Laikos

 

Niżżel preżentazzjoni bis-slides (powerpoint) fuq Karmni Grima ...

MIN KIENET KARMNI GRIMA?

Karmni Grima kienet iż-żgħira fost il-ħames ulied (Anġelika, Ġużepp, Pawlu, Ġanna, Karmni) li kienu jiffurmaw il-familja ta' Tumas Grima u martu Antonja mwielda Apap mill-Għarb Għawdex. Hija twieldet fit-2 ta' Frar, 1838. Kienu nies li jaħdmu fir-raba'. Bħall-biċċa l-kbira tan-nisa ta' dak iż-żmien, Karmni kienet mgħoddija fix-xogħol iebes, minn fil-għodu kmieni sa ma jidħol il-lejl sewwa, ħajja aktarx fqira, bla divertiment u tlellix tad-dinja, imma ħajja ħienja għaliex mgħoddija taħt il-ħarsa t'Alla, fil-għożża u l-ħarsien tal-Liġi Mqaddsa Tiegħu.

Huma kienu jgħixu f'tarf ir-raħal, f'dar li tiġi man-naħa tax-xellug tat-triq li mir-Rabat twassal għall-Għarb. Kienet dar mibnija l-antika, imqawel u bitħa għall-bhejjem fil-parti t'isfel u fis-sular ta' fuq, kellhom il-kmamar li fihom kienet tgħix l-familja ta' Tumas Grima. Huma kellhom ukoll mitħna li titħan iI-qamħ fil-parti t'isfel tad-dar. Dar komuni bħal dik tal-bdiewa Għawdxin, dar arjuża bi twieqi li minnhom wieħed jilmaħ l-għelieqi mxabbtin mal-għoljiet ta' Għammar u ta' Ġordan, tilmaħ fil-bogħod il-kappella qadima Ta' Pinu.

Karmni Grima twieldet f'din id-dar. Missierha, ma tilifx żmien sabiex jaħseb għall-Magħmudija tagħha, ried li fl-istess jum li twieldet għall-ħajja tal-ġisem, bintu titwieled ukoll għall-ħajja sopranaturali. Propju fil-festa tal-Kandlora, festa tal-Madonna li fiha nfakkru l-ġrajja ta' meta hija ppreżentat lil Binha Ġesu' fit-tempju, Tumas Grima ħa lil bintu tarbija fil-knisja tal-Għarb, fejn l-Arċipriet, il-Kanoniku Dun Pubbliju Refalo, għammidha bi-ismijiet ta' Karmela, Grazzja u Ġużeppa. Bħala parrinijiet kellha lil Dun Ġużepp Saliba u lil Marija Apap bint Nikola.

It-tfulija u ż-żgħożija ta' Karmni kienet waħda sempliċi bħal dik tat-tfal Għawdxin. It-talb kellu parti importatni mill-ħin tal-ġurnata; il-quddiesa ta' kull filgħodu waqt li r-reċita tar-rużarju kienet tagħlaq il-ħidma tal-jum. Karmni kienet tgħallmet il-ħjata, kienet taf taħdem il-bizzilla kif ukoll xi ħaġa tar-rakkmu ħafifa.

Karmni kienet tgħaddi l-ġurnata fix-xogħol tad-dar u fit-talb, iżda hija kienet issib ukoll iż-żmlen sabiex twettaq xi ħidma għall-ġid spiritwali ta' għajrha. Kienet tħobb titkellem fuq il-Madonna u tħajjar lill-oħrajn sabiex iħobbuha u jqimuha dejjem aktar. Drawwa sabiħa li kellha u li damet sejra sa ftit snin qabel mewtha, kienet li fil-festi tal-Madonna, speċjalment fil-Kunċizzjoni u fil-Lunzjata, kienet tiġbor għadd ta' xbejbiet u flimkien jorganizzaw bħal ċerimonja żgħira. Il-Kwadru tal-Madonna kien jiġi mqiegħed fuq speċi ta’ artal u mdawwar bil-fjuri u bix-xemgħa. Karmni kienet tireċita r-Rużarju u l-kurunella u kollox kien jispiċċa b'kant ta’ xi innijiet. Dari kollu kien isir fid-dar tagħha.

Ma ninsewx li Karmni kellha imħabba speċjali lejn is-saċerdoti u kellha bħala direttur spiritwali tagħha lil Dun Anton Vella. F'nota miktuba minn Dun Anton, insibu li fid-19 ta' Diċembru 1914, Karmni rrakkontat lil Dun Anton li f'dawk il-jiem, waqt li kienet sejra Ta' Pinu, imdejqa bis-slaleb tagħha, ħasset minnufih iI-faraġ ta' Kristu. F'dak il-mument irċieviet bħal dawl speċjali li ġiegħlha tifhem li kellha titlob għal wieħed saċerdot li kien ġej fuqu salib tqil. L-għada dak is-saċerdot mar għandha, u nsista magħha biex titlob għalih. Huwa ma tahiex tagħrif iktar imma Karmni kienet ġa għarfet kollox. Huwa qalilha: "Jagħmel ħażin ħafna min ikollu salib u jipprova jeħles minnu, għaliex floku jiġib ieħor wisq u wisq ltqal”. Karmni stqarret mad-direttur spiritwali tagħha li hija ta' kuljum kienet titlob għas-saċerdoti.

Iżda l-ġrajja li għaliha Karmni tibqa' mfakkra, bla dubju ta' xejn hija l-esperjenza li kellha fl-eta' ta' ħamsa u erbgħin sena, meta hija semgħet il-Ieħen tal-Madonna ta' Pinu. It-tagħrif dwar din il-ġrajja nsibuh fil-ktieb ta' Mons. Ġużeppi Farrugia, "La Beata Vergine Ta' Pinu in Gozo". Monsinjur Farrugia kien wieħed minn dawk li indaga fuq din il-ġrajja straordinarja u kien attent biex l-ebda dettal ma jaħrablu.

Il-ġrajja fil-qosor hija din. Kien ix-xahar ta' Ġunju, 1883, meta Karmni Grima kienet ġejja lura lejn darha, mill-għalqa tagħhom in-naħa tal-Ġurdan, fil-waqt li kienet tirreċita xi talbiet privati tagħha. Kienet qrib l-għaxra ta' filgħodu. X'ħin waslet f'dik il-parti tat-triq li tingħaqad mal-passaġġ li jwassal għall-kappella Ta' Pinu, semgħet għal darbtejn jew tlieta leħen isejħilha: "Ejja, Ejja". Karmni kkonfondiet ħafna, għaliex ma kien hemm ħadd f'dak il-ħin fl-għelieqi li dak iI-leħen seta' kien tiegħu. Wara li damet għal ftit ma tafx x'ser tagħmel, iċċaqalqet u bdiet miexja mill-ġdid. Imma l-Ieħen ta' qabel reġa' tenna: "Ejja llum, għaliex qabel sena ma tkunx tista' tiġl'. Għalhekk, hija reġgħet xi passi lura sabiex taqbad il-passaġġ u bdiet miexja bil-mod u beżgħana, għax ħasbet li ser issib lill-Verġni Mbierka nnfisha, mhux impittra fuq it-tila. Imma xħin waslet ħdejn il¬-bieb tal-kappella li kienet magħluqa u ttawlet mit-tieqa żgħira miftuħa fl-istess bieb, xħin rat li ma kien hemm ħadd, għamlet il-kuraġġ u daħlet ġewwa. Talbet għal ħin wieħed u ġarrbet hena mhux tas-soltu; u xħin spiċċat qagħdet ittella' u tniżżel taħseb x'sejra tirreċita iżjed. F'dak il-ħin, l-istess leħen reġa' qalilha: "Irreċita tliet Ave b'tifkira tat-tlitt ijiem li ġismi dam fil-qabar." Qalet it-tliet Slimiet b'ħeġġa ta' devozzjoni ikbar u reġgħet lura lejn darha u matul sena sħiħa ma kelliex okkażjoni li terġa' tmur lejn dawk l-inħawi tal-kappella. Dak tal-kappella. Dak li ġara f'dak il-jum, Karmni żammitu bħala sigriet; irrakkontatu biss madwar sentejn wara lil Franġisk Portelli waqt li kienet qed tkellmu dwar id-devozzjoni lejn il-Madonna Ta' Pinu.

Bdiet tiġri x-xniegħa li l-Madonna Ta' Pinu kienet kellmet lil tnejn min-nies mill-Għarb u l-għadd tan-nies li kienu jmorru jżuru s-santwarju beda jikber ġmielu. L-Arċipriet ta' l-Għarb il-Kan. Dun Franġisk Saverju Debrincat, mar għand l-isqof t'Għawdex, Mons. Pietru Pace u wara li nformah b'dak kollu li sema', staqsieh x'għandu jagħmel. L-isqof deherlu li wieħed għandu jistenna, għaliex qallu, li jekk dik il-ġrajja kienet ġejja mis-sema, Alla nnifsu jsib mezz sabiex kulħadd isir jaf il-verita'. Aktar tard pero' l-Isqof Pace, ra l-ħtieġa li jiġu msejħa Karmni Grima u Franġisk Portelli sabiex jistqarru huma stess dak li ġara fis-Santwarju Ta' Pinu, u qabbad lill-Arċipriet biex jagħmel dan l-istħarriġ.

Stqarrija oħra ta' Karmni Grima saret fit-8 ta' Settembru 1890 quddiem l-Arċipriet Debrincat. F'din l-istqarrija huwa msemmi li l-ġrajja tad-dehra twettqet aktarx f'Ġunju 1883, jiġifieri erba' snin qabel ma' Karmni għamlet l-ewwel xhieda tagħha. Fit-tieni dokument, Karmni semmiet xi esperjenza reliġjuża li kienet ġarrbet waqt li kienet titlob fit-triq hija u sejra lejn il-Kappella ta' Pinu, fil-5 ta' Lulju, 1888, filgħodu kmieni, qalet li rat bħal dawl jiddi fuq il-knisja u ħasset paċi nterna u ferħ li ma jistax jitfisser.

Kien fadal diffikulta', dik li tinstab il-ġurnata u d-data preċiża tad-dehra. Kif jidher mit-tieni xhieda, Karmni kien għadha tiftakar biss li l-ġrajja twettqet f'Ġunju tal-1883. Dun Alfons Marija Hili, li f'dak iż-żmien kien rettur tas-santwarju Ta' Pinu, tkellem ma' Karmni u minn għandha sar jaf li l-ġurnata tad-dehra kienet il-Ġimgħa u kien jum qrib it-tmiem tax-xahar ta' Ġunju. Ħa f'idejh il-Kalendarju tas-sena 1883, sab li fix-xahar ta' Ġunju kien hemm jum il-Ġimgħa għal ħames darbiet, jiġifieri 1, 8, 15, 22, 29. B'metodu ta' eliminazzjoni, Dun Alfons wasal biex jiddeċiedi li l-jum tad-dehra kien it-22 ta' Ġunju. Difatti, peress li Karmni qaltlu li semgħet iI-leħen tal-Madonna fl-aħħar parti tax-xahar ta' Ġunju, l-ewwel tliet possibilitajiet (1, 8, 15 tax-xahar) ġew esklużi. L-anqas seta kien il-jum tad-29 tax-xahar, għaliex peress li dak huwa jum l-Imnarja, f'dak iż-żmien festa kkmandata, Karmni dak inhar żgur li ma marritx fl-għalqa għax-xogħol.

B'hekk il-jum tat-22 ta' Ġunju sar jum għażiz għall-insara tal-Gżejjer Maltin. Fih il-poplu Malti u Għawdxi jżur is-Santwarju Ta' Pinu biex ifakkar din il-ġrajja u juri l¬imħabba u l-qima tiegħu lejn din l-Omm tas-Sema li għadha sal-ġurnata tal-lum issejħilna biex niġu għandha, kif sejħet lil Karmni 125 sena ilu.

 

Silta minn “Karmni Grima, Messaġġiera tal-Madonna”, mehudha mill-kitba tal-mibki Mons. Isqof Nikol G. Cauchi, hekk kif deheret fir-rivista ‘Madonna Ta’ Pinu’ (Vol.XI Numru 145 – April-Ġunju 2008), pp. 34-36.