|
PAWLU VI
UDJENZA ĠENERALI
L-Erbgħa, 7 ta’ Mejju, 1975
Is-Sena Mqaddsa tal-Ġublew hi waqt ta’ qawmien ġdid tal-kuxjenza
Meta aħna nippruvaw nifhmu l-ispiritwalità ta’ dis-Sena Mqaddsa, li issa b’xi mod daħlet fi qlubna, fil-psikoloġija tagħna, nindunaw li din hi esiġenza kbira li timponi ruħha fuqna; ma titlobx biss xi riflessjoni ‘l hawn u ‘l hinn jew xi att reliġjuz imsieħeb ma’ xi atteġġjament ta’ umiltà penitenzjali, imma titlob minna ħafna aktar. Ħafna minna li jsiru pellegrini biex jiksbu l-benefiċċji spiritwali tal-Ġublew, informaw ruħhom fuq fuq dwar il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jiksbuhom, u sabu li, fl-aħħar mill-aħħar, dawn il-kundizzjonijiet mhumhiex tant tqal; anzi, indunaw li n-normi li toħroġ il-Knisja juru intenzjoni, li nistgħu ngħidu li hi moderna, biex isiru eħfef; il-Ġublew spiċċa ħaġa esterjuri ta’ ftit siwi; jitlob ftit ħin, ftit taħbit tar-ras, ftit għejja; qabblu l-preskrizzjonijiet ma’ dawk ta’ Ġublewijiet ta’ żmienijiet oħra, dawn spiċċaw biex saru ħfief għal kollox, kif sar kollox illum il-ġurnata, dawn saru jiġu “bl-irħis”. Biżżejjed wieħed jingħaqad ma’ xi pellegrinaġġ, u kollox isir waħdu; ebda spiża eżorbitanti jew mhux mistennija, ebda sawm, ebda velja, ebda għamla ta’ penitenza mhuma mitlubin b’obbligu. Hu minnnu li hemm l-iskomdu tal-vjaġġ, bi ftit ksir ir-ras, għax issa t-turiżmu jissimplifika u jiffaċilita kollox, u saħansitra xi eskursjoni żżid l-interess u tkun pjaċevoli, tant li kollox ma’ kollox, aktar iżżid il-pjaċir milli l-iskomdu; spiss aktar svag milli impenn.
Aħna, li nerfgħu r-reponsabbiltà ġenerali tal-programm tas-Sena Mqaddsa, ninsabu kuntenti li għamilna possibbli l-osservanza ritwali u loġistika tal-Ġublew, u li wittejna t-triq għall-folol ta’ fidili sempliċi, imma mill-ġdid irridu niġbdu l-attenzjoni dwar is-serjetà ta’ dan l-att reliġjuz singolari u straordinarju, il-Ġublew, ħafif, iva, ħafif ħafna fil-prattika ta’ dak li hu esterjuri, imma esiġenti ħafna fil-kisba ta’ dak li hu interjuri. Mhix xi ħaġa ta’ ftit siwi. Hu mument, konna għidna darb’oħra, ta’ qawmien ġdid tal-kuxjenza, ta’ għażla spiritwali fil-konfront tad-dinja pagana u irreliġjuża li aħna mdawrin biha. Anzi, aħna u nkomplu dan l-eżami dwar l-essenza u l-kundizzjonijiet tal-Ġublew, ilkoll nilmħu li quddiemna għandna diffikultajiet kbar.
Kull wieħed u waħda, ippruvaw saqsu lilkom infuskom x’irid minna l-Ġublew fir-realtà spiritwali tiegħu: qabel kollox irid li aħna mmoru lura lejn l-għejjun, li huma magħrufin, imma li f’dal-kas għandna nersqu lejhom bl-għan li nġarrbu l-effikaċja sopranaturali u trasformatriċi tagħhom, jiġifieri nduru lura lejn is-sagramenti, biex nerġgħu niksbu lura l-ħajja tal-grazzja, is-sagrament tal-penitenza, u dak li jitma’ l-ħajja bil-ħobż ewkaristiku, jiġifieri l-ikel sagrifikali tal-komunjoni reali u misterjuża ma’ Kristu ħaj. Għalhekk, il-Ġublew irid minna dik il-konverżjoni, dik li tissejjaħ metànoia, li għandha tikkoreġi l-idea, id-direzzjoni, il-mod ta’ kif ngħixu; għandha tikkoreġi l-mentalità tagħna, profana, senswali, tad-dehera, egoista (cfr Ef 4,23); Għandha tfassal u tħaddem mill-ġdid il-loġika tal-magħmudija tagħna u tal-kristjaneżmu tagħna (cfr Rum 6,3; Gal 3,27); għandha ssawwar mill-ġdid il-qalb bħala waħda ta’ bniedem ġdid (cfr Kor 5,17); għandha titħares biex ma terġax taqa’ fi ħtijiet ġodda (cfr 1 Kor 5,7-8); jiġifieri għandha ssawwar lill-kuxjenza tagħna biex tkun verament twajba, onesta, safja, ġeneruża, u perseveranti (cfr Ef 5,27; 1,4; Kol 1,22; 2 Pietru 3,14’ eċċ) u għandha tnissel fina sens ta’ solidarjetà mal-oħrajn, speċjalment dawk li jeħtieġu l-għajnuna u l-ħneina (cfr 1 Kor 13,1 ss)
Konna qed ngħidu: il-Ġublew hu ħaġa serja. Allura tqum oġġezzjoni li taqta’ l-qalb: jekk dan l-att reliġjuz li jirriformana u jittrasformana, jitlob minna tant, allura hu esiġenti ħafna, hu wisq diffiċli. Anzi: jirriduċi ruħu f’ġest formali u imprattikabbli; jikkomplika l-problemi tal-kuxjena tagħna, mhux isolviehom. Il-Ġublew mhux xi mument maġiku; m’għandux ikun żmien ta’ illużjoni; ma jikseb ebda riżultat ieħor ħlief li jħarrax l-esperjenza tan-nuqqas ta’ ħila tagħna biex l-imġieba prattika u reali nagħmluha taqbel ma’ dak li tnebbaħna u l-impenji li aħna obbligati nieħdu.
Ħuti! Hawnhekk toħroġ għad-dawl skoperta oħra, li lkoll minn dejjem nafu x’inhuma l-kundizzjonijiet tagħha, imma li qatt ma hi eżaminata bir-reqqa biżżejjed. Jiġifieri: aħna niskopru, bl-esiġenza ta’ ħajja ġdida u awtentikament nisranija, id-dgħufija li nitwieldu biha u li f’ċertu sens ma tistax titfejjaq. Aħna bla ħila biex bil-forzi tagħna biss, inkunu dak li supost aħna, jiġifieri fidili, jew inkella nsara. Ġesù wissiena: “mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15,5).
Ħajjitna m’għandhiex ħila ssostni lilha nfisha. Mingħajr l-għajnuna, nistgħu ngħidu immanenti, ta’ Alla, ta’ Kristu u tal-Ispritu tiegħu, aħna qatt mhu se jirnexxielna nkunu dak li suppost aħna: twajbin, ġusti, umani. X’għandna bżonn? Għandna bżonn it-talb!, l-invokazzjoni tal-enerġija divina, ir-rimedju tax-xejn tagħna. Mingħajr it-talb ħajjitna mhix kristjana. Nafuh dan; imma jekk dan l-eżami kbir ta’ ħajjitna, jiġifieri l-Ġublew, ikun wassalna għall-konklużjoni oħra prattika u operanti, dik tal-ħtieġa li nitolbu bla heda, b’talb assidwu, ġenwin, bħala esperjenza, allura jkun jkun laħaq wieħed mill-għanijiet mill-aktar fejjieda u għolja tiegħu: il-konvinzjoni li għandna bżonn nitolbu! U wkoll, it-talb mhux biss dmir imma arti; u arti ta’ kwalità kbira!
Allura biex il-Ġublew tagħna jkun suċċess, nagħmlu proponiment li ħajjitna nerġgħu ntuha n-nifs bit-talb billi nibdew nitolbu lill-Mulej biex ikun Hu l-għalliem tat-talb tagħna: “Mulej, għallimna nitolbu” (Luqa 11,1).
Bil-Barka Appostolika Tagħna!
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber