INEFFABILIS DEUS

Il-Bolla tal-Papa Piju IX

dwar l-Immakulat Konċepiment ta' Marija

(8 ta' Diċembru 1854)

 

TAQSIMIET

Introduzzjoni

1. L-akbar raġuni għall-privileġġ: il-Maternità Divina

2. Xhieda mill-Liturġija

3. Tagħlim ordinarju tal-Knisja Rumana

4. Qima lill-Immakulata

5. Id-duttrina Rumana

6. Miżuri tal-Papiet

7. Xhieda mid-dinja kattolika

8. Il-konċilju ta' Trentu

9. Xhieda tad-Tradizzjoni

10. Interpreti tal-Iskrittura Mqaddsa

11. It-tħabbira

12. Marija mqabbla ma' Eva

13. Figuri bibliċi

14. Stqarrija ċara

15. Ta' qdusija mill-aqwa

16. Tħejjijiet għad-definizzjoni

17. Il-fehma tal-Isqfijiet

18. Id-definizzjoni

19. Il-frott mixtieq

 

 

INEFFABILIS DEUS

Il-Bolla tal-Papa Piju IX dwar l-Immakulat Konċepiment ta' Marija

(8 ta' Diċembru 1854)

 

 Alla l-Indeskrivibbli - li l-mogħdijiet tiegħu huma l-ħniena u l-verità, li r-rieda tiegħu hi l-omnipotenza nnifisha, li l-għerf tiegħu ''iwassal sa truf l-art bil-qawwa setgħani u jmexxi kollox bil-ħlewwa'', billi kien għaraf sa mill-eternità f'liema miżerja kienet se tispiċċa l-umanità sħiħa konsegwenza tal-ħtija ta' Adam, ried illi, permezz ta' pjan miżmum mistur tul sekli, iwettaq l-ewwel fost l-għemejjel tal-grazzja, bil-misteru sublimi u glorjuż tal-Verb magħmul Bniedem. Din ir-rieda tiegħu kienet maħsuba sabiex l-istess bniedem illi, għal kuntrarju tal-pjan tal-Ħniena Divina, kien immexxi fit-triq tad-dnub mill-pjan qarrieq ta' Satana, dan ma jinqeridx u biex dak li jkun intilef permezz tal-ewwel Adam jerġa' jinkiseb b'mod hekk glorjuż mit-tieni Adam. Sa mill-bidu nett, sa minn qabel il-bidu taż-żminijiet, il-Missier Etern għażel u hejja Omm għall-Iben waħdieni tiegħu, Omm li fiha l-Iben ta' Alla kellu jieħu sura ta' bniedem, u li permezz tagħha, fil-milja taż-żminijiet, hu kellu jitwieled f'din id-dinja. Lilha Alla ħabbha b'imħabba singulari u li tiżboq l-imħabba li biha ħabb kull kreatura oħra. Kien għalhekk li 'l fuq mill-anġli u l-qaddisin kollha, Alla żejjinha b'kotra ta' grazzji tas-sema mfawra mit-teżor tad-divinità tiegħu. Kien għalhekk li din l-omm, minn dejjem ħielsa minn kull tebgħa ta' dnub, kollha kemm hi ġusta u perfetta, kellha tkun imżejna b'safa u qdusija li ħadd ħlief Alla nnifsu ma jista' jħaddnu kollu kemm hu bil-menti tiegħu.

 

1. L-AKBAR RAĠUNI GĦALL-PRIVILEĠĠ: IL-MATERNITÀ DIVINA

 U tabilħaqq kienet ħaġa tassew f'waqtha li omm daqshekk kbira tiġi mżejna bil-glorja tal-ogħla qdusija u meħlusa kollha kemm hi minn kull ħjiel tad-dnub oriġinali hekk li titrijonfa fuq is-serp l-antik. Lilha Alla ried li jagħti l-Iben il-Waħdieni tiegħu - l-Iben li, minn Alla daqskemm minn Marija kien maħbub, u ta' Alla daqskemm ta' Marija kien l-Iben. Kienet l-Imqaddsa Verġni Marija li l-Iben iinifsu għażel li tkun Ommu , u kien minnha li l-Ispirtu s-Santu għażel li l-Iben jkun ikkonċeput - l-Ispirtu li minnu, minn l-Iben, joriġina.[1]

 

2. XHIEDA MILL-LITURĠIJA

 Il-Knisja Kattolika , mmexxija mill-Ipirtu s-Santu, li hi l-kolonna u l-bażi tal-verità, sa minn dejjem żammet, hekk kif divinament rivelat, din id-duttrina dwar is-safa mid-dnub oriġinali tal-Verġni Mbierka - duttrina li tinsab f'armonija perfetta mal-qdusija glorjuża u d-dinjità kbira tagħha bħala Omm Alla- hekk li l-Knisja qatt ma waqfet, sa minn l-ibgħad żmien, milli tgħallem, tippriedka u xxerred din id-duttrina, permezz ta' ħafna atti sollenni. Din l-istess duttrina, hekk kif imwassla fid-dinja Kattolika, permezz tal-ħidma sfieqa tal-isqfijiet, swiet sabiex il-festa tal-Immakulat Konċepiment ta' Marija tiġi mressqa lejn id-devozzjoni pubblika.[2] Permezz ta' dan il-fatt mill-aktar sinjifikanti, il-Knisja għamlitha ċara li l-konċepiment ta' Marija kellu jiġi vvenerat b'mod straordinarju, b'għoġba, u miżmum bħala ħaġa qaddisa - konċepiment għal kollox differenti mit-tnissil tal-bnedmin l-oħra kollha - għax il-Knisja tiċċelebra biss il-ġranet tal-festa tal-qaddisin.

 U għalhekk bl-istess mod kif il-kliem li bih il-Kotba Mqaddsa jitkellmu fuq il-kobor tal-Għerf mhux maħluq u fuq l-oriġini etern tiegħu, il-Knisja sew fl-uffiċċji ekkleżjali tagħha u sew fil-liturġija, marret tapplika lit-tnissil tal-Verġni Marija, l-istess tifħira u glorja, peress li kien wieħed u l-istess id-digriet li bih iddeċieda l-oriġni ta' Marija u l-inkarnazzjoni tal-Gherf Divin.

 

3. TAGĦLIM ORDINARJU TAL-KNISJA RUMANA

 Dawn il-veritajiet, aċċettati b'mod ġenerali u mqiegħda fil-pratika mill-fidili, jindikaw b'liema żelu l-Knisja Rumana, omm u għalliema tal-Knejjes kolha, issuktat tgħallem din id-duttrina tal-Immakulat Konċepiment tal-Verġni Marija. Però l-għemejjel l-aktar importanti tal-Knisja jeħtieġ li jkunu msemmija fid-dettal. Dan għaliex id-dinjità u l-awtorità tal-Knisja jirrendu lillha weħidha bħala ċ-ċentru tal-verità u tal-għaqda Kattolika. Hi l-Knisja waħedha li fiha r-reliġjon ġiet imħarsa u miżmuma, u li minnha l-Knejjes l-oħra kollha jeħtieġ li jirċievu t-tradizzjoni tal-Fidi.[3]

 L-istess Knisja Rumana, għalhekk jixirqilha xejn aktar milli l-qawwa persważiva li tistqarr, tipproteġi, tippromwovi u tiddefendi d-duttrina tal-Immakulata Kunċizzjoni. Għal dan il-fatt hemm xhieda l-aktar ċara, quddiem id-dinja kolllha, tal-għemejjel fil-gzuz tagħhom, u mill-aktar sinjifikanti, imwettqa mill-Papiet, il-predeċessuri tagħna. Lilhom fil-persuna tal-Prinċep tal-Appostli, kien mogħti l-privileġġ u d-dmir, minn Kristu, l-Imgħallem tagħna, li jmexxu l-merħla ta' Alla, li, b'mod partikulari jikkonfermaw ir-rabta tad-demm li hemm fin-nagħaġ u l-ħrief ta' din il-merħla, u li jmexxu l-Knisja universali.

