Laikos

 

 

ITTRA APPOSTOLIKA
SPIRITUS ET SPONSA
TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA
ĠWANNI PAWLU II
FL-OKKAŻJONI TAL-40 ANNIVERSARJU
TAL-KOSTITUZZJONI FUQ IL-LITURĠIJA MQADDSA
"SACROSANCTUM CONCILIUM'
 

1. “L-Ispirtu u l-Għarusa jgħidu ‘Ejja’. Min jisma’, ħa jgħid: ‘Ejja’. U min hu bil-għatx ħa jiġi, ħa jieħu b’xejn min jixtieq l-ilma tal-ħajja” (Apok 22, 17). Dan il-kliem mill-Apokalissi jidwi f’qalbi hekk kif niftakar li 40 sena ilu bħal-lum, eżattament fl-4 ta’ Diċembru 1963, il-Venerabbli Predeċessur tiegħi, il-Papa Pawlu VI, ippromulga l-Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium dwar il-Liturġija Mqaddsa.X’inhi tassew il-Liturġija ħlief il-vuċi tal-Ispirtu s-Santu u tal-Għarusa, il-Knisja Mqaddsa, li flimkien jgħajtu lill-Mulej Ġesù: “Ejja”? X’inhi l-Liturġija għajr dik l-għajn safja u li ma tintemmx ta’ “ilma ħaj” li minnu kull min għandu l-għatx jista’ jieħu liberament id-don ta’ Alla (ara Ġw 4, 10)?

Tabilħaqq, fil-Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa, l-ewwel frott tal-Konċilju Vatikan II, dik il-“grazzja kbira mogħtija lill-Knisja fis-seklu 20” 1, l-Ispirtu s-Santu kellem lill-Knisja, biex imexxi bla waqfien lid-dixxipli tal-Mulej” lejn il-verità kollha” (Ġw 16, 13). It-tifkira tal-40 anniversarju ta’ din il-ġrajja hija opportunità tajba biex niskopru mill-ġdid it-temi bażiċi tat-tiġdid liturġiku li xtaqu l-Padri Konċiljari, biex naraw kif intlaqgħu, u anke biex nagħtu ħarsa lejn il-ġejjieni.

Ħarsa lejn il-Kosituzzjoni Sacrosanctum Concilium

2. Maż-żmien u fid-dawl tal-frott tagħha, l-importanza tas-Sacrosanctum Concilium saret dejjem aktar ċara. F’dan id-dokument il-Konċilju b’mod mill-aqwa fisser il-prinċipji li fuqhom huma msejsa l-prattiċi liturġiċi tal-Knisja u li jispiraw it-tiġdid san tagħha matul iż-żmien2. Il-Missirijiet tal-Konċilju qiegħdu l-Liturġija fix-xefaq tal-istorja tas-salvazzjoni, li l-għan tagħha huwa l-fidwa tal-umanità u li Alla jingħata sebħ b’mod perfett. L-għeġubijiet li għamel Alla fit-Testment il-Qadim kienu biss preludju għall-fidwa li temm Kristu l-Mulej, speċjalment permezz tal-Misteru tal-Għid tal-Passjoni mqaddsa tiegħu, il-Qawmien tiegħu mill-imwiet u t-Tlugħ glorjuż tiegħu3. Madankollu, jeħtieġ li dan mhux biss għandu jitħabbar, imma wkoll li jitqiegħed fil-prattika,  u dan iseħħ “permezz tas-sagrifiċċju u s-sagramenti, li madwarhom iddur il-ħajja liturġika kollha kemm hi”4. Kristu jagħmel lilu nnifsu preżenti b’mod speċjali fil-ġesti liturġiċi, u jsieħeb miegħu il-Knisja. Għaldaqstant, kull ċelebrazzjoni liturġika hija ħidma ta’ Kristu Saċerdot u tal-Ġisem Mistiku tiegħu, “qima pubblika sħiħa”5 li fiha jieħdu sehem il-fidili, u hekk iduqu minn qabel il-Liturġija ta’ Ġerusalemm tas-sema6. Huwa għalhekk li l-“Liturġija hija l-quċċata li lejha hija diretta l-attività tal-Knisja” u fl-istess ħin, hija “l-għajn li minnha toħroġ il-qawwa kollha tagħha”7.

3. Il-perspettiva liturġika tal-Konċilju mhix limitata biss għal dak li għandu x’jaqsam mar-relazzjonijiet ġewwa l-Knisja, iżda hija miftuħa għall-umanità kollha. Fil-fatt, Kristu, fit-tifħir tiegħu lill-Missier, jgħaqqad miegħu nnifsu l-komunità umana kollha, u jagħmel dan b’mod partikulari proprju permezz tal-missjoni tat-talb tal-“Knisja, li tfaħħar lill-Mulej bla heda u li tinterċedi għas-salvazzjoni tad-dinja kollha mhux biss biċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, imma wkoll b’modi oħra, speċjalment bir-reċita tal-Uffiċċju Divin”8.

Il-ħajja liturġika tal-Knisja, fil-perspettiva  ta’ Sacrosanctum Concilium, tieħu dimensjoni kożmika u universali, li timmarka profondament iż-żmien u l-ispazju tal-bniedem. F’din il-perspettiva nifhmu wkoll l-attenzjoni mġedda li l-Kostituzzjoni tagħti lis-sena liturġika, li hija mixja li fiha l-Knisja tfakkar il-misteru tal-Għid ta’ Kristu u tgħixu mill-ġdid9.

Jekk il-liturġija tikkonsisti f’dan kollu, bir-raġun kollu il-Konċilju jafferma li kull azzjoni liturġika “hija għemil imqaddes u ebda għemil ieħor tal-Knisja ma għandu daqshekk qawwa u ġieħ”10. Fl-istess ħin, il-Konċilju jagħraf li “l-liturġija sagra ma ttemmx fiha l-ħidma kollha tal-Knisja”11. Il-liturġija, fil-fatt, minn naħa tippresupponi t-tħabbira tal-Vanġelu, u min-naħa l-oħra titlob xhieda Nisranija fl-istorja. Il-misteru propost fil-predikazzjoni u l-katekeżi, aċċettat fil-fidi u ċċelebrat fil-liturġija, għandu jsawwar il-ħajja kollha ta’ dawk li jemmnu, li huma msejħin biex ikunu l-ħabbara tiegħu fid-dinja12.

4. Imbagħad fir-rigward tal-elementi differenti li nisbu fiċ-ċelebrazzjoni liturġika, il-Kostituzzjoni tagħti attenzjoni speċjali lill-importanza tal-mużika sagra. Il-Konċilju jfaħħarha, billi juri l-iskop tal-mużika sagra: “il-glorja ta’ Alla u l-qdusija tal-fidili”13. Fil-fatt, il-mużika sagra hija mezz privileġġjat biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni attiva tal-fidili fiċ-ċelebrazzjoni qaddisa, kif xtaq jenfasizza l-Venerabbli Predeċessur tiegħi San Piju X fil-Motu Proprio tiegħu dwar ir-Restawr tal-Mużika Sagra Tra le Sollecitudini, li din is-sena tagħlaq mitt sena. . Kien proprju dan l-anniversarju li dan l-aħħar tani l-opportunità biex nerġa’ nsostni l-ħtieġa li nippreservaw u nenfasizzaw r-rwol tal-mużika fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, skont id-direttivi tas-Sacrosanctum Concilium14 meta nqis il-karattru speċifiku tal-Liturġija kif ukoll is-sensibilità ta’ żmienna, kif ukoll it-tradizzjonijiet mużikali tar-reġjuni differenti tad-dinja.

5. Suġġett ieħor mimli żviluppi, li jissemma fil-Kostituzzjoni konċiljari, huwa dak dwar l-arti sagra. Il-Konċilju joffri indikazzjonijiet ċari biex jibqa’ jkun hemm spazju konsiderevoli, anke llum, sabiex il-kult ikun jista’ jidher wkoll permezz tat-tiżjin u s-sbuħija tal-arti liturġika. Għal dan il-għan, ikun xieraq li jkun hemm inizjattivi għat-taħriġ tad-diversi artisti, imsejħa biex jibnu u jsebbħu l-bini użat għal-Liturġija15. Fuq il-bażi ta’ dawn l-orjentazzjonijiet toħroġ viżjoni tal-arti u, b’mod partikolari, tal-arti sagra, li tpoġġiha f’relazzjoni “mas-sbuħija bla tarf ta' Alla li, b'xi mod, trid titfisser fl-għemejjel tal-bniedem”16.

Mit-tiġdid għall-approfondiment

6. Erbgħin sena wara, huwa xieraq li naraw xi progress sar. Diġà ssuġġerejt f’okkażjonijiet oħra speċi ta’ eżami tal-kuxjenza dwar kif intlaqa’ l-Konċilju Vatikan II17. Dan l-eżami ma jistax ma jikkonċernax ukoll il-ħajja liturġika u sagramentali. “Il-liturġija hija tabilħaqq l-‘għajn u l-quċċata’ tal-ħajja ekkleżjali, skont it-tagħlim ta’ Sacrosanctum Concilium?”18.  L-iskoperta mill-ġdid tal-valur tal-Kelma ta’ Alla li ġabet magħha r-riforma liturġika sabet tweġiba pożittiva fi ħdan iċ-ċelebrazzjonijiet tagħna? Sa liema punt il-liturġija daħlet fil-ħajja konkreta tal-fidili u timmarka r-ritmu tal-komunitajiet individwali? Naraw il-liturġija bħala triq ta’ qdusija, qawwa interjuri ta’ dinamiżmu appostoliku u spirtu missjunarju ekkleżjali?

7. It-tiġdid tal-Konċilju tal-Liturġija huwa espress bl-aktar mod ċar fil-pubblikazzjoni tal-kotba liturġiċi. Wara perjodu preliminari li fih it-testi mġedda ġew inkorporati ftit ftit fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, sar essenzjali li jkun hemm għarfien aktar profond tal-għana u tal-potenzjal tagħhom.

Dan l-approfondiment irid jinbena fuq il-prinċipju ta’ fedeltà sħiħa lejn l-Iskrittura u t-Tradizzjoni Mqaddsa, interpretata bis-setgħa b’mod partikolari mill-Konċilju Vatikan II, li t-tagħlim tiegħu ġie affermat mill-ġdid u żviluppat fil-Maġisteru li ġie wara. Din il-fedeltà torbot l-ewwel lil dawk li, bl-uffiċċju episkopali, għandhom “l-uffiċċju li joffru l-kult tar-reliġjon nisranija lill-kobor ta' Alla u li jirregolawh skond kif amar il-Mulej u skond il-liġijiet tal-Knisja”19 ; fl-istess ħin tinvolvi lill-komunità ekkleżjali kollha “skont id-diversità ta’ ordnijiet, ta’ ħidmiet u ta’ sehem attwali”20.

F’din il-perspettiva, jibqa’ aktar minn qatt qabel meħtieġ li tiżdied il-ħajja liturġika fil-komunitajiet tagħna, permezz ta’ formazzjoni xierqa tal-ministri u l-fidili kollha, fid-dawl ta’ dak is-sehem sħiħ, konxju u attiv fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi kif xtaq il-Konċilju21.

8. Għalhekk, jeħtieġ ikun hemm kura pastorali liturġika  li tkun fidila b’mod sħiħ lejn l-ordines il-ġodda. Permezz tagħhom (l-ordines) kien hemm interess ġdid fil-Kelma ta’ Alla skont ix-xewqa tal-Konċilju li jittama li “l-qari mill-kotba Mqaddsa għandu jkun iżjed kotran, aktar imżewwaq u aktar addattat.”22. Il-lezzjonarji l-ġodda, pereżempju, joffru għażla wiesgħa ta’ siltiet bibliċi, u huma għajn ineżawribbli li minnha jista’ u għandu jixrob il-Poplu ta’ Alla. Fil-fatt, ma nistgħux ninsew li “l-Knisja tinbena u tikber bis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, kif ukoll permezz tal-għemil tal-għaġeb li Alla għamel b’ħafna modi fl-istorja tas-salvazzjoni, u li dawn  jerġgħu jiġu mwettqa fil-verità mistika fis-sinjali waqt iċ-ċelebrazzjoni liturġika” 23. Fi ħdan iċ-ċelebrazzjoni, il-Kelma ta’ Alla tesprimi l-milja tat-tifsira tagħha, tistimula l-ħajja nisranija għal tiġdid kontinwu, biex “dak li jinstema’ fl-azzjoni liturġika mbagħad jitqiegħed fil-prattika tal-ħajja”24.

9. Il-Ħadd, Jum il-Mulej, li fih jitfakkar b’mod speċjali l-qawmien ta’ Kristu mill-mewt, jinsab fiċ-ċentru tal-ħajja liturġika, bħala s-“sies u l-qalba tas-sena liturġika kollha”25. Bla dubju saru sforzi pastorali konsiderevoli biex niskopru mill-ġdid il-valur tal-Ħadd. Imma rridu ninsistu fuq dan il-punt, peress li “l-għana spiritwali u pastorali tal-Ħadd kif ġie mwassal lilna mit-tradizzjoni, hu tassew kbir. Meta nifhmu x’inhu t-tifsir u x’jitlob il-Ħadd fil-milja kollha tiegħu, b’xi mod naraw li huwa sintesi tal-ħajja kollha nisranija u kondizzjoni biex wieħed jgħix ħajja tajba.”26.

10. Il-ħajja spiritwali tal-fidili titrawwem miċ-ċelebrazzjoni liturġika. Jeħtieġ li nitilqu mil-liturġija biex inpoġġu fil-prattika l-prinċipju li jiena semmejt fl-Ittra Appostolika Novo millennio Ineunte: “Hemm bżonn ta’ Kristjaneżmu li jiddistingwi ruħu fuq kollox fl-arti tat-talb”27. Sacrosanctum Concilium tinterpreta din l-urġenza b’mod profetiku, billi tistimula lill-komunità Nisranija biex tintensifika l-ħajja tat-talb mhux biss permezz tal-liturġija, iżda wkoll permezz ta’ “eżerċizzji ta’ pjetà”, sakemm dawn isiru f’armonija mal-liturġija, bħallikieku joħorġu minnha u jmexxuk lejha. 28.

L-esperjenza pastorali ta’ dawn l-għexieren ta’ snin ikkonfermat din l-intuwizzjoni. F’dan is-sens, kien prezzjuż il-kontribut li tat il-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti bid-Direttorju dwar il-Pietà Popolari u l-Liturġija 29. Imbagħad jiena, permezz tal-Ittra Appostolika Rosarium Virginis Mariae 30 u bit-tħabbira tas-Sena tar-Rużarju, ridt nuri b’mod ċar l-għana kontemplattiva ta’ din it-talba tradizzjonali, li fil-biċċa l-kbira stabbiliet ruħha fost il-Poplu ta’ Alla, u rrakkomandajt li nerġgħu niskopruha mill-ġdid bħala mod privileġġjat ta’ kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ Kristu fl-iskola ta’ Marija.

Ħarsa lejn il-ġejjieni

11. Meta nħarsu lejn il-ġejjieni, il-liturġija għandha quddiemha diversi sfidi. Matul dawn l-erbgħin sena, fil-fatt, is-soċjetà għaddiet minn tibdiliet tant kbar, li wħud minnhom jpoġġu fil-prova l-impenn ekkleżjali tagħna. Għandna quddiemna dinja li fiha s-sinjali tal-Evanġelju qed jonqsu, anke f’reġjuni li huma ta’ tradizzjoni Kristjana antika. Wasal iż-żmien għal evanġelizzazzjoni ġdida. Il-liturġija għandha quddiemha din l-isfida.

Ma’ l-ewwel daqqa t'għajn, jidher li l-ispiritwalità ingħatat il-ġenb minn soċjetà fil-biċċa l-kbira sekularizzata. Iżda huwa fatt li, minkejja s-sekularizzazzjoni, jinħass mill-ġdid il-bżonn ta’ spiritwalità fi żmienna, u dan jinħass f’ħafna forom. Kif nistgħu ma narawx dan bħala prova li l-għatx għal Alla ma jista’ qatt jitħassar mill-qalb tal-bniedem? Hemm mistoqsijiet li jsibu t-tweġiba tagħhom biss permezz tal-kuntatt personali ma’ Kristu. Fl-intimità miegħu biss kull eżistenza jkollha tifsira, u tista’ tasal biex ikollha esperjenza tal-ferħ, dak il-ferħ li ġiegħel lil Pietru jgħid fuq il-Muntanja tat-Trasfigurazzjoni: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn” (Lq 9,33).

12. Quddiem din ix-xewqa li wieħed jiltaqa’ ma’ Alla, il-liturġija toffri tweġiba mill-aktar profonda u effettiva. Dan tagħmlu b’mod speċjali fl-Ewkaristija, li fiha aħna ningħaqdu mas-sagrifiċċju ta’ Kristu u nitmantnew bil-Ġisem u d-Demm tiegħu. Madankollu, ir-Rgħajja jeħtieġ li jaraw li s-sens tal-misteru jippenetra l-kuxjenza tan-nies, biex hekk jiskopru u jgħixu l-arti ta’ “katekeżi mistagoġika”, li kienet tant għal qalb il-Missirijiet tal-Knisja31. Huwa d-dmir tagħhom, b'mod partikolari, li jippromwovu ċelebrazzjonijiet denji, billi jagħtu l-attenzjoni dovuta lill-kategoriji differenti ta’ nies: tfal, żgħażagħ, adulti, anzjani, persuni b’diżabilità. Kulħadd irid iħossu milqugħ fil-komunitajiet tagħna, sabiex ikunu jistgħu jħossu l-atmosfera tal-ewwel komunitajiet insara, li: “kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim tal-appostli u fl-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb” ( Atti 2.42).

13. Aspett ieħor li jrid jiġi kultivat b’impenn akbar fi ħdan il-komunitajiet tagħna huwa l-esperjenza tas-skiet. Neħtieġu s-skiet “biex nisimgħu f’qalbna l-leħen tal-Ispirtu s-Santu, u biex ngħaqqdu t-talb personali tagħna aktar mill-qrib mal-Kelma ta’ Alla u mal-leħen tal-Knisja”32. F’soċjetà li tgħix b’mod dejjem aktar frenetiku, ħafna drabi mtarrxin mill-istorbju u mħawdin minn dak kollu li jgħaddi, huwa importanti ħafna li niskopru mill-ġdid il-valur tas-skiet. Mhux ta’ b’xejn li anke lil hinn mill-kult nisrani, qed jinfirxu prattiċi ta’ meditazzjoni li jagħtu importanza lis-skiet u l-ġabra. Għaliex ma nibdewx aħna wkoll, b’kuraġġ pedagoġiku, edukazzjoni speċifika fis-skiet fi ħdan l-ambjenti tagħna fejn ngħixu l-esperjenza Nisranija? Jalla jkun quddiem għajnejna l-eżempju ta’ Ġesù, li “telaq minn daru, mar f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob” (Mk 1,35). Il-Liturġija, fost diversi mumenti u sinjali tagħha, ma tistax tinjora s-sinjal tas-skiet.

14. Il-pastorali liturġika, fl-introdużżjoni tad-diversi ċelebrazzjonijiet, trid tnissel xewqa għat-talb. Biex tagħmel hekk, jeħtieġ li l-ewwelnett tara l-kapaċitajiet individwali ta’ dawk li jemmnu, l-età u l-kundizzjoni kulturali tagħhom; imma filwaqt li tagħmel hekk, ma tridx tikkuntenta ruħha bil-‘minimu’.

It-tagħlim tal-Knisja irid jieħu inizjattivi “kuraġġużi”. Huwa importanti li l-fidili jsiru midħla taċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija tas-Sigħat li, “bħala talb pubbliku tal-Knisja, huwa għajn ta’ qima u għajnuna għat-talb personali”33. Din l-azzjoni mhix xi ħaġa individwali jew “privata”, imma tappartjeni lill-Ġisem kollu tal-Knisja [...] Jekk għalhekk il-fidili jiġu msejħa għal-Liturġija tas-Sigħat u jinġabru flimkien, jgħaqqdu qlubhom u leħinhom, ikunu wirja tal-Knisja li tiċċelebra l-misteru ta’ Kristu”34. Din l-attenzjoni privileġġjata għat-talb liturġiku mhix xi kompetizzjoni mat-talb personali, anzi t-talb personali jgħin lit-talb liturġiku 35, u jmur tajjeb ikoll ma’ forom oħra ta’ talb komunitarju, speċjalment jekk dan ikun rikonoxxut u rakkomandat mill-Knisja.36.

15. Ir-Rgħajja għandhom id-dmir indispensabbli li jedukaw għat-talb, spejċjalment li jippromwovu l-ħajja liturġika. Dan jimplika dmir ta’ dixxerniment u gwida li m’għandux jitqies bħala prinċipju assolut, b’kuntrast mal-ħtieġa tar-ruħ nisranija li tintelaq għall-azzjoni tal-Ispirtu ta’ Alla, li jinterċedi fina “bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem” (Rum 8: 26). Id-direzzjoni li jagħtu r-Rgħajja hija ‘garanzija’, u hi fil-pjan ta’ Alla għall-Knisja li hija mmexxija mill-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu. It-tiġdid liturġiku miksub f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin wera kif huwa possibbli li tgħaqqad flimkien regoli li jiżguraw li l-liturġija jkollha l-identità u d-dinjità tagħha, flimkien ma’ spazju għall-kreattività u l-adattament, li jressquha eqreb lejn il-bżonnijiet tad-diversi reġjuni, sitwazzjonijiet u kulturi. In-nuqqas ta’ rispett għan-normi liturġiċi ġieli jwassal għal abbużi saħansitra serji, li jxekklu l-verità tal-misteru u joħolqu tfixkil u tensjonijiet fil-Poplu ta’ Alla37. Abbużi bħal dawn m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-ispirtu awtentiku tal-Konċilju u jridu jiġu kkoreġuti mir-Ragħajja b’attitudni ta’ fermezza prudenti.

 Għeluq

16. Il-promulgazzjoni tal-Kostituzzjoni liturġika mmarkat, fil-ħajja tal-Knisja, pass  ta’ importanza liema bħalha għall-promozzjoni u l-iżvilupp tal-Liturġija. Il-Knisja, animata min-nifs tal-Ispirtu, tgħix il-missjoni tagħha bħala “sagrament, jiġifieri sinjal u strument ta’ għaqda intima ma’ Alla u tal-għaqda tal-bnedmin kollha”38,  hija ssib fil-Liturġija l-ogħla espressjoni ta’ din ir-realtà mistika tagħha.

Fil-Mulej Ġesù u fl-Ispirtu tiegħu, il-ħajja nisranija kollha ssir “sagrifiċċju ħaj, qaddis u li jogħġob lil Alla”, “qima spiritwali” awtentika (Rum 12:1). Tassew kbir huwa l-misteru li jseħħ fil-liturġija. Fiha ikollna ħjiel tal-Ġenna fuq l-art, u mill-komunità ta’ dawk li jemmnu titla’, f’armonija mal-għanja ta’ Ġerusalemm tas-sema, l-innu ta’ tifħir li ma jintemm qatt: “Sanctus, Sanctus, Sanctus, Dominus Deus Sabaoth. Pleni sunt caeli et terra gloria tua. Hosanna in excelsis!”.

Jalla fil-bidu ta’ dan il-millennju tiżviluppa “spiritwalità liturġika”, li tagħmilna konxji ta’ Kristu bħala l-ewwel “liturgista”, li ma jieqaf qatt jaġixxi fil-Knisja u fid-dinja bis-saħħa tal-Misteru tal-Għid iċċelebrat kontinwament, u li jsieħeb miegħu nnifsu l-Knisja, għat-tifħir tal-Missier, fl-għaqda tal-Ispirtu s-Santu.

Flimkien ma’ din ix-xewqa, nagħti l-Barka tiegħi lil kulħadd mill-qiegħ ta’ qalbi.

 

Mogħtija mill-Belt tal-Vatikan, nhar l-4 ta’ Diċembru 2003, is-26 Sena tal-Pontifikat ta’ Ġwanni Pawlu II.

 

ĠWANNI PAWLU II

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes


 

 

Noti

1) Ġwanni Pawlu II, Ittra Appostolika Novo Millennio Ineunte (6 Jannar 2001), n. 57:  AAS 93 (2001), 308; cf. Ittra Appostolika Vicesimus Quintus Annus (4 ta’ Diċembru 1988), n. 1 [ORE, 22 Mejju 1989, p. 7]; AAS 81 (1989), 897.
2) Cf. ibid., n. 3.
3) Cf. ibid., n. 5.
4) Konċilju Vatikan II, Sacrosanctum Concilium [SC], n. 6.
5) Ibid., n. 7.
6) Cf. ibid., n. 8.
7) Ibid., n. 10.
8) Ibid., n. 83.
9) Cf. ibid., n. 5.
10) Ibid., n. 7.
11) Ibid., n. 9.
12) Cf. ibid., n. 10.
13) Ibid., n. 112.
14) Cf. ibid., n. 6.
15) Cf. ibid., n. 127.
16) Ibid., n. 122.
17) Cf. Ittra Appostolika Tertio Millennio Adveniente (10 Novembru 1994), n. 36; AAS 87 (1995), 28.
18) Ibid.
19) Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika fuq il-Knisja Lumen Gentium, n. 26.
20) Konċilju Vatikan II, Sacrosanctum Concilium, n. 26.
21) Cf. n. 14; Ġwanni Pawlu II, Ittra Appostolika Vicesimus Quintus Annus (4 Diċembru 1988), n. 15; AAS 81 (1989), 911-912.
22) SC, n. 35 (1).
23) Ordo Lectionum Missae, n. 7.
24) Ibid., n. 6.
25) Konċilju Vatikan II, Sacrosanctum Concilium, n. 106; cf. Ġwanni Pawlu II, Ittra Appostolika Vicesimus Quintus Annus (4 Diċembru 1988), n. 22:  AAS 81 (1989), 917.
26) Ġwanni Pawlu II, Ittra Appostolika Dies Domini (31 Mejju 1998), n. 81:  AAS 90 (1998), 763.
27) Ibid., n. 32; AAS 93 (2001), 288.
28) Cf. SC, n. 13.
29) Belt tal-Vatikan, 2002.
30) Cf. AAS 95 (2003), 5-36.
31) Ġwanni Pawlu II, Ittra Appostolika Vicesimus Quintus Annus (4 Diċembru 1988), 21:  AAS (1989), 917.
32) Institutio Generalis Liturgiae Horarum, 202.
33) Konċilju Vatikan II, Sacrosanctum Concilium, n. 90.
34) Institutio Generalis Liturgiae Horarum, 20, 22.
35) Cf. Konċilju Vatikan II, Sacrosanctum Concilium, n. 12.
36) Cf. ibid., n. 13.
37) Ġwanni Pawlu II, Ittra Enċiklika Ecclesia de Eucharistia (17 April 2003), n. 52:  AAS 95 (2003), 468; Ittra Appostolika Vicesimus Quintus Annus, n. 16 (4 Diċembru 1988), AAS 81 (1989), 910-911.
38) Konċilju Vatikan II, Lumen Gentium, n. 1.

 

 

 

 

 

Minn Papiet oħra ...