“ECCLESIAM SUAM”

Il-KNISJA TIEGĦU

L-Ewwel Enċiklika tal-Q.T Papa Pawlu VI

ITTRA ENĊIKLIKA

TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA PAWLU VI

6 ta' Awwissu 1964

 

Lill-Venerabbli Patrijarki, Primati, Arċisqfijiet

u Ordinarji oħra tal-post li huma f’komunjoni mas-Sede Appostolika,

lill-Kleru u lill-Insara fid-dinja kollha, u lill-bnedmin ta’ rieda tajba.

 

 

It-toroq li l-Knisja Kattolika jeħtieġ timxi fihom illum

biex twettaq il-mandat mogħti lilha


 

Venerabbli ħuti u maħbubin uliedi, insellmilkom u nagħtikom il-barka appostolika!

1.Ġesù Kristu waqqaf il-Knisja tiegħu biex tkun omm li tħobb lill-bnedmin kollha u twassalhom għas-salvazzjoni. Għalhekk, matul is-snin, dawk kollha li kellhom  xewqa kbira li jagħtu glorja lil Alla u jaħdmu għall-fidwa  tal-bnedmin, dejjem taw prova ta’ mħabbithom  lejn il-Knisja u wrew interess kbir fiha. Insibu eżempji mill-isbaħ ta’ dan fil-vigarji ta’ Kristu fuq l-art, f’numru bla għadd ta’ isqfijiet u saċerdoti, u f’numru mill-isbaħ ta’ nsara qaddisin.

It-tagħlim tal-Evanġelju u l-familja kbira tal-bnedmin

2.Għalhekk, naħseb li xi ħaġa kważi naturali, li waqt li qed niktbu din l-ewwel enċiklika tagħna - wara li Alla fil-pjan tiegħu sejħilna għal dan il-Pontifikat – ħsibijietna  jmorru lejn il-Knisja mqaddsa b’imħabba u rispett kbir lejha.

3.U biex inwettqu dan qed nipproponu li l-għan ta’ din l-enċiklika jkun li turi lil kulħadd  b’mod aktar ċar kemm hu vitali  għad-dinja, u kemm hi kbira x-xewqa tal-Knisja Kattolika, li t-tnejn jiltaqgħu, isiru jafu aktar lil xulxin u jħobbu lil xulxin.

4.Is-sena l-oħra, fil-festa ta’ San Mikiel Arkanġlu, Alla tana l-grazzja li nkunu miġbura flimkien fil-Bażilika ta’ San Pietru għall-ftuħ tat-tieni parti tal-Konċilju Vatikan II u kellna l-opportunità tad-deheb li nkellmukom personalment. Dakinhar konna wrejna l-intenzjoni li niktbulkom kif soltu jsir fil-bidu ta’ kull pontifikat, biex bħala Missier u Ħukom, naqsmu magħkom xi ħsibijiet li jiddominaw f’qalbna u li jidhrilna huma ta’ siwi biex jiggwidawna fil-bidu tal-pontfikat tagħna.

5.Tabilħaqq, mhux faċli tiddetermina dawn il-ħsibijiet, li l-għajn tagħhom trid tkun meditazzjoni fuq it-tagħlim divin, għax kif ifakkarna Kristu stess: ”It-tagħlim tiegħi mhuwiex tiegħi, imma ta’ dak li bagħatni” (Ġw 7, 15). Barra minn hekk, jeħtieġ naraw dawn il-ħsibijiet fid-dawl ta’ dak li l-Knisja qed tgħix fil-preżent, fejn hemm is-sabiħ u l-iebes kemm fl-esperjenza spiritwali interna kif ukoll fl-isforz appostoliku estern. U fl-aħħar, ma nistgħux ninjoraw dak li dinja qed tgħix illum, għax hu hawnhekk li aħna rridu nwettqu l-missjoni tagħna. 

Tlett impenji tal-Knisja

6.M’għandna ebda ambizzjoni li ngħidu affarijiet ġodda jew kompluti. Din hi ħidma  li jrid jagħmilha l-Konċilju Ekumeniku, u aħna ma rridux infixkluha b’dak li qed niktbu f’din l-ittra sempliċi tagħna, iżda nixtiequ nonorawha u nagħmlulha kuraġġ.

7.Lanqas ma nixtiequ li din l-enċiklika tkun xi proklamazzjoni solenni u duttrinali  jew inkella li tipproponi tagħlim determinanti morali jew soċjali, imma rridu li tkun messaġġ fratern, wieħed ta’ familja

8.Nixtiequ biss li b’din il-kitba nagħmlu d-dmir tagħna li niftħu qalbna magħkom biex insaħħu u nsebbħu dejjem aktar dik il-komunjoni ta’ fidi u mħabba li hemm bejnietna. U dan, bil-għan li nsaħħu l-ministeru tagħna waqt li nistennew b’ħerqa l-frott tal-Konċilju Ekumeniku u naraw  b’mod ċar dawk il-kriterji duttrinali u prattiċi li jistgħu jiggwidaw l-attività spiritwali u appostolika tal-Ġerarkija ekkleżjastika, ta’ min hu ubbidjenti lejha u jikkollabora magħha, u wkoll ta’ min hu lest biss li jismagħha

9.Venerabbli ħuti, ngħidulkom  mill-ewwel li hemm tlett affarijiet li nħossu l-piż tagħhom f’qalbna meta naraw r-responsabbiltà kbira li l-Providenza għoġobha tafda f’idejna - minkejja x-xewqa u l-mertu tagħna - meta ġejna maħtura biex immexxu l-Knisja ta’ Kristu bħala Isqof ta’ Ruma, Suċċessur tal-Appostlu Pietru, li kien mogħti ċ-ċwievet tas-Saltna u bħala Vigarju ta’ Kristu li ħatar lil Pietru l-ewwel Ragħaj tal-merħla universali tiegħu.

10.L-ewwel ħaġa li tiġi f’moħħna hi li f’dan il-waqt il-Knisja jeħtieġ tagħraf aktar lilha nnifisha, timmedita fuq il-misteru tagħha, tgħarbel bir-reqqa t-tagħlim dwar l-oriġni, in-natura, il-missjoni u d-destin tagħha, biex b’hekk tiddawwal u tispira ruħha. It-tagħlim nafuh; f’dan l-aħħar seklu ġie żviluppat u mifrux sew, iżda t-tagħlim qatt mhu studjat u mifhum biżżejjed bħala “il-pjan tal-Misteru, li kien moħbi sa minn mijiet ta’ snin f’Alla li ħalaq kollox.....u  jkun issa mgħarraf permezz tal-Knisja” (Efes 3, 9-10). Fih hemm mistur l-pjan misterjuż u divin li l-Knisja trid titfa’ dawl fuqu. Dan it-tagħlim jinteressana aktar minn kull tagħlim ieħor u  jqanqal stennija u attenzjoni f’min jixtieq jimxi tassew wara Kristu, u aktar u aktar fina u f’min bħalkom, Ħuti, “l-Ispirtu s-Santu għamilkom għassiesa biex tirgħu l-Knisja ta’ Alla” (Atti, 20,28).

11.Minn kuxjenza mdawla b’dan il-mod, toħroġ spontanja x-xewqa li nikkonfrontaw ix-xbieha ta’ Knisja ideali, kif jaraha, jixtieqha u jħobbha Kristu, l-Għarusa tiegħu, qaddisa u bla tebgħa, (ara Efes 5,27) mal-wiċċ reali tal-Knisja llum. Bi grazzja divina, il-Knisja baqgħet fidila lejn il-karatteristiċi li ta l-Fundatur divin tagħha, u li l-Ispirtu s-Santu kompla jsaħħaħ fiha mal-medda taż-żmien biex jagħmilha dejjem aktar konformi mal-ħsieb oriġinali ta’ Dak li waqqafha u man-natura tal-umanità li trid tevanġelizza. Iżda, dan il-wiċċ tal-Knisja qatt ma hu perfett, sabiħ, qaddis u mdawwal biżżejjed bħalma hu fil-ħsieb divin tal-Fundatur tagħha.

12.Għalhekk tinħass il-ħtieġa ħerqana u urġenti għal tiġdid, għal tibdil f’dawk li huma difetti; irridu nagħmlu eżami fid-dawl tal-mudell li ħallielna Kristu biex nagħrfu dak li rridu niċħdu u nwarrbu. U dan iwassalna għat-tieni ħsieb tagħna, jiġifieri  li nagħrfu d-dmir tal-Knisja li ssewwi d-difetti tal-membri tagħha, li tgħinhom jimmiraw dejjem aktar għall-perfezzjoni u li ssib l-aħjar mezz biex b’dehen tasal għal dan it-tiġdid. Qed naqsmu dan il-ħsieb magħkom mhux biss biex ikollna l-kuraġġ inwettqu t-tibdil li hemm bżonn, iżda wkoll biex fl-għaqda ta’ bejnietna nsibu l-għajnuna kollha meħtieġa għal ħidma hekk  delikata u diffiċli.

13.It-tielet ħsieb tagħna - u żgur li hu tagħkom ukoll - joħroġ mit-tnejn li semmejna qabel. Dan jirrigwarda r-relazzjonijiet li l-Knisja tal-lum jeħtieġ tibni mad-dinja li tgħix u taħdem fiha.

14.Kif nafu lkoll, dik il-parti tad-dinja li laqgħet il-Kristjaneżmu u ħaddnitu b’mod intimu, - għalkemm spiss ma għarfitx id-dejn li għandha lejh għall-ġid li ħareġ minnu – f’dawn l-aħħar sekli bdiet titbiegħed mis-sisien insara taċ-ċiviltà tagħha. Fil-parti l-oħra, dik l-aktar kbira, hemm firxa bla tarf li tħaddan fiha lil dawk li jissejħu popli ġodda. Din hi dinja li toffri lill-Knisja ħafna aktar minn opportunità waħda fejn jista’ jkollha diversi forom ta’ kuntatt; xi wħud huma faċli u miftuħa, oħrajn delikati u kumplikati, u sfortunatment, hemm ukoll dawk li huma ostili jew indifferenti lejn djalogu ta’ ħbiberija.

 

15.Dan ifisser li hemm dik li tissejjaħ il-problema ta’ djalogu bejn il-Knisja u d-dinja moderna. Il-Konċilju jrid jiddetermina kemm hi kbira u kumplessa din il-problema u jfittex il-mezzi biex isolviha bl-aħjar mod li jista’. Iżda l-preżenza u l-urġenza tagħha jgħabbuna b’responsabbiltà, jqanqluna u tista’ tgħid li naraw fiha sejħa. Għalhekk, kemm għalina kif ukoll għalikom Ħuti, li bħalna żgur tħossu dan it-turment appostoliku, ħsibna li jkun tajjeb li nitkellmu  b’ mod ċar dwar dan is-suġġett hekk importanti u kumpless,biex hekk b’xi mod, inkunu wkoll qed inhejju ruħna għad-diskussjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li ser naffrontaw flimkien fil-Konċilju.

 

Ħerqa kbira għall-paċi

16.Minn dak li ġa għidna, żgur tindunaw li l-mira ta’ din l-Enċiklika mhijiex li tittratta kwestjonijiet urġenti u serji li jinteressaw kemm lill-Knisja kif ukoll lill-umanità: bħalma huma l-paċi bejn il-ġnus u l-klassijiet soċjali, il-miżerja u l-ġuħ li qed igħixu popolazzjonijiet sħaħ, l-avanz ta’ nazzjonijiet ġodda fi triqthom lejn l-indipendenza u ċ-ċivilizzazzjoni, il-kurrenti ta’ ħsieb modern u l-kultura nisranija, l-esperjenza iebsa ta’ xi nazzjonijiet u xi komunitajiet insara li huma miċħuda mid-drittijiet ta’ ċittadini ħielsa u ta’ persuni umani, il-problemi morali dwar ir-rata tat-twelid, u oħrajn.

17.Iżda xtaqna nagħmluha ċara li fejn tidħol il-problema universali tal-paċi fid-dinja, aħna nħossu d-dmir mhux biss li nagħtu l-attenzjoni kollha meħtieġa, iżda li ninvolvu ruħna b’interess kbir u effikaċi, naturalment fil-limitu tal-ministeru tagħna u lil hinn minn kull interess purament temporali u minn kull teorija politika stabbilita. L-għan tagħna hu li ngħinu  lill-bnedmin jitħarrġu f’sentimenti u f’mod ta’ ħajja li huma kontra kunflitti vjolenti u qattiela u favur relazzjonijiet ġusti, razzjonali u paċifiċi. Aħna nagħmlu ħilitna kollha biex nagħtu s-sehem tagħna ħalli jissawru relazzjonijiet armonjużi u jkun hawn spirtu ta’ koperazzjoni fost il-ġnus billi nxandru prinċipji umani li jrażżnu l-egoiżmu u l-passjonijiet li jwasslu għall-gwerer. Jekk ningħataw l-opportunità, aħna lesti li nidħlu fejn ikun hemm it-tilwim biex tinsab soluzzjoni xierqa u fraterna. Ma ninsewx li dan is-servizz ta’ mħabba huwa dmir li jkompli jagħfas fuqna meta nqisu l-missjoni nisranija tagħna u l-avanz fit-teoloġija u fl-istituzzjonijiet internazzjonali. Il-missjoni tagħna hi li naħdmu biex il-bnedmin ikunu aħwa ta’ xulxin kif titlob is-saltna ta’ ġustizzja u paċi li Kristu inawgura bil-miġja tiegħu fuq l-art.

18.Għalkemm f’din il-kitba tagħna ser nillimitaw ruħna għall-kunsiderazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja tal-Knisja, iżda dan ma jfissirx li ser ninsew  dawk il-problemi kbar li l-Konċilju ser jitkellem dwar xi wħud minnhom. Matul il-ministeru appostoliku tagħna, aħna lesti li nistudjaw dwarhom u naraw x’nistgħu nagħmlu skont dak li l-Mulej jispirana u bil-qawwa li jagħtina.

 

I. Il-Kuxjenza

19.Nemmnu li llum il-Knisja hi fid-dmir li tapprofondixxi sew l-għarfien dwarha nnifisha, tagħraf it-teżor tal-verità li wirtet u li trid tieħu ħsiebu, u tagħraf ukoll il-missjoni li trid twettaq fid-dinja. Għalhekk, qabel mal-Knisja tistudja xi kwestjoni partikulari u tikkunsidra l-attaġġament tagħha lejn id-dinja ta’ madwarha, f’dan il-mument hemm bżonn li tirrifletti fuq in-natura tagħha nnifisha biex tagħraf twettaq dejjem aħjar l-pjan divin imhejji għaliha. Hekk, issib aktar dawl, enerġija u ferħ  biex twettaq il-missjoni tagħha u tiskopri x‘tista’ tagħmel aħjar ħalli tkun eqreb il-bnedmin b’kuntatti li jagħtu aktar frott; għax għalkemm il-Knisja għandha l-karatteristiċi uniċi tagħha li minnhom tiddistingwi ruħha, hi tagħmel parti mid-dinja.

20.Jidhrilna li dan l-att ta’ riflessjoni jista’ jirreferi għall-mod stess li Alla għażel biex juri lilu nnifsu lill-bnedmin u jistabbillixxi magħhom dik ir-rabta li l-Knisja stess trid tkun strument u espressjoni tagħha. Għax, jekk hu veru li r-Rivelazzjoni divina twettqet “ħafna drabi u b’ħafna manjieri” (Lhud 1,1) permezz ta’ fatti storiċi esterni u b’mod li ma tistax tmerih, huwa veru wkoll li titwettaq fil-ħajja tal-bniedem permezz tal-kelma u tal-grazzja t’Alla li jikkomunika lilu nnifsu permezz tal-messaġġ tas-salvazzjoni. Imbagħad, wara s-smigħ tal-messaġġ jiġi l-att ta’ fidi, li hu l-bidu tal-ġustifikazzjoni tagħna. 

Is-segwaċi fidili tal-Mulej jishru

21.Nixtiequ li din ir-riflessjoni dwar il-bidu u n-natura ta’ dawk ir-rabtiet ġodda u siewja li r-reliġjon tistabbilixxi bejn Alla u l-bniedem, tkun att ta’ rieda doċli lejn il-kliem li l-Imgħallem divin qal lil dawk li semgħuh, l-aktar lid-dixxipli li llum aħna wkoll ngħoddu magħhom. Ser nagħżlu waħda fost il-kliem li Hu spiss kien jisħaq fuqu u  li jidhrilna għadha tgħodd ħafna għal kull min irid ikun segwaċi fidil tiegħu: din hi s-sejħa biex nishru.

