Laikos

 

Aktar dwar l-Ispirtu s-Santu ...

NOVENA BI TĦEJJIJA GĦAS-SOLENNITÀ TA’ GĦID IL-ĦAMSIN

 

Mit-30 ta’ Mejju sas-7 ta’ Ġunju 2025

(tista’ tibda wkoll mid-29 ta’ Mejju sas-6 ta’ Ġunju, peress li fis-7 ta’ Ġunju jkun hemm il-Velja)

 

Mill-Kummissjoni Liturġika tad-Djoċesi ta' Għawdex

 

 

Nota

·     Din in-Novena tista’ ssir qabel il-Barka Sagramentali.

·     Tista’ ssir waqt il-quddiesa fejn issir omelija marbuta mat-tema tal-jum.

·     Xieraq li fil-jiem tan-Novena, flok Litanija lill-Madonna, issir Litanija tal-Ispirtu s-Santu.

·     Fir-radd il-ħajr ta’ wara t-tqarbin, jew wieħed iżomm mument ta’ skiet, jew jgħid xi waħda mit-talbiet lill-Ispirtu s-Santu.

 

 

L-EWWEL JUM – L-GĦERF

 

Qari

 

Mill-Ktieb tal-Profeta Ġoel (3:1,3,5)

Dan jgħid il-Mulej: “Wara dan, jiġri li jiena nsawwab l-Ispirtu tiegħi fuq il-ħlejjaq kollha. Uliedkom iħabbru, subien u bniet, fis-sema u l-art nuri sinjali, demm u nar u kolonni ta’ duħħan! U kull min isejjaħ isem il-Mulej jinħeles”.

℣. Il-Kelma tal-Mulej. ℟. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Riflessjoni

 

Id-don tal-għerf hu sewwasew il-grazzja li nistgħu naraw kollox b’għajnejn Alla. U ovvjament dan jiġi mill-intimità ma’ Alla, mir-relazzjoni intima li aħna nibnu ma’ Alla, mir-rabta ta’ wlied mal-Missier. U l-Ispirtu s-Santu, meta jkollna din ir-relazzjoni, jagħtina d-don tal-għerf. Imma dan mhux fis-sens li għandu tweġiba għal kollox, li jaf kollox, imma fis-sens li “jaf” lil Alla, jaf kif iġib ruħu Alla, jagħraf meta ħaġa hi ta’ Alla u meta mhix ta’ Alla; għandu dan l-għerf li Alla jagħti lil qlubna. F’dan is-sens qalb il-bniedem għaref għandha l-gost u t-togħma ta’ Alla.

(Il-Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali, 9 ta’ April 2014)

 

Skiet

 

7 Glorja

 

Talba

 

℣. O Alla, li fil-Qawmien ta’ Kristu Ibnek ħlaqtna mill-ġdid għall-ħajja ta’ dejjem: tellagħna ħdejn is-Salvatur tagħna li qed isaltan fil-lemin tiegħek, biex meta jerġa’ jiġi fil-glorja, aħna lkoll li twelidna mill-ġdid mill-Magħmudija, niġu mlibbsa bid-dawl tiegħek ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. ℟. Ammen.

 

 

IT-TIENI JUM – IL-FEHMA

 

Qari

 

Mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani (8:14-15)

Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla. Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: “Abba! Missier!”.

℣. Il-Kelma tal-Mulej. ℟. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Riflessjoni

 

Bid-don tal-fehma m’aħniex nitkellmu dwar l-intelliġenza umana, il-ħila intellettwali li biha nistgħu nkunu mżejna ftit jew wisq. Imma din hi grazzja li l-Ispirtu s-Santu biss jista’ jagħti u li żżejjen lin-Nisrani bil-ħila li jmur lil hemm mill-aspett estern tar-realtà u jgħarbel sa fil-qiegħ tal-ħsieb ta’ Alla u tal-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni. Imma, kif tissuġġerixxi l-istess kelma, il-fehma – jew intellett – tippermettilna li “intus legere”, jiġifieri li “naqraw dak li hemm ġewwa”: dan id-don jgħinna nifhmu l-ħwejjeġ kif jifhimhom Alla, bl-intelliġenza ta’ Alla. Allura hu ċar li d-don tal-fehma hu strettament marbut mal-fidi. Meta l-Ispirtu s-Santu jgħammar fil-qalb tagħna u jdawlilna moħħna, jgħinna nikbru jum wara l-ieħor fl-għarfien ta’ dak li l-Mulej qal u għamel. L-istess Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Nibagħtilkom l-Ispirtu s-Santu u hu jfissrilkom dak kollu li għallimtkom jien.

(Il-Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali, 30 ta’ April 2014)

 

Skiet

 

7 Glorja

 

Talba

 

℣. O Alla Missierna, qabel ma Ibnek tela’ ħdejk, hu wiegħed lill-Appostli li jibgħat fuqhom l-Ispirtu s-Santu: ibgħat fuqna llum l-istess doni li huma rċevew, sabiex il-Knisja tiegħek tgħix mill-ġdid l-għeġubijiet ta’ Pentekoste. Bi Kristu Sidna. ℟. Ammen.

 

 

IT-TIELET JUM – KUNSILL

 

Qari

 

Mill-Evanġelju skont San Ġwann (7:37-39)

Fl-aħħar jum tal-festa, il-jum l-aktar solenni, Ġesù qam jgħid b’leħen għoli: “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob. Kif tgħid l-Iskrittura, min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj”. Dan qalu għall-Ispirtu li kellhom jirċievu dawk li jemmnu fih.

℣. Il-Kelma tal-Mulej. ℟. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Riflessjoni

 

Id-don tal-kunsill hu d-don li bih l-Ispirtu s-Santu lill-kuxjenza tagħna jagħmilha kapaċi tagħmel għażla konkreta f’komunjoni ma’ Alla, skont il-loġika ta’ Ġesù u tal-Vanġelu tiegħu. B’dan il-mod, l-Ispirtu s-Santu jgħinna nikbru minn ġewwa, jgħinna nikbru b’mod pożittiv, jgħinna nikbru fil-komunità u jgħinna ma ninġarrux mill-egoiżmu u mill-mod ta’ kif aħna naraw l-affarijiet. Fl-intimità ma’ Alla u fis-smigħ tal-Kelma tiegħu, ftit ftit inwarrbu għall-ġenb il-loġika personali tagħna, li spiss hi ddettata mill-għeluq tagħna, mill-preġudizzji tagħna u mill-ambizzjonijiet tagħna. B’dan il-mod tixxettel fina sintonija profonda, kważi ħaġa waħda fin-natura mal-Ispirtu, u nduqu kemm huma veri l-kelmiet ta’ Ġesù li nsibu fil-Vanġelu ta’ Mattew: “Tinkwetawx ruħkom kif se titkellmu jew x’se tgħidu, għax dak il-ħin stess jingħatalkom xi jkollkom tgħidu. Għax mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom ikun qiegħed jitkellem permezz tagħkom” (Mt 10:19-20).

(Il-Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali, 7 ta’ Mejju 2014)

 

Skiet

 

7 Glorja

 

Talba

 

℣. Ħa tiġi fuqna, Mulej Alla, il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, sabiex nagħmlu tagħna b’mod sħiħ ir-rieda tiegħek u nixhdu għaliha b’ħajja qaddisa. Bi Kristu Sidna. ℟. Ammen.

 

 

IR-RABA’ JUM – IL-QAWWA

 

Qari

 

Mill-Evanġelju skont San Ġwann (3:5-6)

Wieġeb Ġesù [lil Nikodemu ]: “Tassew tassew ngħidlek, li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ilma u l-Ispirtu, ma jistax jidħol fis-Saltna ta’ Alla. Dak li jitwieled mill-ġisem hu ġisem; u dak li jitwieled mill-Ispirtu hu spirtu.

℣. Il-Kelma tal-Mulej. ℟. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Riflessjoni

 

Illum naħsbu f’dak li jagħmel il-Mulej: hu jiġi dejjem biex iweżinna fid-dgħufija tagħna u dan jagħmlu b’don speċjali: id-don tal-qawwa. Bid-don tal-qawwa, l-Ispirtu s-Santu jeħles lil qalbna, mill-ħedla, mid-dubji u mill-biżgħat kollha li jistgħu jżommuha lura, hekk li l-Kelma tal-Mulej tkun tista’ titqiegħed fil-prattika, b’mod awtentiku u hieni. Il-Knisja tilma bix-xhieda ta’ tant aħwa rġiel u nisa li qatt ma hedew jagħtu ħajjithom, biex jibqgħu fidili lejn il-Mulej u l-Vanġelu tiegħu. Ma rridux naħsbu li d-don tal-qawwa neħtiġuh biss f’xi okkażjonijiet jew sitwazzjonijiet partikulari. Dan id-don irid ikun in-nota bażika tal-jien Nisrani tagħna, fl-ordinarjetà tal-ħajja tagħna ta’ kuljum. L-Appostlu Pawlu qal frażi li nagħmlu sew nisimgħuha: “Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini” (Fil 4:13).

(Il-Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali, 14 ta’ Mejju 2014)

 

Skiet

 

7 Glorja

 

Talba

 

℣. Alla ħanin li tista’ kollox, agħmel li l-Ispirtu s-Santu jiġi jgħammar fina u jibdilna f’tempju tal-glorja tiegħek. Bi Kristu Sidna. ℟. Ammen.

 

 

IL-ĦAMES JUM – IX-XJENZA

 

Qari

 

Mill-Evanġelju skont San Ġwann (14:16-17,26)

U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom. Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.

℣. Il-Kelma tal-Mulej. ℟. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Riflessjoni

 

Ix-xjenza li tiġi mill-Ispirtu s-Santu ma tillimitax ruħha biss għall-għarfien uman: hi don speċjali, li jwassalna biex, permezz tal-ħolqien, nifhmu l-kobor u l-imħabba ta’ Alla u r-relazzjoni profonda tiegħu ma’ kull ħlejqa. Meta għajnejna huma mdawla mill-Ispirtu, huma jinfetħu għall-kontemplazzjoni ta’ Alla, fil-ġmiel tan-natura u fil-kobor tal-kożmu, u jwassluna biex niskopru kif kull ħaġa tkellimna dwaru u dwar imħabbtu. Dan kollu jqajjem fina għoġba kbira u sens qawwi ta’ gratitudni! Hi s-sensazzjoni li nħossu anki meta nammiraw xi opra ta’ arti jew kull meravilja oħra li hi frott tal-ġenju u tal-kreattività tal-bniedem: quddiem dan kollu, l-Ispirtu jwassalna biex infaħħru lill-Mulej mill-qiegħ tal-qalb tagħna u biex, f’dak kollu li għandna u aħna, nagħrfu don bla qies ta’ Alla u sinjal ta’ mħabbtu bla tarf għalina.

(Il-Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali, 21 ta’ Mejju 2014)

 

Skiet

 

7 Glorja

 

Talba

 

℣. O Alla ħanin li tista kollox, fl-imħabba tiegħek agħti lill-Knisja tiegħek, miġbura mill-Ispirtu s-Santu, li taqdik b’dedikazzjoni sħiħa biex tifforma lilha nfisha f’qalb waħda u ruħ waħda. Bi Kristu Sidna. ℟. Ammen.

 

 

IS-SITT JUM – IL-PJETÀ

 

Qari

 

Mill-Evanġelju skont San Ġwann (16:12a-13)

Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni”.

