Laikos

 

Stedina biex nirriflettu fuq kif irridu nibnu d-dar komuni tagħna

Kumment tal-Isqof Mario Grech fuq l-Enċiklika “Laudato si’” tal-Papa Franġisku

 

Għalkemm din l-enċiklika tindirizza t-tema tal-ambjent, minn kliem il-Papa jidher ċar li l-emerġenza ekoloġika hija sintomu ta’ suġġett aktar wiesa’: il-bniedem u l-iżvilupp ekonomiku.  Fil-fatt il-Papa joffri analiżi u riflessjoni dwar l-ambjent imma dan f’rabta mal-ekonomija, il-kummerċ, ix-xogħol, il-kultura konsumistika, u l-bqija.  Huwa jħit it-tiċrita bejn l-ekoloġija ambjentali u dik ekonomika, soċjali, kulturali u tal-ħajja ta’ kuljum li tinvolvi kull persuna (143).

 

F’epoka fejn il-bniedem aktar jagħti valur lil dak li għandu (to have) milli lil dak li hu (to be), meta, misjuq mill-kilba biex jaħtaf, ma għandux sabar jistenna u jixtieq jikseb kollox “issa” u jagħmel qligħ malajr, hemm ir-riskju li kollox ikun iddettat mil-loġika tal-immedjatezza (181).  Ngħidu aħna, billi jkun mgħaġġel biex itella’ l-prodotti s-suq, il-bidwi jara kif jagħmel u jkabbar il-ħxejjex u l-frott b’mod artifiċjali anki jekk dan jissagrifika l-proċess naturali u t-tjubija tal-prodott.

 

Peress li min ikun jixtieq jasal qabel il-waqt, jaf jaħdem bil-loġika effiċjentista, fis-sens li jfittex li jinqeda bl-aqwa u l-aħjar, hu jwarrab dawk l-elementi li ma jgħinuhx jew ifixkluh biex jilħaq il-mira tiegħu.  Huwa l-każ fejn l-għan jiġġustifika l-mezzi.  Min għandu din l-attitudni jiġi jaqa’ u jqum mid-drittijiet tal-oħrajn u tal-art u jkattar il-kultura tal-iskart – fejn min hu dgħajjef, fqir, anzjan, marid, jingħata l-ġenb għax jitqies sempliċi sinna miksura fir-rota tal-magna l-kbira li tipproduċi biex tagħmel il-flus.

 

Ħafna drabi mad-danni ambjentali hemm marbuta t-tnaqqir tal-kwalità tal-ħajja umana u d-degradazzjoni soċjali (48).  Ħasra li xi kultant il-bniedem jinsa li “il-vera viżjoni ekoloġika hija viżjoni soċjali li tintegra l-ġustizzja fid-diskussjonijiet dwar l-ambjent biex hekk tinstema’ kemm il-karba tal-art u kemm tal-foqra” (49).

 

Għalhekk, jekk ngħidu li l-Papa qed jindirizza biss lill-politiċi, naħseb li ma nkunux naqraw tajjeb l-Enċiklika.  Inħoss li l-Papa qed jappella lil firxa wiesgħa ta’ persuni (ekonomisti, bankiera, nies tan-negozju, xjenzjati, politiċi, ġuristi, ġurnalisti, u l-bqija), partikularment lil dawk li jħaddmu s-sistema ekonomika neo-mercatista li ħafna drabi flok ma tirrispetta lill-bniedem, tinqeda bih; fejn kollox huwa ddettat mill-poter teknokratiku u finanzjarju.  Ħafna drabi dawn iħossuhom sidien li jistgħu jisfruttaw kemm l-ambjent u kemm il-ħajja umana (136).

 

Għalkemm hija l-ewwel enċiklika dwar l-ambjent fis-sens wiesa’ tal-kelma, il-Papa Franġisku huwa f’kontinwazzjoni ma’ dawk ta’ qablu: il-Pacem in terris tal-Papa San Ġwanni XXIII, il-Populorum progressio fejn il-Beatu Papa Pawlu VI kien il-vuċi tal-popli li kienu bil-ġuħ li jinterpellaw lil dawk li kellhom ħalqhom fix-xgħir, kif ukoll it-tagħlim tal-Papa San Ġwanni Pawlu II, il-Papa Benedittu XVI u l-Patrijarka Ekumeniku Bartilmew.  Imsejsa fuq viżjoni Nisranija tal-ħolqien, l-enċiklika hija stedina sabiex ilkoll nilqgħu l-isfida ekoloġika bħala opportunità biex nirriflettu fuq x’dinja rridu nibnu fis-snin li ġejjin u x’azzjoni nistgħu nieħdu biex inkunu aktar responsabbli fil-kura tad-dar komuni tagħna.  Hemm diversi modi kif il-Knisja tista’ tkompli tgħin f’din il-kawża ekoloġika, imma l-aktar billi tgħin lill-bniedem ikompli jfittex lil Alla, għax jekk id-dinja għandha bidu u ġiet maħluqa, hi qed tfittex lil min ħalaqha, qed tfittex lil min taha bidu, dak li hu l-Ħallieq tagħha”.  Jekk nibqgħu sajmin dwar Alla, insiru aktar awtoreferenzjali, nifgaw il-kuxjenza tagħna u toktor fina l-kilba – “aktar ma l-qalb tal-bniedem tkun battala, aktar ikollha bżonn tixtri, tippossedi u tikkonsma oġġetti” (204).