 

4. QIMA LILL-IMMAKULATA

 Il-predeċessuri tagħna, tabilħaqq, permezz tas-setgħa appostolika tagħhom, ma naqsux milli jagħtu lill-festa tal-Immakulat Konċepiment fil-knisja Rumana l-importanza li jixirqilha. Dan għamluh biex din it-tifkira tkun mogħtija d-dinjità mistħoqqa lilha permezz ta' Uffiċċju u Quddiesa propja, li bihom il-privileġġ singulari tal-Verġni, il--ħelsien tagħha mit-tebgħa li lkoll writna, kien affermat b'mod l-aktar distint. U dwar il-qima ġa eżistenti, ma ħlew l-ebda sforz biex jippromwovu u jestendu dan il-privileġġ tagħha, sew permezz ta' indulġenzi, kif ukoll billi jħallu lill-ibliet, reġjuni u renji, jagħżlu bħala l-patruna tagħhom lill-istess Omm Alla, taħt it-titlu ta' ''L-Immakulata Kunċizzjoni''. Għal darb'oħra, il-prdeċessuri tagħna approvaw konfratellanzi, kongregazzjonijiet, u komunitajiet reliġjużi mwaqqfa f'ġieħ l-Immakulata Kunċizzjoni, monasteri, sptarijiet, altari jew knejjes; huma faħħru lil dawk il-persuni li wegħdu li jżommu bil-qawwa tagħhom kollha d-duttrina tal-Immakulat Konċepiment ta' Marija. Barra minn hekk, il-pedeċessuri tagħna b'ferħ u ħeġġa ordnaw li l-festa tal-Kunċizzjoni tkun iċċelebrata f'kull knisja bl-istess unur u glorja li biha tiġi ċċelebrata l-festa tan-Nattività. Il-festa kellha tkun ċċelebrata matul l-ottava fil-Knisja kollha, u jum il-festa kellu jiġi vvenerat u osservat bħala jum ta' obbligu u jum qaddis. Kellu jkun hemm ukoll Kappella pontifiċja fil-Bażilika pontifiċja Liberjana, fil-jum iddedikat lill-Konċepiment tal-Verġni. Fl-aħħar minħabba x-xewqa tagħhom li jistampaw din id-duttrina tal-Immakulat Konċepiment ta' Omm Alla fil-qlub tal-fidili, u biex iħeġġu t-tjieba u l-entużjażmu tal-poplu fil-qima tagħhom lill-Verġni mnissla mingħajr ħjiel ta' dnub oriġinali, huma taw minn qalbhom il-permess li l-Immakulat Konċepiment tal-Verġni jiġi proklamat fil-Litanija ta' Loretu, u fil-prefazju tal-Quddies, sabiex it-talb iservi ta' mudell għall-fidi. Għalhekk aħna nfusna, fuq il-passi tal-predeċessuri tagħna, mhux biss approvajna u aċċettajna dak li kien diġà stabbli iżda wkoll, waqt li żammejna f'moħħna d-digriet ta' Sistu IV,[4] ikkonfermajna bl-awtorità tagħna Uffiċċju propju ad unur tal-Immakulata Kunċizzjoni, bl-użu tiegħu jinfirex fil-Knisja universali.[5]

 

5. ID-DUTTRINA RUMANA

 Minħabba li dak kollu li jikkonċerna l-qima sagra hu marbut intimament mal-oġġett tiegħu nnifsu, u ma jistax itul iż-żmien u jibqa' konsistenti jekk dan l-oġġett ikun vag jew inċert, il-predeċessuri tagħna, l-Isqfijiet ta' Ruma, għalhekk fil-waqt li ffukaw l-isforzi tagħhom fuq żieda fid-devozzjoni lejn il-Kunċizzjoni, kellhom bħala l-għan tagħhom mhux biss li jagħmlu enfasi fuq-l-oġġett tal-qima sagra nnifsu bl-aktar żelu, iżda wkoll biex iħabbru d-duttrina eżatta.[6] Bl-aktar mod ċar huma għallmu li l-festa kienet iċċelebrata f'ġieħ il-Konċepiment tal-Verġni. Huma kkundannaw u ddeploraw il-fehma ta' dawk li żammew u stqarrew li ma kienx it-tnissil tal-Verġni iżda l-qdusija tagħha li kienet onorata mill-Knisja. Huma qatt ma kienu lesti li jammettu jew iċedu għar-rieda ta' dawk li, waqt li ppruvaw ikassbru d-duttrina tal-Immakulat Konċepiment tal-Verġni, iddistingwew bejn l-ewwel u t-tieni waqt tat-tnissil u waslu għall-konklużjoni li l-konċepiment li l-Knisja tiċċelebra ma kienx dak tal-ewwel waqt tat-tnissil iżda tat-tieni. Fil-fatt, l-Isqfijiet ta' Ruma żammew bħala d-dmir tagħhom mhux biss li jħaddnu u jiddefendu bil-qawwa kollha tagħhom il-Festa tal-Konċepiment tal-Verġni Mqaddsa, iżda wkoll li jistqarru li l-oġġett veru ta' din il-venerazzjoni kien il-konċepiment tagħha fl-ewwel waqt tiegħu. Kien għalhekk dan il-għan li wieħed mill-predeċessuri tagħna, Alessandru VII, ikkonferma, b'mod l-aktar awtorevoli u deċisiv, il-ħsieb ta' Ommna l-Knisja Mqaddsa: ''F'dak li għandu x'jaqsam mal-Verġni Mqaddsa Marija, Omm Alla, ilha ġejja sa minn sekli sħaħ id-devozzjoni tal-fidili, mibnija fuq it-twemmin li r-ruħ tagħha sa mill-ewwel waqt tal-eżistenza tagħha, u sa mill-ewwel mument li fih hija għammret fil-ġisem, permezz ta' grazzja speċjali u privileġġ ta' Alla, għall-merti ta' Ġesu Kristù, l-Iben tagħha u Salvatur tal-umanità kollha, kienet meħlusa minn kull tebgħa ta' dnub oriġinali. U kien f'dan is-sens li l-fidili kienu jiċċelebraw sollennement il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni'' [7] . Barra minn hekk, il-predeċessuri tagħna kkunsidraw bħala d-dmir sagru tagħhom li jippreservaw bl-akbar qawwa, żelu u assidwità d-duttrina tal-Immakulata Konċepiment ta' Omm Alla. Għaliex huma mhux biss qatt ma ppermettew li din id-duttrina tkun iċċensurata jew mibdula, iżda marru lillhinn minn hekk u kemm il-darba permezz ta' stqarrijiet ċari li kkonfermaw li d-duttrina li biha nonoraw lill-Immakulat Konċepiment tal-Verġni kienet f'armonija mal-venerazzjoni ekkleżjali; li din l-istess duttrina hi tradizzjoni antika u magħrufa, u bl-istess mod il-Knisja Rumana kienet tħarisha u xxerred id-devozzjoni tagħha li kien tabilħaqq mistħoqq li tiġi wżata fil-Liturġija Mqaddsa u fit-talb sollenni. Il-predeċessuri tagħna, anqas kuntenti b'dan , bl-akbar stretezza ċanfru kull fehma li tmur kuntrarja għal din id-duttrina, u ma ppermettewx li dan it-tagħlim żbaljat jiġi espress fil-pubbliku jew fil-privat. Dan għamluh sabiex id-duttrina tal-Immakulat Konċepiment tal-Verġni tibqa' bla mimsusa. Huma riedu, permezz ta' miżuri stretti jaqtgħu darba għal dejjem dan it-tagħlim qarrieq. U jekk dawn il-miżuri ma kienu jħallu l-ebda frott, kienu jżidu fl-istrettezza tagħhom.

 

6. MIŻURI TAL-PAPIET

 Dawn il-ħwejjeġ kollha ġew deskritti mill-predeċessur illustri tagħna, Alessandru III, f'dawn il-kelmiet: ''Aħna għandna f'moħħna il-fatt li l-Imqaddsa Knisja Rumana ċċelebrat sollennement il-Festa tal-Kunċizzjoni ta' dik li minn dejjem kienet Verġni u bla mittiefsa, u ilna li għamilna għal din il-festa, Uffiċċju speċjali u propju skont kif imħolli lilna, bl-aktar mod devot u piju, mill-predeċessur tagħna Sistu IV. Bl-istess mod xtaqna li fuq l-eżempju tal-predeċessuri tagħna, niffavotixxu din il-festa devota u ta' min wieħed ifaħħarha u jivveneraha -- b'venerazzjoni li żżomm din il-verità dwar il-Konċepiment ta' Marija, bla qatt riformata mill-Knisja Rumana sa mill-jum li ġiet proklamata. Aħna wkoll xtaqna li nipproteġu din id-devozzjoni qaddisa lejn il-Verġni Mqaddsa Marija meħlusa mid-dnub oriġinali, bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu. Aktar minn hekk, konna anzjużi biex nippreservaw l-unità tal-Ispirtu fir-rabta tal-paċi fil-merħla ta' Kristu billi nwaqqgħu l-argumenti u l-kontroversji u billi nneħħu l-iskandli. Għalhekk fid-dawl tal-intenzjonijiet tal-Isqfijiet hawn fuq imsemmija, tal-kapitli tal-knejjes u tar-Re Filippu u r-renji tiegħu, aħna nġeddu l-Kostituzzjonijiet u d-Digrieti maħruġa mill-Papiet tal-Knisja Rumana, il-predeċessuri tagħna, speċjalment Sistu IV,[8] Pawlu V [9] u Gregorju XV,[10] favur id-duttrina li żżomm li r-ruħ tal-Verġni Mbierka, fit-tnissil tagħha, u malli daħlet fil-ġisem , kienet imżejna bil-grazzzja tal-Ispirtu s-Santu u meħlusa mid-dnub oriġinali; kif ukoll favur il-festa u l-venerazzjoni tal-konċepiment tal-Verġni Omm Alla, li, kif inhu magħruf hi mfassla skont dan it-twemmin qaddis . Għalhekk aħna nordnaw li din il-festa tkun osservata fid-dawl taċ-ċensuri u l-pwieni li jissemmew fl-istess kostituzzjonijiet''.

 ''U għalhekk kontra kull min ser ikompli jintrepreta dawn il-Kostituzzjonijiet u d-Digrieti b'mod u manjiera li jfixkel it-tagħlim ta' din id-duttrina, u lill-festa u l-venerazzjoni marbuta magħha, jew min jażżarda li jġib fid-dubju dak li ngħad, il-festa u l-qima marbutin miegħu, jew jagħmel hekk bi kwalunkwe mod ieħor, direttament jew indirettament, jew jiddikjara lilu nnifsu kontra tagħha għal xi raġuni jew oħra, jekk mhux biss biex jeżamina l-possibilitajiet kif tiġi affetwata d-definizzjoni, jew jikkummenta u jinterpreta dwar l-Iskrittura Mqaddsa, jew il-Padri u d-Dutturi b'rabta ma' din id-devozzjoni jew fl-aħħarnett, għal xi raġuni jew oħra jażżarda, sew bil-miktub jew verbalment, jitkellem, jippriedka, jikkonsidra, jiddisputa jew jikkonkludi, jew isostni kull kif kontra dawn il-ħwejjeġ jew jargumenta kontrihom fil-waqt li ma jsolvihomx, jew min juri nuqqas ta' qbil dwarhom, f'xi forma jew ohra kwalunkwe, aħna hawnhekk, niddikkjaraw li minbarra l-pwieni u ċ-ċensuri mniżżla fil-kostituzzjonijiet ta' Sistu IV, hekk kif aħna nixtiequ li jkunu mniżżla kif ukoll li jkunu suġġetti għall-Kostituzzjoni preżenti, aħna nsostnu li dawk kollha li ma jżommux id-duttrina msemmija jiġu mneħħija minn kull awtorità tal-predikazzjoni, il-qari fil-pubbliku, jiġifieri li jgħallmu u jinterpretaw; u li jitneħħilhom, b'mod espliċitu, id-dritt li jivvutaw attivament jew passivament mingħajr il-ħtieġa għal aktar kjarifika; kif ukoll li, bl-istess mod, dawn il-pwieni jkunu perpetwi u li ma jkunx possibli għalihom li jiġu meħlusa minnhom, jekk mhux permezz tagħna nfusna, jew il-Papiet ta' Ruma li għad jissuċċeduna''.

 Aħna nordnaw ukoll li dawn l-istess persuni jibqgħu suġġetti għal pwieni oħra li minna, u permezz tar-rieda tagħna, jew tal-Isqfijiet ta' Ruma, is-suċċessuri tagħna (skont kif jixtiequ huma), jiġġudikaw bħala xierqa li jiġu mposti. B'dan il-mod aħna nġedddu d-Digrieti u l-Kostituzzjonijiet imsemmija ta' Pawlu V u Gregorju XV.

 Barra minn hekk, rigward dawk il-kotba li jiddubitaw dwar ħwejjeġ marbuta mal-festa msemmija u l-venerazzjoni konnessa magħha jew jikkontradixxu bi kwalunkwe mod ieħor it-tagħlim marbut ma' din il-venerazzjoni, skont kif ġà ntqal, sew bil-miktub u sew verbalment, fid-diskorsi, ċerimonji, lezzjonijiet, teżijiet u polemiċi - li jseħħu wara d-Digriet kif ġà msemmi u mfaħħar ta' Pawlu V, jew wara l-ħruġ ta' din il-Bolla, aħna, intant ,nipprojbixxu u nqiegħduhom suġġetti għall-pwieni u ċ-ċensuri stabbiliti mill-Indiċi tal-Kotba Ipprojbiti, u b'mod ukoll espliċitu, bla ebda kjarifikazzjoni oħra, aħna nesprimu x-xewqa tagħna u nordnaw li jibqgħu jiġu pprojbiti.'' [11]

 

7. XHIEDA MID-DINJA KATTOLIKA

 Kulħadd jaf b'liema diliġenza din id-duttrina tal-Immakulat Konċepiment ta' Omm Alla kienet ikkunsidrata, proposta u sostnuta mill-aktar ordnijiet reliġjużi magħrufa, mill-akkademji teoloġiċi ċelebri xejn anqas, u mid-dutturi eminenti tax-xjenza tat-teoloġija. Kulħadd jaf ukoll kemm kienu ħerqana l-Isqfijiet biex jesprimu fil-pubbliku saħansitra fl-assembleji ekkleżjali, li Marija, l-aktar Imqaddsa Omm Alla, permezz tal-merti ta' Kristu l-Imħabbar, Sid u Feddej tagħna, qatt ma kienet suġġetta għad-dnub oriġinali, iżda kienet meħlusa kompletament mit-tebgħa oriġinali, u għakhekk kienet mifdija b'manjiera l-iktar sublimi.

8. IL-KONĊILJU TA' TRENTU

 Barra minn hekk, irridu insemmu fatt ta' mportanza kbira ħafna. Anke l-Konċilju ta' Trentu nnifsu, meta ppromulga d-digriet dommatku li jittratta d-dnub oriġinali, skont it-testi tal-Iskritturi Mqaddsa, tas-Santi Padri u tal-istess kunsill, iddefinixxa t-tnissil ta' kull wieħed minna bħala wieħed mimsus bid-dnub originali; minkejja dan hi ddikjarat sollennemnet li ma kellha l-ebda ntenzjoni li tinkludi lill-Imqaddsa u Immakulata Verġni Marija, Omm Alla, f'dan id-digriet u fl-implikazzjonijiet kollha tiegħu. Tabilħaqq, meta wieħed jikkunsidra ż-żmien u ċ-ċirkustanzi, il-Padri ta' Trentu ssottomettew ruħhom b'mod suffiċjenti lejn l-istqarrija li l-Imqaddsa Omm Alla kienet meħlusa mill-ħtija oriġinali, u b'dan żgur li riedu jfissru li l-ebda test mill-Iskritturi Mqaddsa, u l-ebda awtorità tal-Padri, ma kienet bl-ebda mod kontra l-privileġġ daqshekk kbir tal-Imqaddsa Verġni.[12]

 

9. XHIEDA TAT-TRADIZZJONI

 U tabilħaqq, dokumenti illustri mill-aktar antiki , sew tal-Knisja tal-Lvant u sew tal-Punent, jixhdu bl-akbar qawwa li din id-duttrina tal-Immakulat Konċepiment tal-aktar Verġni Mqaddsa, li kuljum kienet qed issir aktar spjegata, ċċarata, sostnuta u kkonfermata bl-akbar awtorità, tagħlim, żelu u għerf tal-Knisja Mqaddsa, u li kienet imxerrda qalb il-popli u l-pajjiżi tad-dinja Kattolika b'mod hekk meraviljuż, minn dejjem kienet teżisti fil-Knisja bħala duttrina mgħoddja lilna minn missirijietna, u li kellha t-timbru ta' karattru ta' duttrina revelata. Għax il-Knisja ta'Kristu għassiesa u difensura tad-dommi pproklamati minnha, qatt ma tibdel xejn qatt ma twaqqagħlhom jew iżżidilhom; iżda bid-diliġenza kollha tittratta d-dokumenti antiki b'fidi u għerf u sakemm ikunu tabilħaqq ġejjin minn żminijiet imbiegħda u jekk il-fidi tal-Padri tkun mibnija fuqhom u mgħoddija lilna, hija tipprova bil-ħila kollha tagħha tinvestigahom u tispjegahom b'tali mod li d-dommi antiki tad-duttrina mill-aktar sagra jsiru aktar ċari u evidenti, iżda jibqgħu bil-forma naturali, propja u ntegra tagħhom, jiġifieri l-istess sens u tifsira meta l-istess domma tkun ikkunsidrata.

 

10. INTERPRETI TAL-ISKRITTURA MQADDSA

 Il-Padri u l-kittieba tal-Knisja, mħarrġa sew fit-tagħlim tal-Iskrittura Mqaddsa, ma kellhom xejn aktar għal qalbhom għajr li jħabirku ħalli jippriedkaw bl-aktar mezzi meraviljużi fuq il-qdusija suprema, id-dinjità tal-Verġni u l-immunità tagħha minn kull tebgħa tad-dnub, u fuq ir-rebħa tagħha fuq l-aktar għadu qarrieq tal-umanità kollha. Dan għamluh fil-kotba li kitbu li jispjegaw l-Iskrittura, biex jikonfermaw id-dommi u biex jgħallmu lill-fidili. Dawn il-kittiieba tal-Knisja, meta kkwotaw il-kliem li bih Alla, fil-bidu tal-ħolqien tad-dinja, ħabbar il-mogħdijiet tiegħu tal-ħniena li kellhom jerġgħu jġibu l-umanità fuq saqajha - kliem li bih kisser il-ħżunija tas-serp qarrieq u qawwa b'mod meraviljuż it-tama tagħna, billi qal:''Innissel mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha''[13] - għallmu li permezz ta' din il-profezija, is-Salvatur kollu ħniena tal-umanità, Ġesù Kristu, l-Iben il-Waħdieni ta' Alla, kien b'mod ċar imħabbar minn qabel, li Ommu, l-aktar Imqaddsa, Verġni Marija, kienet imħabbra mill-profeti, u fl-istess ħin, il-mibegħda tat-tnejn fil-konfront tax-xitan kienet ukoll mifhuma u espressa. Għalhekk, bħalma Kristu, il-Medjatur bejn Alla u l-bniedem, ħa n-natura umana, u ħassar ħtijietna bil-mewt tiegħu fuq is-salib, hekk ukoll il-Verġni l-aktar Imqaddsa, f'rabta miegħu, rabta l-aktar intima u li ma tinħallx, kienet, miegħu u permezz tiegħu, sa minn dejjem f'taqbida kontra s-serp tal-ħażen, u ttrijonfat fuqu bl-aktar mod komplet, u b'hekk saħqet lil rasu bir-riġel immakulat tagħha.[14]

 Dan il-privileġġ sublimi u singulari tal-Imqaddsa Verġni, flimkien mal-innoċenza tagħha, is-safa, il-qdusija u l-ħelsien tagħha minn kull tebgħa tad-dnub, kif ukoll l-abbundanza ta' grazzji u l-koborkollu tagħhom, il-virtujiet u l-privileġġi - dawna ġew miżmuma mill-Padri f'dik l-arka ta' Noè, li nbniet wara ordni t'Alla, u li salvat mid-dilluvju li għarraq lid-dinja kollha[15]; fis-sellum li Ġakobb ra jilħaq is-smewwiet mill-art, li mill-iskaluni tiegħu telgħu u niżlu l-Anġli t'Alla, u li minn fuqu Alla nnifsu kien qed jittawwal[16]; fis-siġra taqbad minn kull naħa li Mosè ra fl-imkien sagru, li ma ntemmitx jew inħarqet bl-ebda mod iżda baqgħet tħaddar u ssebbaħ bil-fjuri[17]; f'dak it-torri invinċibbli quddiem l-għadu, li fuqu serrħu l-armi tal-qawwija[18]; fdak il-ġnien magħluq minn kull naħa, li ma seta' qatt jiġi mimsus[19]; fil-belt maestuża ta' Alla, li l-pedamenti tagħha kienu fil-muntanji[20]; f'dak it-tempju grandjuż ta'Alla, li hu mogħni b'għeġubijiet divini u mimli bil-glorja ta' Alla[21]; u fil-ħafna iktar eżempji mill-Bibbja ta' din ix-xorta. B'dan il-ħjiel kollu, il-Padri għallmu li d-dinjità kbira ta' Omm Alla, l-innoċenza tagħha bla tebgħa u l-qdusija tagħha meħlusa minn kull ħtija , kienu mħabbra b'mod hekk meraviljuż.

 Bl-istess mod, huma użaw il-kliem tal-profeti biex ifissru l-kobor tal-abbundanza tal-għeġubijiet divini u l-innoċenza oriġinali tal-Verġni li minnha Ġesù ħa l-ħajja. Huma ċċelebraw il-Verġni grandjuża bħal ħamiema bla tebgħa daqs Ġerusalemm tas-sema, daqs it-tron għoli ta'Alla, daqs l-arka u d-dar tal-qdusija li l-Għerf Etern mar bena u daqs ir-Reġina li, mogħnija bil-grazzja u fil-passi tal-Iben il-Maħbub tagħha, ġiet minn fomm l-Aktar għoli, perfetta fiha nnifisha, sabiħa u l-aktar għażiża għal Alla u qatt mimsusa bl-anqas marka ta' ħtija.

 

11. IT-TĦABBIRA

 Meta l-Padri u l-kittieba tal-Knisja mmeditaw fuq il-fatt li l-Imqaddsa l-aktar Verġni kienet, f'isem u fuq ordni ta' Alla nnifsu, deskritta bħala mimlija bil-grazzja [22] mill-Anġlu Gabrijel meta ħabbrilha li kellha tkun mgħonija bid-dinjità ta' Omm Alla, huma ħasbu li din it-tislima singulari u solenni, qatt mismugħa qabel, kienet turi li Omm Alla hija t-tron tal-grazzji divini kollha u li hija mżejna bl-għeġubijiet kollha tal-Ispirtu s-Santu. Għalihom Marija hija teżor kważi nfinit, abbiss ta' dawn il-grazzji, sal-punt li hija qatt ma kienet werrieta tad-dnub ta' Adam, u kienet flimkien ma' Binha, l-unika wahda li ġiet mogħnija bil-barka eterna. Għalhekk hija kienet denja li tisma' lil Eliżabbetta, imnebbħa mill-Ispirtu s-Santu, tistqarr: ''Imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek.'' [23]

12. MARIJA MQABBLA MA EVA

 Għalhekk, hija fehma ċara u unanima tal-Padri li l-Verġni l-aktar glorjuża, li għaliha ''dak li hu setgħani għamel għeġubijiet kbar'', kienet imżejna b'abbundanza daqshekk kbira ta' grazzji smewwija, b'daqshekk grazzja u b'daqshekk innoċenza, li hija l-miraklu indiskutibbli ta' Alla; hija tabilħaqq il-kuruna tal-mirakli kollha u l-vera Omm Alla; hija viċin Alla nnifsu daqskemm hu possibbli għal bniedem maħluq; u hija fuq il-bnedmin kollha u l-anġli fil-glorja. Għalhekk biex jippruvaw l-innoċenza oriġinali u l-qdusija ta' Omm Alla, mhux biss qabbluha għal ħafna drabi ma Eva meta kienet għadha verġni, meta kienet għadha innoċenti, meta kienet għadha ma waqgħetx fid-dnub, fin-nasba tal-iktar serp qarrieqi, iżda wkoll għollewha 'l fuq minn Eva permezz ta' espressjonijiet varji u meraviljużi. Eva semgħet mis-serp u ġarrbet il-konsegwenzi, neżgħet l-innoċenza oriġinali u saret skjava tax-xitan. Il-Verġni l-aktar Imqaddsa, għall-kuntrarju, żammet l-istat oriġinali tagħha tal-ħelsien mid-dnub tal-Għeden, u mhux biss qatt ma tat widen għas-serp, iżda ġarrfet il-qawwiet u d-dominju ta' ħażen tax-xitan permezz tal-qawwa mogħtija lilha divinament.

 

13. FIGURI BIBLIĊI

 Għalhekk il-Padri qatt ma naqsu milli jsejħu lil Marija Omm Alla, il-ġilju qalb ix-xewk, l-art kollha kemm hi intatta, il-Verġni qatt mimsusa, immakulata, dejjem imqaddsa, u meħlusa minn kull tebgħa tad-dnub, hi li minnha ħa l-ħajja t-tieni Adam, l-aktar perfett, l-aqwa u l-isbaħ ġenna tal-innoċenza, immortalità u għoġba maħsuba minn Alla nnifsu u mħarsa minn kull għelt tas-serp velenuż, l-injam li qatt iċċappas bit-tebgħa tal-ħtija, għajn b'ilma pur minn dejjem, issiġillat bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, l-aktar tempju qaddis, it-teżor tal-immortalità, il-bint waħdanija tal-ħajja - mhux tal-mewt - is-siġra mhux tar-rabja iżda tal-grazzja, li permezz tal-providenza singulari ta' Alla tikber dejjem u tħaddar, kuntrarju għall-liġi komuni, frott għeruq imniġġsa u mtabba'.

 

14. STQARRIJA ĊARA

 Daqs li kieku dawn l-eloġji meraviljużi ma kinux biżżejjed, il-Padri pproklamaw, permezz ta' stqarrijiet partikolari u definiti, li meta wieħed jitratta fuq id-dnub, il-Verġni Mqaddsa Marija ma tista' qatt tissemma', għaliex lilha grazzja akbar kienet mogħtija milli kien meħtieġ biex tirbaħ kompletement lid-dnub.[24] Huma kkonfermaw ukoll li l-Verġni l-aktar glorjuża kient riparatriċi tal-ewwel ġenituri, dik li tagġti l-ħajja lid-dixxendenti , dik li kienet magħżula sa minn qabel iż-żminijiet, dik li Alla, l-Aktar Għoli, ħejja għalih u ħabbarha minn qabel, meta qal lis-serp :'' Innissel mibegħda bejnek u bejn il-mara.'' [25]. Din hi prova ċara li hija saħqet ir-ras tal-misħut xitan. Għalhekk huma stqarrew lil-Verġni Mqaddsa kienet, permezz tal-grazzja, meħlusa kompletament minn kull tebgħa ta' dnub, minn kull taħsir tal-ġisem, tar-ruħ u tal-moħħ; li hija kienet minn dejjem magħquda ma'Alla u marbuta miegħu f'patt dejjiemi; li hija ma kienet qatt fid-dlam iżda dejjem fid-dawl; u li, għal dan kollu, hija kienet denja kollha kemm hi biex tkun il-maqdes ħaj fejn kellu jgħammar Kristu, mhux minħabba l-grazzja oriġinali tagħha.

 

15. TA' QDUSIJA MILL-AQWA

 Ma' dan it-tifħir huma żiedu kliem verament nobbli. Dwar il-konċepiment tal-Verġni, huma xehdu li n-natura baxxiet rasha quddiem il-grazzja, u, bla ma setgħet tissokta, triegħdet. Il-Verġni MarijaOmm Alla ma kellhiex tiġi mnissla minn Anna qabel ma l-grazzja tagħmel il-frott tagħha; u kienet f'waqtu li hija tiġi mnissla bħala l-ewwel wild, li minnha ''l-ewwel wild fost kull kreatura'' kellu jitnissel. Huma taw xhieda, barra dan, li l-ġisem tal-Verġni, għalkemm imnissel minn Adam, ma jġorrx il-ħtija ta'Adam , u li, abbażi ta' dan,il-Verġnil-aktar Imqaddsa Marija kienet it-tabernaklu maħluq minn Alla nnifsu u ffurmat mill-Ispirtu s-Santu, intervent tabilħaqq divin, imżejjen bid-deheb, li Besalel[26] mar għamel. Huma stqarrew li l-istess Verġni hija, bix-xieraq, hija l-ewwel għemil, u l-aktar għemil speċjali ta' Alla, li ma ntlaqtitx mill-vleġeġ tan-nar tal-ħażen, li hija sabiħa min-natura tagħha u kollha kemm hi ħielsa minn kull tebgħa, li mal-konċepment Immakulat tagħha hija ġiet fid-dinja tiddi kollha dija bħad-dija ta' sbiħ il-jum. Għaliex kien ċertament mhux xieraq għal Marija liġġorr fuqha l-ġerħa komuni, għax hi, billi kienet daqstant differenti mill-oħrajn, kellha biss in-natura tagħha bħal ma dik tagħhom, iżda mhux id-dnub. Infatti kien tabilħaqq f'loku li, l-Iben il-Waħdieni jkollu Missier fis-sema, li l-Anġlu t'Alla faħħru bil-kliem ''Qaddis qaddis, qaddis, '' u jkollu Omm fid-dinja ,li qatt ma kellha tkun mingħajr is-sebħ tal-qdusija.

 Din id-duttrina tant imliet l-imħuħ u l-qlub ta' misirijietn afil-fidi, li bdew jitkellmu bejniethom bi stil ta' diskors singolari u meraviljuż. Ta' sikwit sellmu lil Omm Alla bħala l-Immakulata f'kull rispett, innoċenti, u l-aktar innoċenti, bla tebgħa, qaddisa u mneħħija minn kull tebgħa tad-dnub, kollha pura, kollha bla ħtija, il-vera mudell ta' purità u l-innoċenza, aktar sabiħa mis-sbuħija, aktar ħelwa mill-ħlejju, aktar qaddisa mill-qdusija, singolarment qaddisa u l-aktar pura fir-ruħ u l-ġisem; dik li sebqet kull integrità u verġinità; il-waħdanija li saret d-dar tal-grazzji kollha tal-Ispirtu l-aktar Qaddis. B'Alla biss l-eċċezzjoni, Marija kienet teċċella 'l fuq minn kulħadd, u min-natura tagħha safja u sabiħa u aktar qaddisa mill-Kerubini u Serafini. Mhumiex biżżejjed l-ilsna kollha tas-smewwiet u l-art biex ifaħħruha.

 Kulħadd jaf li dan ix-xorta ta' diskors għadda kważi b'mod spontanju fil-kotba tal-aktar liturġija qaddisa u fl-Uffiċċji tal-Knisja, li fihom iseħħu tant drabi. Fihom, Omm Alla tiġi msejħa u mfaħħra bħal dik li hi bla tebgħa perfetta u pura, dejjem immakulata u dejjem imbierka. Hija tiġi mfakkra bħala l-innoċenza qatt mitlufa, u bħala it-tieni Eva li ġabet fid-dinja lil Emanwel.

 

16. TĦEJJIJIET GĦAD-DEFINIZZJONI

 Mhux għaġeb, għalhekk, li r-Rgħajja tal-Knisja u l-fidili ta' kuljum issaħħew fil-fidi tagħhom billi pprofessaw, b'tant tjieba,devozzjoni u mħabba din id-duttrina tl-Immakulat Konċepiment tal-Verġni Marija Omm Alla, li, bħalma kienu qalu l-Padri, kienet imniżżla fil-Kotba Mqaddsa; miktuba wkoll f'hafna skrizzjonijiet mill-aktar importanti minn tagħhom; iċċelebrata u espressa f'ħafna monumenti illustri u ta' antikità venerabbli; u proposta u kkonfermata mit-tagħlim uffiċċjali u awtorevoli tal-Knisja. Għalhekk xejn ma kien aktar għażiż, xejn aktar għal qalb dawn ir-Rgħajja, milli jivveneraw, jitolbu, u jipproklamaw bl-akbar żelu u affezzjoni lill-Verġni Marija Omm Alla mnissla migħajr it-tebgħa oriġinali. Minħabba f'hekk, sa minn żminijiet imbiegħda, l-Isqfijiet tal-Knisja, ekkleżjastiċi, ordnijiet reliġjużi, u saħansitra imperaturi u rejiet, kienu talbu lis-Sede Appostolika sabiex tiddefinixxi bħala domma tal-Fidi Kattolika, l-Immakulat Konċepiment tal-aktar qaddisa Omm Alla. Dawn ir-rikjesti, fil-forma ta' petizzjoni, kienu rinovati fiż-żminijiet tagħna; u kienu ġew partikularment taħt idejn Gregorju XVI, il-predeċessur qatt minsi tagħna, u lilna nfusna, mhux biss permezz ta' Isqfijiet, iżda ukoll, permezz ta' kleri u ordnijiet reliġjużi, jew permezz ta' mexxejja sovrana u l-fidili.

 Dan kollu kien tabilħaqq raġunevoli, u dawn il-ħwejjeġ kollha, meta nikkunsidrawhom bl-akbar attenzjoni u b'ferħ partikolari f'qalbna, hekk kif aħna permezz tal-pjan qatt mifhum tal-Providenza ersaqna lejn it-tron sublimi ta' San Pietru, - minkejja li xejn ma niswew aħna - wrew il-frott tagħhom meta l-Knisja universali bdiet tkun imexxija b'qalb li sa minn meta konna għadna ta' età tenera, kienet ġà tfawwar bl-imħabba u venerazzjoni devota lejn il-Verġni l-aktar Imqaddsa, sabiex turi xejn ħlief il-privileġġi singulari tagħha f'dawl li jgħammex.

 Sabiex nimxu bl-akbar prudenza, aħna waqqafna kongregazzjoni speċjali magħmula minn ħutna l-venerabbli kardinali tal-Knisja qaddisa Rumana, kardinali magħrufa għat-tjieba tagħhom, il-ħila u l-għerf tagħhom fil-Kotba Mqaddsa. Aħna għażilna wkoll presbiteri, kemm sekulari kif ukoll regulari li huma mħarrġa sew fix-xjenzi teoloġiċi, u li jikkunsidraw bl-akbar serjetà l-ħwejjeġ kollha li għandhom x'jaqsmu mal-Konċepiment Immakulat tal-Verġni, u li dawn il-ħwejjeġ u l-fehmiet tagħhom dwarhom jgħadduhom lilna.