℣. Il-Kelma tal-Mulej. ℟. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Riflessjoni

 

Irridu niċċaraw minnufih li dan id-don tal-pjetà ma norbtuhx ma’ li tiġik ħniena minn xi ħadd, titħassar lill-proxxmu, imma juri li aħna ta’ Alla u r-rabta qawwija tagħna miegħu, rabta li tagħti sens lill-ħajja kollha tagħna u żżommna sħaħ, f’għaqda miegħu, anki fil-waqtiet l-iżjed ibsin u ta’ prova. Qed nitkellmu fuq relazzjoni li ngħixuha mill-qalb: hi l-ħbiberija tagħna ma’ Alla, li tahielna Ġesù, ħbiberija li tibdlilna ħajjitna u timliena bil-ħeġġa, bil-ferħ. Għalhekk, id-don tal-pjetà jqanqal fina qabelxejn il-gratitudni u t-tifħir. Fil-fatt din hi r-raġuni u t-tifsira iktar awtentika tal-kult u l-qima tagħna lil Alla. Meta l-Ispirtu s-Santu jagħtina li nħossu l-preżenza tal-Mulej u mħabbtu kollha għalina, iħeġġilna qalbna u kważi b’mod naturali jqanqalna għat-talb u għaċ-ċelebrazzjoni. Mela l-pjetà hi ekwivalenti għal spirtu awtentiku reliġjuż, għal kunfidenza ta’ wlied ma’ Alla, għal dik il-ħila li nitolbuh bi mħabba u sempliċità li jiġu minn persuni ta’ qalb umli.

(Il-Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali, 6 ta’ Ġunju 2014)

 

Skiet

 

7 Glorja

 

Talba

 

℣. O Alla Missierna, li ftaħtilna l-passaġġ għall-ħajja ta’ dejjem bil-glorifikazzjoni ta’ Ibnek u l-inżul tal-Ispirtu s-Santu, agħmel li jkollna sehem minn dawn id-doni hekk kbar u niddedikaw ħajjitna għas-servizz tiegħek u hekk insaħħu l-fidi tagħna. Bi Kristu Sidna. ℟. Ammen.

 

 

IS-SEBA’ JUM – IL-BIŻA’ TA’ ALLA

 

Qari

 

Mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin (1:3,13-14)

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li berikna b’kull xorta ta’ barka spiritwali, fis-smewwiet fi Kristu. U fih intom ukoll smajtu l-Kelma tal-Verità, l-Evanġelju tas-salvazzjoni tagħkom, u emmintu fiha. Kontu ssiġillati bl-Ispirtu s-Santu li kien imwiegħed; li hu r-rahan tal-wirt tagħna sakemm għadna nistennew il-fidwa sħiħa tal-Poplu li Alla kiseb għalih, għat-tifħir tal-glorja tiegħu.

℣. Il-Kelma tal-Mulej. ℟. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Riflessjoni

 

Fil-verità l-biża’ ta’ Alla hu d-don tal-Ispirtu s-Santu li jfakkarna kemm aħna żgħar quddiemu u quddiem imħabbtu, u li l-ġid tagħna qiegħed f’li nintelqu f’idejh b’umiltà, b’rispett u b’fiduċja. Dan hu l-biża’ ta’ Alla: l-abbandun fit-tjieba tal-Missier tagħna li jridilna tant ġid. Il-biża’ ta’ Alla jagħmilna konxji li kollox jiġi bi grazzja u s-saħħa vera tagħna niksbuha biss jekk nimxu wara l-Mulej Ġesù u nħallu lill-Missier isawwab fuqna t-tjieba u l-ħniena tiegħu. Meta nħallu jaħkimna dan il-biża’ ta’ Alla, allura naslu biex nimxu wara l-Mulej b’umiltà, b’doċilità u b’ubbidjenza. Hu don li jagħmilna Nsara konvinti, imħeġġa, li ma joqogħdux għall-Mulej minħabba fil-biża’ tagħhom minnu, imma għax huma mqanqla u mirbuħa minn imħabbtu!

(Il-Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali, 11 ta’ Ġunju 2014)

 

Skiet

 

7 Glorja

 

Talba

 

℣. Ħa jinżel fuqna, Mulej, l-Ispirtu s-Santu, bid-doni tiegħu, biex joħloq fina qalb ġdida u jagħmilna doċli għar-rieda tiegħek. Bi Kristu Sidna. ℟. Ammen.

 

 

IT-TMIEN JUM – IL-FROTT TAL-ISPIRTU

 

Qari

 

Mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin (5:16,18,22)

Jien ngħidilkom, imxu fl-Ispirtu u taqgħux għall-passjonijiet tal-ġisem. Jekk lilkom imexxikom l-Ispirtu, m’intomx taħt il-liġi. Il-frott tal-Ispirtu huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan.

℣. Il-Kelma tal-Mulej. ℟. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Riflessjoni

 

B’differenza mill-kariżmi, li l-Ispirtu jagħti lil min irid u xħin irid għall-ġid tal-Knisja, il-frott tal-Ispirtu – nirrepeti – l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan – huwa r-riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn il-grazzja u l-libertà tagħna. Dan il-frott jesprimi dejjem il-kreattività tal-persuna, li fiha “l-fidi taħdem permezz tal-imħabba” (Gal 5:6), xi drabi b’mod sorprendenti u hieni. Mhux kulħadd fil-Knisja jista’ jkun appostlu, profeta, evanġelista; imma kulħadd, bla distinzjoni, jista’ u għandu jkun bniedem li jħobb, jistabar, umli, jaħdem għall-paċi, u l-bqija. Ilkoll kemma aħna, iva, għandna nħobbu, nistabru, inkunu umli, naħdmu għall-paċi u mhux għall-gwerra.

(Il-Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali  27 ta’ Novembru 2024)

 

Skiet

 

7 Glorja

 

Talba

 

℣. O Alla li tista’ kollox, lil uliedek li ċċelebraw bil-ferħ il-festi tal-Għid, agħtihom li jkunu xhieda fil-ħajja bi mġiba li turi l-qawwa salvifika tiegħek. Bi Kristu Sidna. ℟. Ammen.

 

 

ID-DISA’ JUM – L-GĦAQDA

 

Qari

 

Mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani (5:1,3-5)

Issa li aħna ġġustifikati bil-fidi, għandna s-sliem ma’ Alla, permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu. Mhux biss dan, imma niftaħru wkoll bis-sofferenzi, għax nafu li s-sofferenza ġġib is-sabar, is-sabar irawwem il-ħila, il-ħila t-tama. U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna.

℣. Il-Kelma tal-Mulej. ℟. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Riflessjoni

 

Fi kliem ieħor, l-istess Spirtu joħloq id-diversità u l-għaqda u b’dan il-mod isawwar poplu ġdid, varjat u magħqud: il-Knisja universali. Mill-bidu, b’fantasija u b’mod imprevedibbli, joħloq id-diversità; f’kull żmien fil-fatt iwarrad kariżmi ġodda u varji. Imbagħad l-istess Spirtu jwettaq l-għaqda: jorbot, jiġbor, joħloq mill-ġdid l-armonija. Biex hekk ikun hemm l-għaqda vera, dik kif irid Alla, li mhix uniformità, imma għaqda fid-differenza. Biex iseħħ dan tajjeb ngħinu lil xulxin biex nevitaw żewġ tentazzjonijiet ta’ żmienna. L-ewwel hi dik li nfittxu d-diversità bla għaqda. Dan jiġri meta rridu niddistingwu ruħna minn xulxin, meta jiffurmaw skjeramenti u partiti. Imma t-tentazzjoni opposta hi dik li nfittxu l-għaqda mingħajr id-diversità. Imma b’dan il-mod l-għaqda ssir uniformità, obbligu li nagħmlu kollox flimkien u kollox ugwali, li kollha naħsbu dejjem bl-istess mod. Hekk l-għaqda tispiċċa biex issir omoġenjità u ma jkunx hemm iżjed libertà. Inkunu rġiel u nisa tal-Knisja jfisser inkunu rġiel u nisa ta’ komunjoni; u nitolbu anki qalb li tħoss mal-Knisja omm u dar tagħna: id-dar li tilqa’ u hi miftuħa, fejn naqsmu flimkien il-ferħ tal-Ispirtu s-Santu li juri ruħu f’ħafna xejriet.

(Il-Papa Franġisku, Omelija, 4 ta’ Ġunju 2017)

 

Skiet

 

7 Glorja

 

Talba

 

℣. Missier, int Alla tal-ħajja, ħlaqt kollox bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu: ġedded il-Knisja, biex hekk il-bnedmin jaraw fiha sinjal ta’ ħolqien ġdid. Bi Kristu Sidna. ℟. Ammen.

 

 

LITANIJA TAL-ISPIRTU S-SANTU

 

Mulej, ħniena.                                                                  Mulej, ħniena.

Kristu, ħniena.                                                                 Kristu, ħniena.

Mulej, ħniena.                                                                  Mulej, ħniena.

 

Missier li tista’ kollox.                                                        Ħenn għalina.

Ġesù, Iben Etern tal-Missier.                                            Ħenn għalina.

Feddej tad-dinja.                                                              Salvana.

Spirtu tal-Missier u tal-Iben.                                              Salvana.

Ħajja bla qies tagħhom it-tnejn.                                         Qaddisna.

Trinità Qaddisa.                                                               Ismagħna.

Spirtu Santu li ġej mill-Missier.                                          Inżel f’qalbna.

Spirtu Santu, li int daqs il-Missier u l-Iben.                         Inżel f’qalbna.

Wegħda ta’ Alla l-Missier.                                                 Ħenn għalina.

Raġġ ta’ dawl mis-sema.                                                  Ħenn għalina.

Għerq ta’ kull tjubija.                                                         Ħenn għalina.

Għajn tal-ilma tas-sema.                                                   Ħenn għalina.

Nar imħeġġeġ.                                                                 Ħenn għalina.

Karità mimlija ħrara.                                                         Ħenn għalina.

Balzmu ta’ faraġ spiritwali.                                                Ħenn għalina.

Spirtu ta’ mħabba u verità.                                                Ħenn għalina.

Spirtu ta’ għerf u fehma.                                                   Ħenn għalina.

Spirtu ta’ kunsill u qawwa.                                                Ħenn għalina.

Spirtu ta’ għaqal u devozzjoni.                                          Ħenn għalina.

Spirtu tal-biża’ qaddis ta’ Alla.                                           Ħenn għalina.

Spirtu ta’ grazzja u talb.                                                    Ħenn għalina.

Spirtu ta’ paċi u ħlewwa.                                                   Ħenn għalina.

Spirtu ta’ modestja u innoċenza.                                       Ħenn għalina.

Spirtu s-Santu li jagħti l-faraġ.                                           Ħenn għalina.

Spirtu s-Santu li jqaddes.                                                  Ħenn għalina.

Spirtu s-Santu li jmexxi l-Knisja.                                        Ħenn għalina.

Don ta’ Alla l-Għoli.                                                          Ħenn għalina.

Spirtu li jimla l-ħolqien kollu.                                              Ħenn għalina.

Spirtu li jagħmilna wlied Alla.                                             Ħenn għalina.

Spirtu s-Santu li jikxfilna l-kruha tad-dnub.                         Ħenn għalina.

Spirtu s-Santu, ejja u ġedded wiċċ id-dinja.                        Ħenn għalina.

Spirtu s-Santu, sawwab id-dawl tiegħek f’ruħna.                Ħenn għalina.

Spirtu s-Santu, onqox il-liġi tiegħek fuqna.                         Ħenn għalina.

Spirtu s-Santu, onqox il-liġi tiegħek fuq qalbna.                  Ħenn għalina.

Spirtu s-Santu, kebbes fina n-nar ta’ mħabbtek.                 Ħenn għalina.

Spirtu s-Santu, iftħilna t-teżori tal-grazzji tiegħek.               Ħenn għalina.

