Aktar dwar Edith Stein ...

EDITH STEIN

Kitba ta' Patri Juan De Bono ocd

“Għax il-kliem tas-Salib hu bluha għal dawk li jintilfu; imma għal dawk li jsalvaw, għalina, hu l-qawwa ta' Alla. Hu miktub: 'Neqred għerf l-għorrief, inxejjen dehen id-dehnin.'

Fejn hu l-għaref? Fejn hu l-bniedem mgħallem? Fejn hu dak li jirraġuna fid-dinja? Għax, billi, fl-għerf ta' Alla, id-dinja b'għerfha ma għarfitx lil Alla, għoġbu Alla jsalva 'l dawk li jemmnu fil-bluha tax-xandir. Għax waqt li l-Lhud iridu l-mirakli u l-Griegi jfittxu l-għerf, aħna nxandru Kristu msallab, tfixkil għal-Lhud u bluha għall-pagani, imma għal dawk li huma msejħin, Lhud u Griegi, Kristu, qawwa u għerf ta' Alla” (1 Kor 1, 18 – 24).

Tereża Benedetta tas-Salib, magħrufa aħjar bħala Edith Stein, hi waħda mill-aktar figuri importanti ta' żminijietna. Edith - kif se naraw - kienet mara għarfa u għarfa sew, b'danakollu bl-għerf kollu tagħha, hi ma sabitx ir-risposti għall-problemi eżistenzjali ta' ħajjiitha. Kien biss fil-Kristjaniżmu, u fil-bluha tas-salib, li Edith sabet din ir-risposta.

Fil-ktieb 'Scientia Crucis', ktieb li fih tikkummenta fuq il-kitbiet ta' San Ġwann tas-Salib, Edith tikkummenta: “L-għan ta' ħajjitna hu l-għaqda ma' Alla, it-triq li minnha jeħtieġ ngħaddu hi dik ta' Kristu msallab; tagħmel kollox miegħU jfisser tiġi msallab. L-uniku mezz adatt hi l-fidi”[1].

Ta' min għalhekk jara b'mod sintetiku min kienet din il-mara, u għala l-Papa Ġwanni Pawlu II għoġbu jagħżilha bħala ko-patruna tal-kontinent tagħna Ewropew. Liema huma l-aspetti tal-akbar interess f'din il-mara?

 

Edith – Lhudija.

Edith twieldet nhar it-12 ta' Ottubru 1891 ġewwa l-belt ċkejkna ta' Wroclaw, illum magħrufa bħala Breslau, belt li llum tifforma parti mill-Polonja, imma li meta twieldet Edith kienet għadha tifforma parti mill-Ġermanja. Edith hi l-ħdax-il wild għal Siegfird u Augusta Stein. Minn dawn iżda mitulhom ħamsa, b'hekk Edith kienet is-seba’ wild ħaj tal-koppja Stein.

Il-jum li fih twiedet Edith kien il-festa ta' Jum Kippur, festa importanti għal-Lhud, u kif tirrakkonta Edith innifisha, il-fatt li twieldet f’din il-ġurnata, kien ifisser li ommha kellha lejha mħabba speċjali.

Meta Edith kellha sena u disa’ xhur, missierha jmut b'xemxata, waqt li kien qiegħed jaqdi dmirijietu. Ukoll jekk l-omm ħadet f'idejha t-tmexxija tan-negozju ta' żewġha, hi qatt ma abbandunat lil uliedha. Augusta kienet mara ta' fidi kbira u qatt ma naqset milli tattendi s-sinagoga fil-jum tas-Sibt.

Edith dejjem baqghet tħobb il-poplu tagħha, ukoll meta rċeviet il-magħmudija. Fil-fatt, aktar 'il quddiem, hi tfittex li jkollha udjenza mal-Papa, għax xtaqet tkellmu dwar dan is-suġġett u xtaqet ukoll li hu jikteb enċiklika li fiha jitkellem dwar il-poplu Lhudi. Meta dan it-tentattiv tagħha jfalli, Edith tikteb ittra lill-Papa biex tesponi l-ideat tagħha.

Għad li ta' 31 sena Edith tirċievi l-Magħmudija, hi dejjem baqgħet tħoss li tappartjeni għall-poplu Lhudi, bħalma kienu jappartjenu għal dan il-poplu l-ewwel dixxipli ta' Ġesù, Marija, Ġużeppi u Ġesù nnifsu. Meta aktar 'il quddiem rat minn liema Kalvarju kien għaddej il-poplu Lhudi, Edith xtaqet terfa' dan is-salib, flimkien ma’ ħutha l-Lhud. Hu minnu li l-maltemp kien ilu jidher li ġej fil-Ġermanja kontra l-poplu Lhudi. Fl-1933 kienu ġa nfetħu l-ewwel kampijiet ta' konċentrament. Edith kienet lesta tħaddan il-bluha tas-Salib.

Tikteb Edith: “Ir-ruħ issir ħaġa waħda ma' Kristu, u tasal li tgħix il-ħajja tiegħU biss meta tkun mogħtija lill-Kurċifiss, biss wara li tkun tertqet it-triq kollha tas-salib ħdejH”[2]. “Biex tasal għall-għaqda ma' Alla, m'hemmx triq oħra ħlief dik li tgħaddi mis-salib, il-mewt tal-bniedem il-qadim”[3]. B'danakollu dan ma jfissirx li wieħed għandu minn jeddu jfittex is-Salib. Bir-raġun tikkummenta Edith: “tħallihom isallbuk ma jfissirx li tmur int tfittex li ssallab lilek innifsek”[4]. X'ifisser dan? Li s-Salib m'għandekx tfittxu, imma għandek taċċettah meta jiġi quddiemek.

 

Edith – Atea.

Għad li kienet tipprometti ħafna fl-iskola, ta' ħmistax-il sena, Edith tabbanduna għal xi sitt xhur it-tagħlim. L-agħar iżda hu li minbarra l-iskola, Edith tabbanduna wkoll - għal ħafna u ħafna aktar żmien - il-ħajja tat-talb. Lil ommha, li kif għedna kienet mara ta' fidi kbira, titktbilha: “Abbandunajt b'mod konxju u b'deċiżjoni ħielsa tiegħi t-talb”. Wara li tmur lura l-iskola, Edith tibqa' għaddejja fl-istudji tagħha, sa daħlet l-Università ta' Breslau fl-1911, u effettivament iġġib id-dottorat fil-filosofija fis-Sajf tal-1916 mill-Università ta' Freiburg, b'teżi li analizzat l-istruttura tal-ispirtu tal-bniedem. B'danakollu ta' min wieħed jinnota, li dan l-istudju flok wassalha biex tiftaħ l-orizzonti tagħha, wassalha biex titlef kull stima fl-umanità, u qabbadha għatx akbar li tiskopri l-verità

 

 

Edith – Ricerkatriċi tal-verità.

Fil-ħerqa tagħha għall-verità, Edith tbiddel Università, u minn dik ta' Breslau tgħaddi għal dik ta’ Göttingen, konvinta li bl-użu tar-raġuni biss, hi kienet se tasal li ssib lil Alla. Waqt l-istudju tal-filosofija Griega, ġiet f'idejha t-talba tal-Missierna, li mal-ewwel għamel effett pożittiv fuq din ix-xebba. Dan kellu jkun l-ewwel raġġ ta' dawl fil-ħajja ta' dik li kellha ssir waħda mill-akbar mistiċi ta' żminijietna.

Wara li tiddefendi b'suċċess it-teżi tagħha, Edith tiġi msejħa mill-għalliem tagħha, il-professur Edmond Husserl, biex tkun l-ewwel assistenta tiegħu. Xogħolha kellu jkun dak li tiġbor in-noti kollha tal-Professur, fundatur tal-kurrent filosofiku studjat sal-ġurnata tal-lum tal-fenomenoloġija, u tlestihomlu għall-pubblikazzjoni. Hi kellha l-libertà li żżid jew tnaqqas ma’ dawn l-istess noti, biex ikunu adatti għall-istampa. Dan juri kemm Husserl kellu stima kbira fil-kapaċitajiet intellettwali ta' dik li darba kienet allieva tiegħu.

Sadanittat Edith bdiet tgħallem ġewwa l-università lill-istess studenti li kellhom imbagħad jgħaddu biex jieħdu t-tagħlim tagħhom minn Husserl innifsu.

Wara l-mewt tal-professur Reinach fuq il-front tal-gwerra, professur li kien impressjona sew lil Edith bit-tjubija tiegħu, l-armla ta' dan il-professur sejħet lil Edith biex din tiġi d-dar ħa tkun tista' tqiegħed f'ordni d-diversi noti ta' żewġha.

Din il-waqfa fid-dar ta' dan il-professur kellu jirrappreżenta mument importanti ieħor fil-mixja lejn il-konverżjoni ghall-Kristjaniżmu ta' Edith. Mart l-għalliem kienet għadha kif tgħammdet Protestanta, u flok ma Edith kellha tfarraġ lill-armla, din innifisha spiċċat tfarraġ lil Edith. Dan wassal biex din ix-xebba, li kienet qiegħda tfittex il-verità, tifhem li l-Kristjaniżmu kellu fih iż-żerriegħa għall-kwistjonijiet li tant kienu qegħdin iġagħluha tidħol fiha nnifisha.

Waqt żjara li Edith tagħmel għand il-ħabib tagħha Hedwig fl-1921, u waqt serata li fiha l-ħbieb tagħha ħarġu, Edith tieħu f'idejha l-ktieb tal-ħajja ta' Santa Tereża ta' Ġesù, ktieb li ma ħallitux minn idejha qabel kmieni filgħodu, fejn wara li stqarret li issa sabet il-verità li kienet ilha tfittex, marret tħaffef tixtri l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika u Missal Ruman.

Issa, Edith kienet deċiża. Dak li kienet ilha tfittex, issa sabitu. Sabitu fi Kristu, u fil-messaġġ tiegħu, messaġġ li spiċċa biex għaġen il-ħajja ta' din il-mara, u minn mara tfittex il-verità spiċċat xandara ewlenija ta' din il-verità, ġewwa kontinent li bil-mod il-mod kien qiegħed iwarrab dan il-messaġġ.

Nistgħu ngħidu, li sa ma ltaqgħet mal-kitbiet ta' Santa Tereża, Edith kienet indeċiża jekk titgħammidx fil-Knisja Kattolika jew dik Protestanta, imma l-ħsibijiet tar-riformatriċi tal-Karmelu wassluha biex tagħżel il-Knisja Kattolika. Kien nhar l-1 ta' Jannar 1922, li Edith tirċievi l-Magħmudija.

Aktar  'il quddiem hi kellha tingħaqad mal-Ordni Riformat minn Santa Tereża. Hi xtaqet kieku ssir reliġjuża mal-ewwel, iżda l-konfessur tagħha ħass li bl-għerf kbir tagħha, Edith setgħet aktar tagħti kontribut fid-dinja milli fil-monasteru.

Wara li spiċċat mit-tagħlim tagħha fl-Università (kien diffiċli ħafna li mara tibqa' tokkupa katedra ġewwa l-Università f'dawk iż-żminijiet), hi bdiet tgħallem fl-eqdem skola mmexxija mid-Dumnikani ġewwa l-Ġermanja. Fost l-istudenti tagħha kien hemm bosta sorijiet Dumnikani.

Kien waqt dan l-impjieg li hi bdiet tapprofondixxi l-ħsieb ta' San Tumas t'Akwinu, li għenha tiskopri kif wieħed għandu juża l-għerf tiegħu biex jingħata aktar lil Alla.

Hi taqleb għall-Ġermaniż l-ittri u d-djarju tal-Kardinal Newman.

Fl-1932 taċċetta li tgħallem ġewwa l-Istitut tax-xjenza Pedagoġika ġewwa Mũnster.

 

Edith – Mara.

Edith kienet u hi pijuniera fl-ideat femministi tagħha. Dawn l-aħħar snin it-terminu 'femminista' spiċċa jirrappreżenta kurrent estrem ta' ħassieba favur il-mara u l-avvanz tagħha, kurrent li jirrombla fuq l-istess differenza li teżisti bejn mara u raġel, kurrent li flok jeżalta l-kobor tal-mara, jispiċċa biex ilibbisha libsa li ma tixirqilhiex. Edith, bl-ideat rivoluzzjonarji tagħha, nistgħu nqisuha bħala l-kap tal-ħsieb femminisita ġewwa l-Ewropa.

Ix-xewqa ta' Edith kienet li l-mara tagħraf id-dinjità tagħha fi ħdan is-soċjetà, skont l-istess ħsieb ta' Alla, li ħalaq lill-bniedem raġel u mara, differenti minn xulxin, għad li jikkumplementaw lil xulxin. Fost l-ideat tagħha nsibu wkoll dik li l-edukazzjoni għandha tkun infassla skont in-natura tal-mara nnifisha.

Il-vokazzjoni tal-mara hi fuq tliet livelli: umana, individwali u femminili. Il-qawwa tal-mara hi l-maternità spiritwali tagħha, li hi għandha tħaddimha permezz tal-professjoni u l-karriera tagħha. Għal Edith, b'danakollu, il-familja għandha dejjem tiġi l-ewwel għall-mara, ukoll fuq l-istess karriera. Hi kienet tal-parir ukoll li l-mara hi kapaċi twettaq kull kwalità ta' xogħol, b'danakollu ċerti impiegi huma aktar jaqblu man-natura tal-mara.

Edith tagħraf ukoll li peress li l-mara hi differenti mir-raġel, ukoll fit-tip ta' relazzjoni bejn ġisimha u ruħha, il-mara jeħtieġ li tiġi edukata b'mod differenti mir-raġel ħalli tkun kemm jista' jkun oġġettiva, ukoll fir-relazzjoni tagħha mal-oħrajn.

Ta' min jinnota li waqt li Edith kienet qiegħda tiżviluppa dawn il-ħsibijiet tagħha, in-Nażiżmu kien qiegħed imexxi l-ideoloġija li l-mara hi tajba biss għall-knisja, għall-kċina u għat-tfal. Bil-maqlub Edith tikteb li l-mara għandha tkun fis-soċjetà marida tas-seklu għoxrin, “b'saħħitha, enerġetika u li tagħti l-enerġija lis-soċjetà kollha kemm hi”[5].

 

Tereża Benedetta tas-Salib – Tereżjana.

Filwaqt li Edith kienet qiegħda taqdi missjoni importanti bħala lajka impenjata fid-dinja tal-kultura, hi ħasset li dan ma kienx biżżejjed għaliha. Ix-xewqa tagħha baqgħet dik li tingħata kompletament lil Alla f'ħajja kkonsagrata fi ħdan il-Karmelu Riformat. “Dawk li jgħixu l-ħajja interjuri” tikteb, “Dejjem jesperimentaw li jħossuhom miġbuda fil-ġewwieni tagħhom, minn dak li jiġbed aktar mid-dinja kollha kemm hi: hi l-invażjoni ta' ħajja superjuri, il-ħajja divina, ħajja sopranaturali”.[6]

B'referenza għall-kitbiet ta' San Ġwann tas-Salib, Edith tikkummenta: “Ġebla mqiegħda ġol-art tkun diġà f'post ta' mistrieħ, imma mhux fil-qiegħ l-aktar profonda, għax ikollha l-kapaċità, il-qawwa u x-xeħta li tinżel aktar fil-fond sa ma tasal fiċ-ċentru effettiv. Hekk iseħħ mar-ruħ. Hi ssib l-aħħar u l-aktar pożizzjoni profonda ta' mistrieħ f'Alla”, ukoll jekk “din l-eventwalità ma tirealizzax lilha nnifisha kompletament f'din id-dinja”.[7]           

Kien lejlet il-festa ta' Santa Tereza ta' Ġesu' tas-sena 1933, meta Edith kellha issa 41 sena, li daħlet ġewwa l-monasteru ta' Cologne. Hi xtaqet issir Tereżjana biex toffri ħajjitha siegħa għal-Lhud, u siegħa għall-membri tan-Nazziżmu li riedu jeqirdu l-poplu Lhudi.

