Laikos

 

Papa Benedittu Sittax u l-Lectio Divina

 

Is-siltiet li ġejjin huma siltiet ewlenin fejn il-Papa Benedittu Sittax jitkellem dwar il-Lectio Divina. Dan huwa fenomenu ġdid fil-ħajja tal-Knisja.

 


L-Ewwel Silta


 “Nixtieq b’mod partikolari nfakkar u nirrakkomanda t-tradizzjoni antika tal-Lectio Divina: il-qari attent tal-Kotba Mqaddsa akkumpanjat mit-talb iwassal għal dak id-djalogu intimu li fih min jaqra, jisma’ lil Alla li qed jitkellem, biex imbagħad, fit-talb iwieġbu jiftaħ qalbu għalih mimli fiduċja [cf. Dei verbum, n. 25]. Jekk tiġi promossa b’mod effettiv, din il-prattika se ġġib lill-Knisja – u jien konvint minn dan – rebbiegħa spiritwali ġdida.”

 

(Diskors tal-Qdusija Tiegħu Papa Benedittu Sittax lill-Parteċipanti fil-Kungress Internazzjonali organizzat biex ifakkar l-40 anniversarju tal-Kostituzzjoni Dogmatika Dwar Rivelazzjoni Divina “Dei Verbum” 16 ta’ Settembru 2005)


It-Tieni Silta


Meta tkellem dwar Oriġene, Papa Benedittu qal:

“Fl-​Ittra tiegħu lil Girgor, Oriġene jirrakkomanda: “Studja l-​ewwelnett il-​lectio tal-Kotba Mqaddsa. Qed ngħidlek hekk għax għandna bżonn nistudjaw il-Kotba Mqaddsa fil-fond... u filwaqt li inti tistudja dawn l-opri divini b’intenzjoni ta’ fidi u biex togħġob lil Alla, ħabbat fuq dak li hu magħluq fihom u jinfetaħ lilek minn Dak li jinsab mal-bieb, li dwaru jgħid Ġesù: “Dak li jkun mal-bieb, lilu jiftaħ’.

 

“Filwaqt li inti tattendi għal din il-lectio divina, fittex sewwa b’fidi sħiħa f’Alla s-sens moħbi li hemm fil-biċċa l-kbira tas-siltiet tal-Kotba Mqaddsa. U tikkuntentax ruħek li tħabbat u tfittex, għax dak li hu assolutament meħtieġ biex nifhmu dak li hu divin hija l-oratio. U biex iħeġġiġna għal dan, is-Salvatur jgħid mhux biss “Ħabbtu u jiftħulkom”, u “fittxu u ssibu’, imma jgħid wkoll “itolbu u taqalgħu’” (Ep. Gr. 4).

 

Ir-“rwol ewlieni” li kellu Oriġene fl-istorja tal-lectio divina tidher ċara ħafna quddiemna. L-Isqof Ambroġ ta’ Milan, li tgħallem mix-xogħlijiet ta’ Oriġene biex ifisser l-Iskrittura, iktar tard daħħalhom ukoll fil-Punent biex imbagħad għaddihom lil Wistin u lit-tradizzjoni monastika li ġiet wara.” (Papa Benedittu, Udjenza Ġenerali, 2 ta’ Mejju 2007)


It-Tielet Silta


Meta tkellem dwar San Ambroġ, Papa Benedittu qal:

“Sa dak il-mument, Ambroġ kien l-aktar maġistrat anzjan tal-Imperu fit-Tramuntana tal-Italja. Kulturalment kien edukat ħafna, imma fl-istess ħin ma kien jaf xejn dwar l-Iskrittura. Għalhekk dan l-Isqof il-ġdid beda jistudjaha b’mod mgħaġġel. Mix-xogħlijiet ta’ Oriġene, l-imgħallem il-kbir tal-“Iskola Lixandrina”, huwa tgħallem il-Bibbja u tgħallem jikkummenta dwarha.

Għaldaqstant, Ambroġ ittraduċa għall-ambjent Latin il-meditazzjoni fuq l-Iskrittura li Oriġene kien beda, u daħħal fil-Punent il-prattika tal-lectio divina. Il-metodu tal-lectio serva sabiex iggwida l-predikazzjoni u l-kitbiet kollha ta’ Ambroġ, li ħarġu proprju mis-smigħ bit-talb tal-Kelma t’Alla.

Id-daħla famuża ta’ katekeżi Ambrosjana turi ċar kif dan l-Isqof qaddis applika t-Testment il-Qadim għall-ħajja Nisranija: “Kuljum, meta konna naqraw dwar il-ħajja tal-Patrijarki u l-kitba tal-Proverbji, konna nitgħallmu dwar il-moralità”, l-Isqof ta’ Milan qal lill-katekumeni u lin-neofiti tiegħu (l-insara l-ġodda), “sabiex intom, iffurmati u mgħallmin minnhom, tidraw tieħdu t-triq li ħadu l-Missirijiet u timxu t-triq tal-ubbidjenza lejn il-kmandamenti divini” (Dwar il-Misteri 1, 1).

Fi kliem ieħor, in-neofiti u l-katekumeni, skont id-deċiżjoni tal-Isqof, wara li jkunu tgħallmu l-arti ta’ kif jgħixu ħajja ordnata kif għandu jkun, setgħu minn issa ʼl  quddiem iqisu lilhom infushom lesti għall-misteri l-kbar ta’ Kristu.

Għalhekk, il-predikazzjoni ta’ Ambroġ – li hija l-qofol tal-kitba letterarja kbira tiegħu – tibda bil-qari tal-Kotba Mqaddsa (“il-Patrijarki” jew il-Kotba storiċi u l-“Proverbji”, jew fi kliem ieħor, il-Kotba tal-Għerf) sabiex wieħed jgħix fi qbil mar-Rivelazzjoni divina.

(Papa Benedittu XVI, Udjenza Ġenerali, 24 ta’ Ottubru 2007)


Ir-Raba’ Silta


MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA BENEDITTU XVI

LIŻ-ŻGĦAŻAGĦ TAD-DINJA (9 APRIL 2006)

“Musbieħ għal riġlejja l-kelma tiegħek,

u dawl fil-mogħdija tiegħi” (Salm 119 [118]:105)

 

Għeżież żgħażagħ!

B’ferħ kbir insellimkom waqt li qed tħejju għall-21 Jum Dinji taż-Żgħażagħ, u nerġa’ ngħix il-memorja ta’ dawk l-esperjenzi sbieħ li kellna f’Awwissu tas-sena l-oħra fil-Ġermanja. Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ din is-sena se jiġi ċelebrat fil-Knejjes lokali, u se tkun opportunità tajba biex terġa’ titqajjem il-fjamma ta’ entużjażmu li kien hemm f’Cologne u li ħafna minnkom ħadtu magħkom fil-familji, parroċċi, għaqdiet u movimenti tagħkom. Fl-istess ħin, tkun okkażjoni mill-isbaħ li tistiednu lil ħafna mill-ħbieb tagħkom biex jingħaqdu ma’ dan il-pellegrinaġġ spiritwali tal-ġenerazzjoni żagħżugħa lejn Kristu.

It-tema li qed nissuġġerilkom hija vers mis-Salm 119 [118]: “Musbieħ għal riġlejja l-kelma tiegħek, u dawl fil-mogħdija tiegħi” (v. 105). L-għażiż Ġwanni Pawlu II ikkummenta hekk dwar dak il-vers tas-salm: “Min jitlob ikun qed jirringrazzja lil Alla għal-Liġi tiegħu, u fl-istess ħin ikun qed jagħżel din il-Liġi bħala dawl fil-mixja tiegħu fil-ħajja, li spiss tkun mixja fid-dlam” (Udjenza Ġenerali , l-Erbgħa 14 ta’ Novembru 2001). Alla juri lilu nnifsu fl-istorja. Huwa jkellem lill-bniedem, u l-kelma li jgħid għandha qawwa li toħloq. Il-kunċett Ebrajk “dabar”, normalment tradott bħala “kelma”, fil-verità għandha tifsira kemm ta’ “kelma” kif ukoll ta’ “għemil”. Alla jgħid dak li jagħmel u jagħmel dak li jgħid. It-Testment il-Qadim iħabbar lil Ulied Iżrael il-miġja tal-Messija u t-twaqqif ta’ patt “ġdid”; fil-Kelma magħmula bniedem Huwa jwettaq il-wegħda tiegħu.

Dan insibuh b’mod ċar fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika: “Kristu, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, huwa l-unika Kelma, perfetta u insuperabbli li qal il-Missier. Permezz tiegħu, huwa qal kollox; ma jkunx hemm kelma oħra ħlief din” (n. 65). L-Ispirtu s-Santu li mexxa lill-poplu magħżul billi nebbaħ lill-kittieba Sagri tal-Kotba Mqaddsa, jiftaħ il-qlub ta’ dawk li jemmnu biex jifhmu t-tifsira tagħhom. Dan l-istess Spirtu huwa preżenti b’mod attiv fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika meta s-saċerdot, “in persona Christi”, ilissen il-kliem tal-konsagrazzjoni, u l-ħobż u l-inbid jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, għall-ikel spiritwali tal-fidili. Sabiex nimxu ʼl quddiem fil-pellegrinaġġ tagħna fuq l-art lejn is-Saltna tas-sema, ilkoll għandna bżonn li nitmantnew bil-kelma u l-ħobż tal-Ħajja ta’ dejjem, u dawn ma jistgħux jinfirdu minn xulxin!

L-Appostli rċevew il-kelma tas-salvazzjoni u għaddewha lis-suċċessuri tagħhom bħala ġawhra prezzjuża miżmuma b’mod sigur fil-kaxxa tal-ġojjelli tal-Knisja: mingħajr il-Knisja, din il-ġawhra tirriskja li tintilef jew tinqered. Għeżież żgħażagħ ħbieb tiegħi, ħobbu l-kelma ta’ Alla u ħobbu l-Knisja, u dan jiftħilkom bieb għal teżor ta’ valur kbir ħafna u jgħallimkom kif tapprezzaw l-għana tiegħu. Ħobbu u segwu l-Knisja, għax hija rċeviet mingħand il-Fundatur tagħha l-missjoni li turi lin-nies it-triq għall-hena tassew. Mhux faċli li nagħrfu u nsibu l-hena tassew f’din id-dinja li ngħixu fiha, fejn in-nies huma lsiera mill-modi ta’ ħsieb li hawn illum. Jista’ jkun li hemm min jaħseb li hu “liberu”, iżda hawn ħafna li qed jitrqarrqu u jintilfu fost żbalji jew illużjonijiet ta’ ideoloġiji li jwaħħxuk. “Jeħtieġ li l-libertà nnifisha tiġi meħlusa” (ara l-enċiklika Veritatis Splendor, 86), u li ndawlu d-dlam li fih il-bniedem qed jogħdos. Ġesù għallimna kif dan jista’ jsir: “Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi, intom tkunu tassew dixxipli tiegħi; u tagħrfu l-verità, u l-verità teħliskom” (Ġw 8:31-32). Il-Kelma inkarnata, il-Kelma tal-Verità, tagħmilna ħielsa u tmexxi l-libertà tagħna lejn dak li hu tajjeb.

Għeżież ħbieb żgħażagħ, immeditaw spiss fuq il-kelma ta’ Alla, u ħallu l-Ispirtu s-Santu jgħallimkom. Imbagħad tiskopru li l-​mod kif jaħseb Alla mhuwiex l-​istess bħalma jaħsbu l-​bnedmin. Tibdew tikkontemplaw ʼl Alla veru u taqraw il-ġrajjiet tal-istorja mill-għajnejn tiegħu. Idduqu l-milja l-ferħ li jitwieled mill-verità. Fil-mixja tal-ħajja, li la hija faċli u lanqas ħielsa mill-qerq, tiltaqgħu ma’ diffikultajiet u tbatijiet u kultant tkunu tixtiequ tgħidu mas-salmista: “Jien imdejjaq ħafna” (Salm 119 [118] v. 107). Imma mbagħad, tinsewx iżżidu bħalma għamel is-salmista: “Agħtini l-ħajja, O Alla, skont il-kelma tiegħek... Ħajti dejjem fit-tiġrif, imma qatt ma ninsa l-liġi tiegħek” (ibid. vv. 107; 109). Il-preżenza kollha mħabba ta’ Alla, permezz tal-kelma tiegħu, hija d-dawl li jkeċċi d-dlam tal-biża’ u ddawwal it-triq anke fl-iktar żminijiet  diffiċli.

L-awtur tal-Ittra lill-Lhud kiteb: “Tassew, il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar, tinfed sakemm taqsam ir-ruħ mill-ispirtu, il-ġogi mill-mudullun; taf tagħrbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb” (4:12). Huwa meħtieġ li tieħdu bis-serjetà din it-twissija li tqisu l-kelma ta’ Alla bħala “arma” indispensabbli fil-ġlieda spiritwali. Dan iħalli effetti fina u naraw ir-riżultati jekk aħna nitgħallmu nisimgħu l-Kelma, u mbagħad nobduha. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jispjega: “Li tobdi (mil-Latin ob-audire, ‘tisma’) fil-fidi tfisser li wieħed jissottometti ruħu b’mod liberu għall-kelma li jkun sema’, għax il-verità tagħha hija garantita minn Alla stess, li huwa l-Verità nnifisha” (n. 144). Filwaqt li Abraham jagħti eżempju ta’ dan il-mod kif tisma’ billi huwa jobdi, Salamun min-naħa tiegħu juri lilu nnifsu bħala esploratur appassjonat tal-għerf li hemm fil-Kelma. Meta Alla qallu: “Itlob x’għandi nagħtik”, is-sultan għaqli wieġeb: “Nitolbok li tagħti qalb li tifhem lill-qaddej tiegħek” (1 Slaten 3:5,9). Is-sigriet li tikseb “qalb li tifhem” hu li tħarreġ qalbek biex tisma’. Dan jinkiseb meta nimmeditaw b’mod persistenti fuq il-kelma t’Alla u billi nżommu l-għeruq tagħna sodi fiha permezz tal-impenn li nipperseveraw biex insiru nafuha aħjar.

 

Għeżież ħbieb żgħażagħ, inħeġġiġkom biex issiru familjari mal-Bibbja, u żommuha qrib tagħkom sabiex tkun il-boxxla tagħkom li turikom it-triq li tridu tieħdu. Meta taqrawha, issiru tafu iktar lil Kristu. Innotaw x’qal San Ġlormu f’dan ir-rigward: “Jekk ma tafx l-Iskrittura, ma tafx lil Kristu” (PL 24,17; ara Dei Verbum, 25). Metodu li għadda mill-prova taż-żmien ta’ kif wieħed jistudja u jduq il-kelma t’Alla hija l-lectio divina li hija mixja spiritwali u reali u li tinqasam fi stadji differenti. Wara l-lectio, li tikkonsisti filli wieħed jaqra u jerġa’ jaqra mill-ġdid silta mill-Iskrittura Mqaddsa, u wara li jkun ħa l-elementi ewlenin tal-qari, imbagħad jgħaddi għall- meditatio. Dan huwa mument ta’ riflessjoni interjuri li fih ir-ruħ iddur lejn Alla u tipprova tifhem x’qed tgħidilna llum il-kelma tiegħu. Imbagħad hemm l- oratio fejn wieħed jiddedika l-ħin biex jitkellem ma’ Alla direttament. Fl-aħħar naslu għall- contemplatio. Dan jgħinna nżommu qalbna attenta għall-preżenza ta’ Kristu li l-kelma tiegħu hija “dawl jiddi fid-dlam, sakemm jibda jbexbex il-jum u f’qalbkom titla’ l-kewkba ta’ filgħodu” (2 Pt 1:19). Il-qari, l-istudju u l-meditazzjoni tal-Kelma imbagħad iridu juru ruħhom f’ħajja ta’ fedeltà konsistenti lejn Kristu u t-tagħlim tiegħu.

 

San Ġakbu jgħidilna: “Kunu intom dawk li tagħmlu l-kelma, u mhux biss tisimgħuha biss, u hekk tqarrqu bikom infuskom. Għax jekk xi ħadd jisma’ l-kelma u ma jagħmilhiex, ikun bħal wieħed li jara lilu nnifsu f’mera, jara lilu nnifsu, jitlaq, u malajr jinsa kif kien.  Imma dak li jagħrbel il-liġi perfetta tal-ħelsien, u jżomm sħiħ magħha, ma jkunx wieħed li jisma’ biss u jinsa, iżda jkun wieħed li jagħmilha, u hieni dan ikun fl-għemil tiegħu.” (1:22-25). Dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla u jirreferu għaliha dejjem, ikunu qed jibnu ħajjithom fuq sisien sodi. “Mela kull min jisma’ dan kliemi u jagħmel dak li ngħid jien”, qal Ġesù, “ikun bħal raġel għaqli li bena daru fuq il-blat” (Mt 7:24). Mhux se tiġġarraf fil-maltemp.

 

Huwa dan il-programm li għandu jkollkom f’ħajjitkom, għeżież żgħażagħ tat-tielet millennju: li tibnu ħajjitkom fuq Kristu, li tilqgħu l-kelma tiegħu bil-ferħ u li tpoġġuha fil-prattika! Hemm bżonn urġenti li naraw ġenerazzjoni ġdida ta’ appostli ankrati fis-sod fil-kelma ta’ Kristu, kapaċi jwieġbu għall-isfidi ta’ żminijietna u mħejjija biex ixerrdu l-Evanġelju ʼl bogħod u kullimkien. Huwa dan li l-Mulej qed jitlob minnkom, huwa għal dan li tistedinkom il-Knisja, u huwa dan li d-dinja – għalkemm forsi ma tafx  – qed tistenna minnkom! Jekk Ġesù jsejħilkom, tibżgħux twieġbu, tibżgħux tweġbuh b’ġenerożità, speċjalment meta jitlobkom li timxu warajh fil-ħajja kkonsagrata jew fis-saċerdozju. Tibżgħux; afdaw fih u ma tkunux diżappuntati.

Għeżież ħbieb, fil-21 Jum Dinji taż-Żgħażagħ li se niċċelebraw fid-9 ta’ April li ġej, nhar Ħadd il-Palm, nibdew, f’qalbna, pellegrinaġġ li jwassalna għal-laqgħa dinjija maż-żgħażagħ li se ssir f’Sydney f’Lulju 2008. Ejjew inħejju ruħna għal dan l-appuntament kbir billi nirriflettu flimkien fuq it-tema “L-Ispirtu s-Santu u l-missjoni” fi stadji differenti. Din is-sena l-attenzjoni tagħna se tkun fuq “l-Ispirtu s-Santu, Spirtu tal-Verità”, li jurina lil Kristu, il-Kelma magħmula bniedem, billi jiftaħ il-qalb ta’ kull wieħed minna għall-Kelma tas-salvazzjoni li twassalna għall-milja tal-Verità. Is-sena d-dieħla, 2007, se nimmeditaw fuq vers mill-Evanġelju ta’ San Ġwann: “Ħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien” (13:34). Niskopru aktar dwar l-Ispirtu s-Santu, Spirtu ta’ Mħabba, li jimlina bl-imħabba divina u jagħmilna konxji tal-bżonnijiet materjali u spiritwali ta’ ħutna. Fl-aħħar naslu għal-laqgħa dinjija tal-2008 u t-tema tagħha se tkun: “Meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi” (Atti 1:8).

Minn dan il-mument ’il quddiem, għeżież ħbieb żgħażagħ, fi klima ta’ smigħ kontinwu tal-kelma ta’ Alla, sejħu lill-Ispirtu s-Santu, Spirtu ta’ qawwa u xhieda, biex tkunu tistgħu xxandru l-Evanġelju bla biża’ sa truf l-art. Il-Madonna kienet preżenti fiċ-ċenaklu mal-Appostli hekk kif kienu jistennew Pentekoste. Jalla tkun ukoll l-omm tagħkom u gwida tagħkom. Jalla tgħallimkom tilqgħu l-kelma ta’ Alla, tgħożżuha u timmeditaw fuqha f’qalbkom (ara Lq 2,19) kif għamlet hi tul ħajjitha. Jalla hi tħeġġiġkom biex tgħidu l-“iva” tagħkom lill-Mulej hekk kif tgħixu “l-ubbidjenza tal-fidi”. Jalla tgħinkom tibqgħi sodi fil-fidi, sħaħ fit-tama, perseveranti fl-imħabba, dejjem attenti għall-kelma ta’ Alla. Jien nkun magħkom fit-talb, u nbierek lil kull wieħed u waħda minnkom b’qalbi kollha.

