Diskors tal-Isqof Mario Grech

waqt il-Konċistorju għall-Kreazzjoni ta’ Kardinali Ġodda

Altar tal-Katedra ta’ San Pietru, il-Vatikan

Is-Sibt 28 ta’ Novembru 2020

Santità,

 

Imsejħin f’Konċistorju fi żminijiet hekk gravi għall-umanità kollha minħabba fil-pandemija, nixtiequ ndawru l-ħsieb tagħna lejn “ħutna lkoll” li jinsabu mġarrba. Iċ-ċirkustanzi drammatiċi li l-Knisja u d-dinja kollha għaddejjin minnhom bħalissa jpoġġulna quddiemna l-isfida li naqraw il-pandemija b’mod li ngħinu lil kull persuna biex f’dan iż-żmien drammatiku tagħraf ukoll l-opportunità li “nerġgħu naħsbu l-istili ta’ ħajja tagħna, ir-relazzjonijiet tagħna, l-organizzazzjoni tas-soċjetajiet tagħna, u fuq kollox is-sens tal-ħajja tagħna” (FT, 33) .

 

Imqiegħda bħala “sagrament, jew sinjal u strument tal-għaqda intima ma’ Alla u tal-għaqda tal-ġens tal-bnedmin kollu” (LG, 1), il-Knisja hi msejħa tiftaħ toroq ġodda, anzi, terġa’ hi stess timxi għal għonq it-triq. Hi din il-lezzjoni tal-Konċilju Vatikan II, fil-kapitlu II tal-Lumen gentium, li jerġa’ lura għall-idea tal-Poplu ta’ Alla f’mixja: għat-Testment il-Ġdid din hi l-qagħda tal-Insara, li jgħixu f’din id-dinja bħala għorba u pellegrini, għax jafu tajjeb li l-milja nistgħu nilħquha biss fis-Saltna ta’ Alla. Għal darb’oħra, fil-bidu ta’ millennju ġdid, l-Ispirtu donnu jrid jgħidilna biex inkunu mill-ġdid dawk li “miexja fit-Triq” (Atti 9:2).

 

Jekk il-“Poplu qaddis u fidil ta’ Alla” jimxi “flimkien”, ma jiżbaljax it-triq, għax bħala x-xirka sħiħa tal-imgħammdin iħaddem dik il-ħila “infallibbli in credendo”, is-sensus fidei li int tant tistedinna nagħtu widen għalih biex ngħarblu “dak li l-Ispirtu qed jgħid lill-Knisja”. Din kienet it-tħeġġiġa li int, Santità, għamilt lil kulħadd fid-diskors tiegħek fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tas-Sinodu tal-Isqfijiet, meta tajtna l-profil ta’ “Knisja kostituttivament sinodali”.

 

Knisja sinodali hi “Knisja li tisma’”. Is-smigħ reċiproku bħala smigħ tal-Ispirtu aktarx hu l-għamla l-aktar awtentika ta’ kif nistgħu naslu għal dak il-“ħsieb miftuħ, jiġifieri, mhux komplet, iżda dejjem miftuħ għall-maius ta’ Alla u tal-Verità, dejjem fi żvilupp” li int, Santità, tisħaq qatigħ fuqu bħala dispożizzjoni tal-filosfu tajjeb, tat-teologu tajjeb, u evidentement anki tal-“isqof tajjeb”. Dan bl-ebda mod ma hu relattiviżmu; pjuttost, hawn naraw id-dinamiżmu tat-Tradizzjoni, li permezz tagħha “l-Knisja timxi bla ma tieqaf lejn il-milja tal-verità divina sakemm il-kliem ta’ Alla jintemm għalkollox fiha” (DV, 8).

 

Fi ħdan dan id-dinamiżmu joħroġ iżjed ċar il-profil tal-Knisja sinodali u tas-sinodalità bħala forma u stil tal-Knisja. Din hi l-viżjoni li int, Santità, qed tipproponilna b’qawwa. Il-Kostituzzjoni Episcopalis communio tipprova twettaq dan fil-prattika, billi tinterpreta s-Sinodu tal-Isqfijiet mhux iżjed bħala ġrajja imma bħala proċess, fejn huma involuti f’sinerġija l-Poplu ta’ Alla, il-Kulleġġ tal-Isqfijiet u l-Isqof ta’ Ruma, kull wieħed skont il-funzjoni tiegħu. Nieħu pjaċir nisħaq kif f’dan il-proċess għandu funzjoni essenzjali l-Poplu ta’ Alla. B’dan il-mod is-sensus fidei jerġa’ jsib il-funzjoni attiva tiegħu, li tippermettilna nħaddmu s-smigħ bħala prinċipju ta’ Knisja tassew kollha kemm hi sinodali.

 

Is-sinodalità tidħol f’kull livell tal-ħajja u l-missjoni tal-Knisja f’dinamika ta’ ċirkularità għammiela: il-Knejjes partikulari, il-provinċji u r-reġjuni ekkleżjastiċi, il-Knisja universali, fejn anki l-Kulleġġ tal-Kardinali joffri s-sehem tiegħu, huma kollha mdaħħlin f’dak il-proċess sinodali li juri “dinamiżmu ta’ komunjoni li jnebbaħ id-deċiżjonijiet ekkleżjali kollha”.

 

Din hija l-bażi tal-ħidma li flimkien aħna msejħin inwettqu, u li għas-servizz tagħha qiegħda s-Segreterija tas-Sinodu. Din tista’ tikkollabora biex tiffaċilita iżjed il-passaġġi bejn il-livelli ta’ tħaddim tas-sinodalità. L-ewwel kontribut tagħha huwa sewwasew dak tas-smigħ: diġà ktibt lill-isqfijiet kollha tad-dinja, noffrilhom id-disponibbiltà tagħna, u ħafna kkonfermawli l-importanza li nisimgħu lil xulxin. Imma nemmen u nixtieq li s-Segreterija tista’ tagħmel iżjed, ngħidu aħna biex twieżen lill-isqfijiet u l-Konferenzi episkopali fil-maturazzjoni ta’ stil sinodali, mingħajr ma tindaħal, imma billi ssieħeb il-proċessi li jkunu għaddejjin fuq id-diversi livelli tal-ħajja tal-Knisja.

 

Jista’ jkun dan il-mod li bih is-Segreterija tas-Sinodu tipparteċipa fid-dinamiżmu tal-“Knisja li toħroġ” (ara EG, 24), f’dinja li, fiċ-ċirkustanzi mwiegħra li qed ngħixu lkoll, iktar għad għandha bżonn li l-Knisja tkun tabilħaqq “sagrament tas-salvazzjoni għal kulħadd” (LG, 48).

 

Biex tweżinna għandna t-tama, don tal-Ispirtu s-Santu fiż-żminijiet ibsin. Charles Péguy kien jistħajjilha qisha “tifla żgħira ħafna”, l-iċken fost l-aħwa, bejn il-fidi, imqabbla ma’ għarusa, u l-imħabba, meqjusa bħala omm. U jagħlaq hekk:

 

Il-poplu Nisrani għaż-żewġ aħwa kbar biss hu attent, l-ewwel u l-aħħar… Kemm huma għomja biex ma jarawx li fil-fatt hija hi, dik ta’ bejniethom, li tkaxkar warajha ’ż-żewġ ħutha l-kbar!

 

“Ma nħallux lil min jisirqilna t-tama!” (EG, 86). Ħa tkun Marija, l-iStella maris, li aħna l-Maltin inqimuha taħt it-titlu tal-Madonna Ta’ Pinu, illi timliena b’din it-tama.

 

Lilek, Santità, li ridt tagħżilna għal servizz iżjed dirett lill-Knisja, nitolbuk tberikna.

 

Mario Grech

Segretarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet