
Is-Sinodu qed isir dejjem iżjed bħal salib it-toroq missjunarju
għall-Knisja

Intervista mal-Prosegretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet fuq
il-valur tas-sinodalità fil-pontifikat tal-Papa Franġisku u fuq
l-esperjenza tal-Assemblea Sinodali dwar l-Amażonja
Alessandro
Gisotti –
Belt
tal-Vatikan
Il-ħatra tiegħu bħala Prosegretarju Ġenerali tas-Sinodu
tal-Isqfijiet, fit-2 ta’ Ottubru li għadda, kellha fil-ħsieb
tal-Papa “sinifikat sinodali effettiv”. Kif rajna dritt wara, diġà
fl-istess Sinodu tal-Amażonja, Mons. Mario Grech fil-fatt ġie
msejjaħ “jimxi spalla ma’ spalla” mal-Kardinal Lorenzo Baldisseri,
fid-dawl tas-suċċessjoni tiegħu fit-treġija tas-Segreterija Ġenerali
tas-Sinodu. F’din l-intervista lill-Osservatore Romano u Vatican
News – l-ewwel waħda sa min-nomina tiegħu – l-Isqof Malti jitkellem
fuq l-esperjenza li għadu kemm għex fis-Sinodu tal-Amażonja u jaqsam
ir-riflessjonijiet tiegħu fuq iċ-ċentralità li d-dimensjoni
tas-sinodalità għandha fil-Maġisteru u fl-azzjoni pastorali tal-Papa
Franġisku.
Is-Sinodu dwar l-Amażonja għalaq ftit tal-jiem ilu. Kif għextha din
l-esperjenza hekk speċjali?
Intbaħt kemm hu minnu dak li jħobb itenni l-Papa meta jgħid li
r-realtà tista’ taraha aħjar mill-periferji milli miċ-ċentru! Dan
jiswa kemm għar-realtajiet soċjali u kulturali u kemm
għall-esperjenza ekkleżjali. Jaħbat ma’ moħħi dak li qalli isqof
Brażiljan fuq kif hu stess tgħallem ħafna huwa u jisma’ lil sħabu.
Minkejja li hu ġej mill-istess reġjun, ma kienx jaf b’ċerti
esperjenzi u ħtiġijiet li esprimew l-oħrajn. Allura jekk
l-esperjenza tas-Sinodu kienet utli għal wieħed li ġej minn dan
l-istess territorju, kemm tista’ tiswa iktar għalina li naħsbu li
aħna fiċ-ċentru! Meta wieħed jisma’ ċerti esperjenzi li ħarġu
mis-Sinodu, mhux biss jintebaħ kemm semina Verbi hemm f’dawn
il-popli u vestigia ecclesiæ huma preżenti f’dawn il-kulturi,
imma anki kemm iċ-ċentru jkun jagħmel żball oħxon meta jaħseb li hu
superjuri għal dawn in-nies.
Int
ġejt nominat Prosegretarju Ġenerali tas-Sinodu sewwasew ftit jiem
qabel l-Assemblea fuq l-Amażonja. B’liema sentimenti lqajt din
il-ħatra li għamillek il-Papa?
Jiena
ġej minn djoċesi ċkejkna, imma li għandha dimensjoni missjunarja
qawwija. Fis-snin tal-formazzjoni tiegħi fis-Seminarju kienu
jgħidulna li “the world is my parish”. Bla ma kont naf,
il-Mulej kien ilu jħejjili qalbi għal dan il-ministeru ġdid li
fil-fehma tiegħi għandu fih dimensjoni missjunarja. Anki jekk
il-Vatikan mhuwiex art missjunarja, inħoss li l-mandat li fdali
l-Papa hu sejħa missjunarja, kemm għax is-Segreterija tas-Sinodu hi
bħal salib it-toroq li jlaqqa’ flimkien il-konferenzi episkopali
tad-dinja kollha u kemm għax l-istess Sinodu tal-Isqfijiet hu għodda
ta’ evanġelizzazzjoni. Kif jikteb il-Papa Franġisku, “f’mument
storiku li fih il-Knisja qed tintroduċi tappa ġdida ta’
evanġelizzazzjoni li qed titlob minnha li tkun fir-reġjuni kollha
tad-dinja fi stat permanenti ta’ missjoni, is-Sinodu tal-Isqfijiet
hu msejjaħ, bħal kull istituzzjoni ekkleżjastika oħra, biex isir
dejjem iżjed kanal xieraq għall-evanġelizzazzjoni tad-dinja tal-lum”
(EC, 1).
Is-Sinodu hu bla dubju ta’ xejn waħda mill-kelmiet muftieħ ta’ dan
il-pontifikat. Fil-fehma tiegħek, għaliex id-dimensjoni
tas-sinodalità hi hekk importanti għall-Papa Franġisku?
Jien
tal-fehma li l-ħsieb tal-Papa Franġisku fuq is-sinodalità għandu
l-għeruq tiegħu fil-kategorija tal-“Poplu ta’ Alla”. Hu fatt li
fil-bagalja tiegħu l-Papa jġorr it-Teoloġija tal-Poplu frott
tal-għarfien li għandu tal-Konċilju Vatikan II, u anki
tal-esperjenza tiegħu bħala isqof tal-poplu fi Buenos Aires.
Il-poplu hu fil-qalba tal-esperjenza pastorali tiegħu u t-teoloġija
u l-ekkleżjoloġija tiegħu huma frott ta’ din l-esperjenza qalb
il-Poplu ta’ Alla. Fid-dawl ta’ dan, il-Knisja mhix identifikata
mal-ġerarkija imma fil-Poplu ta’ Alla bil-membri kollha tiegħu –
isqfijiet, persuni kkonsagrati u lajċi – li mqar jekk għandhom
kariżmi differenti, huma mżejna bl-istess dinjità li ġejja
mill-istess Magħmudija. Il-Papa jħobb itenni dak li nsibu fil-Lumen
gentium 12, jiġifieri li l-Poplu ta’ Alla hu infallibbli in
credendo: “dan ifisser li meta jemmen hu ma jiżbaljax, anki jekk
ma jsibx il-kliem biex jesprimi l-fidi tiegħu… Alla jagħti
lill-fidili kollha flimkien dak l-istint tal-fidi – is-sensus
fidei – li jgħinu jiddixxerni dak li tabilħaqq ġej minn Alla.
Il-preżenza tal-Ispirtu tagħti lill-Insara ċerta konnaturalità
mar-realtajiet divini u għerf li bih jistgħu jintuwixxu dawn
ir-realtajiet, anki jekk ma għandhomx f’idejhom l-għodda t-tajba
biex jesprimuhom bi preċiżjoni”
(EG, 119).
Fil-fatt is-sensus fidei hu muftieħ ermenewtiku biex nifhmu
t-teoloġija tas-sinodalità li jagħtina sewwasew il-Papa Franġisku.
Meta tqis li fil-kitba tiegħu On Consulting the Faithful in
Matters of Doctrine, San John Henry Newman kien reġa’ ta l-ħajja
lir-riflessjoni fuq is-sensus fidei li mbagħad influwenzat
il-Konċilju Vatikan II (DV 8, LG 12),
il-kanonizzazzjoni tiegħu matul is-Sinodu tal-Amażonja rrappreżentat
okkażjoni tad-deheb għal riflessjoni iktar fil-fond fuq is-sensus
fidei li, jidhirli jien, ġiet ittraskurata. Ma naħsibx li kien
dettall aċċidentali r-riferiment li għamel il-Papa fl-omelija
tal-quddiesa tal-għeluq tas-Sinodu għal “dak is-sensus fidei
li kien nieqes mid-dikjarazzjoni”.
F’ċertu sens, għexna “żewġ Sinodi fuq l-Amażonja”: dak fl-Awla
mmarkat minn klima fraterna bejn il-Padri Sinodali u dak fuq
il-midja, u iżjed u iżjed fuq il-midja soċjali, immarkat minn
kuntrasti qawwija. Xi jġagħlek tirrifletti dan id-“duwaliżmu”?
Hi
kwistjoni li diġà rajna bħalha fl-istorja tal-Knisja u li dwarha
nkitbu anki kotba interessanti. Naħsbu ftit f’dak li ġara
fl-okkażjoni tal-Konċilju Vatikan II. Il-Papa emeritu, fl-aħħar
laqgħa tiegħu mas-saċerdoti ta’ Ruma fl-14 ta’ Frar 2013, dwar din
il-problema fakkar hekk: “Kien hemm il-Konċilju tal-Padri – il-veru
Konċilju –, imma kien hemm ukoll il-Konċilju tal-midja. Kien kważi
Konċilju ieħor, u d-dinja l-Konċilju qratu minn dawn l-għajnejn,
tal-midja.
[…] U
waqt li l-Konċilju tal-Padri kien qed iseħħ fi ħdan qafas ta’ fidi,
kien Konċilju
[…] li pprova
jwieġeb
għall-isfida ta’ Alla f’dak iż-żmien,
[…] il-Konċilju
tal-ġurnalisti,
naturalment, ma seħħx fi ħdan il-fidi, imma fi ħdan il-kategoriji
tal-midja tal-lum, jiġifieri barra mill-fidi, b’ermenewtika
differenti”. Mela minn naħa l-problema li għandna quddiemna hi
parzjalment fiżjoloġika għax il-kuntesti huma differenti, mill-oħra
tfakkar kemm lill-Knisja li għandha tikkomunika aħjar billi
tippreċiża dejjem il-perspettiva speċifika, u kemm lill-ġurnalisti
biex irawmu xewqa li jifhmu b’mod iżjed profond il-ġrajjiet
tal-ħajja tal-Knisja.
Anki f’din l-okkażjoni, saret talba min-naħa ta’ realtajiet
femminili fil-Knisja biex fis-Sinodu jingħata l-vot lin-nisa.
Ir-riflessjoni tiegħek fuq ir-rwol tal-mara fil-Knisja…
Matul
is-Sinodu kien hemm bosta interventi interessanti fuq ir-rwol
tal-mara fil-Knisja. Kif naqraw fid-dokument finali tas-Sinodu,
“il-Knisja tal-Amażonja trid tfittex opportunitajiet iktar
imwessgħin għal preżenza femminili iżjed inċiżiva fil-Knisja… Jekk
il-Knisja titlef lin-nisa fid-dimensjoni sħiħa u reali tagħhom, tkun
esposta għall-isterilità”
(par. 99).
It-talba biex is-sehem tal-mara fil-Knisja jiġi msaħħaħ iżjed ġiet
mhux biss minn nisa (reliġjużi u lajċi) preżenti fl-awla, imma anki
mill-isqfijiet li għamluha ta’ leħen huma għax-xewqat ta’ dawk li
ħadu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni li kien seħħ
fid-djoċesijiet. Ġie partikularment apprezzat il-fatt li f’ħafna
nħawi tal-Amażonja l-Knisja hi preżenti permezz tal-intervent
tan-nisa. Mhumiex ftit dawk in-nisa, partikularment reliġjużi, li
huma responsabbli mit-treġija tal-komunitajiet Insara fl-imkejjen
nieqsa mill-preżenza tal-presbiteru. Hu fid-dawl ta’ dan il-fatt li
ntalab rikonoxximent formali tal-ħidma li l-mara diġà qed tagħmel
fil-qasam tal-evanġelizzazzjoni u tal-pastorali bil-ħolqien ta’
ministeri apposta għan-nisa u fit-treġija tal-komunitajiet. F’dan
il-kuntest, tressqet il-proposta għas-sehem tan-nisa fis-setgħa
tat-tmexxija, li hi distinta mis-setgħa sagramentali.
Mill-konsultazzjoni ta’ qabel is-Sinodu ħarġet ukoll it-talba ta’
ħafna għall-ammissjoni tal-mara għad-djakonat permanenti (ara par.
103). Dan kollu jindika li beda proċess li bih il-Knisja tista’
tikseb
rostro feminino ikbar
li jirrifletti wkoll il-wiċċ ta’ Marija, Kewkba
tal-evanġelizzazzjoni.
Ifisser li għandna nevitaw li nillimitaw ruħna għal
kunsiderazzjonijiet ta’ karattru funzjonali…
Iva.
Inħoss li ħafna drabi d-diskors dwar il-mara fil-Knisja għad għandu
togħma ta’ utilitarjaniżmu, bħallikieku lill-mara għandna nagħtuha
iżjed spazju biss biex nindirizzaw ċerti urġenzi, meta jkun ħafna
iżjed korrett u evanġeliku jekk lill-mara nagħrfulha dak li hu
tagħha. Kienet tassew f’waqtha l-osservazzjoni tal-Papa Franġisku
fid-diskors tal-għeluq tas-Sinodu meta qal li “jeħtieġ nirriflettu
fuq xi jfisser ir-rwol tal-mara fil-Knisja. Meta naħsbu fir-rwol
tal-mara fil-Knisja, qed naħsbu biss fil-parti funzjonali. Imma
l-missjoni tagħha tmur ħafna lil hemm mill-funzjonalità”.
Is-Sinodu, mixtieq minn San Pawlu VI, żviluppa dejjem iżjed bħala
strument ta’ smigħ tal-Poplu ta’ Alla u ta’ għajnuna lill-Maġisteru.
Kif ninżlu iktar fil-fond ta’ dawn iż-żewġ dimensjonijiet preżenti
wkoll fl-Episcopalis
Communio?
F’din
il-Kostituzzjoni Appostolika, il-Papa Franġisku joffrilna xi
kriterji biex insaħħu l-proċess ta’ djalogu bejn l-isqfijiet u
l-Poplu ta’ Alla u biex lil dan tal-aħħar niżgurawlu spazju akbar
ta’ parteċipazzjoni fil-Knisja – proċess ta’ integrazzjoni ikbar
bejn il-communio
fidelium,
il-communio
episcoporum,
u l-communio
ecclesiarum.
Fil-fatt, hu jafferma li mqar jekk jammetti li s-Sinodu
tal-Isqfijiet hu essenzjalment miġemgħa episkopali li tiffavorixxi
d-djalogu u l-kollaborazzjoni bejn l-isqfijiet u bejn l-isqfijiet u
l-Isqof ta’ Ruma, dan m’għandux jinfired mill-Poplu ta’ Alla, għax
“il-ħajja tal-Knisja u l-ħajja fil-Knisja hi għal kull Isqof
il-kundizzjoni għat-tħaddim tal-missjoni tiegħu li jgħallem.
Is-Sinodu tal-Isqfijiet għandu jsir dejjem strument ipprivileġġjat
ta’ smigħ tal-Poplu ta’ Alla. Isqof li jgħix qalb il-fidili tiegħu
għandu widnejh miftuħa biex jisma’ ‘dak li l-Ispirtu jgħid
lill-Knisja’ u ‘leħen in-nagħaġ’ anki permezz ta’ dawk l-organiżmi
djoċesani li għandhom il-ħidma li jagħtu parir lill-Isqof,
fit-tisdiq ta’ djalogu leali u kostruttiv”
(EC,
5).
F’dan
il-qafas toħroġ iżjed ċara d-dinamika tas-Sinodu: is-sensus fidei
tal-universitas fidelium, il-ministeru ta’ tmexxija
tal-Kulleġġ tal-Isqfijiet… u l-ministeru ta’ għaqda tal-isqof u
tal-Papa
(CTI, La sinodalita nella vita e nella missione della
Chiesa, 64, cf. 72).
Kif
jafferma l-Papa Franġisku, fid-diskors tiegħu għall-ħamsin
anniversarju mit-twaqqif tas-Sinodu tal-Isqfijiet, is-sinodalità
“toffrilna l-qafas interpretattiv l-iżjed adatt biex nistgħu nifhmu
l-istess ministeru ġerarkiku. Jekk nifhmu li, kif jgħid San Ġwann
Griżostmu, ‘Knisja u Sinodu huma sinonimi’ – għax il-Knisja mhix
ħlief il-Merħla ta’ Alla li tul il-mogħdijiet tal-istorja ‘timxi
flimkien’ lejn Kristu l-Mulej – nifhmu wkoll li fi ħdanha ħadd ma
jista’ jkun ‘ogħla’ minn oħrajn. Għall-kuntrarju, fil-Knisja hu
meħtieġ li xi ħadd ‘jitbaxxa’ biex jaqdi lill-aħwa matul il-mixja”.
|