Mill-Vatikan, 22 ta’ Frar 2006, Festa tal-Kattedra ta’ San Pietru Appostlu.


Il-Ħames Silta


Dan hu dak li qal il-Papa Benedittu dwar il-Lectio Divina fl-okkażjoni tas-Sinodu. Kliemu huwa xhieda tajba ta’ kif twieledet, kif żviluppat u kif issaħħet b’mod mirakoluż il-Lectio Divina fil-Knisja. Dan huwa tassew mument ġdid iżda fundamentali fl-istorja tal-Knisja. Is-silta li ġejja, meħuda minn dokument tas-Sinodu, hija trattat qasir dwar il-Lectio Divina.

 

“Il-Qari si spirtu ta’ talb tal-Iskrittura Mqaddsa u “Lectio Divina”

 

“86. Is-Sinodu saħaq spiss fuq il-ħtieġa li nersqu lejn it-test sagru fi spirtu ta’ talb , bħala element fundamentali fil-ħajja spiritwali ta’ kullmin jemmen, fid-diversi ministeri u stati fil-ħajja, b’referenza partikolari għal-lectio divina. Il-kelma ta’ Alla hi l-bażi ta’ kull spiritwalità nisranija awtentika. B’hekk il-Padri Sinodali ħadu l-kliem tal-Kostituzzjoni Dommatika Dei Verbum:

 

“Jalla l-fidili jersqu għalhekk bil-qalb lejn il-Kotba Mqaddsa sew fil-Liturġija mqaddsa mogħnija bil-kelma ta' Alla, sew permezz tal-qari devot, sew permezz ta' inizjattivi addattati għal dan l-iskop jew għajnuniet oħra li, bl-approvazzjoni u bl-appoġġ tal-Isqfijiet qegħdin illum, b'mod ta' min ifaħħru, joktru u jixterdu kullimkien. Imma għandhom jiftakru li l-qari tal-Iskrittura Mqaddsa għandu jkollu miegħu wkoll it-talb biex jista' jkun hemm taħdita bejn Alla u l-bniedem.” (DV25)

 

B’hekk il-Konċilju fittex li jerġa’ jagħmel tiegħu t-tradizzjoni patristika kbira li dejjem kienet irrakkomandat li wieħed għandu jersaq lejn il-Kotba Mqaddsa fi spirtu ta’ djalogu ma’ Alla. Kif jgħid Santu Wistin: “It-talba tiegħek hija l-kelma li inti tgħid lil Alla. Meta taqra l-Bibbja, Alla jkellmek; meta titlob, inti tkellem lil Alla”. Oriġene, wieħed mill-imgħallmin il-kbar ta’ dan il-mod ta’ kif taqra l-Bibbja, isostni li biex wieħed jifhem l-Iskrittura, iktar milli jistudja għandu jkun qrib ta’ Kristu u tat-talb. Fil-fatt, Oriġene kien konvint li l-aħjar mod biex tkun taf lil Alla hu permezz tal-imħabba, u li ma jistax ikun hemm “scientia Christi” awtentika ħlief li wieħed jikber f’din l-imħabba. Fl-Ittra tiegħu lil Girgor, il-kbir teologu minn Lixandra ta dan il-parir:

 

Iddedika ruħek għal-lectio tal-Iskrittura Mqaddsa; u dan għamlu b'perseveranza. Agħmel il-qari tiegħek bil-ħsieb li temmen f’Alla u li togħġbu.  Jekk waqt il-lectio tiltaqa’ ma’ xi bieb magħluq, ħabbat u jinfetaħ għalik minn dak l-għassies li dwaru Ġesù qal, ‘Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ’. Meta tiddedika ruħek b’dan il-mod għal-lectio divina, fittex bir-reqqa u b’fiduċja kbira f’Alla t-tifsira tal-Iskrittura Mqaddsa, u ssib dak li hemm moħbi, li hu ħafna. Imma m'għandekx tkun sodisfatt biss li tħabbat u tfittex: għandek żgur bżonn l-oratio biex inti tifhem il-ħwejjeġ ta’ Alla. Għal din ir-raġuni, is-Salvatur qalilna mhux biss: ‘Fittxu u ssibu’, u ‘Ħabbtu u jiftħulkom’, imma żied ukoll, ‘Itlob u taqla’”.

 

F’dan ir-rigward, iżda, wieħed irid jevita r-riskju ta’ l-individwaliżmu, u niftakru li l-kelma ta’ Alla hija mogħtija lilna proprju biex nibnu l-komunjoni, biex tgħaqqadna fil-Verità tul il-mixja tagħna lejn Alla. Filwaqt li hija kelma indirizzata lil kull wieħed u waħda minna personalment, imma hija wkoll kelma li tibni l-komunità, li tibni l-Knisja. Għaldaqstant, għandna dejjem nersqu lejn il-Kotba Mqaddsa f’komunjoni mal-Knisja. Fil-fatt, “il-qari komunitarju tal-Iskrittura huwa importanti ħafna, għax is-suġġett ħaj fl-Iskrittura Mqaddsa huwa l-Poplu ta’ Alla, hija l-Knisja… L-Iskrittura mhix xi ħaġa tal-passat, għax is-suġġett tagħha, il-Poplu ta’ Alla, ispirat minn Alla nnifsu, huwa dejjem l-istess, u għalhekk il-kelma hija dejjem ħajja fis-suġġett li hu ħaj. Għalhekk huwa importanti li naqraw u nesperjenzaw il-Kotba Mqaddsa f’komunjoni mal-Knisja, jiġifieri max-xhieda l-kbar kollha ta’ din il-kelma, ibda mill-Missirijiet tal-bidu sal-qaddisin ta’ żmienna, sal-maġisteru tal-lum.”.

 

Għal din ir-raġuni, il-post privileġġjat għall-qari bit-talb tal-Iskrittura Mqaddsa huwa l-liturġija, u partikolarment l-Ewkaristija, li fiha, filwaqt li niċċelebraw il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu fis-sagrament, il-kelma nnifisha hija preżenti u taħdem fostna. F’ċertu sens il-qari bit-talb tal-Bibbja, personali kif ukoll komunitarju, irid ikun dejjem marbut maċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika. Bħalma l-adorazzjoni Ewkaristika tipprepara, takkumpanja u ssegwi l-liturġija tal-Ewkaristija, hekk ukoll il-qari bit-talb, personali u komunitarju, jipprepara, jakkumpanja u japprofondixxi dak li l-Knisja tiċċelebra meta tħabbar il-kelma f’ambjent liturġiku. Meta l-lectio u l-liturġija jkunu tant magħqudin flimkien, nistgħu nifhmu aħjar il-kriterji li għandhom jiggwidaw din il-prattika fil-qasam tal-kura pastorali u fil-ħajja spiritwali tal-Poplu ta’ Alla.

 

87. Id-dokumenti ta’ qabel u anke ta’ matul is-Sinodu semmew għadd ta’ metodi biex nersqu lejn il-Kotba Mqaddsa mimlijin bil-fidi, metodi li jagħtu l-frott. Iżda l-akbar attenzjoni ngħatat lill-lectio divina, li hija tassew “li mhux biss kapaċi tiftaħ it-teżori tal-kelma ta’ Alla għall-fidili, iżda wkoll tlaqqagħna ma’ Kristu, il-kelma ħajja ta’ Alla”.

 

Nixtieq hawnhekk nerġa’ nsemmi l-passi ewlenin li diġa semmejt:

L-ewwel tibda bil-qari (lectio) tas-silta mill-Iskrittura, u dan iwassal għal xewqa li wieħed jifhem dak li verament fiha s-silta: x’qed jgħid it-test bibliku fih innifsu? Jekk dan ma jsirx, dejjem hemm ir-riskju li s-silta li nkunu qed naqraw issir skuża biex qatt ma nimxu lil hinn mill-ideat tagħna stess.

 

Imbagħad tiġi l-meditazzjoni (meditatio), li nistaqsu: x’qed tgħidilna s-silta tal-Bibbja? Hawnhekk, kull persuna, individwalment iżda wkoll bħala membru tal-komunità, trid tħalli lilha nnifisha titqanqal u tiġi sfidata.

 

Wara dan jiġi t-talb (oratio), fejn nistaqsu: x’se ngħidu lill-Mulej bi tweġiba għall-kelma tiegħu? It-talb, kemm bħala petizzjoni, kif ukoll bħala interċessjoni, jew radd il-ħajr u tifħir, dejjem huwa l-mod prinċipali li bih il-kelma tibdilna.

 

Fl-aħħarnett, il-lectio divina tiġi fi tmiemha permezz tal-kontemplazzjoni (contemplatio), li matulha nieħdu, bħala don mingħand Alla, il-mod tiegħu ta’ kif jara u jiġġudika r-realtà, u nistaqsu lilna nfusna: x’konverżjoni tal-moħħ, tal-qalb u tal-ħajja qed jitlob minna l-Mulej? Fl-Ittra lir-Rumani, San Pawl jgħidilna: “Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu skont it-tiġdid tal-fehmiet tagħkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu tajjeb li jogħġob lilu, u x’inhu perfett” (12:2). Il-kontemplazzjoni għandha l-għan li toħloq fina viżjoni tassew għaqlija tar-realtà, u biex niddixxernu r-realtà kif jaraha Alla, u li tifforma fina “l-mod kif jaħsibha Kristu” (1 Kor 2:16). Il-kelma ta’ Alla tidher hawn bħala kriterju għad-dixxerniment: hija “ħajja u qawwija, aktar taqta minn xabla b’żewġt ixfar, hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu, u l-ġogi u l-mudullun, u tagħrbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb. ” ( Lhud 4:12 ).

 

Nagħmlu tajjeb ukoll li niftakru li l-proċess tal-lectio divina ma jintemmx qabel ma jasal għall-azzjoni (actio), li tqanqal lil min jemmen biex jagħmel ħajtu bħala don għall-oħrajn permezz tal-karità.

 

L-aqwa sintesi u t-twettiq ta’ dan il-proċess kollu nsibuh f’Omm Alla. Il-fedeltà ta’ Marija hija mudell għal kulħadd ta’ kif naċċettaw b’mod doċli l-kelma ta’ Alla, għax hi “baqgħet iżżomm dan kollu f’qalbha, u kienet toqgħod taħseb fuqu bejnha u bejn ruħha” (Lq 2,19; ara 2,51); hija skopriet ir-rabta profonda li tgħaqqad flimkien ġrajjiet u azzjonijiet li jidhru li huma differenti minn xulxin.

 

Nixtieq nirrepeti wkoll dak li ppropona s-Sinodu dwar l-importanza tal-qari personali tal-Kotba Mqaddsa, anke bħala prattika li tippermetti l-possibbiltà li wieħed jikseb indulġenza jew għalih innifsu inkella għall-fidili mejtin, dejjem skont il-liġi tal-Knisja. [298] Il-prattika tal-indulġenzi[299] timplika d-duttrina tal-merti infiniti ta’ Kristu – li l-Knisja, bħala ministru tal-fidwa, tagħti u tapplika, iżda timplika wkoll dik il-komunjoni tal-qaddisin, u tgħallimna li “ikun x’ikun il-livell tal-għaqda tagħna fi Kristu, aħna magħqudin ma’ xulxin, u l-ħajja sopranaturali ta’ kull persuna tista’ tkun utli għall-oħrajn”.[300] Minn dan il-lat, il-qari tal-kelma ta’ Alla jsostnina fil-mixja tagħna ta’ penitenza u konverżjoni, jgħinna napprofondixxu s-sens ta’ appartenenza għall-Knisja, u jgħinna nikbru fil-familjarità ma’ Alla. Kif jgħid San Ambroġ, “Meta naqbdu l-Kotba Mqaddsa bil-fidi u naqrawha flimkien mal-Knisja, aħna nerġgħu nimxu għal darb’oħra ma’ Alla fil-Ġnien”.

 

(“Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali Verbum Domini tal-Qdusija Tiegħu Papa Benedittu XVI lill-Isqfijiet, lill-Kleru, lill-Persuni Konsagrati u lill-fidili lajċi dwar  Il-Kelma ta’ Alla Fil-Ħajja u l-Missjoni tal-Knisja”, 2010)