Laikos

 

Messaġġ konġunt għall-għożża tal-ħolqien

 

Fl-aħħar sena u iktar doqna flimkien l-effetti qerrieda ta’ pandemija globali; ilkoll kemm aħna, foqra jew għonja, dgħajfa jew b’saħħitna. Xi wħud kienu iktar protetti jew iktar vulnerabbli minn oħrajn, imma t-tixrid mgħaġġel tal-infezzjoni ġabna niddependu minn xulxin fl-isforzi tagħna biex inħossuna fiż-żgur. Fhimna li, aħna u naffrontaw dan il-flaġell dinji, ħadd minna ma jista’ jkun fiż-żgur jekk ma jkunx fiż-żgur kulħadd, li l-azzjonijiet tagħna tassew iħallu effett fuq l-oħrajn u li dak li nagħmlu llum jinfluwenza dak li sa jiġri għada.

 

Dawn ma humiex lezzjonijiet ġodda, imma kellna naffrontawhom mill-ġdid. Ejjew ma naħluhx dan il-mument. Jeħtieġ niddeċiedu x’tip ta’ dinja rridu nħallu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Alla jikkmandana: “Agħżel il-ħajja biex tgħix int u nislek” (Dewt 30:19). Jeħtieġ nagħżlu li ngħixu f’dinja differenti; jeħtieġ nagħżlu l-ħajja.

 

Ix-xahar ta’ Settembru jiġi ċċelebrat minn bosta Nsara bħala Żmien il-Ħolqien, opportunità biex nitolbu u nieħdu ħsieb tal-ħolqien ta’ Alla. Waqt li l-mexxejja tad-dinja qed ilestu biex jiltaqgħu fi Glasgow f’Novembru biex jiddeċiedu fuq il-futur tal-pjaneta tagħna, nitolbu għalihom u nirriflettu fuq liema huma l-għażliet li lkoll irridu nagħmlu. Għalhekk, bħala gwidi tal-Knejjes tagħna, nistiednu lil kulħadd, hi x’inhi l-fidi jew il-viżjoni tiegħu tad-dinja, biex ifittex li jisma’ l-karba tal-art u tal-persuni foqra, jgħarbel imġibtu u jħabrek biex jagħmel sagrifiċċji sinifikattivi għall-ġid tal-art li tana Alla.

 

L-importanza tas-sostenibbiltà

Fit-tradizzjoni komuni tagħna, l-Iskrittura u l-qaddisin joffrulna perspettivi mdawla biex nifhmu kemm ir-realtà tal-preżent u kemm il-wegħda ta’ xi ħaġa ikbar minn dak li qed ngħixu bħalissa. Il-kunċett ta’ ħarsien – ta’ responsabbiltà individwali jew kollettiva għad-doni li tana Alla – huwa punt tat-tluq essenzjali għas-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali. Fit-Testment il-Ġdid naqraw dwar ir-raġel għani u iblah li jaħżen għalih innifsu kotra kbira ta’ qamħ, u jinsa li l-ħajja tiegħu hi limitata (Lq 12:13-21). Nisimgħu fuq l-iben il-ħali, li l-ewwel jaħtaf il-wirt tiegħu biex imbagħad imur iberbqu u jispiċċa bil-ġuħ (Lq 15:11-32). Jiftħulna għajnejna biex ma nagħmlux għażliet li bihom inkunu naraw sa mneħirna, li minn barra jidhru rħas, imma li jibnu fuq ir-ramel flok jibnu fuq il-blat biex id-dar tagħna tista’ żżomm soda fil-maltemp (Mt 7:24-27). Dawn ir-rakkonti jistednuna naddottaw viżjoni usa’ u nagħrfu x’inhu postna fl-istorja twila tal-umanità.

 

Imma aħna qbadna d-direzzjoni opposta. Fittixna l-ogħla interess personali tagħna b’dannu għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Ikkonċentrajna fuq kemm għandna ġid, u issa qed niskopru li l-ġid li jtul, fost l-oħrajn l-abbundanza tan-natura, qed jiġi kkunsmat għall-vantaġġ tal-mument biss. It-teknoloġija fetħitilna quddiemna possibbiltajiet ġodda ta’ progress, imma anki ta’ ħażna ta’ għana bla limiti, u ħafna minna qed iġibu ruħhom b’mod li ftit li xejn juri tħassib għall-persuni l-oħra jew għal-limiti li għandha l-pjaneta. In-natura kapaċi tirreżisti fit-tul, imma hi delikata wkoll. Diġà qed naraw il-konsegwenzi tar-rifjut tagħna li nipproteġuha u nippreservawha (Ġen 2:15). Issa, f’dan il-mument, għandna opportunità biex nindmu, biex induru lura b’determinazzjoni, biex nimxu fid-direzzjoni opposta. Hemm bżonn infittxu ġenerożità u korrettezza fil-mod kif aħna ngħixu, naħdmu u nużaw il-flus pjuttost milli l-gwadann egoistiku.

 

L-impatt fuq il-persuni li qed jgħixu fil-faqar

Il-kriżi attwali fil-klima tgħallimna ħafna fuq min aħna u fuq kif inħarsu lejn il-ħolqien ta’ Alla u kif qed nittrattawh. Ninsabu quddiem ġustizzja severa: it-telfien tal-bijodiversità, id-degradazzjoni tal-ambjent u l-bidliet fil-klima huma l-konsegwenzi inevitabbli tal-azzjonijiet tagħna, ladarba b’regħba kbira kkunsmajna iktar riżorsi tal-art minn kemm tiflaħ il-pjaneta. Imma ninsabu wkoll quddiem inġustizzja liema bħalha: il-persuni li jġarrbu l-konsegwenzi l-iżjed katastrofiċi ta’ dawn l-abbużi huma dawk l-iżjed foqra tal-pjaneta u li kellhom l-inqas responsabbiltà fil-kawża tagħhom. Aħna naqdu Alla tal-ġustizzja, li jitpaxxa bil-ħolqien tiegħu u joħloq kull persuna fuq ix-xbieha tiegħu, imma li jagħti widen ukoll għall-karba tal-persuni foqra. Għalhekk fin-natura tagħna hemm sejħa biex inwieġbu b’għafsa ta’ qalb meta naraw din l-inġustizzja qerrieda.

 

Illum qed inħallsu l-prezz ta’ dan. Id-diżastri atmosferiċi u naturali estremi tal-aħħar xhur qed juruna mill-ġdid b’qawwa kbira u bi prezz uman għoli li l-bidla fil-klima mhijiex biss sfida tal-futur, imma anki kwistjoni ta’ għajxien immedjat u urġenti. Għargħar, nirien u nixfa mifruxa ma’ diversi postijiet qed jheddu kontinenti sħaħ. Il-livelli tal-ibħra qed jogħlew, u jġagħlu komunitajiet sħaħ jiċċaqilqu minn posthom; ċikluni jifnu reġjuni sħaħ, u jirvinaw ħajjiet u mezzi ta’ għajxien. L-ilma skarsa u l-ħażniet tal-ikel huma inċerti, u dan jikkawża kunflitt u ċaqliq għal miljuni ta’ persuni. Dan diġà rajnieh f’postijiet fejn il-persuni jiddependu minn proprjetajiet agrikoli ta’ skala żgħira. Illum qed narawh fil-pajjiżi l-iżjed industrijalizzati, fejn lanqas l-iżjed infrastrutturi sofistikati ma jistgħu jwaqqfu għalkollox il-qerda tal-għaġeb li qed isseħħ.

 

Għada jista’ jkun agħar. It-tfal u l-adolexxenti tal-lum sa jsibu ruħhom quddiem konsegwenzi katastrofiċi jekk ma nerfgħux issa r-responsabbiltà, bħala “kollaboraturi ta’ Alla” (Ġen 2:4-7), biex inwieżnu d-dinja tagħna. Spiss nisimgħu b’żgħażagħ li jifhmu li l-futur tagħhom huwa mhedded. Għall-ġid tagħhom, jeħtieġ nagħżlu li nieklu, nivvjaġġaw, nonfqu, ninvestu u ngħixu b’mod differenti, u naħsbu mhux biss fl-interess u fil-gwadann immedjat, imma anki fil-benefiċċji għall-futur. Jisgħobbina mid-dnubiet tal-ġenerazzjoni tagħna. Ninsabu maġenb ħutna iżgħar minna fid-dinja kollha, f’talba ħerqana u azzjoni ħabrieka, għal futur li jikkorrispondi dejjem iżjed għall-wegħdiet ta’ Alla.

