Laikos

 

Novena bi tħejjija għas-Solennita’ ta’ Pentekoste 2021

 

In-novena hi marbuta mal-kuntest preżenti li qed ngħixu fih bħalissa tal-pandemija. In-novena preferibilment isir waqt il-quddiesa billi jsir ħsieb qasir wara l-Vanġelu marbut mat-tema tan-novena skont il-jum. In-novena tista jsir ukoll barra mill-quddiesa. In-novena tibda l-Ħamis 13 ta’ Mejju.

 

Il-frott tal-Ispirtu huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan.... Jekk ngħixu bl-Ispirtu, ħalli nimxu bl-Ispirtu...(Gal. 5, 22-25)

L-Ewwel jum tan-Novena - Is-solitudni tinbidel fraternita’

 

Dawk kollha li kienu jemmnu kienu ħaġa waħda, u kienu jaqsmu kollox bejniethom, ibigħu ġidhom u kulma kellhom u jqassmu d-dħul bejn kulħadd, skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed. U kuljum kienu jmorru fit-tempju flimkien, jaqsmu l-ħobż fi djarhom, u jissieħbu fl-ikel bi qlub ferħana u safja..” (Atti 2, 44-46)

 

Attivita’:  Telefonata lil xi persuni li joqgħodu weħidhom

 

It-tieni jum tan-Novena - Il-biża tinbidel f’qawwa

F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu. (Atti 2, 2-4)

 

Attivita’: Żjara fejn hu possibli jew telefonata lill-persuni anzjani jew morda.

 

It-tielet jum tan-Novena - L-indifferenza tinbidel f’ħeġġa u solidarjieta’

Imma Pietru u Ġwanni weġbuhom: “Għidulna intom jekk hux sewwa quddiem Alla li aħna nisimgħu aktar minnkom milli minn Alla; għax aħna ma nistgħux ma nitkellmux fuq dak li rajna u smajna.” Imbagħad reġgħu hedduhom u telquhom, għaliex minħabba l-poplu ma għarfux kif jaqbdu jikkastigawhom, għax kulħadd kien qiegħed jagħti glorja lil Alla għal dak li ġara.” (Atti 4, 19-21)

 

Attivita’: Kampanja ta’ ġbir ta’ preserve u oġġetti tal-ikel għall-familji fil-bżonn.

 

Ir-raba’ jum tan-Novena - L-inġustizzja tinbidel f’ġustizzja, rettitudni

Ara, jiena ġej dalwaqt, u miegħi nġib il-ħlas ħalli rrodd lil kull wieħed skont ma ħaqqu għal għemilu.” (Ap. 22,12)

 

Attivita’: F’dan il-jum tal-Ħadd isir talb partikulari waqt il-quddiesa biex issaltan il-ġustizzju u r-rettitudni.

 

Il-ħames jum tan-Novena - L-egoiżmu jinbidel f’altruwiżmu

Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. (Ġw. 3, 16-17)

 

Attivita’: Fejn hu possibli ħidma volontarja ma’ xi persuni li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna.

 

Is-sitt jum tan-Novena – Il-faqar jinbidel f’dinjita’

Il-Mulej ħalaq il-bniedem mill-art,...Tahom żmien u jiem magħduda, u tahom setgħa fuq kulma hawn fuq l-art. Libbishom b’saħħa tixbah lil tiegħu, u għamilhom skont xbihatu. Nissel f’kull ħlejqa l-biża’ tagħhom, u tahom is-setgħa fuq it-tajr u l-bhejjem. Irċevew l-użu ta’ ħames ħidmiet tal- Mulej, qassmilhom id-don tal-moħħ bħala s-sitt wieħed,u bħala s-seba’ r-raġuni għat-tifsir tal-ħidmiet tiegħu.Tahom ir-raġuni, l-ilsien u l-għajnejn, u wkoll il-widnejn u moħħ biex jaħsbu. (Bin Sirak 17, 1-6)

 

Attivita’: Tkompli l-kampanja ta’ ġbir ta’ preserve u oġġetti tal-ikel għall-familji fil-bżonn.

 

Is-seba’ jum tan-Novena – Il-firda tinbidel f’għaqda

Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija. Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef; imbagħad, friegħi bħal dawn jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u jinħarqu. (Ġw. 15, 4-6)

 

Attivita’: Jum ta’ ċaħda minn l-aktar ħaġa li togħġbok u toffriha bħala talba lil Alla għall-għaqda fil-familji, fil-parroċċi u fil-Knisja.

 

        It-tminn jum tan-Novena – In-niket jinbidel f’hena

        “Tassew tassew ngħidilkom, intom għad tibku u tingħu, iżda d-dinja għad tifraħ; għad iġġarrbu n-niket, imma n-niket tagħkom għad jitbiddel f’hena. Il-mara, meta tkun se tiled tħossha mdejqa, għax tkun waslet is-siegħa tagħha; iżda meta tkun twieldet it-tarbija, ma tiftakarx iżjed fl-uġigħ, bil-ferħ li twieled bniedem fid-dinja. Hekk intom, issa tħossukom imdejqa; imma għad nerġa’ narakom u qalbkom tifraħ, u l-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom. (Ġw. 16, 20-22)

 

Attivita’: Iżżur fejn hu possibli jew iċċempel lil xi persuni li jinsabu għaddejja minn niket jew tbatija.

 

        Id-disa’ jum tan-Novena – Is-superfiċjalita’ tinbidel essenzjalita’

    Għalhekk toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu, “X’se nieklu?’ jew ‘X’se nixorbu?’ jew ‘X’se nilbsu?’, għax dawn huma kollha ħwejjeġ li jfittxuhom il-pagani. Imma Missierkom li hu fis-smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh. Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja ta’ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll. Mela toqogħdux tħabblu raskom għall-għada, għax il-jum ta’ għada jħabbel rasu hu għalih innifsu. Biżżejjed hu għall-jum it-taħbit tal-ġurnata.” (Mt. 6, 31-34)

 

Attivita’: Ieqaf għall-mument biex tara fuq hiex mibnija ħajtek hux fuq dak li hu superfiċjali jew dak li hu essenzjali.

 

Talb biex jingħad wara t-tqarbin fil-jiem tan-novena bi tħejjija għas-Solennita’ ta’ Pentekoste.

Spirtu ta’ l-għerf, aħna nadurawk: urina x-xejn tal-ħwejjeġ tad-dinja u l-importanza tal-ħwejjeġ tas-sema. Glorja.

 

Spirtu tal-fehma, aħna nirringrazzjawk: dawwalna bil-fidi biex tmexxina f’kull opra tagħna. 

Glorja.

 

Spirtu tal-kunsill, aħna nfaħħruk: agħmilna ubbidjenti għat-tnebbiħ tiegħek. 

Glorja.

 

Spirtu ta’ qawwa, aħna nberkuk: agħmel li nirbħu dejjem l-għedewwa ta’ ruħna. 

Glorja.

 

Spirtu tax-xjenza, aħna nigglorifikawk: għinna sabiex naqilgħu l-vera sapjenza tal-qaddisin. 

Glorja.

 

Spirtu tal-pjetà, aħna nitolbuk: agħmel li nitolbu aktar bil-ġabra. 

Glorja.

 

Spirtu tal-biża’ ta’ Alla, aħna nħobbuk: żommna dejjem fil-preżenza tiegħek. 

Glorja.

 

jew

Talba għall-miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu

Missier etern Alla, f’isem Ġesù Kristu, ibnek, u għall-interċessjoni tal-verġni Marija Immakulata, ibgħat fija l-Ispirtu qaddis tiegħek:

Ejja, Spirtu qaddis, f’qalbi u qaddishieli.

Ejja, missier il-fqajrin u wennisni.

Ejja, ħallieq ta’ kull ġid u farraġni.

Ejja, dawl ta’ l-imħuħ u dawwalni.

Ejja, faraġ ta’ l-erwieħ u hennini.

Ejja, mistieden għażiż u tħallini qatt waħdi.

Ejja, fewġa ħelwa ta’ ħajti u ’tini s-saħħa.

Glorja. (x3)

Spirtu qaddis, imħabba bla tmiem.

Ejja fina bil-ħeġġa tiegħek,

ejja kebbes il-qlub tagħna.

 

N.B. Litanija lill-Ispirtu s-Santu biex tingħad waqt ir-rużarju fil-jiem tan-novena ...

 

 

LITANIJA TAL-ISPIRTU S-SANTU

 

Mulej ħniena  -- Mulej ħniena

Kristu ħniena  --  Kristu ħniena

Mulej ħniena  -- Mulej ħniena

 Missier li tista’ kollox – Ħenn għalina

Ġesù, Iben Etern tal-Missier  -- Ħenn għalina

Feddej tad-dinja – Salvana

Spirtu tal-Missier u ta’ l-Iben – Salvana

Ħajja bla qies, tagħhom it-tnejn  --  Qaddisna

Trinità Qaddisa  --  Ismagħna

Spirtu Santu li ġej mill-Missier  --  Inżel f’qalbna

Spirtu Santu, li Int daqs il-Missier u l-Iben  -- Inżel f’qalbna   

Wegħda t’Alla l-Missier – Ħenn għalina

Raġġ ta’ dawl mis-sema  -- Ħenn għalina

Għerq ta’ kull tjubija  -- Ħenn għalina

Għajn ta’ l-ilma tas-sema  --  Ħenn għalina

Nar imħeġġeġ  -- Ħenn għalina

Karità mimlija ħrara  -- Ħenn għalina

Balzmu ta’  faraġ spiritwali  -- Ħenn għalina

Spirtu ta’mħabba u verità  -- Ħenn għalina

Spirtu ta’ għerf u fehma  --  Ħenn għalina

Spirtu ta’ kunsill u qawwa  --  Ħenn għalina

Spirtu ta’ għaqal u devozzjoni  -- Ħenn għalina

Spirtu tal-biża’ qaddis t’Alla  -- Ħenn għalina

Spirtu ta’ grazzja u talb  --  Ħenn għalina

Spirtu ta’ paċi u ħlewwa  --  Ħenn għalina

Spirtu ta’ modestja u innoċenza  -- Ħenn għalina

Spirtu s-Santu li jagħti l-faraġ  --  Ħenn għalina

Spirtu s-Santu li jqaddes  --  Ħenn għalina

Spirtu s-Santu li jmexxi l-Knisja  -- Ħenn għalina

Don t’Alla l-Għoli  --  Ħenn għalina

Spirtu li jimla’ l-ħolqien kollu  -- Ħenn għalina

Spirtu li jagħmilna wlied Alla  -- Ħenn għalina

Spirtu s-Santu li jikxfilna l-kruha tad-dnub  -- Ħenn għalina

Spirtu s-Santu, ejja u ġedded wiċċ id-dinja  -- Ħenn għalina

Spirtu s-Santu, sawwab id-dawl tiegħek f’ruħna  -- Ħenn għalina

Spirtu s-Santu, onqox il-liġi tiegħek fuqna  -- Ħenn għalina

Spirtu s-Santu, onqox il-liġi tiegħek fuq qalbna  -- Ħenn għalina

Spirtu s-Santu, kebbes fina n-nar ta’ mħabbtek  --  Ħenn għalina

Spirtu s-Santu, iftħilna t-teżori tal-grazzji tiegħek  --  Ħenn għalina

Spirtu s-Santu, għallimna nitolbu tajjeb  -- Ħenn għalina

Spirtu s-Santu, dawwalna bid-dawl tiegħek tas-sema  -- Ħenn għalina

Spirtu s-Santu, mexxina fit-triq tas-salvazzjoni  --  Ħenn għalina

Spirtu s-Santu, agħtina dak l-għerf li hu biss meħtieġ  -- Ħenn għalina

Spirtu s-Santu, ħeġġiġna biex nagħmlu dak li hu tajjeb  -- Ħenn għalina

Spirtu s-Santu, agħtina l-merti tal-virtujiet kollha  -- Ħenn għalina

Spirtu s-Santu, kun Int il-premju tagħna ta’ dejjem  -- Ħenn għalina

Ħaruf t’Alla, li tneħħi d-dnubiet tad-dinja – Ibagħtilna l-Ispirtu s-Santu

Ħaruf t’Alla, li tneħħi d-dnubiet tad-dinja –Ferra’ f’ruħna d-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu

Ħaruf t’Alla, li tneħħi d-dnubiet tad-dinja –Agħtina l-Ispirtu ta’ għerf u qdusija  

Ejja Spirtu s-Santu !  Imla’ l-qlub tal-fidili u kebbes fihom in-nar ta’ Imħabbtek    Ammen