Għandu mnejn li wieħed jaħseb li mara bħal Edith qatt ma kienet se 'tiffittja' f'ħajja kkonsagrata lil Alla, biċ-ċaħdiet kollha li dan l-istil ta' ħajja jitlob. Xejn aktar 'il bogħod mill-verità, Edith daħlet sew fir-ritmu tal-komunità, u minkejja l-għerf tagħha, hi qatt ma kienet tqis lilha nnifisha aħjar minn sħabha.

Filwaqt li hu minnu li ċertu xogħol tad-dar, bħalma huma li tiknes jew tħit, ma tantx kienet tinqala’ għalihom, hi qatt ma eżentat ruħha minn dan ix-xogħol. L-umiltà ta' Edith kienet tidher mhux biss meta kienet twettaq dawn ix-xogħlijiet, imma wkoll meta s-sorijiet sħabha kienu forsi jinfaqgħu jidħku għax ma tkunx wettqet dmirha kif suppost, Edith qatt ma kienet tieħu għaliha, anzi kienet tipprova aħjar fl-ewwel ċans li kellha. 

B'danakollu, ix-xogħol prinċipali tagħha fil-monasteru kellu jkun dak intellettwali, l-ewwel  permezz tat-tagħlim tal-Latin lis-sorijiet li kienu fil-monasteru, u t-tieni permezz ta' kitbiet importanti, fosthom 'Ħajja ġewwa Familja Lhudija' u l-magħruf 'Scientia Crucis', kitba li kellha permezz tagħha tikkummenta fuq il-kitbiet ta' San Ġwann tas-Salib.

Imma Edith kellha wkoll ideat rivoluzzjonarji għal żmienha. Hi ħasset li s-sorijiet li kienu assenjati għax-xogħol manwali, ukoll ikollhom aċċess għal-librerija u għall-konferenzi li kienu jsiru fil-monasteru, u hekk ikunu jistgħu jitimgħu l-intellett tagħhom, u mhux jaħdmu u jitolbu biss. Dawn is-suġġerimenti b'danakollu ma ġewx milqugħa.

 

Tereża Benedetta tas-Salib – Mistika.

Fl-età ta' seba’ snin, Edith ġa kienet bdiet titkellem fuq il-ħajja interjuri tagħha, preludju tajjeb għal dak li kellha tkun din it-tifla aktar 'il quddiem.

L-isem magħżul għaliha mill-komunità ta' Cologne, hekk kif issieħbet mal-komunità tas-sorijiet Tereżjani, kien jirrappreżenta programm ta' ħajja. Tereża, għax kienet Tereża li tatha t-tweġiba għall-problema eżistenzjali ta' żgħożitha. Benedetta, għax Alla ta l-barkiet kollha mis-sema. Imma l-aktar parti importanti tal-isem il-ġdid tagħha kien tas-Salib, għax hu biss is-salib ir-rahan veru għall-bniedem, li f'għaqda ma' Kristu jixtieq jgħaddi mill-mewt għal ħajja mġedda u ġdida fi ħdan it-tliet Persuni Divini fis-sema.

Hu minnu li Edith kellha għerf kbir, imma hu minnu wkoll li kienet il-ħajja tagħha ta' relazzjoni intima mat-tliet Persuni Divini li wasslitha biex tiftaħ il-ħsieb tagħha u tara orizzonti li bniedem bl-intellett waħdu ma jasal qatt biex jifhem. “L-għerf jonfoħ, iżda l-imħabba tibni” (1 Kor 8, 1).

Tereża Benedetta tas-Salib hi mistika, fejn b'mistika nifhmu, ruħ li wara proċess ta' purifikazzjoni minn dak kollu li mhux Alla, tasal għall-għaqda sħiħa ma' Alla.

Għalija dan hu l-aspett li l-aktar jolqot il-ħsieb tiegħi. Iva, hu dan l-aspett li l-aktar li jimpressjona, għax hu prova ċara li l-ħajja tal-għaqda sħiħa ma' Alla hi miftuħa għal kull bniedem, u l-aktar għal dawk li għandhom qalbhom miftuħa u lesti jirċievu minn Alla l-grazzji kollha li Hu lest li jagħni r-ruħ bihom.

“Jekk huma ftit dawk l-erwieħ li 'jilħqu stadju tant għoli ta' għaqda ma' Alla', il-kawża ma nistgħux nattribwixxuha lil Alla. Għax Hu jixtieq jara lil kulħadd perfett. Diżgrazzjatament Hu jsib ftit 'reċipjenti li lesti jgħaddu minn din l-operazzjoni għolja u sublimi'. Il-parti l-kbira tal-erwieħ ma jaċċettawx din l-għaġna fir-ruħ, għax m’humiex lesti jissuġġettaw lilhom infushom għall-inqas impenn, jew l-inqas mortifikazzjoni,”[8] tikteb il-Qaddisa.

Edith hi prova ta' x'għandu ħila joħloq l-Ispirtu jekk nagħtuh il-libertà li jaħdem fir-ruħ tal-bniedem. Minn riċerkatriċi tal-verità. Edith mhux biss sabet din il-verità, imma ħalliet din il-verità tbiddlilha ħajjitha.

Il-veru għerf ta' Edith jinsab fil-fatt li hi fehmet li l-veru għerf joħroġ mis-Salib ta' Ġesù.  Il-bniedem ikun għaref tassew meta jħalli lil Alla jaħdem fir-ruħ, sal-punt li tħallih ikaxkrek għall-għaqda sħiħa ma' Alla.

J’Alla kull min jiddeletta jħares spiss lejn dik il-biċċa karta mdendla mal-ħajt, li b'żaqq minfuħa jsejħulha ċertifikat, ikun kapaċi jifhem - bħalma fehmet Edith - li dik il-karta għandha valur biss jekk twasslek biex tagħraf li l-veru għerf jinsab filli twieġeb b'qawwa għall-imħabba ta' Alla. 

 

Tereża Benedetta tas-Salib u x-xjenza tas-Salib.

L-Appostlu missierna San Pawlu kellu ntelliġenza straordinarja, superjuri għal ħafna minn sħabu l-Fariżej, b'danakollu nistgħu ngħidu li hu fehem li l-veru għerf jinsab filli tħalli lil Alla jmisslek qalbek.

Edith ukoll nistgħu ngħidu li kellha dan l-għerf, u nistgħu ngħidu wkoll li l-qari u l-istudju tal-kitbiet ta' San Ġwann tas-Salib fis-snin ta' qabel il-martirju tagħha, wassluha mhux biss biex jiġu ċċarati f'moħħha dawn il-kunċetti, imma fetħulha l-orizzonti għal dak li kellha tgħaddi minnu aktar 'il quddiem, il-martirju tagħha f'kamp tal-konċentrament.

Ta' min iżomm quddiem għajnejh li San Ġwann tas-Salib mhux biss hu mistiku, imma ġie ddikjarat mil-Knisja bħala Duttur tal-Knisja għax jgħallem bil-kitbiet tiegħu l-proċess li r-ruħ trid tgħaddi minnu biex tasal għall-għaqda sħiħa ma' Alla. 

San Ġwann tas-Salib jikteb kif biex il-bniedem jasal għal dak li effettivament ġie maħluq għalih, dak li xi awturi jsejħulu l-fini tal-bniedem, hu meħtieġ proċess dettaljat ta' purifikazzjoni attiva u waħda passiva. Dan jispjegah fil-kitbiet tiegħu 'It-Telgħa tal-Għolja tal-Karmelu' u l-'Lejl Mudlam'. Dan il-proċess ta' purifikazzjoni jwassal għal komunikazzjoni aktar intima bejn Alla u r-ruħ, li jwassal għall-għerusija l-ewwel, u għaż-żwieġ spiritwali aktar 'il quddiem. Dan il-proċess, San Ġwann tas-Salib ikompli jiddeskrivih fil-'Kantiku Spiritwali' u fil-'Fjamma Ħajja ta' Mħabba'.

Fil-ktieb tagħha 'Scientia Crucis', Edith tanalizza dawn l-opri. L-aspett li l-aktarr tistudja hu dak tal-valur tas-Salib fil-ħajja ta' dawk li jixtiequ jimxu wara Kristu.

 

 

 

 

Tereża Benedetta tas-Salib – Martri.

“Wieħed jista' jasal biex jitgħallem 'ix-xjenza tas-Salib' biss, f'dak il-mument li wieħed ikun qieghed iħoss it-toqol tal-piż tas-Salib fuq spallejh. Jiena kont konvinta minn dan sa mil-bidu nett u għidt b'qalbi kollha: 'Sliem Salib, tama unika tagħna”.[9]

Edith qatt ma saret Nisranija biex taħrab mill-perikli li ħutha l-Lhud kienu għaddejjin minnhom. Anzi hi dejjem ħasset li ukoll jekk mgħammda, u għalhekk mhux aktar 'Lhudija', hi  baqgħet tappartjeni lil poplu Lhudi, u kienet lesta taqsam magħhom l-istess destin tagħhom.

Il-komunità ta' Cologne ippruvat kieku tibgħat lil Edith u lill oħtha Rosa (li bħal oħtha kienet sejra tħaddan il-ħajja kkonsagrata ġewwa l-istess monasteru ta' Cologne), ġewwa monasteru l-Izvizzera, imma kull tentattiv tar mar-riħ. B'danakollu nhar il-31 ta' Diċembru 1938, irnexxilhom, jibgħatuhom fil-monasteru ta' Ecth ġewwa l-Olanda. Hawn damet tgħix sat-2 ta' Awwissu 1942, meta wara ittra pastorali tal-Isqfijiet Olandiżi li fiha kkundannaw in-Nazziżmu, b'ritaljazzjoni, il-forzi Ġermaniżi ħaduha qatta bla ħabel ukoll kontra dawk il-Lhud li kienu saru Nsara, fosthom għalhekk Edith u oħtha Rosa.

Wara li ġew arrestati, u wara waqfa qasira fil-Lager ta' Westerbork (l-Olanda), is-7 ta' Awwissu ġew meħuda Aushwitz, fejn ġew maqtula bil-gas, u wara maħruqa nhar l-10 ta' Awwissu.

B'hekk isem din il-mara kellu jibqa' mniżżel ma’ lista ta' għaxar mlijun ruħ oħra (sitt miljuni Lhud, u erba’ miljuni Nsara), li kellhom jgħaddu minn dan il-martirju kiefer.  

 

Tereża Benedetta tas-Salib – Ko-Patruna ta' l-Ewropa.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II għażel lil Tereża Benedetta tas-Salib bħala ko-patruna tal-Ewropa għax bosta Ewropej li sa ftit snin ilu kienu jipprattikaw il-fidi fi Kristu Msallab, issa ħafna sabu rwieħhom ifittxu din il-verità, bħalma kienet fittxitha Edith f'żogħżitha.

Ix-xewqa u l-awguri tal-Papa hu li l-popli Ewropej fuq il-passi ta' Edith ikunu kapaċi jifhmu l-qawwa redentriċi tas-Salib Mqaddes.

 

Nistgħu għalhekk ngħidu li Edith mhix biss mara, mhix biss Qaddisa tal-Knisja Kattolika/Mistika jew Martri, Tereża Benedetta tas-Salib hi gwida għal dawk kollha li indeċiżi liema triq għandhom jaqbdu fil-ħajja, ħafna drabi jħallu lilhom infushom jinġarru mal-kurrent.  Edith hi xhieda li Kristu hu l-veru dawl tad-dinja.


 

[1]    Edith Stein, Teresa Benedetta tas-Salib, Scientia Crucis. Studio su San Giovanni della Croce, Roma 2001, p. 85 (traduzzjoni proprja).

[2]    Ibid, p. 37.

[3]    Ibid., p. 239.

[4]    Ibid., p. 71.

[5]    Edith Stein Werke, vol 5, 212.

[6]    Ibid., vol 2, 407.

[7]    Edith Stein, Teresa Benedetta tas-Salib, Scientia Crucis. Studio su San Giovanni della Croce, Roma 2001, p. 175.

[8]    Ibid., p. 223.

[9]    Edith Stein., Briefauslese 1917-1942, (ed. Freiburg im Breisgau: Herder, 1967), p. 147.