"ĦALLI NGĦIDLEK STORJA’

Is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, MUSEUM, permezz ta’ Pubblikazzjoni Preca, ippubblikat il-ktieb għat-tfal ‘ĦALLI NGĦIDLEK STORJA’, miktub mis-Soċju Joe Galea. Dan hu rigal ieħor lit-tfal f’età meta jkunu qed jidraw jaqraw bil-Malti. It-tfal iħobbu ħafna  l-istejjer u jieħdu gost jaqrawhom jew jisimgħu lil min jaqralhom, anki  l-istess storja, għal darba, darbtejn u aktar.

Dan il-ktieb jikkumplimenta ktieb ieħor tal-istess awtur, bl-isem ta’ ‘QABEL NORQOD’. Fih 35 storja b’tagħlima għall-ħajja. Kull tema hi stedina għat-tfal biex f’ħajjithom dejjem jagħżlu dak li hu tajjeb. Għalhekk dan il-ktieb m’għandux biss valur rikreattiv imma wkoll edukattiv.

It-tpenġijiet attraenti tal-ktieb huma xogħol Roberta Bajada u d-disinn grafiku hu ta’ Warren Busuttil. L-istejjer huma rrakkuntati b’Malti ħafif hekk li t-tfal jistgħu jaqrawhom bla tbatija u jifhmuhom sew. Żgur li ‘ĦALLI NGĦIDLEK STORJA’ se jkun ktieb ta’ ġid fil-ħajja tat-tfal li se jieħdu minnu tagħlim addattat għalihom, mibni fuq stejjer li huma tant iħobbu.

Il-ktieb ‘ĦALLI NGĦIDLEK STORJA’ jinxtara mil-LIBRERIJA PRECA.