqa minnu waqqgħet in-natura tal-bniedem komuni għall-bnedmin kollha, fi stat li fih tbati l-konsegwenzi ta’ dik il-ħtija, u li mhux iżjed dak l-istat li fih kienu jinsabu l-ewlenin ġenituri tagħna, konfermati fil-qdusija u fil-ġustizzja u li fih il-bniedem la kien iġarrab ħażen u lanqas mewt. Għalhekk in-natura tal-bniedem imħassra sfat imneżżgħa mid-don tal-grazzja li bih qabel kienet imżejna u midruba fil-forzi naturali u proprji tagħha waqgħet taħt il-ħakma tal-mewt, li tgħaddi għand il-bnedmin kollha; u hu f’dan is-sens li kull bniedem jitwieled fid-dnub.
Aħna għalhekk nistqarru mal-Konċilju ta’ Trento li d-dnub oriġinali jgħaddi man-natura tal-bniedem “mhux b’imitazzjoni imma bit-tnissil”, u li hu “proprju għal kull wieħed”.
Aħna nemmnu li Sidna Ġesù Kristu bis-Sagrifiċċju tas-Salib fdiena mid-dnub tan-nisel u mid-dnubiet personali kollha mwettqa minn kull wieħed minna, b’mod illi skont il-kelma tal-Appostlu: “Fejn kotor id-dnub, aktar kotrot il-grazzja”.
Aħna nistqarru u nemmnu f’magħmudija waħda mwaqqfa minn Sidna Ġesù Kristu għall-maħfra tad-dnubiet. Il-magħmudija għandha tingħata anke lit-tfal żgħar li għad li ma setgħux ikunu ħatjin ta’ dnub personali, biex huma, imweldin mingħajr grazzja soprannaturali, jitwieldu mill-ġdid, “mill-ilma u l-Ispirtu s-Santu” għall-ħajja divina fi Kristu Ġesù.
Il-Knisja
Aħna nemmnu fi Knisja waħda, qaddisa, kattolika u apostolika, imwaqqfa minn Ġesù Kristu, fuq il-blata li hi Pietru. Hi l-Ġisem mistiku ta’ Kristu, soċjetà li tidher, imsawwra b’organi ġerarkiċi, u komunità spiritwali, il-Knisja fuq l-art, il-Poplu ta’ Alla għaddej f’pellegrinaġġ hawnhekk, u l-Knisja mogħnija bil-ġid tas-sema, iż-żerriegħa u l-ewwel frott tas-Saltna ta’ Alla, li biha jissoktaw, matul il-ġrajja tal-bnedmin, l-opra u t-tbatijiet tal-Fidwa, u li tixxennaq bil-forzi kollha tagħha għall-milja perfetta li għandha tinkiseb ‘l hemm miż-żmien fil-glorja tas-sema. Il-Mulej Ġesù ikompli jifforma l-Knisja tiegħu bis-sagramenti li ħerġin mill-milja tiegħu.
Hu bihom li l-Knisja tagħmel li l-membri tagħha jissieħbu fil-misteru tal-Mewt u tal-Qawmien ta’ Ġesù Kristu, fil-grazzja msawwba tal-Ispirtu s-Santu, li jagħtiha l-ħajja u l-ħidma. Hi għalhekk qaddisa, għalkemm tiġbor fi ħdanha l-midinbin, għax hi ma għandhiex ħajja oħra ħlief dik tal-grazzja; hu proprju billi jgħixu din il-ħajja li l-membri tagħha jitqaddsu, kif inhu li billi jitbiegħdu minn din il-ħajja li jaqgħu fid-dnub u fid-diżordni li jfixklu l-qdusija tagħha milli tiddi u tixtered. Għalhekk il-Knisja tbati u tagħmel penitenza għad-dnubiet, li minnhom għandha s-setgħa li tfejjaq ‘l uliedha bid-Demm ta’ Kristu u bid-don tal-Ispirtu s-Santu.
Werrieta tal-wegħdiet divini u bint Abraham fl-Ispirtu, b’dak Israel li tiegħu tgħożż b’imħabba l-Kotba Mqaddsa u tqim il-Patrijarki u l-Profeti; imwaqqfa fuq l-Appostli, minn seklu għal seklu tgħaddi bil-fedeltà l-kelma tagħhom dejjem ħajja u s-setgħat tagħhom ta’ Rgħajja fis-Suċċessur ta’ Pietru u fl-Isqfijiet magħquda miegħu; dejjem megħjuna mill-Ispirtu s-Santu, il-Knisja għandha l-missjoni li tħares, tgħallem, tfisser u xxerred il-verità, li Alla wera lill-bnedmin b’mod moħbi bil-Profeti u b’mod sħiħ u assolut bil-Mulej Ġesù. Aħna nemmnu dak kollu li hemm fil-kelma ta’ Alla, miktuba jew mgħoddija u li l-Knisja tipproponi biex nemmnu bħala divinament rivelat, kemm b’ġudizzju solenni kif ukoll bil-maġisteru ordinarju u universali. Aħna nemmnu fl-infallibilità li minnha jgawdi s-Suċċessur ta’ Pietru, meta jitkellem “ex cathedra” bħala Ragħaj u Għalliem tal-Insara kollha, u li minnha jgawdi wkoll il-Kulleġġ tal-Isqfijiet meta jeżerċita miegħu il-maġisteru suprem.
Aħna nemmnu li l-Knisja, li Kristu waqqaf u li għaliha talab, bla nuqqas hi waħda fil-fidi, fil-qima u fir-rabta tal-komunjoni tal-Ġerarkija mqaddsa. Fi ħdan din il-Knisja, kemm il-varjetà għanja tar-riti liturġiċi kif ukoll id-diversità leġittima tal-patrimonju teoloġiku u spiritwali u tad-dixxiplini partikolari, mhux talli ma jagħmlux ħsara lill-unità tagħha, imma jqegħduha f’dawl iżjed ċar.
Waqt li nagħarfu wkoll, barra mill-organiżmu tal-Knisja ta’ Kristu, l-eżistenza ta’ ħafna elementi ta’ qdusija u verità li bħala doni proprji għall-Knisja nfisha jieħdu lejn il-għaqda kattolika, u waqt li nemmnu fil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu li fid-dixxipli kollha ta’ Kristu jqanqal ix-xewqa għal din il-għaqda, aħna għandna t-tama li l-Insara, li s’issa m’humiex fil-komunjoni sħiħa mal-unika Knisja, għad ġurnata jingħaqdu f’merħla waħda taħt Ragħaj wieħed.
Aħna nemmnu li l-Knisja hi meħtieġa għas-salvazzjini għax Kristu hu l-medjatur wieħed u t-triq tas-salvazzjoni li jsir preżenti għalina fil-Ġisem tiegħu, li hi l-Knisja. Imma l-pjan divin tas-salvazzjoni jħaddan il-bnedmin kollha; għax dawk li mingħajr ħtija tagħhom ma jafux bil-Vanġelu ta’ Kristu u bil-Knisja tiegħu, imma jfittxu ‘l Alla b’qalb sinċiera u taħt l-influwenza tal-grazzja tiegħu jippruvaw iwettqu r-rieda tiegħu li huma jilmħu fil-kuxjenza tagħhom, dawn ukoll, f’għadd li Alla biss jafu, jappartienu, għalkemm b’mod li ma jidhirx, lill-Poplu tiegħu u jistgħu jiksbu s-salvazzjoni ta’ dejjem.
L-Ewkaristija
Aħna nemmnu li l-Quddiesa, ċelebrata mis-saċerdot li jirrappreżenta ‘l Kristu bis-setgħa mogħtija fis-Sagrament tal-Ordni Sagri u offerta minnu f’isem Kristu u f’isem il-membri tal-Ġisem Mistiku tiegħu, hi tassew is-Sagrifiċċju tal-Kalvarju li jsir preżenti sagramentalment fuq l-artali tagħna. Aħna nemmnu li kif il-ħobż u l-inbid ikkonsagrati mill-Mulej fl-aħħar Ċena nbidlu f’Ġismu u f’Demmu li ftit wara kellhom ikunu offerti għalina fuq is-Salib, bl-istess mod il-ħobż u l-inbid ikkonsagrati mis-saċerdot jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu li jsaltan glorjuż fis-sema; u aħna nemmnu li l-preżenza misterjuża tal-Mulej, taħt ix-xbiha ta’ dawk il-ħwejjeġ li jibqgħu jidhru l-istess bħal qabel għas-sensi tagħna, hi preżenza vera, reali u sostanzjali.
Għalhekk Kristu ma jistax ikun preżenti b’mod ieħor f’dan is-Sagrament jekk mhux bil-bdil f’Ġismu tas-sustanza kollha tal-ħobż u bil-bdil f’Demmu tas-sustanza kollha tal-inbid, waqt li jibqgħu bla mibdula l-proprjetajiet biss tal-ħobż u tal-inbid li jaqgħu taħt is-sensi tagħna. Din il-bidla misterjuża hi msejjħa mill-Knisja mqaddsa, b’mod tassew adattat, “transustanzjazzjoni”. Kull interpretazzjoni teoloġika, li tipprova tifhem b’xi mod dan il-misteru, biex taqbel mal-fidi kattolika, għandha żżomm sħiħ li fir-realtà oġġettiva, indipendentement mill-ispirtu tagħna, il-ħobż u l-inbid ma jibqgħux aktar preżenti wara l-konsagrazzjoni, b’mod li minn dak il-ħin ikunu l-Ġisem u d-Demm adorabbli tal-Mulej Ġesù tassew preżenti quddiemna taħt ix-xbihat sagramentali tal-ħobż u tal-inbid, hekk kif ried il-Mulej stess, biex jingħata lilna bħala ikel u biex iseħibna fl-unita’ tal-Ġisem mistiku tiegħu.
L-eżistenza waħda u indiviżibli ta’ Kristu l-Mulej glorjuż fis-sema ma tkunx moltiplikata bis-Sagrament, imma ssir preżenti fid-diversi postijiet tad-dinja fejn tkun ċelebrata l-Quddiesa; hekk għandna dak “il-Misteru tal-fidi” u tar-rikkezzi ewkaristiċi li jeħtieġilna nemmnu fih mingħajr eċċezzjoni. Wara s-Sagrifiċċju, din l-eżistenza tibqa’ preżenti fis-Sagrament Imqaddes li jinżamm fit-tabernaklu bħala l-qalb ħajja tal-knejjes tagħna.
Għalhekk hu dmir tassew ħelu għalina li nagħtu ġieħ u nqimu fl-Ostja Mqaddsa, li jaraw għajnejna, il-Verb inkarnat innifsu li huma ma jistgħux jaraw u li, bla ma jħalli s-sema, sar preżenti quddiemna.
Is-Saltna ta’ Alla
Aħna nistqarru wkoll li s-Saltna ta’ Alla, mibdija hawnhekk fil-Knisja ta’ Kristu, mhix ta’ din id-dinja, li l-figura tagħha tgħaddi, u li l-avvanz veru tagħha ma jistax jitqies bħall-progress taċ-ċiviltà umana, tax-xjenzi jew tat-teknika, imma jikkonsisti filli jsiru magħrufa dejjem iżjed fil-fond ir-rikkezzi bla tarf ta’ Kristu, filli tikber b’qawwa dejjem akbar it-tama fil-ġid ta’ dejjem, filli tingħata tweġiba b’ħeġġa dejjem akbar lill-imħabba ta’ Alla, u filli jixterdu b’kotra dejjem akbar il-grazzja u l-qdusija fost il-bnedmin. Imma hi din l-istess imħabba li ġġiegħel lill-Knisja li tagħti każ il-ħin kollu tal-veru ġid temporali tal-bnedmin. Waqt li qatt ma tehda li tfakkar ‘l uliedha li huma ma għandhomx hawnhekk belt stabbli, madankollu hi tqanqalhom biex jagħtu s-sehem tagħhom, kulħadd skont is-sejħa u l-mezzi proprji tiegħu, għall-ġid tal-belt tagħhom f’din id-dinja, biex jaħdmu għall-ġustizzja, il-paċi u l-għaqda ta’ aħwa bejn il-bnedmin, biex jagħtu l-għajnuna xierqa tagħhom lil ħuthom, speċjalment lil dawk l-iżjed fqar u fil-bżonn.
Għalhekk it-tħassib kbir tal-Knisja, Għarusa ta’ Kristu, għall-bżonnijiet tal-bnedmin, għall-ferħ u t-tamiet tagħhom, għat-tbatijiet u l-ħidmiet tagħhom, m’huwiex ħaġ’oħra għajr ix-xewqa kbira li b’qawwa timbotta lill-Knisja biex tkun preżenti fosthom ħalli ddawwal il-bnedmin bid-dawl ta’ Kristu u tiġmagħhom u tgħaqqadhom ilkoll Fih, Salvatur wieħed tagħhom. Dan it-tħassib ma għandu qatt ifisser li l-Knisja tikkonforma lilha nfisha għall-ħwejjeġ ta’ din id-dinja, jew li tonqsilha l-ħeġġa li biha tistenna l-Mulej tagħha u s-Saltna ta’ dejjem.
Il-Ħajja ta’ Dejjem
Aħna nemmnu fil-ħajja ta’ dejjem. Aħna nemmnu li l-erwieħ ta’ dawk kollha li jmutu fil-grazzja ta’ Kristu – kemm jekk jibqagħlhom li jissaffew bin-nar tal-Purgatorju, kif ukoll jekk mill-mument li fih iħalli l-ġisem bħal l-Ħalliel it-Tajjeb ikunu milqugħa minn Ġesù fil-Ġenna – huma l-Poplu ta’ Alla ‘l hemm mill-mewt, li tkun megħluba darba għal dejjem fil-jum tal-Qawmien, meta dawn l-erwieħ jingħaqdu mill-ġdid mal-ġisem tagħhom.
Aħna nemmnu li l-ġemgħa ta’ dawk l-erwieħ, li jinsabu miġburin ma Ġesù u Marija fil-Ġenna, tifforma l-Knisja tas-sema, fejn fil-hena ta’ dejjem jaraw ‘l Alla kif inhu u fejn huma wkoll imseħbin, f’diversi gradi, flimkien mal-Anġli qaddisa fit-tmexxija divina eżerċitata minn Kristu glorjuż, billi jidħlu għalina u jgħinu d-dgħjufija tagħna bil-ħsieb tagħhom ta’ aħwa.
Aħna nemmnu fil-għaqda bejn il-fidili kollha ta’ Kristu, ta’ dawk li għadhom pellegrini fuq din l-art, il-mejtin li qed jissaffew u dawk li qed igawdu l-hena tas-sema, li lkoll flimkien jifformaw Knisja waħda; aħna nemmnu wkoll li f’din il-għaqda tgħinna l-imħabba ta’ Alla ħanin u tal-Qaddisin tiegħu li dejjem lesti biex jisimgħu it-talb tagħna, kif qalilna Ġesù: “Itolbu u taqilgħu”. Bl-istqarrija ta’ din il-fidi u din it-tama aħna nistennew il-qawmien mill-mewt u l-ħajja tad-dinja li għad trid tiġi.
Ikun imbierek