ŻJARA PASTORALI F’LORETO

LAQGĦA TA’ ĠWANNI PAWLU II

MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ FL-ISPJANATA TA’ MONTORSO

Loreto (Ancona) – Is-Sibt 9 ta’ Settembru 1995

 

1. Segwejt b’attenzjoni l-interventi tagħkom, għeżież żgħażagħ hawn preżenti jew magħqudin magħna bir-radju jew it-televiżjoni. Grazzi tal-parteċipazzjoni tagħkom, grazzi tax-xhieda tagħkom ta’ fidi u ta’ impenn evanġeliku, grazzi tal-ħeġġa tagħkom.

 

Liż-żgħażagħ li mill-Atlantiku sal-Urali qed ifittxu “dar komuni” jien ngħidilkom: “Arawha d-Dar tagħkom”

 

F’Loreto llejla għamilna pellegrinaġġ uniku mill-Atlantiku sal-Urali, f’kull rokna tal-kontinent, kull fejn iż-żgħażagħ qegħdin ifittxu “dar komuni”. Lil kulħadd ngħid: arawha d-Dar tagħkom, id-Dar ta’ Kristu u ta’ Marija, id-Dar ta’ Alla u tal-bniedem! Żgħażagħ tal-Ewropa mexjin lejn is-sena 2000, idħlu f’din id-dar biex tibnu flimkien dinja differenti, dinja fejn issaltan iċ-ċiviltà tal-imħabba!

 

Intom tinsabu fir-rebbiegħa tal-ħajja, u qed tiskopru li intom bħal siġar li qed iwarrdu, imsejħin biex timtlew bil-frott. Dawn is-snin li jimmarkaw għib ix-xemx tat-tieni millennju huma kkaratterizzati minn pressjoni vera ta’ sfidi u ta’ mistoqsijiet, ta’ tqanqil u ta’ stennijiet. Huwa ż-żmien taż-żgħożija tagħkom. Tafu tapprezzaw l-opportunitajiet uniċi li ta’ kuljum joffrulkom. Minkejja l-problemi tiegħu, dan hu żmien straordinarju, iż-“żmien it-tajjeb”, li fih kull wieħed u waħda għandu jagħraf jerfa’ b’mod sħiħ ir-responsabbiltajiet teigħu: personali u soċjali.

 

Għaldaqstant, tinsewx liema huma l-għeruq tagħkom. Is-siġra li trid tikber u tagħti l-frott, bl-għeruq tagħha trid tiekol minn art tajba. Żgħażagħ tal-Ewropa, il-Vanġelu hu din l-art li fiha tistgħu tniżżlu l-għeruq tal-futur tagħkom! Fil-Vanġelu tistgħu tiltaqgħu ma’ Kristu. Skopru u ggustaw il-ħbiberija tiegħu, stednuh biex ikun ħabib tagħkom fil-vjaġġ ta’ kuljum. Hu biss għandu l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem (ara Ġw 6:68).

 

Lill-millennju l-ġdid nixtiequ ngħaddulu Kontinent li jkompli jfittex fil-Vanġelu l-prinċipju li jnebbħu

 

2. Żgħażagħ, tama tal-Ewropa! Nieħu pjaċir narakom hekk, fil-kwadru ta’ din il-laqgħa suġġestiva li qed tlaqqa’ flimkien, grazzi għall-mezzi moderni tal-komunikazzjoni, bliet u pajjiżi ta’ kulturi differenti. Dan l-aħħar, il-waqgħa ta’ ħitan storiċi għenitna noħolmu dinja ġdida ta’ libertà u ta’ fraternità. B’xorti ħażina, il-ġrajjiet li seħħu wara f’bosta każi mewtu dawn it-tamiet. Imma l-isfida tibqa’ waħda urġenti u impenjattiva. Ħadd ma għandu jċedi għall-qtigħ ta’ qalb. Ħadd ma għandu jaħrab mid-dmir li nibnu Ewropa fidila għat-tradizzjoni nobbli u għammiela tagħha, ċivili u spiritwali. Lill-millennju l-ġdid nixtiequ ngħaddulu Kontinent li jibqa’ jfittex fil-Vanġelu l-prinċipju li jnebbħu, dak tal-konvivenza fil-libertà u fis-solidarjetà.

 

Kemm drabi l-Ewropa, fl-imgħoddi, sabet ruħha taffronta perjodi ibsin ta’ bidliet u ta’ kriżijiet: dejjem għelbithom billi xorbot ħajja ġdida mill-ħażna bla tarf ta’ enerġija tal-Vanġelu li tagħti l-ħajja. Hekk seħħ, ngħidu aħna, fi żmien San Benedittu. U llum, f’kuntest li issa sar wieħed dinji, jeħtieġ ninżlu iktar fil-fond, u nfittxu sinteżi ġdida bejn valuri u bżonnijiet, bejn fidi u kultura, bejn Vanġelu u ħajja. Imma għal dan hu meħtieġ il-kuraġġ ta’ nies awtentiċi ta’ fidi, lesti biex jieqfu lil kull tentazzjoni u deċiżi li jsiru operaturi qalbiena ta’ ġustizzja u ta’ paċi.