Spirtu s-Santu, għallimna nitolbu tajjeb.                             Ħenn għalina.

Spirtu s-Santu, dawwalna bl-ispirazzjonijiet tiegħek tas-Sema.         Ħenn għalina.

Spirtu s-Santu, mexxina fit-triq tas-salvazzjoni.                  Ħenn għalina.

Spirtu s-Santu, agħtina dak l-għerf li hu biss meħtieġ.        Ħenn għalina.

Spirtu s-Santu, ħeġġiġna biex nagħmlu dak li hu tajjeb.      Ħenn għalina.

Spirtu s-Santu, agħtina l-merti tal-virtujiet kollha.                Ħenn għalina.

Spirtu s-Santu, kun int il-premju tagħna ta’ dejjem.             Ħenn għalina.

 

Ħaruf ta’Alla, li tneħħi d-dnubiet tad-dinja.          Ibagħtilna l-Ispirtu s-Santu.

Ħaruf ta’ Alla, li tneħħi d-dnubiet tad-dinja.         Ferra’ f’ruħna d-doni tal-Ispirtu s-Santu.

Ħaruf ta’ Alla, li tneħħi d-dnubiet tad-dinja.         Agħtina l-Ispirtu ta’ għerf u qdusija.

 

℣. Ejja, Spirtu s-Santu, imla l-qlub tal-fidili tiegħek.

℟. U ħeġġeġ fihom in-nar ta’ mħabbtek.

 

℣. Ibgħat l-Ispirtu tiegħek u huma jinħalqu.

℟. U inti ġġedded il-wiċċ tal-art.

 

Talba

 

℣. O Alla, li bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu għallimt il-qlub tal-fidili tiegħek: agħmel li aħna bl-istess Spirtu nkunu tassew għaqlin u nifirħu dejjem bil-faraġ tiegħu. Bi Kristu Sidna. ℟. Ammen.

 

 

TALB LILL-ISPIRTU S-SANTU

 

Spirtu tal-għerf, aħna nadurawk: urina x-xejn tal-ħwejjeġ tad-dinja u l-importanza tal-ħwejjeġ tas-Sema. Glorja.

Spirtu tal-fehma, aħna nirringrazzjawk: dawwalna bil-fidi biex tmexxina f’kull opra tagħna. Glorja.

Spirtu tal-kunsill, aħna nfaħħruk: agħmilna ubbidjenti għat-tnebbiħ tiegħek. Glorja.

Spirtu ta’ qawwa, aħna nberkuk: agħmel li nirbħu dejjem l-għedewwa ta’ ruħna. Glorja.

Spirtu tax-xjenza, aħna nigglorifikawk: għinna sabiex naqilgħu l-vera sapjenza tal-qaddisin. Glorja.

Spirtu tal-pjetà, aħna nitolbuk: agħmel li nitolbu aktar bil-ġabra. Glorja.

Spirtu tal-biża’ ta’ Alla, aħna nħobbuk: żommna dejjem fil-preżenza tiegħek. Glorja.

 

 

TALBA GĦALL-MIĠJA TAL-ISPIRTU S-SANTU

 

Missier Etern Alla, f’isem Ġesù Kristu, Ibnek, u għall-interċessjoni tal-Verġni Marija Immakulata, ibgħat fija l-Ispirtu.

Ejja, Spirtu qaddis, f’qalbi u qaddishieli.

Ejja, missier il-fqajrin, u wennisni.

Ejja, ħallieq ta’ kull ġid, u farraġni.

Ejja, dawl tal-imħuħ, u dawwalni.

Ejja, faraġ tal-erwieħ, u hennini.

Ejja, mistieden għażiż, u tħallini qatt waħdi.

Ejja, fewġa ħelwa ta’ ħajti, u ’tini s-saħħa.

Glorja. (x3)

 

Spirtu qaddis, imħabba bla tmiem, ejja fina bil-ħeġġa tiegħek, ejja kebbes il-qlub tagħna.