Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr għall-Kreazzjoni bħala Kardinal

Rotunda parrokkjali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija

Il-Ħadd 6 ta’ Diċembru 2020, it-2 Ħadd tal-Avvent

L-Em.T. Mons. Mario Grech, Isqof emeritu ta’ Għawdex u Segretarju Ġenerali tas-Sinodu

 

KNISJA LI TIMXI MAN-NIES

Ħafna llum jinsabu mifxula għax fiċ-ċirkustanzi li qegħdin ngħixu fihom, il-ġejjieni huwa mċajpar mhux ħażin. F’dan iż-żmien ta’ pandemija mhux ftit huma dawk li qed iħokku rashom għax qed naraw ħafna mit-toroq ta’ quddiemna jingħalqu. Biżżejjed insemmu l-qagħda ekonomika li qed toħloq għamliet ġodda ta’ faqar, partikularment meta jkun hemm theddida li jintilef ix-xogħol; jew it-toqol tas-solitudni li qed jagħfas fuq dawk li, biex iħarsu s-saħħa tagħhom u tal-oħrajn, għażlu li jibqgħu ġewwa. Huwa fatt li l-pandemija mhix l-unika sħaba sewda li taf tnissel qtigħ il-qalb fina lkoll – żgur li hemm fatturi oħra fil-ħajja personali, familjari u soċjali tagħna li jinkwetawna dwar x’għamla ta’ ġejjieni hemm għalina. Għandi f’moħħi, ngħidu aħna, għadd ta’ familji tagħna fejn hemm il-problemi relazzjonali, fejn hemm il-mard serju. Ma jistax jonqos li dan it-tħassib jinħass ukoll dwar il-ġejjieni tal-komunità ekkleżjali f’pajjiżna meta naraw li kulma jmur il-prattika reliġjuża qiegħda tnin.

 

Nagħmlu l-qalb. Mhix l-ewwel darba fl-istorja li l-bnedmin għaddew minn mumenti ta’ diżorjentament u inċertezza. Aħna li għandna l-benefiċċju li naqraw l-istorja tal-antenati tagħna, nistgħu ngħidu li kultant skussatura ma tagħmlix ħażin għax tgħinna nintebħu li ċerti stili ta’ ħajja u skemi li nkunu komdi fihom ikollhom bżonn ta’ aġġornament jew aġġustament.

 

Kien fi żmien meta l-Lhud kienu fl-eżilju tal-Babilonja, jiġifieri meta l-Lhud kellhom it-toroq kollha magħluqa u għalhekk kienu bla futur, li permezz tal-profeta Iżaija Alla jibgħatilhom kelma ta’ assigurazzjoni: “Ara, jien nibgħat qablek il-ħabbar [l-anġlu] tiegħi biex iħejji triqtek. Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: ‘Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu’” (Mk 1:2-3). Għalkemm il-qagħda soċjali u reliġjuża tagħhom kienet bla ruħ kif huwa bla ħajja d-deżert, Alla jinżel qrib tagħhom biex jiftħilhom it-triq. Interessanti li fejn il-bniedem kien qata’ qalbu li jista’ jiżbokka, Alla jieħu l-inizjattiva u jinżel qrib tagħhom minkejja li kienu f’art ħarra – art li ma tipproduċi xejn, la materjalment u lanqas spiritwalment – biex filwaqt li jakkumpanjahom, jiftħilhom mogħdijiet ġodda li huma stess qatt ma kienu ħolmu.

 

Alla ma jehda qatt jiftaħ toroq ġodda! F’epoka oħra jibgħat lil Ġwanni l-Għammiedi li għandu kienet tmur il-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm, li wkoll kienu jinsabu fi skjavitù reliġjuż. Għax il-Lhudija u Ġerusalemm jirrappreżentaw il-qofol tas-sagru; kienu s-sede tal-istituzzjoni reliġjuża li maż-żmien tħassret għax kollox kien idur madwar ir-riti, funzjonijiet esterni u l-liġijiet bla ruħ. Għalhekk dan il-ħabbar bil-ġwienaħ – il-Battista – jagħti żblokk lill-poplu ta’ Alla li kien “magħluq” f’reliġjożità mingħajr spirtu u jiftaħlu t-triq biex jiltaqa’ ma’ Ġesù.

 

Meta Ġesù jgħammidna bl-Ispirtu s-Santu, il-bniedem ma jkunx biss maħsul minn dnubietu imma jigi mgħaddas fl-Ispirtu s-Santu. Hekk nieħdu sehem mill-ħajja stess ta’ Ġesù – mill-Ispirtu li għandu Ġesù. Meta tqis li l-Ispirtu jgħammar fina, min hu mgħammed għandu jgħasses fuqu nnifsu mhux biss biex jevita d-dnub imma wkoll biex jisma’ x’inhu jgħidlu l-Ispirtu. U meta l-imgħammda jinġabru flimkien bħala komunità ekkleżjali, għandhom il-grazzja li jisimgħu x’inhu jgħid l-Ispirtu lill-Knisja! Insib interessanti li biex jiftaħ triq biex Ġesù jinżel qrib tan-nies, Alla ma sejjaħx lil xi ħadd mill-ġerarkija reliġjuża ta’ dak iż-żmien, għax kien jaf li ħafna drabi qalbhom magħluqa għall-Ispirtu, imma għażel lill-Għammiedi li kien lajk qalbu mimlija biss b’dak li huwa meħtieġ!

 

Ikun dnub jekk minħabba n-nuqqas ta’ rispett, l-għira, is-suppervja, il-firdiet, tixxellef il-komunjoni ta’ bejnietna għax nitilfu l-opportunità li niddixxernu l-mogħdijiet inediti li l-Ispirtu s-Santu biss jaf ifassal u jipproponi!

 

Din hija waħda mit-toroq ewlenin li Ġesù fetaħ lill-poplu ta’ Alla: triq li tagħti ġejjieni għax toħroġna minn diversi sqaqien fl-oqsma kemm spiritwali u reliġjużi u kemm f’dawk umani, familjari u soċjali. Imma biex ma niżbaljawx it-triq, huwa importanti li nimxu flimkien taħt il-gwida tal-ħabbar li għalina bħala djoċesi huwa l-Isqof. Min jagħżel li jimxi waħdu jew mal-grupp tiegħu jew tagħha, miftum mill-Isqof, ma jistax jasal fil-bogħod.

 

Itolbu għalija ħalli naqdi bil-fedeltà l-ministeru l-ġdid li fdali l-Papa biex niffaċilta lill-Knisja fil-mixja sinodali (mixja flimkien) ħalli tkun Knisja li, imdawla mill-Ispirtu s-Santu, tkun hija stess li timxi wara Ġesù fuq il-linji tal-Vanġelu u fl-istess waqt timxi l-mixja tan-nies, tifhem id-drammi tal-ħajja tagħhom u tgħinhom imiddu l-passi tagħhom f’direzzjoni li timlielhom qalbhom.

 

Huwa ta’ sodisfazzjon personali għalija li meta l-Papa Franġisku ħatarni kardinal ma tanix djoċesi titulari oħra, imma ħallieni Isqof emeritu ta’ din id-Djoċesi maħbuba tagħna. Għalija dan huwa impenn ieħor biex nibqa’ nġorrkom fil-qalb paterna tiegħi. Kif diġà kelli l-okkażjoni nagħmel, illum nerġa’ nqiegħed is-sejħa u l-missjoni tiegħi taħt il-ħarsein matern tal-Madonna Ta’ Pinu.