Laikos

 

             

Il-Poplu ta’ Alla, suġġett tal-mixja sinodali

Diskors tal-Kardinal Mario Grech

Segretarju tas-Sinodu

Bażilika tal-Madonna Ta’ Pinu

L-Għarb. Għawdex

8 ta’ Lulju 2023

 

Bi pjaċir ninsab magħkom meta hu fil-qalba tiegħu l-proċess sinodali li għalih il-Papa Franġisku sejjaħ lill-Knisja kollha, bl-għan li jqiegħed il-bażi għal Knisja sinodali li jkollha l-ħila ta’ komunjoni, parteċipazzjoni u missjoni. Dan hu sewwasew is-suġġett li nixtieq nitkellem fuqu, bit-titlu: “Il-Poplu ta’ Alla, suġġett tal-mixja sinodali”.

 

1. “Il-Knisja ta’ Alla hi msejħa f’Sinodu”

 

L-affermazzjoni fil-ftuħ tad-Dokument Preparatorju tal-mixja sinodali mnedija fl-10 ta’ Ottubru 2021: “Il-Knisja ta’ Alla hi msejħa f’Sinodu”, qanqlet f’bosta ċertu sens ta’ stagħġib u, forsi wkoll, diżorjentament. Sa minn meta San Pawlu VI waqqaf is-Synodus Episcoporum fil-15 ta’ Settembru 1965, is-Sinodu dejjem inftiehem – b’mod li f’diversi aspetti hu korrett – bħala ġrajja li tmiss lill-isqfijiet, jew b’mod aktar eżatt, grupp ta’ isqfijiet, fil-parti l-kbira tagħhom mibgħuta mis-Sinodi tal-Knejjes Orjentali jew mill-Konferenzi Episkopali tar-Rit Latin.

 

Imma issa, bil-bidla tas-Sinodu minn ġrajja għal proċess – li hi possibbli grazzi għall-Kostituzzjoni appostolika Episcopalis communio ppromulgata mill-Papa Franġisku fil-15 ta’ Settembru 2018 – is-suġġett tas-Sinodu seta’ jitwessa’, mingħajr ma nitilfu r-riferiment għall-Kulleġġ Episkopali. Issa s-suġġett tal-mixja sinodali huwa l-Poplu ta’ Alla kollu kemm hu: għalhekk bis-serjetà kollha dan hu Sinodu li għalih hi msejħa fuq diversi livelli l-Knisja kollha, bl-għan li ninvolvu kemm jista’ jkun lill-imgħammdin kollha, biex hekk nisimgħu l-leħen tagħhom u nagħrfu fih u permezz tiegħu l-leħen tal-Ispirtu s-Santu.

 

Dan sar iktar ċar bid-deċiżjoni riċenti tal-Papa li fis-17 ta’ April 2023 approva l-estensjoni tal-parteċipazzjoni tal-Assemblea Sinodali għal “dawk li mhumiex isqfijiet” (presbiteri, djakni, persuni kkonsagrati, u lajċi, irġiel u nisa) bħala Membri sħaħ. Din l-għażla hi f’kontinwità mal-approprjazzjoni progressiva tad-dimensjoni sinodali kostituttiva tal-Knisja. Fil-fatt, il-proċess sinodali kien att wieħed u flimkien tal-Poplu ta’ Alla u tar-Ragħajja tiegħu, bħala “l-prinċipju u l-fundament tal-unità fil-Knejjes tagħhom partikolari li huma mwaqqfa fuq ix-xbieha tal-Knisja Kattolika waħda u waħdanija” (LG 23). Din id-deċiżjoni ssaħħaħ il-proċess bħala ħaġa sħiħa, u tinkorpora fl-Assemblea l-memorja ħajja tal-fażi prepartorja, permezz  tal-preżenza ta’ xi wħud minn dawk li kienu protagonisti tagħha, u hekk trodd lura l-immaġni a’ Knisja-Poplu ta’ Alla, imwaqqfa fuq ir-relazzjoni kostituttiva bejn saċerdozju komuni u saċerdozju ministerjali, u tagħti viżibbiltà lir-relazzjoni ta’ ċirkolarità bejn il-funzjoni ta’ profezija tal-Poplu ta’ Alla u dik ta’ dixxerniment tar-Ragħajja. Grazzi għal integrazzjoni aħjar mal-fażi preparatorja, l-Assemblea tikkonkretizza l-awgurju li hi tista’ “ssir espressjoni tal-kolleġġjalità episkopali fi ħdan Knisja għalkollox sinodali” (Franġisku, Diskors fil-50 anniversarju tas-Sinodu).

 

Naturalment, Sinodu ddedikat lis-sinodalità ma setax jitlef l-okkażjoni li jagħti sustanza u possibbilment iseddaq iktar din il-karatteristika ġdida fundamentali, li tagħmel mill-magħmudija – u mhux iżjed biss mill-ordinazzjoni – il-kriterju ta’ parteċipazzjoni fis-Sinodu. Mhux diffiċli nintebħu li, fil-proċess sinodali attwali 2021-2024, il-Poplu ta’ Alla hu, fl-istess ħin, suġġett u oġġett: imqar jekk fil-passat it-temi tas-Sinodu dejjem b’xi mod jew ieħor messew il-ħtiġijiet konkreti tal-Poplu ta’ Alla, issa hu msejjaħ għall-ewwel darba jirrifletti direttament fuqu nnifsu, fuq id-dinjità u r-rwol tal-imgħammdin fil-Knisja u fid-dinja, fuq il-parteċipazzjoni ta’ kulħadd fil-missjoni waħda tal-Knisja.

 

Għal din ir-raġuni, l-ewwel fażi tal-mixja – dik iddedikata lill-konsultazzjoni tal-Poplu ta’ Alla li jgħix fil-Knejjes partikulari – irċiviet enfasi partikulari u seħħet f’forma li minn diversi aspetti hi innovattiva ħdejn il-passat anki riċenti. Dak li kkaratterizza din il-fażi kien il-“kapillarità”, jiġifieri x-xewqa li naħkmu l-akbar għadd possibbli ta’ fidili, u nippruvaw nilħqu anki lil dawk li normalment ma jdurux madwar l-ambjenti ekkleżjali tagħna, u nuru attenzjoni partikulari lejn il-foqra, l-imwarrbin, l-esklużi.

 

Minkejja l-limitazzjonijiet li ġab miegħu l-Covid-19 u d-diffikultà oġġettiva ta’ ħafna komunitajiet li jilħqu lill-“imbiegħda”, f’dawn l-aħħar sentejn rajna mobilitazzjoni ġenerali tal-Knejjes partikulari, u ta’ dan kellna konferma meta waslu Ruma s-sinteżijiet maħduma mis-Sinodi tal-Knejjes Orjentali u tal-Konferenzi Episkopali. Mhux biss in-numru ta’ tweġibiet li waslu kien ogħla milli qatt kien s’issa (fil-każ tas-Sinodi Orjentali 15 minn 15, fil-każ tal-Konferenzi Episkopali 112 minn 114), imma fuq kollox minn dawn ir-rapporti setgħu joħorġu b’mod realistiku l-ferħ u t-tamiet, kif ukoll it-tħassib u t-tbatijiet, ta’ tant u tant Knejjes lokali mxerrda mad-dinja.

 

Dawn is-sinteżijiet, fi kliem ieħor, tawna li nisimgħu l-leħen tal-Knisja f’din is-siegħa tal-istorja, leħen li – daqskemm hu possibbli – fid-Dokument tat-Tappa Kontinentali dewa b’mod sħiħ u affidabbli. Hekk naqraw fil-ftuħ ta’ dan id-Dokument, ippubblikat għall-fażi kontinentali, li jispikka għall-għażla tiegħu li jinqeda fil-wisa’ bi kwotazzjonijiet mis-sinteżijiet nazzjonali:

 

Il-kwotazzjonijiet [fid-Dokument] jippruvaw jagħtu idea tal-għana tal-materjal li rċivejna, u jħallu jidwi l-leħen tal-Poplu ta’ Alla f’kull parti tad-dinja. Ma għandhomx jiġu interpretati li qed isostnu l-pożizzjonijiet ta’ xi parti partikulari tal-globu, lanqas bħala sempliċi rappreżentazzjoni tal-varjetà ġeografika, anki jekk ippruvajna niggarantixxu ċertu bilanċ f’termini ta’ provenjenza tal-għejun. Dawk il-kwotazzjonijiet, pjuttost, ġew magħżula għax jesprimu b’mod partikularment b’saħħtu, sabiħ jew preċiż sentiment li jidher f’diversi sinteżijiet. Madankollu, huwa ċar li ebda dokument ma jista’ jiġbor fih fil-qosor il-profondità tal-fidi, il-vitalità tat-tama u l-enerġija tal-imħabba li jfawru mid-diversi kontributi li rċivejna. Warajhom wieħed jilmaħ il-qawwa u l-għana tal-esperjenza li għamlu d-diversi Knejjes, tul il-mixja li terrqu, miftuħa għad-diversità ta’ ilħna li tkellmu (DTC 6).

 

2. Il-Poplu ta’ Alla fil-Konċilju Vatikan II

 

Dik li ġustament ġiet imsejħa l-“iżvolta kopernikana” tal-ekkleżjoloġija Konċiljari seħħet meta ddeċidew li jpoġġu l-kapitlu dwar il-Poplu ta’ Alla qabel dak fuq il-ġerarkija, għax minn dan il-Poplu joħorġu wkoll ir-Ragħajja: ma għadniex inħarsu lejn il-Knisja billi nibdew mill-ministri tagħha, immaq nħarsu lejha billi nibdew mill-membri tagħha.

 

L-appartenenza komuni għal dan il-Poplu, u allura d-dinjità ndaqs tal-imgħammdin kollha, issir il-punt tat-tluq ta’ ekkleżjoloġija mġedda, fejn id-differenzi, imsejsa fuq l-għadd ta’ ministeri u ta’ kariżmi, mhux jinqerdu, imma huma maħsuba mill-ġdid bħala servizz lill-aħwa. Kif tafferma l-Lumen gentium 9, fil-ftuħ tat-II kapitlu De Populo Dei, dan il-Poplu messjaniku, li r-ras tiegħu hu Ġesù Kristu msallab u rxoxt, “għandu bħala kundizzjoni tiegħu d-dinjità u l-libertà ta’ wlied Alla li fi qlubhom l-Ispirtu s-Santu jgħix bħal f’tempju”. Minn dan joħroġ li “għalkemm uħud, b’rieda ta’ Kristu, huma maħtura biex jgħallmu jew biex jamministraw jew biex ikunu ragħajja tal-oħrajn, b’danakollu hemm ugwaljanza fost kulħadd dwar id-dinjità u l-ħidma komuni tal-fidili kollha biex jibnu l-ġisem ta’ Kristu” (Lumen gentium 32).

 

Jekk iż-żmien ta’ wara l-Konċilju għall-bidu kien ikkaratterizzat mix-xewqa ta’ approfondiment tat-teoloġija Konċiljari tal-Poplu ta’ Alla, madankollu wara l-1968 ma naqsux li jwarrdu f’xi oqsma tal-Knisja diversi interpretazzjonijiet strumentalizzati u ideoloġiċi, li fil-fehma tagħhom il-Konċilju Vatikan II ried, b’din il-kategorija ekkleżjoloġika, b’xi mod iġib fix-xejn il-ministeri jew jagħmel demokratizzazzjoni istituzzjonali. Hawn għandna għarfien riduttiv tad-duttrina Konċiljari, li fil-verità, bil-maqlub, ittrattat b’mod mhux inqas wiesa’ l-ministeru ġerarkiku fi ħdan il-Knisja Poplu ta’ Alla, u rriflettiet b’mod speċjali – kif nafu tajjeb – fuq il-Kolleġġjalità episkopali u fuq ir-relazzjoni tagħha mal-primat Petrin.

 

3. Il-“Poplu qaddis u fidil ta’ Alla” fil-maġisteru tal-Papa Franġisku

 

Bl-elezzjoni tal-Arċisqof ta’ Buenos Aires fuq it-tron ta’ Pietru, bdiet fażi ġdida fil-mod kif qed nifhmu l-Konċilju Vatikan II, b’mod partikulari l-ekkleżjoloġija tiegħu.

 

Minnufih l-Isqof attwali ta’ Ruma esprima l-preferenza tiegħu għat-teoloġija tal-Poplu ta’ Alla kif insibuha fit-II kapitlu tal-Lumen gentium, b’mod speċjali f’nru 12, il-paragrafu fuq is-sensus fidei. Hekk, biex inkunu preċiżi, diġà sa mis-sajf 2013 hu jafferma, fl-intervista li ta lid-Direttur ta’ La Civiltà Cattolica Antonio Spadaro: “Ix-xbieha li togħġobni tal-Knisja hi dik tal-Poplu qaddis u fidil ta’ Alla. Din hi d-definizzjoni li jien nuża spiss, u wara kollox hi dik tal-Lumen gentium fin-numru 12”.[1] F’dawn l-espressjonijiet ninnutaw il-formula “Poplu qaddis u fidil ta’ Alla”, li l-Papa mbagħad uża ħafna u ħafna drabi, hekk li saret leitmotiv tat-tagħlim tiegħu.

 

Wara dan, hu fl-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium – il-manifest programmatiku tal-pontifikat, minsuġ f’kontinwità ddikjarata mad-“duttrina tal-Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium” (nru 17) – li l-Papa Franġisku jerġa’ jiżviluppa b’aċċenti oriġinali t-teoloġija tal-Poplu ta’ Alla. Wara li jitkellem fit-tul fuq il-primat tal-evanġelizzazzjoni, li għandu jwassal lill-Knisja biex “fir-reġjuni kollha tad-dinja […] nwaqqfu preżenza fi ‘stat permanenti ta’ missjoni’” (n. 25), il-Papa jagħmilha ċara li “s-suġġett tal-evanġelizzazzjoni hu wisq aktar minn istituzzjoni organika u ġerarkika, billi qabelxejn hu poplu miexi lejn Alla” (n. 111).

 

Għall-Papa, sempliċiment, “li nkunu Knisja jfisser inkunu Poplu ta’ Alla” (n. 114), poplu li “jitlaħħam fil-popli ta’ din l-art, kull wieħed bil-kultura tiegħu” (n. 115). Poplu li, bis-saħħa tal-prinċipji ta’ “inkarnazzjoni” u ta’ “inkulturazzjoni”, jitwettaq u jikseb wiċċ storiku u konkret f’kull Knisja partikulari. It-teoloġija tal-Poplu ta’ Alla, f’dan id-dawl, tintiseġ ma’ aspett ieħor fundamentali tal-Konċilju: it-teoloġija tal-Knejjes lokali, ladarba “d-djoċesi hija parti mill-Poplu ta’ Alla (portio Populi Dei) […], li fiha tinsab preżenti u attiva l-Knisja ta’ Kristu, waħda, qaddisa, kattolika u appostolika” (Christus Dominus 11).

 

Kif diġà osservajna, mill-kapitlu Konċiljari fuq il-Poplu ta’ Alla l-Papa Franġisku jfakkar b’mod partikulari d-duttrina tas-sensus fidei. Fil-Lumen gentium 12, is-sens sopranaturali tal-fidi jintrabat mad-dimensjoni profetika tas-saċerdozju batteżimali, li jagħti lit-totalità tal-imgħammdin “intuwizzjoni” speċjali tal-verità rivelata, li biha l-Insara kollha jikkonkorru biex jinżlu iktar fil-fond tal-għarfien tal-misteru ta’ Kristu. Hekk fl-Evangelii gaudium il-Papa jikkummenta fuq il-lezzjoni Konċiljari dwar is-sensus fidei, tema li sa issa oġġettivament ftit kienet preżenti fil-maġisteru pontifiċju:

 

Fl-imgħammdin kollha, mill-ewwel sal-aħħar wieħed, hemm taħdem il-qawwa tal-Ispirtu li tqaddes u tħeġġeġ lil dak li jkun biex jevanġelizza. Il-Poplu ta’ Alla hu qaddis minħabba f’din id-dilka li tagħmlu infallibbli “in credendo”. Dan ifisser li meta jemmen hu ma jiżbaljax, anki jekk ma jsibx il-kliem biex jesprimi l-fidi tiegħu. L-Ispirtu jmexxih lejn il-verità u jwasslu għas-salvazzjoni (EG 119).

 

Minn hawn joħroġ li, fil-Poplu ta’ Alla, kull imgħammed u mgħammda, bil-qawwa tad-dilka tal-Ispirtu s-Santu, “hu suġġett attiv ta’ evanġelizzazzjoni, u ma jkunx f’loku naħsbu fi skema ta’ evanġelizzazzjoni mwettqa minn atturi kwalifikati fejn il-bqija tal-poplu tal-fidili jkun biss qed jirċievi l-azzjoni tagħhom” (n. 120). F’teoloġija tal-Poplu ta’ Alla, il-Poplu kollu hu suġġett u kulħadd fil-Poplu hu suġġett: hi viżjoni ta’ Knisja li tisħaq fuq il-protagoniżmu ta’ kulħadd flimkien, u twassalna biex nirrivedu anki l-kunċett tagħna tas-soltu tal-ministeru ordnat.

 

Il-Papa jerġa’ jirriferi għal-Lumen gentium 12 fid-diskors famuż li għamel fis-17 ta’ Ottubru 2015 għall-50 anniversarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet, fejn joħroġ għall-ewwel darba bit-teorija ta’ Knisja kostituttivament sinodali, fejn ragħajja u fidili huma msejħa – skont l-istess etimoloġija tat-terminu sýnodos – biex “jimxu flimkien”. Hekk jafferma l-Papa: “Is-sensus fidei iżommna milli b’mod riġidu nifirdu bejn Ecclesia docens u Ecclesia discens, ladarba anki l-Merħla kapaċi ‘xxomm’ u tiddixxerni t-toroq ġodda li l-Mulej jiftaħ quddiem il-Knisja”.

 

Il-Papa Franġisku jibda jagħtina, f’dak id-diskors, il-wiċċ ta’ dik li hu jsejħilha “Knisja li tisma’”, wiċċ li mbagħad ikompli japprofondixxi bla waqfien: “Hu smigħ reċiproku fejn kulħadd għandu x’jitgħallem. Poplu fidil, Kulleġġ episkopali, Isqof ta’ Ruma: wieħed jisma’ lill-ieħor; u kulħadd jisma’ lill-Ispirtu s-Santu, l-‘Ispirtu tal-verità’ (Ġw 14:17), biex jagħraf dak li hu ‘jgħid lill-Knejjes’ (Apok 2:7)”.

 

4. Il-Poplu ta’ Alla, suġġett tal-mixja sinodali

 

Huma sewwasew affermazzjonijiet ta’ din ix-xorta, li magħhom ovvjament stajna nżidu ħafna oħrajn, li joffrulna l-qafas teoloġiku tal-proċess sinodali li għaddej bħalissa. B’mod partikulari, hu l-għarfien li s-smigħ tal-Poplu ta’ Alla jfisser is-smigħ tal-Ispirtu s-Santu li jagħti l-ħajja lill-mixja li fiha ninsabu.

 

L-ewwel fażi ta’ din il-mixja, dik li skont l-Episcopalis communio għandha tkun ikkaratterizzata mill-konsultazzjoni tal-Poplu ta’ Alla fi ħdan il-Knejjes partikulari, hi mfissra hekk mid-Dokument Preparatorju ppubblikat fil-bidu ta’ dan il-proċess sinodali:

 

Ir-Ragħajja […] ma jibżgħux jisimgħu lill-Merħla fdata f’idejhom: il-konsultazzjoni tal-Poplu ta’ Alla ma tassumix fi ħdan il-Knisja dinamiżmi tad-demokrazija li jiddependu fuq il-prinċipju tal-maġġoranza, għax fil-bażi tal-parteċipazzjoni għal kull proċess sinodali hemm il-passjoni maqsuma flimkien għall-missjoni komuni ta’ evanġelizzazzjoni u mhux ir-rappreżentanza ta’ interessi f’kunflitt. […] Huwa fir-rabta għammiela bejn is-sensus fidei tal-Poplu ta’ Alla u l-funzjoni tal-maġisteru tar-Ragħajja li jseħħ il-kunsens unanimu tal-Knisja kollha fl-istess fidi (n. 14).

 

Il-“konsultazzjoni” tal-Poplu ta’ Alla ma tirriduċix ruħha għal xi stħarriġ numeriku, bir-riskji ta’ manipulazzjoni tal-opinjoni pubblika, kif hu tipiku fis-sistemi politiċi msejsa fuq ir-rappreżentanza. Pjuttost, permezz tal-kosultazzjoni tal-Knejjes, qed nersqu – kważi mexjin fuq ponot subgħajna – lejn is-sens sopranaturali tal-fidi tat-totalità tal-imgħammdin, b’dak ir-rispett kollu tregħid ta’ min jaf li jinsab fuq “art qaddisa”.

 

F’dan is-sens, l-għarfien tad-Dokument għat-Tappa Kontinentali diġà msemmi jista’ jirriżulta tabilħaqq għammiel. Ma nkunux nesaġeraw meta ngħidu li dak id-Dokument joffri qari spiritwali u wieħed għandu jersaq lejh bi spirtu ta’ talb. Fih nagħrfu li, li “nimxu flimkien”, bħala Poplu ta’ Alla, tul il-mogħdijiet tal-istorja, hu sabiħ u iebes fl-istess waqt, u jitlob axxeżi kontinwa: “Il-Poplu ta’ Alla ġarrab il-ferħ li jimxi flimkien u x-xewqa li jkompli jagħmel hekk. Il-mod kif jagħmel dan bħala komunità Kattolika tassew globali hu xi ħaġa li għadna rridu niskopruha għalkollox. […] Aħna Knisja li qed titgħallem, u biex nagħmlu dan għandna bżonn ta’ dixxerniment kontinwu li jgħinna naqraw flimkien il-Kelma ta’ Alla u s-sinjali taż-żminijiet, biex hekk nistgħu nimxu fid-direzzjoni li l-Ispirtu qed jurina” (n. 96).

 

Anki meta, issa li ġie ppubblikat l-Instrumentum laboris tal-Assemblea Ġenerali tas-Sinodu, se jkunu prinċipalment l-isqfijiet flimkien ma’ xi wħud oħrajn li se jiltaqgħu Ruma f’Ottubru 2023 u mill-ġdid f’Ottubru 2024, għal darb’oħra se jkun il-Poplu ta’ Alla s-suġġett tal-mixja sinodali.

 

Fil-fatt, ir-Ragħajja fis-Sinodu mhux lilhom infushom ħa jieħdu, imma se jwasslu fis-Sinodu l-leħen tal-Knejjes tagħhom, li huma bl-ordinazzjoni tagħhom huma r-rappreżentanti leġittimi. F’kull isqof isseħħ repraesentatio doppja: minn naħa hu r-rappreżentant ta’ Kristu – il-vicarius Christi skont il-Lumen gentium 27 – quddiem il-Knisja fdata fil-kura pastorali tiegħu, u mill-oħra r-rappreżentant ta’ dik il-Knisja quddiem il-Knejjes l-oħra, jiġifieri quddiem il-Catholica kollha. F’dan is-sens il-konċilji ekumeniċi, anki meta fl-imgħoddi ħadu sehem fihom biss isqfijiet, dejjem kienu maħsuba u ċċelebrati bħala ġemgħat ta’ Knejjes, kif kien jidher ċar ukoll mill-fatt li l-prelati ma kinux jissemmew bl-isem personali tagħhom, imma bit-titlu tas-sede tagħhom, jiġifieri bl-isem ta’ Knisja lokali speċifika.

 

B’dan il-mod hija l-istess Tradizzjoni li turina kif il-Poplu ta’ Alla hu dejjem il-protagonista ta’ kull ġrajja sinodali. Jiena konvint li proprju dan ir-riferiment fundamenti għat-Tradizzjoni jista’ jgħinna negħlbu xi reżistenzi għall-proċess li għaddej: dak li hu kuntrarju għat-Tradizzjoni, fis-sens l-aktar profond ta’ dan it-terminu kif muri fit-tieni kapitlu tad-Dei Verbum, mhuwiex il-protagoniżmu tal-Poplu ta’ Alla, imma t-twarrib tiegħu, ikkawżat mill-applikazzjoni fil-Knisja Kattolika ta’ modi ta’ tmexxija li għandhom bħala mudell ir-reġimi politiċi tal-epoka moderna.

 

Waqt li għadna f’nofs il-mixja, it-tama tagħna allura hi li, permezz tal-proċess sinodali li għaddej, inkunu nistgħu nippromovu – bla għaġla imma anki bla ma nintelqu – il-maturazzjoni ta’ kuxjenza ekkleżjali ġdida, li fiha – skont il-mudell li l-istess Tradizzjoni tgħaddilna – il-Poplu ta’ Alla jiġi magħruf bħala suġġett u mhux bħala oġġett, u l-istess jgħodd għal kull wieħed u waħda mill-membri tiegħu.

 

Il-finalità tas-Sinodu tal-Knisja mhijiex finalità amministrattiva jew ġuridika, imma fis-Sinodu l-Knisja trid tħabrek biex tagħraf aħjar il-verità – ir-rieda tal-Mulej. Din il-verità tinsab qabelxejn fil-persuna ta’ Ġesù Kristu, fil-Kelma rivelata, fil-Maġisteru tal-Knisja, imma wkoll fi ħdan il-Poplu Qaddis ta’ Alla (sensus fidelium). Jekk nagħtu widen għall-Poplu kollu ta’ Alla nkunu tabilħaqq nagħtu widen għal dak li l-Ispirtu qed jgħid lill-Knisja. Tiddependi minn din ir-riskoperta l-għażla li nikkonsultaw (niddjalogaw) mal-poplu ta’ Alla: kieku ma kellniex iċ-ċertezza li l-Ispirtu jkellem lill-Knisja u dan jagħmlu bil-qawwa tad-dilka mogħtija fil-magħmudija, il-konsultazzjoni kienet tkun biss stħarriġ soċjoloġiku. Mill-Ispirtu tiddependi l-conspiratio, jiġifieri l-fehma waħda fil-fidi tal-poplu kollu ta’ Alla, li ridna nuru permezz tad-Dokument Preparatorju: mill-Ispirtu jiddependi l-kunsens, l-armonija li tridna mhux biss nemmnu flimkien, imma anki nimxu flimkien.


 

[1] Ara Franġisku, Intervista minn Antonio Spadaro, 19 ta’ Awwissu 2013, f’La Civiltà Cattolica 164 (2013) 3, pp. 449-477: 459.