22.Huwa veru li din it-twissija tal-Imgħallem kienet qed tirreferi l-aktar għad-destin aħħari tal-bniedem, destin li llum jew għada kulħadd jasal għalih. Iżda la darba l-qaddej fidil jrid jishar il-ħin kollu u din il-viġilanza trid taħdem fil-kuxjenza tiegħu, mela  din għandha twasslu biex jagħżel dik l-imġiba morali li minnha jingħaraf in-nisrani. Is-sejħa biex nishru li ordnalna l-Mulej hi  wkoll  twissija dwar il-perikli li nistgħu niltaqgħu magħhom, jiġifieri  dwar it-tentazzjonijiet li jistgħu jbaxxu l-imġiba tal-bniedem jew jbiegħduh mit-triq it-tajba (ara Mt 26,41). Fl-Evanġelju, faċli niskopru sejħa kontinwa biex inkunu retti fil-ħsieb u fl-azzjoni. Mhux dan kien li ppriedka l-Prekursur meta kien qed iħejji għall-bidu tal-ħajja publika ta’ Ġesù? U ma kienx Ġesù stess li  sejjaħ lin-nies biex jilqgħu s-saltna t’Alla fir-ruħ tagħhom? (ara Lq 17,21). U l-mod li bih jgħallem ma kienx  wieħed li  qanqal lin-nies biex jibdew ħajja ġdida  fir-ruħ tagħhom? Kristu kien isejjaħ għall-iżvilupp sħiħ tal-kuxjenza psikoloġika u tal-kuxjenza morali flimkien; u tista’ tgħid li din hi l-kundizzjoni  meħtieġa biex  il-bniedem jirċievi d-don tal-verità u d-don tal-grazzja li fl-aħħar mill-aħħar it-tnejn huma ta’ siwi kbir għalih. Hekk, imbagħad  il-kuxjenza tad-dixxiplu ssir memorja (ara Mt 26,75; Lq 24,8; Ġw 14,26; 16,4) dwar dak li Ġesù għallem u  dwar dak li seħħ madwaru, u permezz t’hekk  wieħed isir jaf aktar min kien Ġesù u jifhem x’għallem u x’għamel.

23.It-twelid tal-Knisja u l-għarfien tal-missjoni profetika tagħha huma żewġ karatteristiċi tal-Knisja li t-tnejn seħħu flimkien f’Penteckoste u kellkom ikomplu mexjin flimkien: l-organizzazzjoni u l-iżvilupp ġerarkiku u komunitarju fil-Knisja;  l-għarfien tan-natura misterjuża tagħha, tat-tagħlim u l-missjoni tagħha li kellu jakkumpanja  dan l-iżvilupp  bil-mod il-mod skont il-wegħda ta’ San Pawl: ”Jien għal dan nitlob, li l-imħabba tagħkom tikber u toktor dejjem iżjed bil-għerf u b’kull dehen” (Fil 1,9).

« Nemmen, Mulej! »

24.Nistgħu nesprimu bi kliem ieħor  din l-istedina tagħna li qed nagħmluha  individwalment lil dawk kollha li jixtiequ jilqgħuha, u għalhekk lil kull wieħed minnkom, Venerabbli ħuti, u lil dawk kollha li huma fdati f’idejna, kif ukoll lill-ġemgħa kollha tal-fidili li hi l-Knisja. Dan ifisser li qed nistiednu lil kulħadd biex jagħmel  att ta’ fidi ħajja, profonda u kuxjenti fil-Mulej tagħna Ġesù Kristu. Hemm bżonn li nimmarkaw dan il-mument tal-ħajja reliġjuża tagħna bi stqarrija ta’ fidi qawwija u konvinta, għalkemm umli u modesta. Din l-istqarrija ta’ fidi trid tkun tixbah lil dik tal-għama minn twelidu li Ġesù tah id-dawl. Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann naqraw li dan qal: “Nemmen Mulej!” (Ġw 9,38) Jew fidi bħal dik ta’ Marta li qalet: “Iva, Mulej, jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben t’Alla, dak li ġie fid-dinja” (Ġw 11, 27) jew bħal dik ta’ Xmun, imsejjaħ Pietru li qal kliem li tant ngħożżuh: “Inti Kristu, l-Iben ta’ Alla l-ħaj” (Mt 16,16). 

25.  Għaliex qed nistednukom għal dan l-att ta’ kuxjenza ekkleżjastika? għal dan l-att ta’ fidi espliċita, għalkemm interjuri?

26.Skont aħna, hemm ħafna raġunijiet, li kollha  jinbtu mill-esiġenzi profondi u essenzjali f’dan il-mument speċjali tal-ħajja tal-Knisja.

Ngħixu l-vokazzjoni tagħna

27.Il-Knisja għandha bżonn tirrifletti fuqha nnifisha; għandha bżonn tħoss il-vitalità tagħha. Jekk il-Knisja trid tgħix il-vokazzjoni tagħha u toffri lid-dinja il-messaġġ tagħha ta’ fraternità u salvazzjoni, hemm bżonn li titgħallem tagħraf aħjar lilha nnifisha. Trid tagħmel esperjenza ta’ Kristu li jgħammar fiha kif qal l-appostlu Pawlu: “Kristu jgħammar f’qalbkom permezz tal-fidi” (Efes 3,17).

28.Ilkoll nafu li l-Knisja teżisti fid-dinja. Il-membri tagħha huma parti mill-umanità li minnha tieħu teżori prezzjużi ta’ kultura, li magħha taqsam il-ġrajjiet storiċi u l-prosperità. Nafu wkoll li l-umanità għaddejja minn żmien ta’ bidla, ta’ taqlib u ta’ żvilupp li qed iħalli effetti kbar mhux biss fuq il-mod ta’ ħajja kif narawha minn barra iżda wkoll fuq il-mod ta’ ħsieb. Il-ħsieb, il-kultura u l-ispirtu tagħha qed ikunu influwenzati mhux biss mill-progress xjentifiku, teknoloġiku u soċjali, iżda wkoll minn kurrenti ta’ ħsieb filosofiku u politiku li qed jinvaduha. Dan il-mewġ ta’ bidla qed iħalli l-effetti tiegħu anki fuq l-Knisja; l-erwieħ fdati f’idejha qed ikunu influwenzati ħafna mid-dinja ta’ madwarhom, u għalhekk hemm il-periklu li l-konfużjoni, it-taħwid u t-telfien jriegħdu s-sisien sodi tal-Knisja. Hemm il-periklu li jidħlu ideat strambi, u jkun hemm min jaħseb li l-Knisja għandha tabdika mir-rwol tagħha u taddotta forom ġodda ta’ ħajja li wieħed qatt ma kien jobsorhom. Nieħdu l-fenomenu tal-moderniżmu li għadu jidher s’issa taħt tentattivi ta’ espressjonijiet li jmorru kontra r-realtà awtentika tar-reliġjon kattolika; ma tarawx li dawn tentattivi ġejjien minn tendenzi psikoloġiċi-kulturali li jridu joħonqu l-espressjoni fidila u ġenwina tad-duttrina tal-Knisja ta’ Kristu u n-normi tagħha?  Hemm bżonn ta’ rimedju biex nilqgħu għal dan il-periklu kbir li ġej minn diversi  bnadi, u jidhrilna li l-aħjar rimedju hu li l-Knisja tapprofondixxi l-għarfien dwarha nnifisha. Jeħtieġ li l-Knisja ssir taf dejjem aktar tassew min hi skont il-ħsieb ta’ Kristu li nsibuh fil-Kotba Mqaddsa u fit-Tradizzjoni, u li ġie interpretat u żviluppat mit-tagħlim ġenwin tal-Knisja, li bħalma nafu hi mdawla u mmexxijja mill-Ispirtu s-Santu. U meta nitolbu u nisimgħu lill-Ispirtu s-Santu, dejjem titwettaq il-wegħda ta’ Kristu: “Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, i għallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għidtilkom” (Ġw 14, 26).

 

Il-kuxjenza tal-mentalità moderna

29.L-istess nistgħu ngħidu għall-iżbalji li jserrpu fil-Knisja u li jaħkmu lil  dawk li jafu biss parti min-natura u l-missjoni tagħha, u ma jagħtux kas biżżejjed tad-dokumenti dwar ir-rivelazzjoni divina u tat-tagħlim tal-Knisja li ġiet mwaqqfa minn Kristu stess.

30.Il-ħtieġa li wieħed jirrifletti dwar veritajiet magħrufa u jikkunsidrahom fid-dawl ta’  dak li jaħseb hu fir-ruħ tiegħu hi karattersika tal-mentalità tal-bniedem tal-lum. Iżda faċli li l-ħsieb tal-bniedem jaqa’ fuqu nnifsu u jħossu fiż-żgur b’dak li  jħoss fil-kuxjenza tiegħu. Din l-attività spiritwali tal-bniedem mhijiex nieqsa minn perikli serji. Kurrenti filosofiċi magħrufa li studjawha, għollewha u qalu li hi definittiva u suprema, anzi saħqu li hi l-kejl u l-għajn tar-realtà, u dan wassalhom għall-konklużjonijiet fiergħa, assurdi u qarrieqa. Iżda dan ma jfissirx li t-taħriġ tal-moħħ biex wieħed ifittex il-verità li tinsab riflessa fil-kuxjenza tiegħu m’għandux ikun appreżżat. Illum, dan hu meqjus bħala l-ogħla espressjoni tal-kultura moderna. Jekk din id-dixxiplina mentali tkun ko-odinata b’dehen mal-formazzjoni tal-ħsieb biex wieħed jiskopri l-verità oġġettiva, l-eżerċizzju tal-kuxjenza jkun jista’ jwassal lil min iwettqu biex jagħraf dejjem aħjar lilu nnifsu, id-dinjità spiritwali tiegħu, il-kapaċità li jaħseb u jaġixxi.

Mill-Konċilju ta’ Trentu sal-Enċikliċi ta’ żminijietna

31.Nafu li f’dawn l-aħħar żminijiet il-Knisja bdiet tistudja aktar lilha nnifsiha. Teoloġi magħrufa taw kontribut kbir f’din il-ħidma, u l-istess għamlu studjużi u nies intellettwali, skejjel tat-teoloġija u movimenti pastorali u missjunarji. Saru wkoll diversi esperjenzi reliġjużi li taw il-frott, u fuq kollox għandna t-tagħlim memorabbli tal-papiet.

32.Nieħdu fit-tul wisq li kieku kellna mqar ngħidu biss liema hi l-letteratura teoloġika kollha li nkitbet dwar il-Knisja fi ħdanha stess matul is-seklu li għadda u dak li qegħdin fih. Nieħdu fit-tul ukoll li kellna ngħidu liema huma d-dokumenti kollha dwar dan is-suġġett importanti li ħarġu mill-Episkopat Kattoliku u mis-Sede Appostolika. Minn meta l-Konċilju ta’ Trentu fittex li jsewwi l-ħsara li saret fis-seklu sittax - meta bosta nsara nfirdu mill-Knisja - saru żviluppi kbar fit-tagħlim dwar il-Knisja. Biżżejjed nirreferu għat-tagħlim tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan I biex nifhmu li l-istudju dwar il-Knisja jitlob l-attenzjoni kemm tar-Rgħajja u tal-Għalliema, kif ukoll tal-fidili u l-insara kollha, għax dan hu bħal stazzjon obbligatorju fil-mixja lejn Kristu u l-opra tiegħu. Kif ġa ntqal, il-Konċilju Vatikan II mhux ħaġ’oħra għajr kontinwazzjoni u tisħiħ tal-Konċilju Vatikan I, għax hu ser ikompli jaħdem fuq it-tagħlim tal-Knisja u d-definizzjoni tagħha. Ma nixtiqux nieħdu fit-tul dwar dan is-suġġett. Ngħidu biss xi ħaġa fil-qosor għax intom midħla sew tiegħu u llum jinsab mifrux kemm bħala materja għall-katekeżi kif ukoll għall-ħajja spiritwali. Iżda hemm żewġ dokumenti li xtaqna nsemmuhom b’mod speċjali: qed nirreferi għall-Enċiklika Satis cognitum ta’ Papa Leone XIII u l-Enċiklika Mystici Corporis ta’ Papa Pio XII. Huma żewġ dokumenti importanti li joffru tagħlim ċar dwar dik l-Istituzzjoni divina li permezz tagħha Kristu ried ikompli l-ħidma tiegħu ta’ salvazzjoni, u li fuqha qed nitkellmu. Biżżejjed il-kliem li hemm fil-bidu tat-tieni dokument li llum hu meqjus bħala kitba ta’ awtorità dwar it-teoloġija tal-Knisja u bħala għajn ta’ meditazzjoni spiritwali dwar din l-opra tal-ħniena divina li tirrigwarda lilna lkoll. Tajjeb nisimgħu l-kliem sbieħ tal-Predeċessur tagħna: “Id-duttrina dwar il-Ġisem mistiku ta’ Kristu, li hi l-Knisja, hi duttrina rrivelata minn fomm l-istess Feddej, u timmanifesta l-ġid kbir li joħroġ mir-rabta intima tagħna mar-Ras tagħha. Il-ġmiel u l-kobor ta’ din id-duttrina għandhom iwasslu lil dawk kollha mqanqlin mill-Ispirtu divin biex jistudjawha, ħalli waqt li ddawwalhom, tqanqalhom biex iwettqu dawk l-opri tajba li jaqblu mal-preċetti tagħha” (AAS XXXV (1943), 193).

It-Tagħlim dwar il-Ġisem mistiku

33.Nixtiequ ntennu din l-istess stedina għax naraw li għadha tista’ taħdem fir-ruħ tagħna u  għax inħossu li tesprimi wieħed mill-ħtiġijiet fundamentali fil-ħajja tal-Knisja ta’ żmienna. Qed intennuha għax aktar ma nsiru nafu t-tagħlim dwar il-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, aktar inkunu nistgħu napprezzaw it-tifsira teoloġika ta’ dan it-tagħlim u nsibu fih għajn ta’ qawwa spiritwali li ssaħħaħ lir-ruħ u tagħmilna  dejjem aktar lesti biex inwettqu d-dmirijiet li titlob minna l-missjoni tagħna u nwieġbu għall-ħtiġijiet ta’ ħutna l-bnedmin. Jidhrilna li mhux diffiċli nagħmlu dan meta, kif ġa għidna, saru tant studji dwar il-Knisja u meta nafu li l-ħarsa tal-Konċilju Vatikan II tinsab prinċipalment  fuqha. Hawnhekk, nixtiequ niżżu ħajr lil dawk l-istudjużi kollha li, b’mod speċjali f’dawn l-aħħar snin, taw kontribut kbir bil-ħidma kompetenti tagħhom ta’ riċerka u espożizzjoni teoloġika li wettquha b’sottomissjoni eżemplari lejn il-maġisteru kattoliku. Ħadmu bis-sħiħ mhux biss fl-iskejjel tat-teoloġija, imma wkoll fid-diskussjonijiet xjentifiċi u letterarji, f’kitba apoloġetika, fit-tixrid tat-tagħlim, fl-assistenza spiritwali mogħtija lill-fidili u fil-konverżazzjonijiet ma’ ħutna mifrudin minna. Offrew bosta illustrazzjonijiet ta’ tagħlim dwar il-Knisja li xi wħud minnhom huma ta’ valur u siwi kbir.

34.Għalhekk, aħna mimlija fiduċja li l-ħidma tal-Konċilju ser ikollha d-dawl tal-Ispirtu s-Santu, u li ser titmexxa lejn l-għan tagħha  b’tant manswetudni lejn l-ispirazzjonijiet li joħorġu minnha, b’tant impenn biex insiru nafu sew il-ħsieb oriġinali ta’ Kristu u dak li żviluppa minnu matul is-snin, u b’tant premura  biex il-veritajiet divini jkunu argumenti li jgħaqqduna u mhux argumenti ta’ diskussjoni li jġibu l-firda, li l-Konċilju  ser ikun tassew  ta’ glorja lil Alla, ferħ għall-Knisja  u edifikazzjoni għad-dinja.

Id-dielja u l-friegħi

35.F’din l-Enċiklika ma rridu bl-ebda mod ngħaddu xi ġudizzju dwar xi punti duttrinali li għandhom x’jaqsmu mal-Knisja u li bħalissa qed jistudjahom il-Konċilju li aħna ġejna msejħa biex immexxu. Nixtiequ nagħtu l-libertà sħiħa lil din l-assemblea awtorevoli biex tistudja u tesprimi dak li tħoss. Aħna għad nesprimu l-ħsieb tagħna meta jkun il-waqt u skont kif titlob l-ħidma appostolika tagħna ta’ għalliema u rgħajja li jmexxu l-Knisja ta’ Kristu. L-akbar xewqa tagħna hi li dak li niddeċidu aħna jkun fi qbil ma’ dak li jaħsbu l-Padri konċiljari.

36. Iżda ma nistgħux ma ngħidux xi ħaġa fil-qosor  dwar dak il-frott  li nittamaw  li joħroġ mill-Konċilju u wkoll mill-isforz tal-Knisja biex tagħraf dejjem aktar lilha nnifisha, kif ġa semmejna aktar ‘l quddiem. Sa minn meta bdejna l-ħidma f’dan il-Pontifikat tagħna, ħidma sabiħa għalkemm mimlija responsabbiltajiet, aħna ħsibna li dan il-frott irid ikun il-mira fil-programm tal-ministeru appostoliku tagħna. Venerabbli ħuti, nixtiequ li naqsmu dan magħkom fil-qosor imma b’mod sinċier, biex tkunu  tistgħu tgħinuna bil-pariri tagħkom, bl-adeżjoni u l-kollaborazzjoni tagħkom. Nafu li meta niftħu qalbna magħkom inkunu qed niftħu qalbna ma’ wlied il-Knisja kollha, u nittamaw li l-vuċi tagħna tasal ukoll għand dawk li ma jagħmlux parti  mill-merħla ta’ Kristu.

37. Meta l-Knisja tapprofondixxi l-għarfien dwarha nnifisha, l-ewwel frott ikun li hi tiskopri mill-ġdid ir-rabta vitali tagħha ma’ Kristu. Dan nafuh, iżda hu fundamentali u qatt ma nafuh, nimmeditawh u niċċelebrawh biżżejjed. X’nistgħu ngħidu fuq patrimonju reliġjuż daqshekk importanti? B’xorti tajba intom ġa tafu sew dan it-tagħlim, u jekk ser inżidu xi ħaġa, dan ser nagħmluh biex intom tkomplu żżommuh dejjem aktar preżenti u tagħtuh importanza, ħalli jiggwidakom kemm fil-ħajja spiritwali kif ukoll fil-predikazzjoni. Il-kliem tal-Predeċessur tagħna fl-Enċiklika Mystici Corporis  jiswa ħafna aktar mill-eżortazzjoni tagħna; hu kiteb hekk: “Jeħtieġ nidraw nagħrfu lil Kristu stess li jinsab preżenti fil-Knisja. Għax Kristu tassew jgħix fil-Knisja tiegħu u permezz tagħha huwa jgħallem, imexxi u jqaddes; huwa Kristu li juri lilu nnifsu b’bosti modi fil-membri differenti tas-soċjetà tiegħu” (AAS XXXV (1943), 238). Tkun ħaġa tajba li nieqfu ftit fuq dak li hemm fil-Kotba Mqaddsa, f’Missirijiet il-Knisja, fil-kitba tal-Għorrief u tal-Qaddisin, u naħsbu mill-ġdid  fuq dan il-punt hekk meraviljuż tal-fidi tagħna! Ma kienx Ġesù stess li qalilna li hu d-dielja u aħna l-friegħi (ara Ġw 15,1)? U m’għandniex ukoll it-tagħlim sabiħ ta’ San Pawl, li  jfakkarna: li aħna “lkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù” (Gal 3:28); li jqanqalna biex “nikbru f’kollox fih, f’Dak li hu r-Ras, Kristu; li fih il-ġisem kollu jsib ir-rabta u l-għaqda tiegħu...” (Efes 4:15); u li jwissina: “li  Kristu huwa kollox, f’kulħadd” (Kol 3:11)?. Fost il-ħafna affarijiet li qalu l-Għorrief tal-Knisja, infakkru dak li qal Santu Wistin: “Nifirħu u niżżu ħajr għax mhux biss sirna nsara, imma sirna Kristu. Qed tindunaw, ħuti, qegħdin tifhmu x’don kbir tana Alla? Tpaxxew, thennew: sirna Kristu. Għax jekk Huwa r-ras, aħna l-membri; il-bniedem sħiħ: Hu u aħna...Għalhekk il-milja ta’ Kristu: ir-ras u l-membri. U r-ras u  l-membri min huma? Huma Kristu u l-Knisja” (In Io. tract. 21. 8; PL 35. 1568)

Il-misteru tal-Knisja

38. Nafu li dan hu misteru, il-misteru tal-Knisja. Jekk bil-għajnuna t’Alla npoġġu l-ħarsa tagħna fissa fuq dan il-misteru, nakkwistaw ħafna ġid spiritwali li l-Knisja  tant għandha bżonnu. Il-preżenza ta’ Kristu taħdem fir-ruħ ta’ kull membru u fil-Ġisem Mistiku kollu permezz ta’ fidi ħajja, li tnissel fina l-ħajja, għax kif jgħidilna San Pawl: “Kristu jgħammar fikom permezz tal-fidi” ( Efes 3,17). Filfatt, meta nagħrfu l-misteru tal-Knisja inkunu qed nagħmlu att ta’ fidi matura u mgħejxa.  Din il-fidi tnissel fina “sens ta’ Knisja”, u dan is-sens ta’ Knisja jsir parti mill-ħajja tan-nisrani li jitħarreġ fl-iskola tal-kelma divina, jissaħħaħ bil-grazzja tas-sagramenti u bl-ispirazzjoni tal-Paraklitu, jikber fl-għajxien tal-virtujiet evanġeliċi, jiddakkar mill-kultura u l-ħajja tal-komunità ekkleżjali. U n-nisrani jithenna għax iħoss id-dinjità tas-saċerdozju rjali  li biha l-poplu t’Alla hu mlibbes (ara 1 Pt 2:9). 

39. Il-misteru tal-Knisja mhuwiex sempliċiment oġġett ta’ studju teoloġiku; irid ikun xi ħaġa mgħejxa biex min jemmen jagħmel esperjenza tiegħu qabel ma jkollu idea ċara dwaru. Il-komunità nisranija tasal biex tagħraf is-sehem intimu tagħha fil-Ġisem mistiku ta’ Kristu meta tirrealizza li l-ministeru tal-Ġerarkija tal-Knisja ġie mwaqqaf b’mod divin biex iwellidha, isawwarha (ara Gal 4,9; 1Kor4,15), jgħallimha, iqaddisha, imexxiha. Kristu jinqeda b’dan il-mezz divin biex isawwab il-verità u l-grazzja tiegħu fil-membri mistiċi tiegħu. Jinqeda b’dan il-mezz, biex lil dan il-Ġisem Mistiku li qed jagħmel il-mixja tiegħu fuq din l-art, jagħtih struttura li tidher, għaqda nobbli, funzjoni organika, varjetà armonjuża u sbuħija spiritwali. Għalkemm ix-xbihat mhumiex biżżejjed biex nifhmu r-realtà u l-kobor ta’ dan il-misteru, iżda tajjeb li flimkien max-xbieha tal-Ġisem Mistiku li tana l-Appostlu Pawlu, insemmgħu wkoll dik ix-xbieha li ssuġġerixxa Kristu stess: dik  ta’ binja, li  hu l-arkitett u l-bennej tagħha. Kristu waqqaf din il-binja fuq bniedem ta’ natura umana dgħajfa, iżda b’miraklu Hu bidlu fi blata soda: “Fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi” (Mt. 16:18), u l-għajnuna kbira t’Alla ma naqsitu qatt.  

Il-Pedagoġija għall-imgħammdin

40. Jekk  nagħrfu nkebbsu fina dan is-sens qawwi ta’ Knisja, u nnissluh u nsaħħuħ fil-fidili   permezz ta’ edukazzjoni attenta u xierqa, inkunu nistgħu negħlbu dawk li jidhru kuntradizzjonijiet li jxekklu l-ħsieb ta’ dawk li jistudjaw l-ekkleżjoloġija. Qed ngħid għall-kwestjonijiet bħal: kif tista’ l-Knisja tkun viżibbli u spiritwali fl-istess ħin, tkun ħielsa u dixxiplinata fl-istess ħin, tkun komunitarja u ġerarkika, tkun qaddisa meta għadha fil-mixja tagħha lejn il-qdusija, tkun kontemplattiva kif ukoll attiva, u l-bqija. Dawn ikunu megħluba u solvuti bl-esperjenza stess tal-ħajja tal-Knisja mdawla mit-tagħlim tagħha. Dan is-sens qawwi ta’ Knisja jġib miegħu effett kbir ieħor: l-aħjar kwalità ta’ spiritwalità sostnuta mill-qari tal-Kotba Mqaddsa, ta’ Missirijiet il-Knisja u tal-Għorrief tal-Knisja, u minn dak kollu li jnissel dan is-sens qawwi ta’ Knisja: mit-tagħlim sistematiku kateketiku, mis-sehem fil-liturġija mqaddsa li hi skola mill-aqwa ta’ spiritwalità kliem, sinjali u talb, mill-meditazzjoni fis-skiet  u mħeġġa dwar il-veritajiet divini u mid-dedikazzjoni għat-talb kontemplattiv. Il-ħajja tar-ruħ hi meqjusa bħala l-għajn l-aktar rikka għall-ispiritwalità tal-Knisja, il-mezz biex tirċievi d-dawl tal-Ispirtu ta’ Kristu, l-espressjoni radikali u insostitwibbli fil-ħidma reliġjuża u soċjali tagħha, it-tarka qawwija u l-enerġija kontinwa fil-kuntatt diffiċli tagħha mad-dinja profana.

41. Jeħtieġ li mill-ġdid nagħtu importanza lill-Magħmudija, jiġifieri nagħrfu li permezz ta’ dan is-sagrament aħna nsiru parti mill-Ġisem mistiku ta’ Kristu li hi l-Knisja. Dawk li jirċievu l-Magħmudija jeħtieġ jagħrfu d-dinjità li jiksbu permezz ta’ dan is-sagrament; jagħrfu li huma tnisslu mill-ġdid għall-ħajja sopranaturali li permezz tagħha jiksbu l-hena ta’ wlied adottivi t’Alla, id-dinjità ta’ aħwa fi Kristu  u l-grazzja u l-hena mill-Ispirtu s-Santu li jgħammar fihom. L-imgħammdin huma msejħin  għall-ħajja ġdida, iżda ma jitilfu xejn mill-umanità tagħhom, ħlief l-istat  ikrah tad-dnub oriġinali. Dak li hu l-uman fihom isir kapaċi jagħti l-aħjar tiegħu nnifsu u jisperimenta frott l-aktar prezzjuż u qaddis. Il-fatt li aħna nsara, li rċevejna l-Magħmudija mqaddsa, m’għandniex inqisuh bħala xi ħaġa indifferenti jew inkella nittraskurawha. Il-Magħmudija jeħtieġ li timmarka b’ferħ u b’mod profond lil kull min jirċevieha; jeħtieġ li nqisuha bħalma kienu jqisuha l-ewwel insara: dawl li jimla lir-ruħ bir-raġġ tal-Verità divina li ssawwab fina l-ħajja, li tiftħilna l-bieb tas-sema, li ddawwal il-ħajja tagħna ta’ bnedmin b’mod li tagħmilna kapaċi ngħixu bħala wlied Alla u nimxu fit-triq li twassalna lejn Alla, għajn ta’ hena eterna.

42.Faċli nagħrfu l-programm prattiku li dawn il-kunsiderazzjonijiet ipoġġu quddiemna u quddiem il-ministeru tagħna. U nifirħu meta naraw li ħafna minn dan il-programm ġa qed jitwettaq fil-Knisja, u li qed nippromovuh b’tant għaqal u ħeġġa. Dan aħna ninkuraġġuh, nirrakkomandawh u nbierkuh.

 

II. IT-TIĠDID

43.Għandna xewqa kbira  li l-Knisja t’Alla tkun kif iridha Kristu: waħda, qaddisa, li tfittex dik il-perfezzjoni li Kristu jsejħilha għaliha u joffrilha dak kollu meħtieġ biex twettaqha. Fil-mixja  tagħha fuq din l-art, il-Knisja trid  tfittex bis-sħiħ  li timmanifesta dak l-ideal ta’ perfezzjoni li hemm fil-ħsieb divin ta’ Dak li waqqafha. U hawnhekk tidhol l-akbar problema morali fil-ħajja tal-Knisja, li hi dik li turi s-setgħa u s-siwi tagħha, li tqanqalha u ssostniha fil-ħidma tagħha filwaqt li twassalha biex tfittex il-kritika tagħha nnifisha u timmira lejn l-għan veru tagħha, li tnissel fiha niket u talb, indiema u tama, sforz u fiduċja. Hi problema li tqum  min-natura stess tal-veritajiet rivelati minn Alla u mir-rilevanza  tagħhom  għall-ħajja tal-bniedem. Kieku ma kienx għat-tagħlim ta’ Kristu, u allura għat-tagħlim tal-Knisja, kieku ma konniex inkunu nistgħu nagħmlu ġudizzju fuq il-ħajja tal-bniedem, in-natura tiegħu, il-perfezzjoni tiegħu fil-bidu tal-ħolqien u l-konsegwenzi koroh tad-dnub oriġinali, il-ħila  li jagħmel it-tajjeb u l-għajnuna meħtieġa biex jixtieq it-tajjeb u jwettqu, is-sens tal-ħajja preżenti  u l-iskop tagħha, il-valuri li l-bniedem jixxennaq  għalihom, il-kriterju tal-perfezzjoni u tal-qdusija u l-mezzi  biex il-ħajja tasal għall-ogħla sbuħija u milja tagħha. Il-Knisja trid tkun dejjem ħerqana biex tagħraf it-toroq tal-Mulej. Tassew nixtiequ li d-diskussjonijiet fejjieda dwar il-perfezzjoni nisranija u li l-Knisja għexet għal sekli sħaħ, jerġgħu jiksbu dak l-interess kbir li jistħoqqilhom. U  dan mhux biex nifformulaw  teoriji ġodda, imma biex niġġeneraw enerġiji ġodda li jwasslu għall-qdusija li Kristu għallimna. Aħna nistgħu nsiru midħla ta’ din il-qdusija, nixtiequha u ngħixuha permezz tal-eżempju mogħti lilna minn Kristu stess, permezz tal-kelma u l-grazzja tiegħu u tat-tagħlim tiegħu msaħħah mit-tradizzjoni tal-Knisja u mill-ħajja tal-komunità li tidher fil-qaddisin. 

Il-perfezzjoni tan-nisrani għall-qdusija tad-dinja

44.Il-kundizzjonijiet esterni li fihom il-Knisja qed tgħix il-ħajja tagħha qed ikomplu jqanqluha biex tfittex dejjem aktar il-perfezzjoni reliġjuża u morali. Il-Knisja ma tistax tibqa’ indifferenti meta tara l-bidliet li qed iseħħu fid-dinja ta’ madwarha. Dawn il-bidliet qed jinfluwenzaw u jikkundizzjonaw l-azzjoni tagħha b’ħafna modi. Kif nafu lkoll, il-Knisja mhijiex maqtugħa mid-dinja ta’ madwarha; hi tgħix fid-dinja; il-membri tagħha huma influwenzati mid-dinja li qed jgħixu fiha; jixorbu l-kultura tagħha, jaċċettaw il-liġijiet tagħha, jiddakkru minn drawwietha. Dan il-kuntatt daqshekk mill-qrib mas-soċjetà jġib miegħu sitwazzjoni problematika kontinwa. Fil-preżent il-problemi huma iebsin ħafna. Il-ħajja nisranija, li l-Knisja tħeġġeġ u tiddefendi, trid tirreżisti kontra dak kollu li jqarraq biha, li jipprofanaha u joħnoqha, filwaqt li tagħmel dak kollu li tista’ biex tħares lilha nnifisha minn dak li hu ħażin u żbaljat. Fl-istess ħin, il-ħajja tan-nisrani trid taddatta ruħha għall-forom ta’ ħsieb u drawwiet li d-dinja toffrilha u timponi fuqha – naturlament sakemm dawn ikunu jaqblu ma’ dak li hu essenzjali għall-programm reliġjuż u morali tagħha -, u trid tfittex ukoll li tersaq lejhom, issaffihom, tagħtihom dinjità, tinkoraġġihom u tqaddishom. Dan jimponi fuq il-Knisja proċess kontinwu li permezz tiegħu teżamina lilha nnifisha u tevalwa l-imġiba tagħha. Iż-żmenijiet tal-lum qed jitolbu dan b’mod urġenti u kontinwu.

45.Naraw li, anki minn dan il-lat, iċ-ċelebrazzjoni tal-Konċilju hi providenzjali. Ix-xejra pastorali tiegħu, l-għan prattiku fit-tiġdid tad-dixxiplina kanonika, il-ħerqa li jwettaq dak kollu li jista’ f’armonija mal-karattru sopranaturali tiegħu, l-għajxien prattiku tal-ħajja nisranija, dan kollu qed jagħti mertu partikulari lil dan il-Konċilju. Jagħtih mertu sa minn issa stess meta għadna qed nistennew il-parti l-kbira tad-digrieti li jridu joħorġu minnu. Il-Konċilju qed iqanqal kemm lir-Rgħajja kif ukoll lill-fidili biex jikkonservaw u jsaħħu l-awtentiċità sopranaturali tal-ħajja nisranija. Il-Konċilju qed ifakkarna fid-dmir li nonqxu dan il-karattru nisrani b’mod pożittiv fl-imġiba tagħna kollha. Il-Konċilju qed isostni lid-dgħajjef biex jikber fit-tjubija u lit-tajjeb biex ikun aħjar; qed jispira li min hu aħjar biex ikollu spirtu ta’ ġenerożità u li min hu ġeneruż biex jitqaddes. Il-Konċilju qed jiftaħ it-triq għal espressjonijiet ġodda li jwasslu għall-qdusija; qed isejjaħ għall-imħabba kreattiva, għall-għajxien tal-virtujiet u tal-eroiżmu nisrani.

X’nifhmu b’forma

46.Naturalment irid ikun il-Konċilju li jissuġġerixxi liema huma r-riformi li għandhom jsiru fil-leġiżlazzjoni tal-Knisja. Iridu jkunu l-Kummissjonijiet post-konċiljari - speċjalment dik li ġiet imwaqqfa biex tirrevedi l-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku - li jifformulaw f’termini konkreti r-rakkomandazzjonijiet tas-Sinodu ekumeniku. Għalhekk, Venerabbli ħuti, hemm bżonn  li intom tindikawlna d-deċiżjonijiet meħtieġa biex insebbħu wiċċ il-Knisja u nagħmluha aktar żagħżugħa. Ejjew, għal darb’oħra, nuru li aħna rridu riforma ta’ din ix-xorta. Fis-sekli li għaddew kien hemm diversi drabi meta proposta bħal din kienet marbuta mal-istorja tal-Konċilji. Ejjew nerġgħu nagħmluha, mhux biex noħduha kontra l-ereżiji jew xi diżordni publika, għax dawn għall-grazzja t’Alla m’għadhomx jeżistu fi ħdan il-Knisja, imma biex innisslu qawwa spiritwali ġdida fil-Ġisem Mistiku ta’ Kristu u biex bħala soċjetà viżibbli insaffu dan il-Ġisem mid-difetti ta’ bosta mill-membri tiegħu u nqanqlu fih virtujiet ġodda!

47.U biex, bil-għajnuna t’Alla, dan ikun jista’ jseħħ, nitolbukom tilqgħu xi kunsiderazzjonijiet siewja li ser nippreżentawlkom dwar din il-ħidma ta’ tiġdid. Nixtiequ nagħmlulkom kuraġġ biex din il-ħidma titwettaq, għax mingħajr sagrifiċċju ma titwettaqx, u nagħtukom ukoll xi ideat li jistgħu jgħinu biex il-ħidma  ssir aħjar. 

48.L-ewwelnett hemm xi kriterji li għandhom jiggwidawna meta niġu biex nindirizzaw din ir-riforma. Din ir-riforma la għandha x’taqsam man-natura essenzjali tal-Knisja Kattolika u lanqas mal-istruttura fundamentali tagħha. Inkunu qed nużaw il-kelma riforma ħażin jekk nużawha f’dan is-sens. Ma nistgħux nakkużaw lill-Knisja Mqaddsa li tant inħobbu b’infedeltà. Hemm bżonn nagħrfu kemm hi grazzja kbira li aħna membri tagħha, u li permezz tagħha nistgħu nagħtu xhieda ta’ wlied Alla (ara Rum 8,16). Le, mhix suppervja, lanqas arroganza, ras iebsa jew ġenn li nħossuna membri ħajja u ġenwini tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, werrieta awtentiċi tal-Evanġelju, suċċessuri tal-Appostli. Din hija fidi soda u konvinzjoni li tferraħna. Għandna patrimonju kbir ta’ verità u ta’ drawwiet li l-Knisja Kattolika għadha tingħaraf minnhom sal-lum, u jeħtieġ inżommu t-tradizzjoni oriġinali appostolika ħajja u intatta. Hemm bżonn li dan  mhux biss jagħmilna kburin, jew aħjar iwassalna biex nirringrazzjaw lil Alla (ara Efes 5,20), imma li jnissel fina anki responsabbiltà. Jeħtieġ inkunu responsabbli quddiem Alla u nagħtuh kont ta’ dan il-benefiċċju daqshekk kbir; jeħtieġ li nkunu  responsabbli wkoll quddiem il-Knisja filwaqt li nnislu fiha fehma soda biex tħares it-teżor fdat f’idejha li dwaru jkellimna San Pawl (ara 1 Tim 6,20). Irridu nkunu responsabbli wkoll quddiem ħutna mifrudin minna u quddiem id-dinja, għax kollha għandhom don t’Alla x’jaqsmu magħna.

49.Dan jurina li meta niġu biex nitkellmu dwar riforma m’għandniex naħsbu fuq bidla, iżda rridu naraw kif ser nagħmlu biex il-Knisja jibqa’ jkollha l-wiċċ mogħti lilha minn Kristu.Irridu naraw kif ser nagħmlu biex il-Knisja jibqa’ jkollha dak l-ideal ta’ perfezzjoni u ġmiel li jagħtiha l-wiċċ  oriġinali tagħha, u biex fl-istess ħin  li jkun jgħodd għall-iżvilupp meħtieġ - bħal siġra li tikber minn żerriegħa – biex il-Knisja jkollha l-forma leġittima storika u konkreta tagħha. Għall-glorja t’Alla, kif nafu, il-Knisja kibret u saret majestuża, u m’għandniex nitqarrqu u naħsbu li hi għandha tmur lura għal dak li kienet fl-ewwel żmenijiet, bħallikieku dak biss jgħodd u hu ġenwin. Lanqas m’għandna nħallu tiġri bina x-xewqa li nġeddu l-istrutturi tal-Knisja permezz ta’ triq kariżmatika, li xi wħud jarawha bħala dik waħdanija għal tiġdid fil-Knisja. Din it-triq titwieled minn ideat partikulari ta’ nies, li bla dubju jkunu ħerqana u xi drabi anki  konvinti li l-ideat tagħhom ġejjien minn ispirazzjoni divina, iżda dawn jistgħu jintroduċu ħolm ta’ tiġdid artifiċjali fil-pjan kostituttiv tal-Knisja. Aħna rridu nħobbu u naqdu lill-Knisja kif inhi, billi nħarsu lejn l-istorja b’mod intelliġenti u nfittxu r-rieda t’Alla li jgħin u jiggwida lill-Knisja wkoll meta jippermetti li d-dgħufija umana titfa’ dell fuq is-safa u l-ġmiel ta’ ħidmietha. Huwa dan is-safa u dan il-ġmiel li aħna qegħdin infittxu u rridu nippromwovu.

Ħsarat u perikli  fl-idea profana tal-ħajja

50.Hemm bżonn li nsaħħu fina konvinzjonijiet ta’ din ix-xorta biex nevitaw periklu ieħor li x-xewqa ta’ riforma tista’ ġġib magħha. Dan il-periklu, aktar milli jġarrab lilna r-Rgħajja sostnuti mis-sens ta’ responsabbiltà, jista’ jġarrab lil bosta fidili li jaħsbu li l-Knisja trid tirriforma ruħha billi taddatta s-sentimenti u d-drawwiet tagħha skont dawk tad-dinja tal-lum. Il-ġibdiet tal-ħajja profana għandhom setgħa qawwija; u ħafna jaħsbu li l-konformità ma’ dak li taħseb id-dinja hu pass għaqli li jrid isir bil-fors. Dawk li mhumiex sħaħ  fil-fidi u ma josservawx il-liġi tal-Knisja faċli jaslu għall-konklużjoni  li wasal iż-żmien li naddattaw ruħna għall-idea profana tal-ħajja, bħallikieku din hi l-aħjar waħda u li n-nisrani għandu jagħmilha tiegħu. Dan il-fenomenu ta’ addattament jissemma’ ħafna fil-qasam tal-filosofija (il-moda taħkem anki s-saltna tal-ħsieb, li suppost tkun awtonoma u ħielsa u timxi biss lejn il-verità filwaqt li tbaxxi rasha quddiem l-awtorità ta’ għalliema approvati). Jissemma’ wkoll fil-qasam tal-etika fejn qed isir dejjem aktar diffiċli li wieħed jiddefinixxi dak li hu rett moralment u x’għandha tkun l-imġiba retta fil-ħajja.

51.In-naturaliżmu qed jhedded li jġib fix-xejn l-idea oriġinali tal-Kristjaneżmu; ir-relattiviżmu, li jiġġustifika kollox u jagħti l-istess valur lil kull ħaġa, qed jattakka l-karattru assolut tal-prinċipji nsara; id-drawwa li jitwarrab kull sforz u kull ħaġa skomda li xxekkel il-ħajja qed takkuża d-dixxiplina u l-ħajja axxetika nisranija u tgħid li huma bla siwi. Xi drabi  wieħed ikollu xewqa kbira li jidħol f’ambjenti profani u jkun determinat li jwassal lill-oħrajn, l-aktar liż-żgħażagħ, biex jaċċettawh; u dan iwasslu biex jiċħad il-prinċipji nsara u jwarrab dik l-imġiba li tagħti tifsira lid-determinazzjoni tiegħu li jagħmel kuntatt mal-oħrajn u jgħaddilhom tagħlim effettiv. Forsi mhux veru li xi saċerdoti u reliġjużi żgħażagħ tant ikunu mħeġġa biex  jidħlu fejn hemm il-massa tan-nies jew f’xi oqsma partikulari, li dawn xi drabi jfittxu li jkunu bħall-oħrajn minflok ma jkunu differenti minnhom? Ifittxu li jimitawhom billi jwarrbu l-mod ġenwin u siewi tal-appostolat tagħhom?. Aħna rridu nkunu fid-dinja, imma mhux tad-dinja. Dan il-kliem ta’ Ġesu’ jgħodd ħafna għal żmienna, ukoll jekk mhux faċli li ngħixuh. Għalhekk nitolbu lil Kristu “li jibqa’ dejjem ħaj u jidħol għalina” (ara Lhud 7,25), biex jinkludi lilna wkoll fit-talba sabiħa tiegħu lill-Missier: “Ma nitolbokx li twarrabhom mid-dinja imma li tħarishom mill-Ħażin” (Ġw 17,15). 

Mhux immobbiltà, imma « aġġornament »

52.Dan ma jfissirx li biex inkunu perfetti kollox irid jibqa’ l-istess, li dak li l-Knisja tlibbset bih matul is-sekli għandu jibqa’ dejjem xorta; u lanqas ma jfisser li nkunu kontra dawk il-miżuri prattiċi li jgħoddu għal dak li qed ngħixu llum. Jeħtieġ inżommu quddiem għajnejna dik il-kelma famuża tal-maħbub Predeċessur tagħna Ġwanni XXIII, il-kelma “aġġornament”, li fiha rridu naraw programm. Dan ġie ikkonfermat bħala prinċipju li qed jiggwida l-Konċilju Ekumeniku, u nixtiequ nwassluh lill-Knisja kollha. Għandu jservi biex il-Knisja tkun dejjem aktar ħajja, tkun attenta u tistudja s-sinjali taż-żmenijiet biex b’ħeffa dejjem aktar żagħżugħa tipprova kollox u  żżomm dak li hu tajjeb (ara 1Tes 5,21), dejjem u kullimkien.

Ubbidjenza, enerġija morali, sagrifiċċju

53.Għal darb’oħra tajjeb intennu t-twissija komuni tagħna: il-Knisja ma ssirx aktar żagħżugħa billi tibdel il-leġiżlazzjoni esterna tagħha, iżda billi tpoġġi l-ispirtu tagħha f’attitudni ta’ ubbidjenza lejn Kristu, u għalhekk billi tosserva dawk il-liġijiet li hi stess fasslet biex tkun tista’ timxi fi triqtu. Dan hu s-sigriet biex tiġġedded, din hi l-“metanoia”, dan hu l-eżerċizzju għall-perfezzjoni tagħha. Għalkemm l-osservanza tal-liġi tal-Knisja tista’ ssir aktar faċli billi nissimplifikaw xi preċetti u jkollna fiduċja fil-libertà tan-nisrani li llum sar aktar konxju ta’ dmirijietu u aktar matur u għaqli fl-għażla biex iwettaqhom, iżda l-liġi dejjem tibqa’ titlob dak li hu essenzjali: il-ħajja nisranija. U l-ħajja nisranija, li l-Knisja tpoġġi quddiemna b’tant għerf, titlob fedeltà, impenn, mortifikazzjoni u sagrifiċċju. Fiha dejjem hemm il-marka tat-triq id-dejqa li dwarha jkellimna Ġesù (ara Mt 7,13) u titlob minna, l-insara moderni, enerġija morali li forsi hi akbar minn dik tal-imgħoddi. Titlob li nkunu lesti li nobdu, titlob ubbidjenza li forsi hi aktar diffiċli minn dik tal-imgħoddi, iżda żgur li għandha mertu akbar għax hi aktar imqanqla  minn dak li hu sopranaturali milli minn dak li hu naturali. Il-Knisja ma tissaħħaħx billi  l-ispirtu tagħha jkun konformi mal-ispirtu tad-dinja, billi twarrab ir-regoli tal-axxetika nisranija, billi tkun indifferenti quddiem il-laxkezza fid-drawwiet morali ta’ żmienna, l-emanċipazzjoni fejn tidħol l-awtorità ta’ superjuri prudenti u leġittimi, l-apatija lejn forom kontradittorji tal-ħsieb modern; dawn ma jistgħux isaħħu l-Knisja. Dawn ma jagħmluhiex aktar lesta biex tilqa’ d-doni tal-Ispirtu s-Santu, ma jagħmluhiex awtentika fil-mixja tagħha wara Kristu, ma jnisslux fiha ħeġġa biex tħobb lill-oħrajn u ħila biex twassal il-messaġġ tas-salvazzjoni. Il-Knisja jkollha dawn il-barkiet meta tkun determinata li tgħix skont il-grazzja divina, meta tkun fidila lejn l-Evanġelju u  tfittex l-għaqda ġerarkika u komunitarja. In-nisrani mhux beżżiegħ u bla sinsla, imma qawwi u fidil.

54.Aħna nafu kemm dan id-diskors jista’ jieħu fit-tul imqar li kieku kellna ngħidu biss liema huma l-punti prinċipali li n-nisrani jrid jgħix illum, iżda mhux fi ħsiebna nagħmlu dan. Il-ħtiġijiet morali ta’ żmienna intom tafuhom, u żgur li tagħmlu dak kollu li tistgħu biex il-fidili jagħrfu d-dinjità, is-safa u s-serjetà tal-ħajja nisranija; u twissu, anki publikament, dwar il-perikli morali u l-vizzji li qed jifnu żmenijietna. Niftakru fl-eżortazzjonijiet solenni li nsibu fl-Iskrittura Mqaddsa u li jgħidulna: “Jiena naf l-opri tiegħek u l-keded li tieħu, u s-sabar tiegħek, naf li inti l-ħżiena ma tiflaħx għalihom” (Apk 2,2), u nfittxu li nkunu Rgħajja li jishru u jaħdmu. Il-Konċilju Ekumeniku għandu jagħtina istruzzjonijiet ġodda u ta’ siwi, u aħna sa minn issa stess għandna nhejju ruħna biex nisimgħuhom u nwettquhom.

L-ispirtu ta’ faqar

55.Hemm żewġ punti partikulari  li ma nistgħux  ma ngħidux xi ħaġa dwarhom. Dawn għandhom x’jaqsmu ma’ ħtiġijiet u dmirijiet prinċipali, u jistgħu jkunu suġġett ta’ riflessjoni għal orjentament ġenerali fit-tiġdid tal-ħajja tal-Knisja

56.L-ewwel wieħed huwa l-ispirtu tal-faqar. Inħossu l-bżonn li nitkellmu dwaru b’mod espliċitu għax l-Evanġelju jagħtih importanza kbira; hu aspett fundamentali  fil-pjan divin li jwassalna  għad-destinazzjoni tagħna fis-Saltna t’Alla. Nafu wkoll  li l-ispirtu tal-faqar jinsab fil-periklu minħabba l-mod kif il-mentalità moderna tħares lejn il-ġid. Neħtieġu l-ispirtu tal-faqar biex nagħrfu d-dgħufijiet u l-ħsarat tal-passat  u biex nitgħallmu l-prinċipji li fuqhom irridu nibnu ħajjitna u nagħrfu l-aħjar mod biex inħabbru t-tagħlim ta’ Kristu lill-oħrajn. Nafu kemm hu diffiċli ngħixu dan l-ispirtu, u ħsibna li nitkellmu dwaru f’dan il-messaġġ mhux għax m’għandniex f’moħħna li nagħtu xi provvedimenti kanoniċi dwaru, imma għax  xtaqna nitolbu l-għajnuna tagħkom billi tagħtuna l-kunsens, il-parir u l-eżempju tagħkom.  Venerabbli ħuti, intom għandkom l-awtorità  li tinterpretaw l-ispirazzjonijiet li jiġu mill-Ispirtu ta’ Kristu, u għalhekk nistennew li tgħidu x’għandu jsir biex Rgħajja u fidili jagħtu sehemhom ħalli l-ispirtu tal-faqar ikun ir-regola f’dak kollu li jingħad u jitwettaq. L-appostlu Pawlu wissiena:“Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesu’” ( Fil 2,5). Nistennew li tindikawlna l-kriterji u d-deċiżjonijiet meħtieġa fil-ħajja tal-Knisja biex flimkien nibnu  dik il-fiduċja li sserraħ aktar fuq l-għajnuna t’Alla u l-ġid tal-Ispirtu milli fuq il-mezzi temporali. Dan għandu jfakkar lilna stess u jgħallem lid-dinja li l-ġid tal-ispirtu huwa aqwa minn dak ekonomiku. Jeħtieġ nillimitaw u nużaw il-ġid ekonomiku għal dak li jiswa biex inwettqu l-missjoni appostolika tagħna.

57.Għidna xi ħaġa fil-qosor dwar il-ġmiel u l-obbligu tal-ispirtu tal-faqar li għandu post prominenti fl-Evanġelju, iżda ma nistgħux ma nfakkrux li dan l-ispirtu m’għandux ifixkel il-mod li bih nifhmu l-fattur ekonomiku u nwettqu l-applikazzjoni ġusta tiegħu. F’dawn l-aħħar snin saru passi kbar fil-qasam tal-ekonomija, speċjalment fl-aspett uman u soċjali tiegħu; dan wassal għall-progress fiċ-ċivilizzazzjoni. Iżda tajjeb nagħrfu li l-libertà interna li tiġi mill-ħerqa li ngħixu l-ispirtu tal-faqar evanġeliku, tagħmilna aktar sensittivi għall-aspetti umani marbuta ma’ fattur ekonomiku u tgħinna  nifhmuh aktar. Din il-libertà tgħinna napprezzaw b’mod ġust – u spiss iebes ukoll - il-ġid u l-progress li jsir fil-ħajja; tqanqalna biex nagħtu l-għajnuna meħtieġa b’mod immedjat u ġeneruż u biex nagħmlu ħilitna kollha ħalli l-ġid ekonomiku ma jkunx il-kawża ta’ tilwim, egoiżmu jew  suppervja, imma  jintuża b’mod ġust u ekwu b’risq il-ġid komuni u jitqassam bl-aħjar mod bejn kulħadd. L-istudent tal-Evanġelju jikseb il-ħila li jagħti valur għaqli u tassew uman lil dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ġid ekonomiku, li għalkemm hu inferjuri għall-ġid spiritwali, iżda hu meħtieġ għall-ħajja tagħna fuq din l-art. Aħna għandna interess kbir fix-xjenza, fit-teknika u b’mod speċjali fix-xogħol tal-bniedem. Il-ħobż li jipproduċi hu sagru għall-mejda u għall-artal. Dan hu t-tagħlim soċjali tal-Knisja li ma jħalli lok għal ebda dubju. Huwa tagħlim importanti u nieħdu din l-okkażjoni biex mill-ġdid nikkonfermawh.

58.It-tieni punt li nixtiequ nitkellmu dwaru huwa l-ispirtu ta’ karità, suġġett li żgur tgħożżuh sew għax hu fiċ-ċentru tal-pjan tal-Ekonomija Divina rrivelat fit-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid. Ma nkunux qed ngħidu sew jekk ngħidu li l-karità hi l-għan tal-passi kollha fl-esperjenza spiritwali tal-Knisja? U meta nistudjaw it-teoloġija u ngħixu l-pjetà nisranija waqt li nimmeditaw it-teżori li hemm fl-Iskrittura u fis-Sagramenti, li tagħhom il-Knisja hi werrieta, kustodja, għalliema u dispensatriċi, ma nkunux qed niskopru dejjem aktar il-karità bid-dawl u l-ferħ li joħroġ minnha? Aħna naqblu mal-Predeċessuri tagħna, mal-kuruna ta’ Qaddisin li ż-żmien ta lill-Knisja tas-Sema u tal-art u mal-istint devot tal-poplu fidil u ngħidu li llum il-karità għandu jkollha l-post li jixirqilha. Għandu jkollha l-ewwel u l-ogħla post fl-iskala tal-valuri reliġjużi u umani, mhux biss fl-istima teorika, imma wkoll fl-għajxien tal-ħajja umana. U dan mhux biss billi nħobbu lil Alla, li jitfa’ Mħabbtu fuqna, imma wkoll billi nħobbu l-proxxmu tagħna, jew aħjar ‘il-bnedmin kollha. Il-karità tispjega kollox. Il-karià tispira kollox. Il-karità tagħmel kollox possibbli. Il-karità ġġedded kollox. Il-karità kollox temmen, kollox  tittama, kollox tissaporti (1 Kor 13, 7). Min jista’ jinjora dan kollu? U la nafu dan kollu, forsi mhijiex issa s-siegħa tal-karità?

Devozzjoni lejn Marija

59.    Dan l-ideal hekk umli u profond fil-ħajja nisranija jitfa’ l-ħsieb tagħna fuq Marija Santissima, dik li jiddi fiha dan l-ideal b’mod perfett u meraviljuż, dik li għexitu fuq din l-art u li issa qed tgawdi l-ġmiel u l-hena tiegħu fis-Sema. Id-devozzjoni lejn il-Madonna qiegħda dejjem tikber u aħna nieħdu din l-okkażjoni biex nesprimu l-ammirazzjoni tagħna lejn il-Verġni Mbierka, Omm Kristu, u għalhekk Omm Alla u Omm tagħna lkoll. Hi l-mudell tal-perfezzjoni nisranija, il-mera tal-virtujiet sinċieri, il-meravilja tal-vera umanità. Aħna nqisu d-devozzjoni lejn Marija bħala triq li twassalna għat-tagħlim tal-Evanġelju: fil-pellegrinaġġ tagħna fl-Art Imqaddsa xtaqna li nieħdu mingħandha t-tagħlim ta’ ħajja nisranija awtentika, għax hi l-kreatura bla tebgħa, hi l-aktar hienja, ħelwa u umli. Hi kellha l-privileġġ li tagħti ġisem uman lill-Kelma Eterna li saret bniedem; tagħtu ġisem uman bil-ġmiel oriġinali u innoċenti tiegħu. Venerabbli ħuti, waqt li qegħdin nitkellmu dwar it-tiġdid spiritwali u morali tal-ħajja tal-Knisja, ejjew għal darb’oħra nduru lejha u nitolbu lilha,  għalliema maħbuba, biex turina t-triq.

 

III. Id-Djalogu

60.Hemm it-tielet attaġġament li l-Knisja Kattolika trid tassumi f’din is-siegħa tal-istorja tad-dinja, u dan hu karatterizzat mill-istudju dwar il-kuntatti li trid iżżomm mal-umanità. Jekk il-Knisja tagħraf dejjem aktar lilha nnifisha u tfittex li tfassal ħajjitha skont dak li Kristu jitlob minnha, jiġri li hi tiddistingwi ruħha sew mill-ambjent uman li tgħix fih jew li toqrob lejh.

61.L-Evanġelju jwissina dwar din ix-xorta ta’ distanza u distinzjoni meta jkellimna dwar id-dinja. B’dinja jrid jifhem dawk li huma kontra d-dawl tal-fidi u d-don tal-grazzja, dawk li jemmnu li l-forzi tagħhom huma biżżejjed biex  ikollhom il-milja, l-istabbilità u l-ġid ta’ ħajjithom, dawk li jistkennu taħt fataliżmu aggressiv u jsostnu li vizzju, dgħufija u mard morali huma inevitabbli, ma jitfejqux u li l-ħajra għalihom tista’ turi ħelsien u awtentiċità. L-Evanġelju jagħraf il-miżerji tal-bniedem, jgħid li huma ħżiena iżda juri ħniena kbira u sinċiera. Ma jħaddanx l-idea falza li n-natura tal-bniedem tagħmlu tajjeb biżżejjed biex ifendi għal rasu bla bżonn ta’ ħadd u ta’ xejn, u li l-bniedem jeħtieġ biss li jkun liberu biex jesprimi lilu nnifsu kif irid hu. L-Evanġelju  lanqas ma jaqbel mar-rassenjazzjoni bla tama li m’hemm xejn x’tista’ jsir biex titfejjaq  il-korruzzjoni tan-natura umana. L-Evanġelju hu dawl, hu novità, hu enerġija, hu twelid ġdid, hu fidwa. Jiġġenera u jiddistingwi forma ta’ ħajja ġdida, li t-Testment il-Ġdid jkellimna u jgħallimna dwarha l-ħin kollu. San Pawl iwissina: “Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu skont it-tiġdid ta’ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett” (Rum 12,2).

62.Din id-differenza bejn il-ħajja nisranija u dik profana tiġi wkoll mill-fatt li aħna nafu li ġejna ġġustifikati. Din il-ġustifikazzjoni sseħħ fina bis-sehem tagħna fil-misteru tal-Għid; isseħħ l-ewwelnett bil-Magħmudija, li kif ġa għidna jeħtieġ nqisuha bħala twelid ġdid. San Pawl ifakkarna: Ma tafux li aħna lkoll li tgħammidna fi Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu? Ndfinna miegħu fil-mewt permezz tal-magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida” (Rum 6, 3-4).

Ngħixu fid-dinja bla ma nkunu tad-dinja

63.Hu importanti ħafna li anki n-nisrani tal-lum iżomm quddiem għajnejh din ix-xorta ta’ ħajja li ssaħħu fid-dinjità u tgħinu biex ma jitkaxkarx mill-ħażen jew jitqarraq mit-tlellix ta’ madwaru

64.Isimgħu San Pawl x’kien jgħallem lill-ewwel insara: “La tintrabtux mal-pagani taħt madmad wieħed li ma jiġikomx. X'għandhom x'jaqsmu bejniethom il-ġustizzja u l-ħażen? X'xirka hemm bejn id-dawl u d-dlam? .........x'għandu x'jaqsam min jemmen ma' min ma jemminx?” (2, Kor 6.14-15) It-tagħlim nisrani għandu jfakkar lin-nisrani ta’ żmienna f’din il-kundizzjoni privileġġata u fid-dmir li jgħix fid-dinja bla ma jkun tad-dinja, kif Ġesù talab għad-dixxipli tiegħu meta qal: “Ma nitolbokx li twarrabhom mid-dinja, imma li tħarishom mill-Ħażin. Huma m'humiex tad-dinja bħalma jiena m'iniex tad-dinja.” (Ġw 17, 15-16).Il-Knisja tagħmel tagħha din it-talba.

65.Iżda d-distinzjoni mhijiex separazzjoni; il-fatt li niddistingwu ruħna mid-dinja, ma jfissirx li aħna mifrudin minnha; id-distinzjoni lanqas ma hi indifferenza, biża’ jew disprezz. Meta l-Knisja tiddistingwi ruħha mill-umanità, mhux talli ma tkunx kontrieha, iżda tersaq aktar lejha. Meta tabib isir jaf bil-periklu ta’ marda, hu jfittex li jħares lilu nnifsu u lill-oħrajn mill-gwaj li ġġib magħha, iżda fl-istess ħin jagħmel ħiltu kollha biex ifejjeq lil dawk milquta minnha; l-istess tagħmel il-Knisja.  Il-Knisja ma tqisx il-ħniena divina bħala privileġġ esklussiv, u tinteressa ruħha anki f’dawk li m’għandhomx sehem f’dan il-privileġġ kbir. Il-Knisja tagħraf li l-fidwa tagħha titlob imħabba u interess akbar f’kull min hu qrib tagħha u f’ kulħadd, filwaqt li tagħmel kull sforz biex tikkomunika l-barka tas-salvazzjoni lil kulħadd.

Missjoni li trid titwettaq, aħbar li trid tixxandar

66.Jekk, kif għidna, il-Knisja tagħraf tassew dak li l-Mulej irid minnha, hi tikseb milja ta’ enerġija u tħoss il-ħtieġa li tfawwar din l-enerġija fuq il-bnedmin; hi tagħraf b’mod ċar x’inhi l-missjoni li ġiet mogħtija lilha u l-aħbar li trid ixxandar. Dan hu d-dmir li rridu nwettqu biex nevanġelizzaw. Dan hu l-mandat missjunarju, il-ħidma appostolika li rridu nagħmlu. Mhux biżżejjed li nikkonservaw b’fedeltà t-teżor ta’ verità u ta’ grazzja li writna mit-tradizzjoni nisranija, irridu wkoll nieħdu ħsiebu u niddefenduh, kif iwissi San Pawl: «ħares sewwa dak li kien fdat f'idejk ». (1Tim:6:21)  Iżda meta l-Knisja tieħu ħsieb biss li tippreserva u tiddefendi ma tkunx qiegħda twettaq id-dmir tagħha skont id-doni li rċeviet. Id-dmir ewlieni lejn il-patrimonju li rċeviet mingħand Kristu huwa li xxerred, li toffri, li tħabbar. Nafu x’kien il-mandat li Kristu ta lill-Appostli tiegħu: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha “(Mt 28,19). L-istess isem ‘appostlu’ jimplika l-missjoni li hu jrid iwettaq, missjoni li ma jistax jaħrab minnha. Illum qed nużaw il-kelma ‘djalogu’ biex nesprimu  din il-ħeġġa interna li tqanqal għall-imħabba u tidher minn barra bħala don ta’ mħabba.    

Id-djalogu

67.Il-Knisja trid tiddjaloga mad-dinja li tinsab fiha. Il-Knisja trid issir kelma; il-Knisja trid issir messaġġ; il-Knisja trid issir komunikazzjoni.

68.Kif tafu, il-Konċilju Ekumeniku għandu jistudja sew dan l-aspett daqshekk importanti fil-ħajja tal-Knisja, u aħna nixtiequ nħalluh għall-Padri Konċiljari biex ikollhom il-libertà li jittrattawh huma. Iżda, Ħuti, qabel ma jsir dan l-istudju, xtaqna  nagħmlu xi kunsiderazzjonijiet biex inkunu ċari f’dak li qed iqanqal il-Knisja għad-djalogu, fil-metodi li għandna nużaw u fl-għaniet li jeħtieġ nimmiraw lejhom. Mhux fil-ħsieb tagħna li nittrattaw kwistjonijiet, imma li nieħdu ħsieb l-erwieħ. 

69.U ma nistgħux nagħmlu mod ieħor, għax aħna konvinti li d-djalogu għandu jkun il-karatteristika tal-ħidma appostolika tagħna, u nemmnu li l-istil pastorali u l-indirizz pastorali tagħna għandu jkun dak li ħallewlna l-Predeċessuri tagħna ta’ dan l-aħħar seklu. Nibdew mill-kbir u għaref Papa Ljun XIII, li fih kważi naraw ippersonifikata l-figura evanġelika tal-iskriba għaref ......li bħal missier ta’ familja mill-ħażna tiegħu ħareġ sew il-ġdid u sew il-qadim (ara Mt 13, 52). Bl-awtorità maġisterjali u dinjituża tas-Santa Sede, hu fittex li jagħti tagħlim dwar il-problemi ta’ żmienna fid-dawl tal-kelma ta’ Kristu. U kif nafu, l-istess għamlu s-suċċessuri tiegħu.   

70. Il-Predeċessuri tagħna, speċjalment Piju XI u Piju XII, ma ħallewx patrimonju ta’ tagħlim kbir u mill-isbaħ?  Mhux huma kienu li taw dan it-tagħlim b’għerf u b’imħabba  waqt li għamlu ħilithom kollha biex iressqu l-ħsieb divin lejn dak uman b’mod u bi kliem li jgħoddu għall-bniedem tal-lum? X’kien dan it-tentattiv appostoliku jekk mhux djalogu? U l-istess għamel il-Predeċessur immedjat tagħna Ġwann XXIII, li ħadem kemm felaħ  biex bit-tagħlim tiegħu jressaq il-veritajiet divini qrib l-esperjenza u l-għarfien tal-bniedem tal-lum. Mhux hu kien li ta lill-Konċilju orjentament pastorali, biex il-messaġġ nisrani jkun jista’ jidħol fid-dinja tal-ħsieb, tal-kelma, tal-kultura, tad-drawwiet, tat-tendenzi, li bniedem qed jgħix illum? Qabel ma nikkonvertu lid-dinja, anzi biex nikkonvertu lid-dinja, l-ewwel hemm bżonn  li nkunu qrib tagħha, li nitkellmu magħha.    

71.Dwar dak li għandu x’jaqsam mal-ħidma umli tagħna - għalkemm ma nixtiequx nitkellmu dwarna nfusna u niġbdu l-attenzjoni fuqna –, aħna nħossuna fid-dmir li  f’din il-preżentazzjoni lill-kulleġġ episkopali u lill-poplu nisrani, nuru l-intenzjoni tagħna li nipperseveraw f’din it-triq. Aħna lesti li nagħmlu ħilitna kollha - skont dak li l-forzi dgħjafa tagħna jippermettulna u bil-għajnuna tal-grazzja t’Alla - biex nersqu lejn id-dinja li l-Providenza Divina ħejjiet għalina. Aħna lesti li nersqu lejha b’rispett, bi premura, b’imħabba biex inkunu nistgħu nifhmuha u noffrulha d-doni tal-verità u tal-grazzja li Kristu ħalla f’idejna. Aħna lesti li naqsmu mad-dinja l-ħajja meraviljuża tal-Fidwa u tat-tama. F’ruħna hemm imnaqqxa l-kliem ta’ Kristu: Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex permezz tiegħu ssalva (Ġw 3,17). B’umiltà imma b’deċiżjoni dawn il-kliem irridu nagħmluhom tagħna.

Ir-reliġjon djalogu bejn Alla u l-bniedem

72.Venerabbli ħuti, l-oriġini traxxendenti tad-djalogu tinsab fil-ħsieb ta’ Alla stess. Min-natura tagħha stess, ir-reliġjon hi relazzjoni bejn Alla u l-bniedem. Din ir-relazzjoni tesprimi ruħha fit-talb, u t-talb huwa djalogu. Ir-rivelazzjoni hi r-relazzjoni sopranaturali li Alla stess ħa l-inizjattiva biex jibni mal-umanità, u nistgħu nħarsu lejha bħala djalogu. F’dan id-djalogu, il-Verb t’Alla esprima lilu nnifsu fl-Inkarnazzjoni u għalhekk fl-Evanġelju. Id-dnub oriġinali kiser dan id-djalogu patern u qaddis bejn Alla u l-bniedem, iżda b’mod tal-għaġebdan id-djalogu reġa’ beda l-korsa tiegħu fl-istorja. L-istorja tas-salvazzjoni tirrakkonta dwar dan id-djalogu twil u varju li Alla reġa’ beda mal-bniedem filwaqt li niseġ rabta mill-isbaħ miegħu. F’din il-komunikazzjoni, Kristu  kellem lill-bnedmin (ara Baruk 3,38), u Alla wera lilu nnifsu, il-misteru tal-ħajja tiegħu, l-essenza unika tiegħu, il-ħajja trinitarja tiegħu fi tliet Persuni. Qalilna li jixtieqna  nagħrfu li hu Mħabba, u li jixtieqna nqimuh u naqduh billi ngħixu l-imħabba: il-kmandament il-kbir tiegħu għalina hu li nħobbu lil xulxin. Dan id-djalogu ta’ fiduċja wasal għall-milja tiegħu; l-iben hu mistieden jieħu sehem fih, il-mistiku jsib l-ogħla għan tiegħu.     

Il-karatteristiċi tad-djalogu tas-salvazzjoni

73.Hemm bżonn li dejjem inżommu quddiem għajnejna din ir-relazzjoni, dan id-djalogu li Alla l-Missier bena u stabilixxa magħna permezz ta’ Kristu fl-Ispirtu s-Santu. Għalkemm ma nistgħux nispjegawh bil-kliem imma huwa reali, u neħtieġuh biex aħna, il-Knisja, nifhmu x’relazzjoni għandna nibnu u nippromwovu mal-umanità.

74.Id-djalogu tas-salvazzjoni beda b’mod spontanju bl-inizjattiva divina: mhux għax aħna ħabbejna lil Alla, imma għax ħabbna hu ( 1Ġw 4,10); issa jmiss lilna li nieħdu l-inizjattiva u nestendu dan l-istess djalogu għall-bnedmin, bla ma noqogħdu nistennew li xi ħadd isejħilna biex nagħmlu dan.

75. Id-djalogu tas-salvazzjoni beda mill-imħabba u t-tjubija divina: Alla hekk  ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu waħdieni (Ġw 3,16). Mela, id-djalogu li nagħmlu aħna jrid ikun wieħed imqanqal biss minn imħabba ħerqana u sinċiera.

76.Id-djalogu tas-salvazzjoni ma serraħx fuq il-mertu ta’ dawk li magħhom inbeda,   u lanqas fuq ir-riżultati li kellhom joħorġu minnu, “Mhux dawk li huma f'saħħithom għandhom bżonn it-tabib, iżda l-morda» (Lk 5,31).L-istess għandu jkun id-djalogu tagħna: bla limiti u bla ma noqogħdu nikkalkulaw.

77. Ħadd ma kien obbligat jilqa’ dan id-djalogu tas-salvazzjoni. Din kienet stedina għall-imħabba marbuta ma’ responsabbiltà kbira, iżda dawk li ġew mistiedna għaliha tħallew ħielsa li jaċċettawha jew jirrifjutawha (ara Mt 11,21). L-għadd kbir ta’ sinjali li wettaq Kristu u l-qawwa tagħhom (ara Mt 12,38) kienu skont il-ħtiġijiet u d-dispożizzjonijet spiritwali ta’ dawk li semgħuh (ara Mt 13,13); iżda b’danakollu huma kienu ħielsa fl-għażla  tagħhom li jaċċettaw ir-rivelazzjoni divina ta’ Kristu, bla ma tilfu l-mertu tal-kunsens tagħhom biex jagħmlu dan. L-istess l-missjoni tagħna; għalkemm qed inħabbru verità indiskuttibbli u meħtieġa għas-salvazzjoni,  ma nistgħux nippreżentawha billi nisfurzaw lill-oħrajn biex jaċċettawha. Irridu noffru dan id-don ta’ salvazzjoni bil-mezzi leġittmi ta’ ħbiberija umana, b’perżważjoni interna, b’konverżazzjoni komuni, dejjem b’rispett lejn id-drittijiet personali u ċivili tal-persuna.

78.Id-djalogu tas-salvazzjoni kien għal kulħadd, mingħajr ebda diskriminazzjoni (ara Kol 3,11). Hekk irid ikun id-djalogu li nagħmlu aħna: irid ikun universali, kattoliku; dan ifisser li rridu nagħmluh aċċessibbli għal kulħadd, rilevanti għal kulħadd; jibqa’ barra biss min assolutament ma jkunx irid jaf jew inkella min ma jkunx iridu jilqa’ dan id-djalogu b’mod sinċier.  

79.Id-djalogu tas-salvazzjoni nbena bil-mod il-mod, beda ninn affarijiet umli u għadda minn bidliet suċċessivi (ara Mt 13,31) sakemm wasal għas-suċċess sħiħ tiegħu. Anki fid-djalogu tagħna, irid ikun hemm proċess ta’ maturazzjoni psikoloġika u storika, proċess li jsir bil-mod il-mod, u jeħtieġ nistennew il-mument t’Alla biex jagħti l-frott. Dan ma jfissirx li rridu nħallu għal għada dak li nistgħu nagħmlu llum. Irridu nistennew b’ħerqa l-waqt opportun u jkollna s-sens prezzjuż tal-ħin. Kuljum, irridu nibdew mill-ġdid dan id-djalogu, u rridu nibdewh aħna bla ma noqogħdu nistennew lill-oħrajn biex jibdewh huma.  

Il-messaġġ nisrani fid-diskors uman

80.Hi ħaġa ċara li r-relazzjonijiet bejn il-Knisja u d-dinja jistgħu jkunu ħafna u b’effetti varji. Kieku trid, il-Knisja tista’ tiddeċidi li tnaqqas dawn ir-relazzjonijiet billi tinqata’ mis-soċjetà sekulari. Tista’ wkoll tipproponi li tindika dak li hu ta’ ħsara fis-soċjetà sekulari, tikkundannah u tibda kruċjata kontrieh. Tista’ minflok tersaq lejn is-soċjetà profana, tipprova tinfluwenzaha b’mod preponderanti jekk mhux ukoll billi teżerċita dominju teokratiku fuqha, u l-bqija. Iżda aħna jidhrilna li l-aħjar xorta ta’ relazzjoni li l-Knisja jista’ jkollha mad-dinja hi dik li tissarraf fi djalogu, naturalment mingħajr ma neskludu forom leġittimi oħra. Dan id-djalogu jrid ikun wieħed realistiku, irid iżomm quddiem għajnejh il-persuni li lejhom ikun  indirizzat u ċ-ċirkustanzi; hemm differenza bejn djalogu ma’ tifel u djalogu ma’ adult, djalogu ma’ persuna li temmen u oħra li ma temminx. Iżda d-dinja tal-lum qed titlob dan il-metodu minħabba l-mod mifrux li bih wieħed qed iħares lejn ir-relazzjonijiet bejn is-sagru u l-profan. Hu mitlub mid-dinamiżmu li bih qed tinbidel is-soċjetà moderna, mill-pluraliżmu fis-soċjetà u mill-maturità li kiseb il-bniedem tal-lum, li reliġjuż jew mhux, l-edukazzjoni ċivili qed tagħtih il-kapaċità li jaħseb, jitkellem u jittratta d-djaloġu b’dinjità.  

81.Jekk nixtiequ nibnu din ix-xorta ta’ relazzjoni, irridu nifhmu l-ħtieġa ta’ korrettezza, stima, simpatija u tjubija, u neskludu preġudizzju u kundanna, ostilità malizzjuża u li tiddiskrimina, kliem fieragħ u bla siwi. Ir-rispett lejn id-dinjità u l-libertà tal-persuna, ma jħallix id-djalogu tagħna jimmira lejn il-konverżjoni immedjata tal-persuna, iżda għax nixtiequ l-veru ġid tagħha, nimmaw  lejn komunjoni sħiħa ta’ sentimenti u konvinzjonijiet.

82.Id-djalogu li nixtiequ nagħmlu aħna, jitlob stat tar-ruħ li nixtiequ nikkomunikaw u nsaħħu f’dawk kollha li jinsabu madwarna. Dan l-istat tar-ruħ jagħmilna konxji tar-responsabbiltà tal-mandat appostoliku tagħna u jwassalna biex nagħrfu li ma nistgħux nifirdu s-salvazzjoni tagħna minn dik tal-oħrajn. Jeħtieġ naraw kif ser nagħmlu biex il-messaġġ li ġie mogħti lilna jidħol fiċ-ċirkulazzjoni tad-diskors

 83.Għalhekk,id-djalogu hu mod kif neżerċitaw il-missjoni appostolika; hu arti ta’ komunikazzjoni spiritwali. Dawn li ġejjien huma l-karatteristiċi tiegħu.Qabel kollox, fid-djalogu jrid ikun hemm iċ-ċarezza. Id-djalogu jissoponi u jesiġi li wieħed jifhem lill-ieħor; nistgħu ngħidu li fih hemm trasfużjoni tal-ħsieb; hu stedina biex jiġu eżerċitati l-ogħla fakultajiet tal-bniedem. Biżżejjed dan il-fatt biex ikun ikklassifikat fost l-aħjar fenomeni tal-attività u l-kultura umana. Din iċ-ċarezza li jitlob minna hi biżżejjed biex nagħrfu kemm hu importanti li nirrevedu kull forma ta’ lingwaġġ li aħna nużaw fl-appostolat tagħna. Jeħtieġ naraw jekk il-lingwaġġ li qed nużaw hux faċli li  wieħed jifhmu, jekk hux lingwaġġ li qed nużawh illum u jekk il-poplu hux midħla tiegħu. Karatterisika oħra hi l-ħlewwa li Kristu ppropona li nitgħallmu minnu stess meta qalilna: tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli (Mt 11,29). Id-djalogu ma jafx bi kburija, ma jniggisx, ma joffendix. L-awtorità tiegħu tinsab fil-verità li jesponi, fil-karità li jxerred, fl-eżempju li jipproponi. Id-djalogu la hu kmand u lanqas impożizzjoni. Id-djaloġu jimmira għall-paċi, ma jagħmilx użu minn modi vjolenti, jaf jistabar u hu ġeneruż. Hi meħtieġa wkoll il-fiduċja mhux biss fil-kliem li wieħed juża, imma wkoll fl-attitudni ta’ rieda tajba miż-żewġ naħat li jkunu fi djaolgu. Il-fiduċja ġġib magħha intimità u ħbiberija; tinseġ rabtiet fejn wieħed jaħseb fil-Ġid tal-ieħor u tħalli barra kull skop egoistiku.

 84.Fl-aħħar hemm bżonn ukoll tal-prudenza pedagoġika; wieħed irid joqgħod attent ħafna għall-kundizzjonijiet psikoloġiċi u morali ta’ min ikun qed jisimgħu (ara Mt 7,6); irid jara jekk hux żgħir fl-eta’, l-edukazzjoni li rċieva, jekk hux ippreparat, jekk hux diffidenti jew ostili. Jeħtieġ li jkun sensittiv, jifhem u jagħder il-persuna l-oħra u jimmodifika l-preżentazzjonijiet  tiegħu.

85.Meta d-djalogu jsir b’dan il-mod, isseħħ rabta bejn il-verità u l-karità, l-intelliġenza u l-imħabba.

Id-dijalettika ta’ sapjenza awtentika

86.Id-djalogu jwassalna biex niskopru li hemm toroq diversi li jwasslu għad-dawl tal-fidi u li dawn jistgħu jwasslu għall-istess għan. Għalkemm diverġenti, dawn jistgħu jsiru komplimentari; iqanqluna biex noħorġu mir-raġunamenti fissi tagħna, jobbligawna nixtarru sew dwar dak li nkunu qed infittxu u biex inġeddu l-espressjonijiet tagħna. Dan il-proċess ta’ ħsieb li jitlob paċenzja jwassalna biex niskopru elementi ta’ verità anki fl-opinjonijiet tal-oħrajn, filwaqt li jobbligana nesprimu t-tagħlim tagħna b’lealtà kbira. Ikun ta’ mertu għalina jekk nesponuh lill-oħrajn  b’mod li jistgħu jistaqsu dwaru u jassimilawh bil-mod. Dan jagħmilna għorrief, jagħmilna għalliema.

87. Kif nistgħu nwettquh dan id-djalogu?

88. Hemm bosta modi kif nistgħu nwettquh. Xi drabi  jkun hemm  il-ħtieġa li nagħmlu esperimenti; irridu nagħżlu l-mezzi li jgħoddu għalih, ma rridux inkunu marbuta ma’ preġudizzji, u lanqas ma’ forom ta’ espressjoni meta dawn ikunu tilfu t-tifsira tagħhom u ma jibqgħux aktar iqanqlu lin-nies.

 89.Hawnhekk tqum mistoqsija importanti: x’għandha tagħmel il-Knisja biex twettaq il-missjoni tagħha fi żmien partikulari, f’post partikulari, f’kultura partikulari, f’sitwazzjoni partikulari tal-ħajja tal-bniedem?

Nersqu lejn ħutna  bil-verità sħiħa

90.Safejn għandha tasal il-Knisja biex issir ħaġa waħda maċ-ċirkustanzi storiċi li fihom hi trid twettaq il-missjoni tagħha? Kif għandha tħares lilha nnifisha mill-periklu ta’ relattiviżmu li jnawwar il-fedeltà dommatika u morali tagħha?  U fl-istess ħin  kif tista’ ssir ħaġa waħda ma’ kulħadd  biex tersaq lejn kulħadd u ssalva lil kulħadd  fuq l-eżempju tal-Appostlu Pawlu li qal: “Sirt kollox ma’ kulħadd, biex insalva lil kulħadd” (1 Kor 9,22)?  Ma nistgħux insalvaw lid-dinja billi nibqgħu ‘l barra minnha. Jeħtieġ nagħmlu kif għamel il-Verb t’Alla li sar bniedem; jeħtieġ li sa ċertu punt insiru ħaġa waħda ma’ dawk li rridu nwasslulhom il-messaġġ ta’ Kristu. Irridu  naqsmu magħhom id-drawwiet komuni  li jkunu umani u onesti, bla  ma noħolqu  distanza ta’ privileġġi jew firdiet b’lingwaġġ li ma jiftiehemx.  Jekk irridu li jisimgħuna u jifhmuna, irridu ngħixu l-ħajja ta’ nies sempliċi. Qabel ma nitkellmu, irridu l-ewwel nisimgħu l-vuċi tal-oħrajn, anzi irridu nisimgħu qalbhom, nifhmuhom u nirrispettawhom, u fejn jimmerithom naqblu magħhom. Jekk irridu nkunu rgħajja, missirijiet u għalliema tagħhom, irridu nkunu wkoll ħuthom. Il-klima għad-djalogu hi l-ħbiberija; anzi hi l-qadi. Jeħtieġ li niftakru dan kollu u naraw kif ser nipprattikawh skont l-eżempju u l-kmand li ħallielna Kristu stess(ara Ġw 13, 14-17). 

91.Iżda l-periklu jibqa’; fl-arti tal-appostolat dejjem hemm ir-riskju. Il-ħerqa biex inkunu qrib ta’ ħutna m’għandhiex tissarraf f’tgħawwiġ tal-verità jew nuqqas tagħha. L-impenn biex ngħixu l-fidi ma jistax iħalli d-djalogu tagħna jsir  dgħufija. L-appostolat ma jistax jagħmel kompromessi ambigwi fejn jidħlu l-prinċipji li jirregolaw l-istqarrija tal-fidi nisranija, kemm fit-teorija kif ukoll fil-prattika. L-ireniżmu u s-sinkretiżmu  huma forma ta’ xettiċiżmu dwar il-qawwa u l-kontenut tal-Kelma t’Alla li aħna rridu nippridkaw.  Il-veru appostlu hu tassew fidil lejn it-tagħlim ta’ Kristu. 

92.Jekk ngħixu l-milja tas-sejħa nisranija  ma nitkaxkrux  mill-iżbalji li niġu f’kuntatt magħhom.

Is-supremazija insostitwibbli tal-predikazzjoni

93. Aħna nemmnu li meta l-Konċilju jistudja l-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ħidma tal-Knisja fid-dinja moderna, hu jagħtina kriterji teoriċi u prattiċi li jiggwidawna fid-djalogu li rridu nwettqu man-nies ta’ żmienna.  Nemmnu wkoll li meta niġu għall-missjoni appostolika li l-Knisja trid twettaq f’ċirkustanzi li jinbidlu, il-ħidma għaqlija  tal-awtorità  tal-Knisja tindika l-limiti, il-forom u t-triqat  li jwasslu biex ikun hemm djalogu ħaj u li jagħti l-frott.

94. Ser niefqu nitkellmu fuq dan l-aspett biex inkomplu nisħqu fuq l-importanza kbira tal-predikazzjoni nisranija l-aktar fejn jidħol l-appostolat kattoliku fid-dinja moderna, b’rabta mad-djalogu li qed nitkellmu dwaru. L-ebda forma ta’ komunikazzjoni ma tista’ tieħu post il-predikazzjoni, lanqas il-mezzi qawwija u effettivi li tipprovdi t-teknoloġija moderna bħalma huma l-istampa u l-mezzi awdjoviżivi. F’ċertu sens, appostolat u predikazzjoni għandhom  l-istess valur. Il-predikazzjoni hi l-ewwel appostolat. Venerabbli ħuti, il-ministeru tagħna hu qabel kollox ministeru tal-Kelma. Dawn huma affarijiet li nafuhom, iżda tajjeb li nfakkruhom lilna nfusna biex nagħtu direzzjoni ġusta lill-azzjoni pastorali tagħna. Jeħtieġ li mmorru lura lejn l-istudju, mhux għall-elokwenza umana jew għar-retorika fiergħa, imma għall-arti ġenwina tal-kelma sagra.

95.Jeħtieġ infittxu l-prinċipji tas-sempliċità, taċ-ċarezza, tal-qawwa u tal-awtorità tagħha biex negħlbu n-nuqqas ta’ ħila naturali meta niġu biex nużaw għodda hekk qawwija u misterjuża bħalma hi l-Kelma divina, u biex b’mod nobbli nkunu nistgħu nħabbtuha ma’ dawk li llum jużaw il-kelma biex jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika. Jeħtieġ nitolbu lill-Mulej stess jagħtina dan id-don (ara Ġer 1,6), biex inkunu għodda xierqa li twettaq il-ħidma tat-tixtrid tal-fidi (ara Rum10,17)  u biex il-messaġġ tagħna jasal sa truf l-art (ara Rum 10,18). Jalla jkollna l-ħila nwettqu b’ħerqa dak kollu li nkiteb dwar il-ministeru tal-kelma mill-Kostituzzjoni tal-Konċilju fuq il-Liturġija Mqaddsa. Jalla t-tagħlim li nagħtu lill-poplu nisrani u lill-oħrajn kollha, ikun b’lingwaġġ dejjem aktar espert, b’metodu aktar mimli għerf u b’ħerqa aktar qawwija. Jalla  jkun imsaħħaħ bix-xhieda ta’ virtujiet veri u immirat lejn it-tisħiħ tal-fidi, lejn rabta bejn il-Kelma divina u l-għajxien tagħha u  lejn l-hena li jiġi mid-dawl ta’ Alla ħaj.

96.Fl-aħħar jeħtieġ li ngħidu xi ħaġa dwar dawk li magħhom irridu niddjalogaw. Iżda, anki dwar dan l-aspett nixtiequ nħallu l-ispazju għall-vuċi tal-Konċilju, li jekk Alla jrid dalwaqt nisimgħuha.  

Ma’ min niddjalogaw

97.Jekk nitkellmu b’mod ġenerali dwar id-djalogu li l-Knisja Kattolika llum jeħieġ li tagħmel b’ħeġġa mġedda, nistgħu sempliċiment ngħidu li hi trid tkun lesta li tiddjaloga man-nies kollha ta’ rieda tajba, kemm dawk li huma fil-Knisja kif ukoll dawk li mhumiex.

98.M’hemm ħadd li huwa barra mill-qalb tal-Knisja; hi tħaddan lil kulħadd; il-ministeru tagħha jitlob li ma tkun indifferenti lejn ħadd; m’ għandhiex għedewwa ħlief dawk li jagħżlu huma li jkunu għedewwa; tabilħaqq hi kattolika, għax ġiet mogħtija l-impenn  li tippromwovi l-għaqda, l-imħabba u l-paċi fid-dinja.

99.Il-Knisja tagħraf sew id-diffikultajiet kbar tal-missjoni tagħha; taf li hemm differenza kbira bejn in-numru ta’ nies li tħaddan fiha u l-bqija tad-dinja; tagħraf il-limiti tal-forzi tagħha; tagħraf saħansitra d-dgħufijiet umani u l-fallimenti tagħha.  Taf ukoll  li fl-aħħar mill-aħħar ma jiddipendix mill-isforz appostoliku tagħha  jew minn xi ċirkustanza favorevoli tal-ordni temporali jekk l-Evanġelju jkunx milqugħ jew le: il-fidi hi don t’Alla u Alla biss jiddetermina l-ordni u ż-żmien tas-salvazzjoni. Iżda l-Knisja taf li hi żerriegħa, ħmira, melħ u dawl tad-dinja. Għalkemm tagħraf l-affarijiet  ġodda u tal-għaġeb li qed jiġru fiż-żmien modern, iżda b’fiduċja sinċiera hi tiffaċċa t-toroq tal-istorja u tgħid lill-bnedmin: jien għandi dak li qed tfittxu, dak li jonqoskom. Ma twegħidx l-hena ta’ din l-art imma toffri xi ħaġ’oħra: toffri d-dawl u l-grazzja li jwasslu għall-hena, u mbagħad tkellem lill-bnedmin fuq id-destin traxxendenti tagħhom. Fl-istess ħin tkellimhom fuq il-verità, il-ġustizzja, il-libertà, il-progress, il-qbil, il-paċi, iċ-ċiviltà. Il-Knisja taf is-sigriet ta’ dawn il-kliem; Kristu fdah f’idejha. Għalhekk hi għandha l-messaġġ li jgħodd għal kull katergorija ta’ nies: għat-tfal, għaż-żgħażagħ, għan-nies tax-xjenza, għall-ħassieba, għall-politiċi u għall-mexxejja; u speċjalment għall-foqra,  għall-imwarrbin, għal dawk li qed ibatu u saħansitra għall-moribondi.   Għandha messaġġ għal kulħadd.

100.Il-fatt li qed nitkellmu b’dan il-mod, nistgħu nidhru li qed inħallu ż-żelu tal-missjoni tagħna jiġri bina u mhux qed nagħtu każ tas-sitwazzjoni  li fiha  tinsab il-Knisja Kattolika fid-dinja tal-lum. Iżda mhux hekk. Is-sitwazzjoni  hi ċara ħafna għalina u nistgħu ngħidu li narawha bħal ħafna ċrieki, wieħed ġol-ieħor  li kollha għandhom l-istess ċentru, fejn l-id t’Alla poġġietna.

L-ewwel ċirku: dak kollu li hu uman

101.L-ewwel ċirku huwa kbir ħafna; it-trufijiet tiegħu jaslu sal-orizzont imbiegħed; f’dan iċ-ċirku hemm l-umanità, id-dinja. Aħna nagħrfu  dak li żżommna ‘l bogħod mid-dinja, iżda ma nħossuniex barra minnha. Dak kollu li jikkonċerna ‘l-bniedem,  dak kollu li hu tal-umanità, jiġifieri l-ħajja bid-doni u bil-problemi tagħha, hu tagħna. Aħna lesti li nagħmlu s-sehem tagħna f’din is-soċjetà universali, li nilqgħu l-ħtiġijiet fundamentali tagħha u li nuru l-apprezzament tagħna  għall-espressjonijiet ġodda u xi drabi sublimi tal-ġenju tagħha. Iżda hemm veritajiet morali  ta’ importanza kbira li aħna rridu noffruhom; dawn jeħtieġ li jitħawlu fil-kuxjenza umana għax huma ta’ benefiċċju għal kulħadd. Kulfejn il-bniedem qed ifittex li jifhem lilu nnifsu u lid-dinja, aħna nistgħu nikkomunikaw miegħu. Kulfejn il-kunsilli tan-nazzjonijiet qed jingħaqdu biex jistabbellixxu d-drittijiet u d-dmirijiet tal-bniedem, aħna nħossuna onorati meta niġu mogħtija l-opportunità li ningħaqdu magħhom. Jekk fil-bniedem teżisti ruħ li fin-natura tagħha hi nisranija, aħna nixtiequ nuru l-istima tagħna lejha, nirrispettawha u nikkomunikaw magħha.

102.Nixtiequ nfakkru lilna nfusna u lill-oħrajn kollha li l-attitudni tagħna f’dan kollu trid tkun waħda imparzjali, li ma jkollha ebda mira politika jew temporali. L-għan tagħna jrid ikun  li ngħollu dak kollu li hu tajjeb fil-bniedem  għal-livell sopranaturali u nisrani. Il-Knisja mhijiex ċiviltà imma tippromwovi ċiviltà.

Iċ-ċaħda t’Alla: ostaklu għad-djalogu

103.Aħna nafu li f’dan iċ-ċirku kbir hemm ħafna li ma jistqarru ebda twemmin u bosta li jħaddnu l-ateiżmu taħt il-forom differenti tiegħu.  Xi wħud  jistqarru b’mod apert li huma jiċħdu l-preżenza t’Alla. Jisħqu  dan fl-edukazzjoni umana u fl-imġiba politika, kif ukoll fl-istqarrija fiergħa imma fatali li jridu jeħilsu ‘l-bniedem mill-kunċetti qodma u foloz dwar il-ħajja u d-dinja. Jgħidu li dawn il-kunċetti għandhom jinbidlu u jidħol minflokhom  kunċett xjentifiku li jgħodd għal dak li jitlob il-progress modern.

104.Dan hu l-fenomenu l-aktar gravi ta’ żmienna. Aħna konvinti  li l-ideat bażiċi li jipproponi l-ateiżmu huma foloz u ma jaqblux mal-prinċipji li hemm marbuta  mal-ħsieb.  Dawn l-ideat imorru kontra l-bażi ġenwina u effettiva li l-bniedem isejjes fuqha l-aċċettazzjoni tal-ordni razzjonali fl-univers, u jintroduċu domma għamja  fil-ħajja tal-bniedem li mhux biss ma ssolvilu xejn imma tbaxxih u tnikktu. Sistema soċjali mibnija  fuq dawn l-ideat hi waħda dgħajfa għall-aħħar. L-ateiżmu mhux biss ma jġibx ħelsien, iżda jġib ħerba għax ifittex li jitfi d-dawl ta’ Alla ħaj. Għalhekk, imqanqlin  mill-impenn  li nistqarru l-fidi tagħna fi Kristu u l-Evanġelju tiegħu u mill-interess u l-imħabba kbira kbir lejn l-umanità, aħna nagħmlu ħilitna kollha biex nirreżistuh għax  irridu nħarsu l-verità. Nittamaw bis-sħiħ li l-bniedem tal-lum jasal biex jiskopri s-sejħa  tiegħu fl-ideali reliġjużi li joffri l-kattoliċeżmu, u jasal biex iħoss li għandu jfittex xi ħaġa li ma tmutx, u li twassal  għall-perfezzjoni naturali u sopranaturali tal-ispirtu uman. Nittamaw li bil-grazzja t’Alla l-bniedem tal-lum jikseb il-ġid materjali  b’mod onest u fil-paċi, u li jkun miftuħ għat-tama ta’ ġid li jibqa’ għal dejjem.

105.Dawn huma r-raġunijiet li jobbligawna, kif obbligaw lill-Predeċessuri tagħna u lil dawk li għandhom għal qalbhom il-valuri reliġjużi, biex nikkundannaw is-sistemi ideoloġiċi li jiċħdu lil Alla u jopprimu l-Knisja. Dawn is-sistemi spiss huma identifikati f’reġimi ekonomiċi, soċjali u politiċi, u b’mod speċjali fil-komuniżmu ateju. Iżda  qegħdin  tassew  nikkundannawhom meta qed ikunu aktar huma li joħonquna  b’mod  radikali  kemm bl-ideat  kif ukoll bil-fatti? Fir-realtà, il-vuċi tagħna kontrihom hi aktar karba ta’ vittma milli sentenza ta’ mħallef.

106.Id-djalogu hu diffiċli ħafna f’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk ukoll mhux impossibbli, iżda m’għandna ebda intenzjoni li neskludu lil dawk li jaderixxu ma’ dawn is-sistemi u r-reġimi tagħhom. Id-diskussjoni hi dejjem  possibbli għal min iħobb il-verità, iżda  meta jkun hemm ostakli ta’ natura morali, id-diffikultà tikber minħabba n-nuqqas  ta’ libertà fil-ħsieb u fl-azzjoni u fl-abbuż kalkulat tal-kelma li ma tkunx immirata lejn il-verità objettiva imma lejn il-qadi ta’ skopijiet utalitarji maħsuba minn qabel.

Imħabba b’mod silenzjuż

107.Minflok djalogu allura jkun hemm silenzju; ikun hemm djalogu silenzjuż. Il-Knisja tas-silenzju tiskot, titkellem biss bit-tbatija tagħha, u ssir il-leħen ta’ soċjetà maħnuqa u avvilita, fejn id-drittijiet tal-ispirtu huma miċħuda minn dawk li għandhom ir-ridni f’idejhom. U kif jista’ jkun hemm djalogu f’ċirkustanzi bħal dawn anki jekk nippruvaw nibdewh aħna? Inkunu biss “leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert” (Mk 1,3). F’dan il-kas, il-Knisja tista’ tkompli tagħti xhieda bis-silenzju, bit-tbatija, bil-paċenzja, u bl-imħabba dejjiema li lanqas il-mewt ma tista’ toħnoq.

108.Iżda għalkemm nitkellmu b’mod sod u ċar biex niddefendu r-reliġjon u l-valuri umani li tgħożż u xxandar, ir-riflessjoni pastorali tqanqalna wkoll biex nisimgħu dak li hemm fil-qalb tal-ateju modern u nifhmu għaliex jasal biex jiċħad lil Alla. Ir-raġunijiet  biex jiċħad lil Alla jistgħu jkunu ħafna u kumplessi, u rridu nkunu prudenti fil-mod kif niġġudikawhom u attenti fil-mod kif nitkellmu dwarhom. Xi drabi dawn iqumu għax ikun hemm it-talba għall-preżentazzjoni aktar safja u profonda tal-veritajiet divini  jew minħabba oġġezzjonijiet dwar ċerti forom imperfetti ta’ lingwaġġ u kult li hemm bżonn jiġu studjati ħalli jissaffew u jsiru aktar  trasparenti biex jesprimu dak is-sagru li tiegħu huma sinjal. Ħafna drabi naraw li dawn in-nies jagħtu sehemhom b’ġenerożità kbira għal xi kawża nobbli; ikunu mimlija entużjażmu u idealiżmu; joħolmu dwar ġustizzja u progress li l-għan tagħhom huwa ordni soċjali perfett. Dan hu għalihom l-Assolut u n-Neċessarju, u juri li xejn ma jista’ jxejjen ix-xenqa għal Alla, il-Bidu u l-Għan aħħari ta’ kollox. Hemm bżonn li bit-tagħlim tagħna, mimli għerf u paċenzja, nirrivelaw it-traxxendenza u l-immanenza.Spiss, dawn in-nies ifittxu wkoll li jagħtu tifsira xjentifika tal-univers permezz tar-raġunament uman. Dan ir-raġunament diskutibbli, mibni fuq loġika tal-ħsieb li tixbaħ lil dik li nsibu fl-iskola klassika tagħna, aktar milli jipprovdilhom arma ta’ argumenti qawwija favur l-ateiżmu tagħhom, min-natura tiegħu stess, iwassal għall-affermazzjoni metafiżika u loġika  tal-eżistenza ta’ Alla li jista’ kollox, id-dawl suprem li  permezz tiegħu jistgħu’ jifhmu l-univers. M’hemm ħadd fostna li jista’ jgħin dan il-proċess ta’ ħsieb, meta x-xjenzat ateju-politiku  jasal għall-punt  li fih iħoss li għandu jwaqqaf dan il-proċess u hekk jitfi d-dawl suprem tal-għarfien tal-univers? Ma hemm ħadd li jista’ jgħinu jasal għall-idea tar-realtà oġġettiva tal-univers kożmiku li ssawwab fir-ruħ is-sens tal-Preżenza divina u tpoġġi fuq ix-xuftejn talb fqajjar u umli? Xi drabi naraw lil dawn in-nies jitqanqlu minn sentimenti nobbli,  jistmerru l-medjokrità u l-egoiżmu li jiltaqgħu magħhom fl-ambjenti soċjali moderni u jużaw sentimenti u espressjonijiet ta’ solidarjetà u kumpassjoni umana li nsibu fl-Evanġelju tagħna. Tgħid għad ikollna l-ħila nwasslu lil dawn l-espressjonijiet ta’ valuri morali jmorru lejn l-għajn nisranija tagħhom?

109.Nixtiequ nfakkru dak li kiteb il-Predeċessur tagħna Ġwanni XXIII fl-Enċiklika Pacem in terris. Qal li d-duttrini ta’ movimenti bħal dawn, la darba jkunu ġew  elaborati u definiti, jibqgħu dejjem l-istess; iżda l-movimenti nfushom jistgħu jevolvu u jistgħu wkoll jaslu għal tibdliet profondi (ara AAS LV 1963). Aħna nibqgħu nittamaw li ġurnata waħda għad jinfetaħ djalogu ma’ dawn in-nies li jkun  aktar pożittiv minn dak tal-lum, meta b’obbligu jkollna nesprimu biss diżapprovazzjoni u dispjaċir.

Djalogu għall-paċi

110. Qabel ma niefqu minn din il-ħarsa tagħna lejn id-dinja ta’ żmienna, nixtiequ nesprimu xi ħaġa li tant hi għal qalbna  u nittamaw li nwettquha: għandna l-intenzjoni  li nikkultivaw id-djalogu u nipperfezzjonawh fl-aspetti differenti tiegħu, li jinbidlu wkoll, biex dan  jgħin fil-kawża tal-paċi fost il-bnedmin. Jalla naraw  fih it-triq li tirregola r-relazzjonijiet umani b’mod prudenti u sinċier, u jalla jwassal għal dak id-dehen u esperjenza li jsejħu mill-ġdid għall-kunsiderazzjoni tal-valuri supremi. Aħna rridu nibdew djalogu li jkun imparzjali, objettiv, leali u  għalhekk ikun  b’risq  paċi ħielsa u onesta. Id-djalogu tagħna jeskludi pretensjonijiet, rivalità, qerq u tradimenti; ma jistax ma jakkużax il-gwerra qerrieda tal-aggressjoni, tal-konkwista u tal-poter. Irid jinfirex u jġib flimkien nies minn nazzjonijiet differenti u nies mill-istess nazzjon, kemm bħala individwi, kif ukoll bħala familji u bħala soċjetà, biex  f’kull istituzzjoni u fir-ruħ ta’ kull persuna jitnaqqax is-sens ta’ paċi,  u  l-imħabba u d-dmir lejha.

It-tieni ċirku: dawk li jemmnu f’Alla.

111. Imbagħad naraw ċirku ieħor li hu kbir ukoll imma mhuwiex daqshekk imbiegħed minna. F’dan iċ-ċirku  hemm dawk  li jaduraw lil Alla wieħed li jista’ kollox, li nadurawh aħna wkoll.  Hemm il-poplu Lhudi li jistħoqqlu r-rispett u l-imħabba tagħna; dan iħaddan ir-reliġjon li nsibu f’dak li aħna nsejħulu t-Testment il-Qadim. Imbagħad hemm dawk li jaderixxu għall-idea ta’ reliġjon monateistika,  l-aktar dawk li jħaddnu r-reliġjon Musulmana. Dawn jimmeritaw ammirazzjoni għal dak kollu li hu veru u tajjeb fil-kult tagħhom lejn’ Alla. Hemm ukoll is-segwaċi tar-reliġjonijiet il-kbar afroasjatiċi. Ovvjament, ma nistgħux naqblu ma’ dawn l-espressjonijiet reliġjużi differenti, iżda lanqas ma nistgħu nieħdu attitudni ta’ indifferenza u nqisuhom kollha xorta; jew inkella naħsbu li l-fidili ta’ dawn ir-reliġjonijiet m’għandhomx għalfejn ifittxu dwar il-forma perfetta u definittiva li permezz tagħha Alla jixtieq ikun magħruf, maħbub u moqdi. Aħna fid-dmir li nkunu leali lejn ir-reliġjon nisranija u nuru l-konvinzjoni tagħna li hi l-unika waħda vera, filwaqt li nsaħħu fina t-tama li tkun rikonoxxuta minn dawk kollha li jfittxu lil Alla u jadurawh.

112. Ma nistgħux nagħlqu għajnejna u ma nagħrfux il-valuri spiritwali u morali tar-reliġjonijiet li mhumiex insara. Flimkien magħhom nixtiequ li nippromwovu u niddefendu l-ideali komuni fl-oqsma tal-libertà reliġjuża, tal-fratellanza umana, tal-kultura tajba, tal-benefiċenza soċjali u tal-ordni ċivili. Id-djalogu hu possibbli fejn jidħlu dawn l-ideali, u aħna lesti li noffruh, b’rispett reċiproku u leali, jekk ikun aċċettat b’mod ġenwin.

It-tielet ċirku: ħutna l-Insara mifrudin minna

113.Niġu għaċ-ċirku li hu l-aktar qrib tagħna, li fih hemm dawk kollha li ħadu isimhom minn Kristu. F’dan il-qasam, id-djalogu ġa hu miftuħ. Jissejjaħ djalogu ekumeniku u hemm fejn ġa beda u miexi ‘l quddiem. Hemm ħafna xi tgħid dwar dan is-suġġett  kumpless u delikat, u din mhux ser tkun l-aħħar kelma tagħna dwaru. Iżda hawnhekk ser ngħidu  biss xi ftit affarijiet li mhumiex ġodda.  B’qalbna kollha, aħna nħaddnu  l-prinċipju: naraw l-ewwel  dak li jgħaqqadna, qabel ma nħarsu  lejn dak li jifridna, u lesti li nkompju nibnu d-djalogu tagħna fuq din il-bażi tajba  u  li tagħti l-frott. Nixtiequ ngħidu wkoll li aħna lesti li neżaminaw x’jista’ jsir biex nassekondaw ix-xewqat leġittimi ta’ ħutna l-insara mifrudin minna dwar  id-differenzi  ta’ bejnietna  li għandhom x’jaqsmu mat-tradizzjoni, l-ispiritwalità, il-liġi kanonika u l-kult, għax   nixtiequ li l-għaqda ma’ ħutna tkun waħda perfetta fil-fidi u fl-imħabba.  Iżda nixtiequ nisħqu  wkoll li ma nistgħux nagħmlu kompromessi fejn tidħol is-sħuħija  tal-fidi u l-esiġenza tal-imħabba. Nilmħu nuqqas ta’ fiduċja u reżistenzi f’dan ir-rigward, iżda issa li l-Knisja Kattolika ħadet l-inizjattiva biex tibni l-merħla waħda ta’ Kristu, jeħtieġ li  tibqa’ miexja ‘l quddiem b’paċenzja u  b’rispett.  Trid tkompli tinsisti  li l-prerogattivi li għadhom qed iżommu lil ħutha mifrudin minnha, mhumiex frott ta’ ambizzjoni storika jew spekulazzjoni fantastika teoloġika, iżda ġejjien mir-rieda ta’ Kristu u li jekk nifhmu l-vera tifsira tagħhom, dawn għandhom  ikunu  ta’ benefiċċju għal kulħadd, għall-għaqda komuni, u għall-libertà u l-milja tal-ħajja nisranija. Il-Knisja Kattolika trid tkompli tħejji lilha nnifisha bit-talb u l-penitenza għar-rikonċiljazzjoni tant mixtieqa. 

 114. Nitnikktu meta naraw kif ħafna minn ħutna mifrudin minna jħarsu lejna; fina li nippromwovu din ir-rikonċiljazzjoni, jaraw ostaklu minħabba l-primat ta’ unur u ġurisdizzjoni li Kristu ta lil Pietru u li aħna writna. M’hemmx min jgħid l-għaqda bejn il-Knejjes Insara u l-Knisja Kattolika tkun aktar faċli jekk jitneħħa l-primat tal-Papa? Nitolbu  b’ħerqa lil Ħutna mifrudin minna biex jikkunsidraw l-inkonsistenza  li hemm f’din l-ipotesi. U dan mhux biss għax mingħajr il-Papa, il-Knisja Kattolika ma tkunx Kattolika, imma għax  jekk fil-Knisja ta’ Kristu jonqos l-uffiċċju pastorali suprem, effikaċi u deċiżiv ta’ Pietru, l-għaqda tisfaxxa. Imbagħad ikun għalxejn li nfittxu kriterji sostituttivi  minflok dak awtentiku mwaqqaf minn Kristu stess. San Ġlormu kiteb: “Fil-Knisja jkun hemm xiżmi daqskemm ikun hemm saċerdoti” (ara  Dial. contra Luciferianos, n.9; PL 23.173) Nixtiequ ngħidu wkoll li f’dan l-uffiċċju pastorali suprem la jidħol sens ta’ kburija spiritwali u lanqas poter uman, iżda dan hu primat ta’ qadi, ta’ ministeru, ta’ mħabba.  It-titlu mogħti lill-Vigarju ta’ Kristu: “qaddej tal-qaddejja t’Alla”, mhuwiex retorika fiergħa.

115. Dan hu d-djalogu tagħna; qabel ma nidħlu f’konverżazzjonijiet fraterni, irridu l-ewwelnett nitkellmu ma’ Missierna tas-sema b’talba ħerqana u b’tama kbira.

Awguri u tamiet

116. Venerabbli ħuti, jeħtieġ li b’ferħ u b’fiduċja ninnotaw il-ħerqa spiritwali li qed tinbet f’dan is-settur kbir u varjat tal-insara mifrudin. Qed naraw li l-ġejjieni għall-għaqda tal-Knisja waħda ta’ Kristu huwa wieħed li jimliena b’tama u faraġ; u nixtiequ nitlobu lill-Ispirtu s-Santu biex jonfoħ in-nifs tiegħu fuq “il-moviment ekumeniku”. Irridu nerġgħu ngħidu kemm konna kuntenti u emozzjonati meta ltqajna mal-Patrijarka Athenagoras f’Ġerusalemm; kienet laqgħa mimlija mħabba u tama ġdida. Nixtiequ nuru l-gratitudni u r-rispett tagħna lejn dawk ir-rappreżentanti kollha ta’ Knejjes mifudin minna li qed jieħdu sehem fil-Konċilju Ekumeniku Vatikan II. Għal darb’oħra,irridu niżgurawhom mill-interess sagru tagħna f’dawk il-fenomeni  spiritwali karatterizzati mill-problema tal-unità; nafu li hemm involuti fihom persuni, gruppi u komunitajiet ta’ reliġjożità ħajja u nobbli. Insellmu b’imħabba u b’reverenza lil dawn l-insara kollha filwaqt li nistennew li djalogu sinċier u ta’ mħabba jwassalna biex flimkien nippromwovu l-kawża ta’ Kristu u tal-unità li hu jrid fil-Knisja tiegħu.    

Id-djalogu fil-Knisja Kattolika

117.Fl-aħħar hemm dak id-djalogu li noffru lill-Ulied fid-Dar t’Alla, il-Knisja waħda, qaddisa, kattolika u appostolika, li tagħha dik ta’ Ruma hi omm u kap. Kemm nixtiequ li f’dan id-djalogu domestiku ngawdu l-milja ta’ fidi, ta’ mħabba u ta’ ħidma; kemm nixtiequ li jkun wieħed intens u b’sens ta’ familja! Kemm nixtiequ li jkun miftuħ għall-veritajiet kollha, għall-virtujiet, għar-realtajiet tal-patrimonju dottrinali u spiritwali tagħna!  Kemm nixtiequ li jkun sinċier u mqanqal mill-ispiritwalità ġenwina; li jkun lest li jilqa’ l-ilħna tad-dinja tal-lum; u kapaċi li jagħmel lill-Kattoliċi nies tajba, mimlija għerf, nies ħielsa, sereni u qawwija!

Karità u ubbidjenza

118. Iżda x-xewqa li r-relazzjonijiet interni fil-Knisja jieħdu forma ta’ djalogu bejn membri ta’ komunità  fejn kollox hu mibni  fuq l-imħabba, ma teskludix il-virtù tal-ubbidjenza. L-ordni meħtieġa f’kull soċjetà titlob awtorità minn banda  u sottomissjoni mill-oħra, u dan hu mitlub fuq kollox  mill-kostituzzjoni ġerarkika tal-Knisja. L-awtorità   fil-Knisja kienet imwaqqfa minn Kristu stess, u qabel kollox  tirrappreżenta Lilu. Hi mezz li permezz tiegħu tasal il-kelma tiegħu b’awtorità; hi espressjoni tal-imħabba pastorali tiegħu. Għalhekk l-ubbidjenza hi mqanqla mill-fidi; hi skola ta’ umiltà  evanġelika; tagħti lil min jobdi sehem mis-sapjenza, mill-unità, mill-edifikazzjoni, mill-karità li  huma fatturi li jsostnu l-ħajja tal-korp ekkleżjastiku. Tagħti lil min jikkmanda u lil min jobdi  l-mertu li jkun jixbaħ lil Kristu “li sar ubbidjenti sal-mewt” (Fil 2,8) 

 119.Fil-kuntest ta’ dan id-djalogu, l-eżerċizzju  ta’ awtorità hu eżerċizzju  ta’ ubbidjenza li taqdi l-verità u l-karità.  B’ubbidjenza nifhmu l-osservanza ta’ normi kanoniċi u rispett lejn it-tmexxija minn superjuri leġittimi, osservanza u rispett li jridu jkunu mogħtija b’mod seren u bi prontezza  ta’ wlied ħielsa li juru mħabbithom. L-ispirtu ta’ indipendenza, ta’ kritika,  ta’ ribelljoni ma jaqbilx mal-ispirtu ta’ karità li jsostni s-solidarjetà, l-armonija u l-paċi fil-Knisja. Dan faċli jibdel id-djalogu f’diskussjoni, f’argument  u f’nuqqas ta’ qbil, xi ħaġa li ma tantx hi sabiħa iżda faċli sseħħ, u l-Appostlu Pawlu wissina kontrieha meta qal: “Nitlobkom..... li ma jkunx hemm firdiet fostkom” (1 Kor 1,10). 

Ħeġġa f’sentimenti u  opri

120.Għandna xewqa kbira li d-djalogu fi ħdan il-komunità ekkleżjali jistgħana fil-ħeġġa, fit-temi u fil-kelliema biex hekk tikber il-vitalità  u l-qdusija tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu fuq l-art. Aħna nħeġġu dak kollu li jwassal għat-tixrid tat-tagħlim li l-Knisja tħaddan u tamministra; ġa semmejna l-ħajja liturġika, il-ħajja interjuri u l-predikazzjoni; ma’ dawn nistgħu nżidu: l-iskola, l-istampa, l-appostolat soċjali, il-missjonijiet, l-eżerċizzju tal-karità. Dawn huma temi li anki l-Konċilju ser iwassalna biex nitkellmu dwarhom. Inħeġġu u nbierku lil dawk kollha  li jagħtu s-sehem tagħhom għal djalogu vitali fil-ħajja tal-Knisja taħt il-gwida kompetenti tal-awtorità, b’mod  speċjali lis-saċerdoti, lir-reliġjużi, lill-għeżież lajċi li jaħdmu għal Kristu fl-Azzjoni Kattolika u f’tant forom oħra ta’ assoċjazzjoni u azzjoni.

Illum  il-Knisja hi ħajja aktar minn qatt qabel!

121.Aħna nifirħu u nħossu ħafna konsolazzjoni meta naraw  li dan d-djalogu  ġa beda kemm fil-Knisja kif ukoll ‘l barra minnha: il-Knisja llum hi ħajja  aktar minn qatt qabel!  Iżda tajjeb nagħrfu li għad hemm ħafna x’irid isir; il-ħidma tibda llum u ma tispiċċa qatt. Din hi l-liġi fil-pellegrinaġġ tagħna fuq din l-art u matul iż-żmien. Venerabbli ħuti, dan hu x-xogħol li rridu nwettqu fil-ministeru tagħna, li llum imħeġġin   nagħmluh b’mod ġdid, attent u intens.

 122. Waqt li qed inkellmukom u nwissukom dwar dan kollu, nixtiequ ngħidulkom li aħna mhux biss lesti li nafdaw fil-kollaborazzjoni tagħkom, imma wkoll li noffrulkom dik tagħna. Qed nitolbu u nwiegħdu din il-komunjoni  ta’ ideat u ħidma sena wara li sibna ruħna fuq it-tron ta’ Pietru  u li ħadna l-isem tal-Appostlu tal-Ġentili, u nittamaw f’Alla, li anki xi ħaġa mill-ispirtu tiegħu. 

123. Hekk, waqt li nifirħu għax magħqudin ma’ Kristu fostna, flimkien ma’ din l-ewwel ittra tagħna, nibagħtulkom il-barka appostolika, fraterna u paterna tagħna, f’isem Alla immortali. U bil-qalb kollha nestenduha għall-Knisja kollha u għal kollha kemm hi l-umanità.

Mogħtija f’Ruma, f’San Pietru, fil-festa tat-Trasfigurazzjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu, 6 ta’ Awwissu 1964, it-tieni sena tal-Pontfikat tagħna.

 

PAOLO PP. VI

 

Miġjuba għall-Malti minn Vivienne Attard.