 

17. IL-FEHMA TAL-ISQFIJIET

 Għalkemm aħna konna nafu x'kienet il-fehma tal-Isqfijiet mill-petizzjonijiet li konna rċevejna minn għandhom, jiġifieri li l-Immakulat Konċepiment tal-Verġni Mqaddsa jkun sa fl-aħħar ipproklamat, minkejja dan, fit-2 ta' Frar 1849,[27] aħna bgħattna iI Ittra Enċiklika minn Gaeta lil ħutna l-Isqfijiet kollha tad-dinja Kattolika, sabiex joffru talb lil Alla u mbagħad jibagħtulna bil-miktub kif kienet id-devozzjoni qaddisa tal-fidili f'dak li għandu x'jaqsam mal-Immakulat Konċepiment ta' Omm Alla. Bl-istess mod aħna staqsejna dwar kif kienu jaħsbuha l-isqfijiet fuq id-definizzjoni ta' din id-duttrina u dwar x'kienu x-xewqat tagħhom rigward li jxerrdu fil-miftuħ, bis-solennità kollha possibli, il-ġudizzju suprem tagħna.

 Aħna ċertament konna mimlijin bl-akbar konsolazzjoni bir-risposti li bagħtulna l-għeżież ħutna .Għaliex, b'dak li qalulna, bl-akbar ferħ, entużjażmu u żelu, huma mhux biss reġgħu kkonfermaw id-devozzjoni singulari tagħhom lejn l-Immakulat Konċepiment tal-aktar Verġni Mqaddsa, u dik tal-kleru sekulari, tar-reliġjużi u tal-fidili, iżda saħansitra wkoll b'vuċi waħda talbuna sabiex niddefinixxu l-ġudizzju suprem u awtorevoli tagħna l-Immakulat Konċepiment tal-Verġni. Sadanittant, aħna konna wkoll mimlijin b'xejn inqas ferħ meta, wara eżami xieraq, l-għeżież ħutna, il-kardinali tal-kongregazzjoni speċjali u t-teoloġiċi magħżula minna sabiex nimxu fuq il-pariri tagħhom (dawk imsemmija hawn fuq), staqsewna bl-istess entużjażmu u fervur sabiex niddefinixxu l-Immakulat Konċepiment ta' Omm Alla.

 Għaldaqstant, fuq l-eżempji tal-predeċessuri tagħna u b'xewqa li nimxu skont it-tradizzjoni, aħna ħabbarna u laqqajna l-kulleġġ tal-kardinali , li fih indirizzajna lil ħutna, il-kardinali tal-Knisja Mqaddsa Rumana. Kien ta' ferħ akbar għalina meta smajniehom jitolbuna biex tiġi promulgata d-domma tal-Konċepiment Immakulat tal-Imqaddsa Verġni Omm Alla.[28]

 Għalhekk kien wara li wrejna fidi sħiħa fil-Mulej li l-waqt opportun kien wasal sabiex jiġi definit. l-Immakulat Konċepiment tal-Imqaddsa Verġni Omm Alla, li l-Iskrittura Mqaddsa u t-Tradizzjoni qaddisa, il-fehma kostanti tal-Knisja, ix-xewqa tal-Isqfijiet Kattoliċi u tal-fidili, u l-Atti u l-Kostituzzjonijiet qatt minsija tal-preċessuri tagħna stqarrew hekk meraviljożament, wara li kienu wieżnu l-ħwejjeġkollha,u fi żmien li matulu tlabna bis-sħiħ lil Alla, b'talb bla ma jaqta' l-istqarrija li ma kienx hemm żmien x'jintilef aktar biex tiġi definita permezz tal-awtorità suprema tagħna l-Immakulat Konċepiment tal-Imqaddsa Verġni. U għal dan, aħna nistgħu nissodisfaw l-aktar xewqa qaddisa tad-dinja Kattolika, kif ukoll id-devozzjoni tagħna lejn il-Verġni l-aktar Imqaddsa, u fl-istess ħin nonoraw aktar u aktar l-Iben il-Waħdieni tagħha, Ġesù Kristu, l-Imgħallem tagħna, permezz tal-Imqaddsa Ommu - għaliex kwalunkwe unur u tifħir mistħoqq lill-Omm hu mistħoqq lil Binha.

 

 

 

18. ID-DEFINIZZJONI

Għalhekk, bl-umiltà kollha, aħna offrejna t-talb tagħna bla ma jaqta', kif ukoll it-talb pubbliku tal-Knisja lil Alla l-Missier permezz t'Ibnu, denn li jiddirieġi u jsaħħaħ kif jogħġbu lil moħħna bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Bl-istess mod aħna tlabna l-għajnuna mis-sema, kif ukoll l-għajnuna tal-Paraklitu. Minħabba dan, ispirati mill-Ispirtu s-Santu, ad unur tat-Trinità Qaddisa, għall-glorja u s-sbuħija tal-Verġni Omm Alla, għall-glorja tal-Fidi Kattolika, għat-tisħiħ tar-reliġjon Kattolika, bl-awtorità ta' Ġesù Kristu Sidna, tal-Imqaddsa Appostli Pietru u Pawlu, u b'dik tagħna nfusna: ''Aħna niddikjaraw, inxandru u niddefinixxu li d-duttrina li żżomm li l-aktar Imqaddsa Verġni Marija, sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, permezz ta' grazzja singulari u privileġġ mogħti minn Alla s-Setgħani, għall-merti meqjusa minn qabel ta' Ġesù Kristu, s-Salvatur tal-umanità, kienet meħlusa minn kull tebgħa ta' dnub tan-nisel, hija duttrina rrivelata minn Alla u għalhekk trid tiġi emmnuta bil-qawwa kollha u kostanti mill-fidili kollha'' [29].

 Għal dawn ir-raġunijiet, jekk xi ħadd jażżarda - Alla ħares qatt !- jaħseb mod ieħor differenti minn dak li ġiet definit minna, dan għandu jintebaħ u jifhem li huwa hu kkundannat bil-ġudizzju tiegħu nnifsu; li hu sofra nawfraġju fil-fidi; li hu nfired mill-għaqda tal-Knisja; u li, aktar minn hekk, b'għemilu stess, huwa tefa' fuqu nnifsu l-pwieni stabbiliti mil-liġi, jekk hu jażżarda jtenni bil-kliem jew bil-miktub jew permezz ta' metodi oħra l-iżbalji li jġorr u jżomm ġo qalbu.

 

19.IL-FROTT MIXTIEQ

 Ruħna tfawwar bil-ferħ u lsienna bil-hena. Aħna nagħtu u se nkomplu nagħtu, il-gratitudni tagħna l-aktar umli u sinċiera lil Ġesù Kristu Sidna, għaliex permezz tal-grazzja singulari tiegħu huwa ħalliena bla ma kien jistħoqqilna, li noffru dan l-unur u glorja u tifħir lill-Omm l-aktar qaddisa tiegħu. It-tama kollha tagħna nixħtuha fil-Verġni Mqaddsa - f'dik li hi kollha kemm hi safja u immakulata, dik li saħqet ir-ras velenuża tal-aktar serp kattiv, u dik li ġabet is-salvazzjoni lid-dinja; fiha li hi l-glorja tal-profeti u l-appostli, l-unur tal-martri, il-kuruna u l-ferħ tal-qaddisin kollha; fiha li hi l-aktar refuġju ħieles minn kull periklu, u l-aktar għajnuna fejjieda lil dawk li qegħdin fil-periklu; fiha li, mal-Iben il-Waħdieni tagħha, hi l-aktar Medjatriċi qawwija u Konċiljatriċi tad-dinja kollha; fiha li qerdet l-ereżiji kollha u ħarset lill-qlub fidili u l-pajjiżi minn kull kalamità; fiha aħna nqiegħdu t-tama tagħna għax hi ħelsitna minn tant perikli serji. Aħna għandna, għalhekk, tama tassew ċerta u sħiħa li l-aktar Imqaddsa Verġni Marija tiggarantilna, permezz tal-għajnuna l-aktar qawwija tagħha, li d-diffikultajiet kollha jispiċċaw u l-iżbalji kollha jitwarrbu, sabiex, Ommna l-Knisja Mqaddsa ta' kuljum tikber madwar il-pajjiżi u n-nazzjonijiet, u ħalli ssaltan ''minn baħar sa baħar u mix-xmara sa truf l-art '', ħalli tgawdi l-vera paċi, trankwillità u libertà. Aħna sodi fil-fehma tagħna li hija se tħenn għall-midneb u tagħtih il-maħfra, tagħti s-saħħa lill-marid, is-sabar lil dawk bi problemi fl-ħajja, għajnuna lil dawk fil-periklu u li hija tneħħi l-għamad spiritwali minn dawk kollha li qegħdin fl-iżball, sabiex bħhekk huma jkunu jistgħu jirritornaw fit-triq tal-verità u tal-ġustizzja, u li jkun hawn merħla waħda u ragħaj wieħed.

 Ħalli l-ulied tal-Knisja Kattolika, li huma tant għeżież għalina, jisimgħu dan il-kliem minn tagħna. U permezz ta' ħeġġa dejjem akbar għall-qdusija, reliġjon u mħabba, ħalli jkomplu jivveneraw u jitolbu lill-aktar Imqaddsa Verġni Marija, Omm Alla, imnissla mingħajr id-dnub tan-nisel. Ħalli jirrikorru bl-akbar kunfidenza għand l-Omm l-aktar ħelwa tal-ħniena u l-grazzja fil-perikoli kollha, diffikultajiet, bżonnijiet, dubji u beżgħat. Taħt il-ħarsien tagħha, permezz tal-għajnuna tagħha, permezz ta' mħabbitha u l-protezzjoni tagħha, xejn ma hu ta' min wieħed jibża' minnu; xejn ma hu ta' min wieħed jaqta' qalbu minnu. Għaliex, filwaqt li qed turina affezzjoni ta' omm tassew, u ġġorr fi ħsiebha l-pjan tas-salvazzjoni tagħna, hija qiegħda żżomm taħt għajnejha l-umanità kollha. U peress li hija ġiet magħżula minn Alla sabiex tkun ir-Reġina tas-sema u tal-art, u biex tkun merfugħa 'l fuq mill-kori tal-anġli u l-qaddisin , u saħansitra qiegħda fuq il-lemin ta' Binha l-waħdieni, Kristu Sidna, hija tqiegħed it-talb tagħna quddiem Alla bl-aktar manjiera effikaċi. Dak li titlob, hija taqla'. It-talb tagħha hu kollu mismugħ.

 Mogħtija f'San Pietru ġewwa Ruma, nhar it-8 ta' Diċembru 1854, fit-tmien sena tal-pontifikat tagħna. Piju IX.


 

[1] Et quidem decebat omnino, ut perfectissimae sanctitatis splendoribus semper ornata fulgeret, ac vel ab ipsa originalis culpae labe plane immunis amplissimum de antiquo sepente triumphum referret tam venerabilis mater, cui Deus Pater unicum Filius suum, quem de corde suo aequalem sibi genitum tamquam seipsum diligit, ita dare disposuit, ut naturaliter esset unus idemque communis Dei Patris et Virginis Filius, et quam ipse Filius, Filius substantialiter facere sibi matrem elegit, et de qua Siritus Sanctus voluit et operatus est, ut conciperetur et nasceretur ille, de quo ipse procedit.

[2] Cf. Ibid., n. 16.

[3] Cf. St. Irenaeus, Adv. Haereses, book III, c. III, n. 2.

[4] C.A. Cum Praeexcelsa, Frar 28, 1476; Denz., n. 734.

[5] Decree of the Sacred Cong. of Rites; Sett 30, 1847.

[6] Dan kien l-għan ewlieni tal-Papiet, hekk kif tixhedil-kundannata' waħda mill-istqarrijiet ta' Anthony de Rosmini-Serbati (cf. Denzinger, nn. 1891-1930). L-istqarrija tgħid hekk:: AD praeservandam B. V. Mariam a labe originis, satis erat, ut incorruptum maneret minimum sesmen in homine, neglectum forte ab ipso demone, e quo incorrupto semine de generatione in generationem transfuso, suo tempore oriretur Virgo Maria.” Decree of the Holy Office, December 14, 1887 (AAS 20, 393). Denz. n. 1924.

[7] Apost. Const. Sollicitudo Omnium Ecclesiarum, Diċ 8, 1661.

[8] Apost. Const. Cum Praeexcelsa, Frar 28, 1476; Grave Nemis, Sett 4, 1483; Denz., nn. 734, 735.

[9] Apost. Const. Sanctissimus, Sett 12, 1617

[10] Apost. Const. Sanctissimus, Ġun 4, 1622.

[11] Alexander VII, Apost. Const. Sollicitudo Omnium Ecclesiarum, Diċ 8, 1661.

[12] Sess. V, Can. 6; Denz. n. 792. Declarat tamen haec ipsa sancta Synodus, non esse suae intentionis, comprehendere in hoc decreto, ubi de peccato originali agitur, beatam et immaculatam Virginem Mariam Dei genitricem, sed observandas esse constitutiones felicis recordationis Sixti Papae IV, sub poenis in eis constitutionibus contentis, quas innovat.

[13] Gn 3:15.

[14] Quo circa sicut Christus Dei hominumque mediator, humana assumpta natura, delens quod adversus nos erat chirographum decretia, illud cruci triumphator affixit; sic Sanctissima Virgo, Arctissimo et indissolubili vinculo cum eo conjuncta, una cum illo et per illum, sempiternas contra venenosum serpentem inimicitias exercens, ac de ipso plenissime triumphans, illus caput immaculato pede contrivit.

[15] Cf. Gn. 6:9.

[16] Cf. Gn 28:12.

[17] Cf. Ex 3:2.

[18] Cf. Sg 4:4.

[19] Cf. Sg 4:12.

[20] Cf. Ps 87:1.

[21] Cf. Is 6:1-4.

[22] Cf. Lk 1:28

[23] Ibid., 42.

[24] Cf. St. Augustine: De Natura et Gratia, c. 36

[25] Gn 3:15.

[26] Cf. Ex 31:2.

[27] Cf. Ibid., n. 19ff.

[28] Cf. Ibid., n. 27ff.

[29] Declaramus, pronuntiamus et definimus doctrinam quae tenet beatissimam Virginem Mariam in primo instanti suae conceptionis fuisse singulari Omnipotentis Dei gratia et privilegio, intuitu meritorum Christi Jesu Salvatoris humani generis, ab omni originalis culpae labe praeservatam immunem, esse a Deo revelatam, atque idcirco ab omnibus fidelibus firmiter constanterque credendam. Cf. Denz., n. 1641.

 

 

It-test kien miġjub għall-Malti minn Robert Gatt

Nota mill-editur /awtur : Ħajr lil Patri Eġidju Mizzi OFM Conv, li kkorreġa t-test tat-traduzzjoni

Ħajr ukoll lil Carmen Galea għax-xogħol tat-typing kif ukoll l-addattament tat-test għal fuq il-Laikos.