 

Ħuduha kontra l-ideoloġiji mudlama u vjolenti, żommu bogħod minn kull xorta ta’ nazzjonaliżmu eżasperanti u ta’ intolleranza

 

3. Żgħażagħ għas-servizz tal-ħajja u bennejja tal-paċi. Ftit mijiet ta’ kilometri bogħod minn hawn, fuq ix-xatt l-ieħor tal-Baħar Adrijatiku, kuljum għadhom qed imutu nies fit-toroq u fil-pjazez, barra fuq il-kampijiet tal-battalja. Imutu nisa u xjuħ, huma u jistennew wara xulxin min jagħtihom qatra ilma jew loqma ħobż. Imutu tfal, milħuqa miċ-ċomb qattiel qalb il-logħob innoċenti tagħhom.

 

Min jaf kemm hemm minn sħabkom tal-età tagħkom fost il-vittmi ta’ traġedja bħal din! Kemm ħajjiet imkissra! Nitkellmu l-ħin kollu fuq il-paċi, imma ma niqfux mill-gwerer. Ix-xwejħa Ewropa tafha biżżejjed din ir-realtà diżumana. Il-ġenerazzjoni li ġej minnha jien kienet żagħżugħa fit-Tieni Gwerra Dinjija, li ftit ilu fakkarna l-50 anniversarju mit-tmiem tagħha. Il-ġenerazzjoni tiegħi, żagħżugħa ta’ 75 sena. Imma anki l-ġenerazzjoni tagħkom taf x’inhi t-traġedja ta’ kunflitti bla waqfien.

 

Għeżież żgħażagħ, ħuduha kontra l-ideoloġiji mudlama u vjolenti; żommu bogħod minn kull xorta ta’ nazzjonaliżmu eżasperanti u ta’ intolleranza. Lilkom hi fdata “l-missjoni li tiftħu toroq ġodda ta’ fraternità fost il-popli, biex tibnu familja waħda ta’ bnedmin, tinżlu iktar fil-fond tal-liġi tar-reċiproċità ta’ min jagħti u min jirċievi, tad-don tagħna nfusna u tal-akkoljenza tal-oħrajn” (Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XVIII/1 [1995] 1248).

 

Imiss lilkom li xxerrdu l-frott ta’ “kultura tal-Vanġelu”, fejn Kristu “ħaj ilbieraħ, illum u dejjem” isir tweġiba konkreta għall-mistoqsijiet essenzjali tal-qalb imħabbta tal-bniedem. Kunu intom stess tweġibiet ħajja ta’ Kristu, waqt li żżommu l-Vanġelu bħala regola fundamentali ta’ kull għemil u kull xewqa tagħkom. U hekk iktbu paġni għadhom battala ta’ evanġelizzazzjoni ġdida għal dan iż-żmien tagħna, speċjalment għal dawn tal-istess età tagħkom.

 

Kunu l-qalb ta’ Kristu biex tħobbu u titolbu, kunu d-dirgħajn ta’ Kristu biex taħdmu u taqdu

 

4. “EurHope”: Ewropa u Tama. Intom ridtu tagħtu dan l-isem lil din il-velja suġġestiva tal-lum. Fit-terminu “EurHope” il-kelmiet Ewropa u Tama jintisġu ma’ xulxin b’mod inseparabbli. Hija intuwizzjoni sabiħa, imma anki impenjattiva għall-aħħar. Tesiġi li intom tkunu rġiel u nisa ta’ tama: persuni li jemmnu f’Alla tal-ħajja u tal-imħabba, u jipproklamaw b’fiduċja soda li hemm futur għall-bniedem.

 

Intom il-wiċċ żagħżugħ tal-Ewropa. Il-futur tal-Kontinent, kif ukoll tad-dinja sħiħa, hu tagħkom, jekk tagħrfu timxu t-triq li Kristu qed jurikom. Is-sigriet huwa l-istess wieħed ta’ dejjem: huwa Kristu li miet u rxoxta għas-salvazzjoni tad-dinja; hu s-Salib ta’ Kristu. Il-Papa llejla qed jafdalkom dan is-sigriet antik u dejjem ġdid: għeżież żgħażagħ, imxu wara Dak, li “ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (Mk 10:45). Kunu d-dirgħajn tiegħu u l-qalb tiegħu, għal ħutkom: il-qalb biex tħobb u titlob, id-dirgħajn biex jaħdmu, jibnu u jaqdu.

 

Ilqgħu lil Marija, illum u dejjem, fid-dar tagħkom!

 

5. Loreto jfisser nimxu ma’ Marija lejn is-sena 2000. Ma nistgħux nagħlqu dan id-djalogu tagħna mingħajr ma nħarsu lejn il-Verġni Mqaddsa, “sinjal jiddi ta’ tama żgura u ta’ faraġ” (Lumen gentium, 68). Żgħażagħ tal-Ewropa kollha, nafdakom f’idejn Marija biex tħobbuha. Ilqgħuha, illum u dejjem, fid-dar tagħkom! L-istess kif hi, Marija, tilqagħkom illum u għada fid-Dar tagħha ta’ Loreto.

 

Hawn, fis-Santwarju ta’ Loreto, sa minn seba’ sekli ilu l-Verġni tkompli fis-skiet tishar u taħdem, kif kienet tagħmel fid-Dar ta’ Nazaret. L-istil tagħha hu dak tal-umiltà, tal-fedeltà, tal-qadi. Huwa l-istil ta’ Nazaret, l-istil ta’ Loreto. Agħmluh tagħkom! Jekk tixbhu lilha, idduqu l-ferħ u l-paċi li huma don tal-Ispirtu s-Santu. Flimkien magħha, tistgħu tħejju ruħkom b’kuraġġ biex tibnu l-Ewropa tat-tama, fidila lejn l-għeruq tagħha, art ta’ akkoljenza, ta’ solidarjetà, ta’ paċi għal kulħadd.

 

Ngħidu grazzi li x-xita għamlet ilbieraħ.

 

Il-Papa mbagħad żied:

 

Għeżież żgħażagħ! Lilkom, li ġejtu hawn f’għadd kbir f’Montorso, u lilkom kollha, magħqudin magħna f’dan il-mument permezz tar-radju u t-televiżjoni, inwassal it-tislima tiegħi mill-qalb! Loreto, ċittadella ta’ Marija, f’dawn il-jiem libes il-wiċċ ta’ kapitali spiritwali taż-żgħażagħ tal-Ewropa. Is-Santwarju tad-Dar Imqaddsa, li din is-sena qed niċċelebraw is-seba’ ċentinarju tiegħu, illum qisu ċ-“ċentru” ta’ dan il-Kontinent antik u ġdid li intom qed issejħu “EurHope”: Ewropa-tama. Loreto għalhekk sar is-Santwarju tat-Tama.

 

Minn hawn, illejla, il-laqgħa tagħna titwessa’ biex tħaddan il-Kontinent kollu. Għalhekk aħna ninsabu magħqudin ma’ xi postijiet partikularment sinifikattivi. Insellmilkom, żgħażagħ ta’ Belfast, ta’ Pariġi, ta’ Santiago de Compostela, żgħażagħ tal-Litwanja, miġbura fuq l-Għolja tas-Slaleb, żgħażagħ ta’ Dresden, belt mibnija mill-ġdid wara l-qerda tat-Tieni Gwerra Dinjija. B’għożża partikulari nħaddan lilkom, żgħażagħ ta’ Sarajevo u tal-eks Jugoslavja! Intom li stajtu tingħaqdu spiritwalment ma’ din iċ-ċelebrazzjoni stupenda u intom li ma stajtux, minħabba l-iżolament li b’xorti ħażina qed iżżommkom fih il-gwerra: aħna qrib tagħkom, aħna magħkom!

 

Bħal fi Buenos Aires, f’Santiago, bħal f’Czestochowa, f’Denver, u din is-sena f’Manila, aħna ħafna fil-għadd, imma rridu niffurmaw, bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, qalb waħda u ruħ waħda. Ġejjin mid-diversi lokalitajiet ninġabru lkoll bil-ħsieb tagħna fid-Dar ta’ Marija, u bħalha niftħu qalbna biex nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, biex lill-Ewropa mġarrba ta’ żmienna nagħtuha żerriegħa ġdida ta’ tama.

 

Liż-żgħażagħ miġbura f’Belfast

 

Dear young people of Belfast, it gives me great Joy to see you together in the name of Christ, bearing witness to your common hope of peace. Thank you for this testimony of faith! I assure you of my affection and I encourage you to continue to walk together as brothers and sisters in the Lord.

 

Liż-żgħażagħ miġbura f’Pariġi

 

Jeunes de France, je vous salue avec affection, et je vous remercie de votre participation. Que l’Evangile du Christ soit la lumière sur votre route! Nous nous reverrons à Paris en aoüt 1997, à l’occasion de la Journée mondiale des Jeunes. Au revoir!  

 

Liż-żgħażagħ miġbura fis-Santwarju ta’ Santiago de Compostela  

 

Queridos Jóvenes de Galicia y de España,

 

Me siento espiritualmente junto a vosotros, ante la tumba de Santiago apóstol, ¡Mantened encendida la antorcha de la fe, que de los Apóstoles ha llegado hasta vosotros! Muchas gracias por vuestra aportación.  

 

Liż-żgħażagħ miġbura fi Dresden fil-Ġermanja

 

Von Herzen danke ich Euch, liebe Jugendliche, die ihr in der wiedererrichteten Kathedrale von Dresden versammelt seid Euch allen gelten meine besten Segensgrüe. Ihr selbst sollt die Bausteine einer lebendigen und menschenfreundlichen Kirche sein, die allen Raum bietet für Brüderlichkeit und Frieden.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard