Diskors  spontanju li għamel il-Papa Ġwanni XXIII

mit-tieqa tal-Palazz Appostoliku

lill-folla miġbura wara purċissjoni aux flambeaux fi tmiem il-jum li fih fetaħ

il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II.

Il-Ħamis, 11 ta' Ottubru 1962

 

Uliedi l-għeżież, qed nisma’ l-ilħna tagħkom. Tiegħi hu wieħed waħdu, imma jiġbor fih l-ilħna kollha tad-dinja; u hawn fil-fatt hi rrappreżentata d-dinja kollha. Tista’ tgħid li saħansitra l-qamar ħaffef il-pass illejla… Osservawh fil-għoli, iħares fuq dan l-ispettaklu… Qed nagħlqu jum kbir ta’ paċi… Iva, ta’ paċi: “Glorja lil Alla, u paċi lill-bnedmin ta’ rieda tajba”.

 

Li kelli issa nistaqsi lil kull wieħed u waħda minnkom: intom mnejn ġejjin? Ulied Ruma, li hawn huma rrappreżentati b’mod speċjali, iweġbuni: Aħ, aħna l-ulied l-aktar qrib tiegħek, u int l-isqof tagħna. Iva, uliedi ta’ Ruma, intom tħossu tassew li qed tirrappreżentaw lil ‘Roma caput mundi’, il-kapitali tad-dinja, hekk kif bi pjan tal-Providenza divina ġiet imsejħa biex tkun matul is-sekli.

 

Il-persuna tiegħi [waħidha] ma tiswa xejn: dan hu ħukom li qed ikellimkom, ħukom li sar missier b’rieda tal-Mulej tagħna… Inkomplu nħobbu lil xulxin, inħobbu lil xulxin b’dan il-mod; inħarsu b’dan il-mod lejn xulxin fil-laqgħa tagħna: nagħrfu nilqgħu dak li jgħaqqadna, u nwarrbu, jekk hemm, xi ħaġa li tista’ żżommna xi ftit ibsin… Xħin tmorru lura d-dar, se ssibu lit-tfal tagħkom. Agħtuhom żegħila u għidulhom: “Din hi ż-żegħila tal-Papa”. Forsi ssibu xi demgħa x’tixxuttaw. Ħa jkollkom kelma ta’ faraġ għal min qed ibati. Ħa jkunu jafu dawk li jħossuhom imtaqqla li l-Papa jinsab ma’ wliedu speċjalment fis-sigħat tan-niket u tat-tbatija… U mbagħad ejjew ilkoll flimkien nitqanqlu: inkantaw, nitniehdu, nibku, imma dejjem mimlijin fiduċja fi Kristu li jgħinna u li jismagħna, inkomplu bil-mixja tagħna. Insellmilkom, uliedi. Mal-barka tiegħi nżid l-awguri ta’ lejl tajjeb.


Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard