MARIJA
U L-KARMELITANI
Il-Verġni
Marija hija kkunsidrata bħala
waħda mill-figuri fundamentali
tal-Familja Karmelitana, Omm u
Oħt il-Karmelitani. Sa
mill-bidu tagħhom, l-eremiti fuq
l-Għolja tal-Karmelu kellhom
devozzjoni speċjali lejn Marija
Omma Ġesù. Mir-rakkonti li
għandna sa mill-1231 ta’ xi
pellegrini, nafu li fuq l-Għolja
tal-Karmelu kien hemm kappella
ddedikata lill-Verġni Marija.
L-għażla tal-eremiti biex
jiddedikawha lill-Verġni Marija
għandha s-sinifikat tagħha. Din
id-dedikazzjoni kienet tfisser
ix-xewqa li l-Verġni Marija tkun
preżenti fil-komunità bħala
s-Sinjura tal-post; il-verġni
Mqaddsa Marija tal-Għolja
tal-Karmelu.
Il-patronat kien
realtà aċċettata fiż-żminijiet
tan-nofs. Il-qaddejja kienu
juru li huma qegħdin għall-qadi
tas-sid ui dan kienu jagħmluh
billi jpoġġu jdejhom fl-idejn
il-Patrun. Din hija użanza li
għadha ssir illum ukoll anki
fil-professjoni reliġjuża.
Il-patronat kien jinvolvi żewġ
persuni bi drittijiet u
b’obbligazzjonijiet miż-żewġ
naħat. Is-Sid kien dmir tiegħu
li jipproteġi lill-qaddej li
min-naħa tiegħu kien iwiegħed li
jaqdi. Ir-Regola ta’ S. Albert
enfasizzat li l-Karmelitani jrid
jgħix ħajja ta’ ubbidjenza lejn
Ġesù Kristu, bl-istess mod li
qaddej ried iwiegħed lis-sid
tiegħu.
Il-Karmelitani
dehrilhom li kienet ħaġa
naturali li bħalma wegħdu
l-fedeltà tagħhom lejn is-Sid
tal-post, lejn Ġesù Kristu, issa
kien dmirhom li jagħmlu l-istess
diskors dwar Marija, is-Sinjura
tal-post. U għalhekk meta
l-Karmelitani ddedikaw
il-kappella għall-Verġni Marija,
huma kienu jqisu lilhom infushom
bħala marbutin b’mod fewdali
għas-servizz u l-qadi tagħha,
taħt il-protezzjoni tagħha.
Il-ħajja reliġjuża tagħhom
kienet f’riġlejha. Hija kienet
tieħu ħsiebhom u huma kienu
jaqduha.
Din ir-realtà
għandha tifsira speċjali mhux
biss għalina r-reliġjużi, imma
wkoll għall-membri kollha
tal-Familja Karmelitana,
terzjarji, devoti tal-Madonna
tal-Karmnu u tant u tant ħbieb u
benefatturi tal-Ordni
Karmelitan.
Meta aħna
niċċelebraw il-festa tal-Madonna
tal-Karmnu, ma nkunux biss qed
infaħħru lill Ommna Marija, imma
nkunu qed nerġgħu nistqarru
x-xewqa tagħna li nimxu fuq
il-passi ta’ din Ommna u Oħtna.
Dan ifisser li nġeddu l-wegħda
tagħna li nħalluha tressaqna
lejn Binha Ġesù u nistqarru
l-fehma tagħna li ngħixu l-fidi,
t-tama u l-imħabba.
P. Joseph Saliba
O. Carm.
Pirjol
Provinċjali.
|