 

L-imperattiv tal-koperazzjoni

Matul il-pandemija fhimna kemm aħna vulnerabbli. Is-sistemi soċjali tagħna ċedew u skoprejna li ma nistgħux nikkontrollaw kollox. Jeħtieġ nagħrfu li l-modi kif inħaddmu l-flus u norganizzaw is-soċjetajiet tagħna mhux kulħadd gawda minnhom. Erġajna sibna ruħna dgħajfa u anzjużi, mgħaddsa f’serje ta’ kriżijiet: sanitarja, ambjentali, tal-ikel, ekonomika u soċjali, li huma kollha marbutin bil-kbir ma’ xulxin.

 

Dawn il-kriżijiet ipoġġulna quddiemna għażla. Qegħdin fil-pożizzjoni unika li niddeċiedu jekk naffrontawhomx b’viżjoni dejqa u bl-ispekulazzjoni, jew nilqgħuhomx bħala opportunità ta’ konverżjoni u trasformazzjoni. Jekk naħsbu fl-umanità bħala familja u naħdmu flimkien għal futur mibni fuq il-ġid komuni, nistgħu nerġgħu nibdew ngħixu f’dinja differenti ħafna. Flimkien nistgħu naqsmu viżjoni tal-ħajja fejn kulħadd igawdi. Flimkien nistgħu nagħżlu li naġixxu bi mħabba, ġustizzja u ħniena. Flimkien nistgħu nimxu lejn soċjetà iżjed ġusta u sodisfatta biha nfisha, fejn fiċ-ċentru hemm dawk li huma l-iżjed vulnerabbli.

 

Imma dan ifisser li rridu nagħmlu xi bidliet. Kull wieħed u waħda minna, individwalment, irid jerfa’ r-responsabbiltà ta’ kif jintużaw ir-riżorsi tagħna. Din il-mixja tesiġi kollaborazzjoni dejjem iżjed stretta bejn il-Knejjes kollha fl-impenn tagħhom li jieħdu ħsieb tal-ħolqien. Flimkien, bħala komunitajiet, Knejjes, bliet u nazzjonijiet, irridu nibdlu r-rotta u niskopru modi ġodda kif nikkollaboraw biex inġarrfu l-ħitan tradizzjonali bejn il-popli, nieqfu nikkompetu għar-riżorsi u nibdew naħdmu id f’id.

 

Lil dawk kollha li għadhom responsabbiltajiet ogħla – fit-tmun ta’ amministrazzjonijiet, fit-tmexxija ta’ negozji, fl-impjegar ta’ persuni jew fl-investiment ta’ fondi – ngħidulhom: agħżlu profitti li ċ-ċentru tagħhom huma l-persuni; agħmlu sagrifiċċji żgħar biex inħarsu l-futur tagħna lkoll; siru mexxejja fit-tranżizzjoni lejn ekonomiji ġusti u sostenibbli. “Min ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu” (Lq 12:48).

 

Din hi l-ewwel darba li aħna t-tlieta qed inħossu li għandna naffrontaw flimkien l-urġenza tas-sostenibbiltà ambjentali, l-impatt tagħha fuq il-faqar persistenti u l-importanza tal-koperazzjoni dinjija. Flimkien, f’isem il-komunitajiet tagħna, nagħmlu sejħa lill-qalb u l-moħħ ta’ kull Nisrani, ta’ kull min jemmen u ta’ kull persuna ta’ rieda tajba. Nitolbu għall-mexxejja tagħna li se jiltaqgħu fi Glasgow biex jiddeċiedu fuq il-futur tal-pjaneta tagħna u ta’ dawk li jgħixu fiha. Għal darb’oħra nfakkru x’tgħid l-Iskrittura: “Agħżel il-ħajja biex tgħix int u nislek” (Dewt 30:19). Nagħżlu l-ħajja jfisser nagħmlu sagrifiċċji u nħaddmu kontroll fuqna nfusna.

 

Ilkoll kemm aħna – aħna min aħna u qegħdin fejn qegħdin – jista’ jkollna rwol kif nimmodifikaw it-tweġiba kollettiva tagħna għat-theddida bla preċedenti tal-bidla fil-klima u tad-degradazzjoni ambjentali.

 

Il-ħarsien u l-għożża tal-ħolqien ta’ Alla huma mandat spiritwali li jesiġi tweġiba impenjattiva. Dan hu mument kritiku. Minna jiddependi l-futur ta’ wliedna u tad-dar komuni tagħna.

 

1 ta’ Settembru 2021

 

Il-Patrijarka Ekumeniku Bartilmew

Il-Papa Franġisku

L-Arċisqof ta’ Canterbury Justin

 

 

__________________________

minn LOsservatore Romano n. 202, l-Erbgħa 8 ta’ Settembru 2021

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard