L-Ewtanasja hija qtil li jmur gravament kontra d-dinjità tal-persuna umana u kontra r-rispett li jistħoqq lil Alla 

 

IL-KATEKIŻMU TAL-KNISJA KATTOLIKA DWAR L-EWTANSAJA

Paragrafu 2276.      Dawk li ħajjithom qed tonqos u tiddgħajjef għandhom dritt għal rispett speċjali. Il-persuni morda u ħandikappati għandhom isibu għajnuna biexjigħixu ħajja kemm jista’ jkun normali.

Paragrafu 2277.      Huma x’inhuma l-motivi u l-mezzi, l-ewtanasja diretta sseħħ meta wieħed itemm il-ħajja ta’ persuna ħandikappata, jew marida jew qiegħda tmut. Moralment ma tistax tiġi aċċettata.

Għemil jew nuqqas ta’ għemil li, minnu nnifsu jew bl-intenzjoni ta’ min jagħmlu, jagħti l-mewt lil dak li jkun biex ma jbatix aktar, hu qtil li jmur gravament kontra d-dinjità tal-persuna tal-bniedem u kontra r-rispett li jistħoqq lil Alla l-Ħaj u Ħallieq. Żball ta’ ġudizzju li wieħed jagħmel bi ħsieb tajjeb, ma jbiddilx in-natura ta’ dan il-qtil, li għandu dejjem jiġi kkundannat u pprojbit.

Paragrafu 2278.      Il-waqfien ta’ proċeduri mediċi li jqumu ħafna, u li huma perikolużi, straordinarji, u mingħajr proporzjon mar-riżultati li jinkisbu, jista’ jkun leġittimu. Dan il-waqfien ikun ifisser li ma tkunx trid “kura terapewtika li fiha nnifisha hi ħarxa ħafna”. Dan ma jfissirx li hemm il-ħsieb li tingħata l-mewt: wieħed ikun biss jaċċetta li ma jistax iżżomm il-mewt. Id-deċiżjoni trid tittieħed mill-marid innifsu jekk jaf u għandu l-ħila jagħmel dan, jew inkella minn min għandu d-dritt jieħu din id-deċiżjoni, iżda fl-istess ħin għandu dejjem jirrispetta r-rieda raġjonevoli u l-interessi leġittimi tal-marid.

Paragrafu 2279.      Ukoll meta jitqies li l-mewt hi fil-qrib, l-għajnuna li soltu tingħata lill-marid m’għandhiex tieqaf. L-użu ta’ mediċini biex itaffu t-tbatijiet tal-moribond, ukoll jekk dawn il-mediċini se jnaqqsu xi ġranet minn ħajtu, jistgħu jaqblu moralment mad-dinjità tal-bniedem, jekk il-mewt wieħed ma jkunx iridha, la direttament u lanqas indirettament, imma biss jittolleraha, għax ma jistax jagħmel ieħor. Il-kura li tingħata biex tonqos it-tbatija tista’ tkun sura privileġġjata ta’ mħabba li ma tfittixx l-interessi tagħha: għal dan il-għan, kura bħal din ta’ min jinkoraġġiha.