O SAN ĠUŻEPP

O San Ġużepp, għarus tal-Verġni Mbierka
imsejjaħ biex Bin Alla tieħu ħsieb,
bit-talb u d-dmugħ hawn f’riġlejk
infittxu dak li jrid
dejjem f’qalbna biex ngħożżu lil Ġesù.

O San Ġużepp, Patrun tal-Knisja kollha
ir-raġel ġust, l’għandu għal qalbu s-skiet.
Żomm taħt għajnejk din id-dar,
imħabbta minn tant mewġ
mill-qerq saffi, eħlisha mill-ħażin.

O San Ġużepp, mudell għal kull min jaħdem,
għax int għaqqadt it-talb fis-skiet max-xogħol.
Inħobbu d-dmir mar-rispett,
inħennu għall-batut,
saltnet Ibnek inwasslu lil kulħadd.

O San Ġużepp, ħarries tal-moribondi,
ta’ dawk in-nies li sejrin jibdlu d-dar;
tal-firda d-diq ibdel fis,
nitgħallmu minn xulxin
kull mument ta’ ħajjitna napprezzaw.

 

San Ġużepp hu qaddis maħbub minn ħafna devoti Nsara madwar id-dinja kollha. Il-figura tiegħu, siekta imma attiva, minn dejjem ġibdet lejha l-qlub. L-1 ta’ Mejju, iktar u iktar f’din is-Sena Ġużeppina, jixħet dawl fuq ir-rwol ta’ Ġużeppi bħala missier tal-familja u ħaddiem bieżel. Kif jgħid il-Papa Franġisku, devot kbir tiegħu, fil-‘Patris corde’, “San Ġużepp kien mastrudaxxa li ħadem b’mod onest biex jiżgura l-għajxien tal-familja tiegħu. Mingħandu Ġesù tgħallem il-valur, id-dinjità u l-ferħ ta’ xi jfisser tiekol il-ħobż frott l-għaraq ta’ ġbinek”. 

Dan l-innu, miġjub għall-Malti minn Mons. Karm Gauci u interpretat b’mod impekkabbli mill-Kor Djoċesan taż-Żgħażagħ (Għawdex), huwa ddedikat lill-ħaddiema kollha tagħna, u lil dawk li tilfu jew huma bla xogħol.