Laikos

 

Intervista mal-Kardinal Mario Grech

Mill-Osservatore Romano

21 ta’ Lulju 2021

 

Imqar fis-sajf, id-Dikasteri tal-Vatikan jibqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħhom. Imma hemm grupp ta’ ħidma li ilu ġimgħat issa taħt il-lenti. Hu dak tas-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, imsejħa biex tħejji d-Dokument preparatorju u tgħin lill-Knejjes lokali f’mixja ġdida, li l-Papa Franġisku ried li tkun tassew parteċipattiva. L’Osservatore Romano dan l-aħħar tkellem mal-Kardinal Mario Grech, Segretarju tas-Sinodu.

 

Eminenza, kif għaddejja l-ħidma ta’ preparazzjoni?

 

Biex tagħmel sinodu, trid tkun sinodu! Qabel il-pubblikazzjoni tad-dokument fuq il-proċess sinodali smajna lill-Presidenti tal-Assemblej kollha tal-Konferenzi Episkopali tal-kontinenti flimkien mal-President tal-Konferenza Episkopali tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-President tal-Konferenza Episkopali Kanadiża. Imbagħad, dritt wara l-pubblikazzjoni tad-dokument, għamilna stedina lill-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali kollha, il-kunsilli permanenti tagħhom u s-segretarji ġenerali għal kollokju fratern li fih kellhom l-opportunità li jikkummentaw, jagħtu suġġerimenti u anki jistaqsu. B’kollox għamilna tmien laqgħat imqassma skont il-lingwi. Żewġ mumenti oħra ta’ konsultazzjoni kienu wieħed mal-Patrijarki tal-Lvant u l-ieħor mal-Arċisqfijiet Maġġuri. Barra dan, ilqajna l-istedina tal-Konferenzi Episkopali tal-Brażil, il-Burundi u l-Antilli li talbuna laqgħa speċifikament magħhom.

 

Kif marru dawn l-ewwel laqgħat?

 

Irrid ngħid li dan kien eżerċizzju ta’ kolleġġjalità episkopali apprezzat ħafna u li ħalla l-frott. B’dan il-mod ridna nikkomunikaw il-messaġġ li l-involviment sinodali ta’ kulħadd hu importanti anki f’din il-fażi ta’ tnedija tal-proġett. Bl-istess mod imxejna wkoll mal-Kurja. Fil-fatt, flimkien maż-żewġ Sottosegretarji, tlabna u ksibna kollokji ta’ xogħol mal-Prefetti/Presidenti u s-Segretarji ta’ diversi Kongregazzjonijiet u Dikasteri bħal ngħidu aħna dak għall-Edukazzjoni, dak għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja; il-Kongregazzjoni għall-Knejjes Orjentali u dik għall-Ħajja Kkonsagrata, u d-Dikasteru għall-Għaqda tal-Insara. Ħloqna erba’ kummissjonijiet ta’ sapport għall-ħidma fid-dawl tas-Sinodu: waħda għall-approfondiment teoloġiku, oħra biex tgħinna nikbru bħala Knisja fl-ispiritwalità ta’ komunjoni, it-tielet waħda għall-metodoloġija, u fl-aħħar ir-raba’ waħda se tiddedika ruħha għall-aspett tal-komunikazzjoni.

 

X’tista’ tgħidli fuq fejn waslet il-ħidma dwar it-tema speċifika tas-Sinodu li ġej?

 

Jien midħla tal-baħar u naf li għal vjaġġ twil fil-bastiment hemm bżonn tħejji kollox bir-reqqa. L-attenzjoni li qed nagħtu lit-tfassil tad-Dokument preparatorju tagħmel parti minn  din il-preparazzjoni mirquma. Bla dubju, jeħtieġ naqblu wkoll fuq il-motiv tal-vjaġġ. Din is-XVI-il Assemblea Ordinarja l-Papa taha t-tema tas-sinodalità. Tema li żgur hi kumplessa, għax titkellem dwar il-komunjoni, il-parteċipazzjoni u l-missjoni: imma dawn huma aspetti tas-sinodalità u ta’ “Knisja kostituttivament sinodali”, kif qal fid-diskors fl-okkażjoni tal-50 sena mit-twaqqif tas-Sinodu. “Lejn Knisja sinodali”: lejn din irridu nimxu, jew aħjar, lejn din l-Ispirtu qed jitlobna nimxu.

 

Il-Papa kemm-il darba saħaq fuq l-importanza tas-sinodalità. Għaliex?

 

Nixtieq niċċara xi ħaġa li tista’ tinftiehem ħażin. Ħafna jaħsbu li s-sinodalità hi xi “manija” tal-Papa. Nittama li ħadd minna ma jaħsibha hekk! Fid-diversi laqgħat ta’ preparazzjoni ħareġ biċ-ċar li s-sinodalità kienet il-forma u l-istil tal-Knisja tal-bidu: id-Dokument preparatorju jixħet dawl ċar fuq hekk; u jixħet dawl fuq kif il-Konċilju Vatikan II, bil-moviment tar-“ritorn lejn l-għejun” – ir-Ressourcement ried jirkupra dak il-mudell ta’ Knisja, mingħajr ma jiċħad xejn mill-kisbiet kbar tal-Knisja fit-tieni millennju. Jekk irridu nkunu fidili lejn it-Tradizzjoni – u l-Konċilju rridu nqisuh bħala l-aktar tappa riċenti tat-Tradizzjoni – jeħtieġ nimxu bil-kuraġġ f’din it-triq tal-Knisja sinodali. Is-sinodalità hija l-kategorija li tinseġ bl-aħjar mod it-temi Konċiljari li fiż-żmien ta’ wara l-Konċilju spiss tpoġġew kontra xulxin. Qed tiġini f’moħħi fuq kollox il-kategorija ekkleżjoloġika ta’ Poplu ta’ Alla, li b’xorti ħażina tqiegħdet kontra dik ġerarkika, u xejret il-bandiera ta’ Knisja “minn isfel”, demokratika, u nqdiet ħażin bil-kunċett ta’ parteċipazzjoni bħala xi għamla ta’ talba għad-drittijiet, mhux bogħod minn dik trejdunjonistika.

 

Fil-fehma tiegħek, din l-interpretazzjoni mhix qed tirriskja li tneżża’ l-Knisja minn dak li hi, jiġifieri komunjoni?

 

Iva, din l-interpretazzjoni tbeżża’ lil ħafna. Imma aħna ma rridux inħarsu lejn l-interpretazzjonijiet, speċjalment jekk il-ħsieb tagħhom hu li jġibu l-firda: irridu nħarsu lejn il-Konċilju, u lejn il-ġid li ġab, u nerġgħu ninsġu flimkien l-aspett ġuridiku, ġerarkiku, istituzzjonali tal-ekkleżjoloġija ma’ dak iżjed spiritwali, teoloġiku, storiku-salfiviku. Il-Poplu ta’ Alla tal-Konċilju Vatikan II huwa l-Poplu pellegrin miexi lejn is-Saltna. Dik il-kategorija għenitna nirkupraw it-totalità tal-imgħammdin bħala suġġett attiv tal-ħajja tal-Knisja! U ma għamlitx dan billi ċaħdet il-funzjoni tar-Ragħajja, jew tal-Papa, imma billi qegħdithom bħala prinċipju ta’ għaqda għall-imgħammdin kollha: l-Isqof fil-Knisja tiegħu, il-Papa fil-Knisja universali. Il-Knisja hija komunjoni, saħaq is-Sinodu tal-1985, li nieda l-famuża ekkleżjoloġija tal-komunjoni. Il-Knisja hi kostituttivament sinodali, u aħna msejħin ngħidu “aħna”. Iż-żewġ stqarrijiet mhumiex f’kontradizzjoni ma’ xulxin, imma waħda tikkumplimenta lill-oħra: il-Knisja-komunjoni, jekk għandha bħala suġġett tagħha – u ma jistax ikollha ieħor! – il-Poplu ta’ Alla, hija Knisja sinodali. Għax is-sinodalità hija l-forma li twettaq il-parteċipazzjoni tal-Poplu kollu ta’ Alla u ta’ kulħadd fil-Poplu ta’ Alla, kull wieħed u waħda skont l-istat u l-funzjoni tiegħu, għall-ħajja u għall-missjoni tal-Knisja. U dan twettqu permezz tar-relazzjoni bejn is-sensus fidei tal-Poplu ta’ Alla (bħala għamla ta’ parteċipazzjoni fil-funzjoni profetika ta’ Kristu: LG 12) u l-funzjoni tad-dixxerniment tar-Ragħajja.

 

Iċ-ċentralità tal-Poplu ta’ Alla xi drabi donnu nsibuha bi tqila biex nifhmuha u naqsmuha fl-esperjenza konkreta…

 

Forsi rridu nammettu li waqt li minn banda għandna ċara quddiem għajnejna – u forsi anki għażiża, fis-sens li nistqarruha u niddefenduha minn qalbna – il-funzjoni ġerarkika u maġisterjali, imma mhux daqshekk ieħor dik tas-sensus fidei. Imma biex nifhmu l-importanza tagħha biżżejjed nagħfsu fuq it-tema tal-Magħmudija, u fuq kif is-sagrament tat-twelid mill-ġdid mhux biss jagħtina aċċess għall-ħajja fi Kristu, imma minnufih ilaqqamna fil-Knisja, bħala membri tal-ġisem. Id-Dokument preparatorju jisħaq tajjeb fuq dan kollu. Jekk nagħrfu l-valur tas-sensus fidei u nsibu mod kif inqanqlu lill-Poplu ta’ Alla biex isir konxju ta’ din il-ħila li ngħatatlu fil-magħmudija, inkunu bdejna l-vera mixja tas-sinodalità. Għax barra ż-żerriegħa tal-komunjoni, inkunu tfajna wkoll dik tal-parteċipazzjoni. Bil-magħmudija, l-imgħammdin kollha jiksbu sehem mill-funzjoni profetika, saċerdotali u regali ta’ Kristu. Għalhekk, aħna u nisimgħu lill-Poplu ta’ Alla – għalhekk hemm bżonn tal-konsultazzjoni fil-Knejjes partikulari – nafu li nistgħu nisimgħu dak li l-Ispirtu qed jgħid lill-Knisja. Dan ma jfissirx li huwa l-Poplu ta’ Alla li jiddetermina l-mixja tal-Knisja. Mal-funzjoni profetika tal-Poplu kollu ta’ Alla (inklużi r-Ragħajja) hemm il-ħidma ta’ dixxerniment tar-Ragħajja: minn dak li jgħid il-Poplu ta’ Alla, ir-Ragħajja għandhom jilqgħu dak li l-Ispirtu jrid jgħid lill-Knisja. Imma d-dixxerniment minn hemm irid jibda: mis-smigħ tal-Poplu ta’ Alla.

 

Hemm min qed jibża’ xi ftit mill-volum ta’ xogħol li l-mixja sinodali sa tpoġġi fuq il-Knejjes lokali. Ma tibżax mir-riskju li qed tikkumplika l-ħajja ordinarja tal-Knisja?

 

Dan kollu fir-realtà mhuwiex proċess li jikkumplika l-ħajja tal-Knisja. Għax mingħajr ma nkunu nafu dak li l-Ispirtu qed jgħid lill-Knisja, nistgħu naġixxu fil-vojt u saħansitra, bla ma nafu, kontra l-Ispirtu. Meta nerġgħu niskopru d-dimensjoni pnewmatoloġika tal-Knisja, ma nistgħux ħlief naddottaw id-dinamiżmu tal-profezija-dixxerniment, li jinsab fil-bażi tal-proċess sinodali.

 

Dan jgħodd fuq kollox meta niġu għat-tielet kelma: il-missjoni. Is-Sinodu taż-Żgħażagħ tkellem fuq sinodalità missjunarja. Is-sinodalità hi miftuħa għall-missjoni, hija s-smigħ ta’ kif il-Knisja ssir dak li hi billi tgħix, tagħti xhieda u twassal il-Vanġelu. It-termini kollha li jipproponi t-titlu huma marbutin ma’ xulxin: jew iżommu sodi ma’ xulxin, jew jaqgħu ma’ xulxin! Nitolbu aħna wkoll il-grazzja tal-konverżjoni qawwija għas-sinodalità: ifisser li nikkonvertu lejn Kristu u l-Ispirtu tiegħu, billi nagħmlu wisa’ għall-primat ta’ Alla.

 Ara l-Osservatore Romano ...