| 
												 
												
												“TFAJTNI F’QIEGĦ 
												IL-ĦOFRA” 
												
												
												
												ITTRA APPOSTOLIKA 
												
												
												
												TAL-PAPA ĠWANNI PAWLU II 
												
												
												
												EGĦLUQ IL-ĦAMSIN SENA MILL-BIDU 
												TAT-TIENI GWERRA DINJIJA 
												
												
												27 ta’ Awwissu 1989 
												
												
												  
												
												
												Lill-isqfijiet ħuti,  
												
												
												Lis-saċerdoti u lill-familji 
												reliġjużi,  
												
												
												Lill-ulied kollha tal-Knisja, 
												irġiel u nisa, 
												
												
												Lill-governanti, 
												
												
												Lill-bnedmin kollha ta’ rieda 
												tajba.  
												
												
												  
												
												
												
												Is-siegħa tad-dlamijiet 
												 
												
												
												
												1.                
												
												
												“Inti xħettni f’qiegħ il-ħofra, 
												fid-dlamjiet, f’qiegħ l-art”. 
												(Salm 88/87, 7). Kemm il-darba 
												din l-għanja ta’ niket kbir 
												ħarġet minn fomm eluf ta’ rġiel 
												u nisa li, mill-ewwel ta’ 
												Settembru 1939 sa tmiem is-sajf 
												tas-sena 1945, ġew imġarrba minn 
												waħda mit-traġedji l-aktar 
												kiefra u inumani tal-grajja 
												tal-bniedem!  
												
												
												  
												
												
												L-Ewropa, meta kienet għadha 
												xxukkjata b’dak li għamel 
												ir-Reich, bil- qawwa kollha ħa 
												jgħaqqad  miegħu ‘l-Awstrija, 
												jaħtaf partijiet 
												miċ-Ċekoslovakkja, u jaħdem 
												l-Albanija, fl-ewwel jum ta’ 
												Settembru tas-sena 1939, rat 
												l-invażjoni tal-Polonja 
												mill-punent mit-truppi 
												ġermaniżi, u sbatax-il ġurnata 
												wara, mill-lvant, mill-Armata 
												Ħamra. Il qerda tal-eżerċitu 
												polakk u l-martirju ta’ poplu 
												sħiħ kellhom ikunu biss il-bidu 
												ta’ kull ma kellhom iġarrbu 
												ħafna popli tal-Ewropa u, 
												imbagħad ukoll, ħafna popli oħra 
												fil-ħames kontinenti tad-dinja.
												 
												
												
												  
												
												
												Sa mis-sena 1940, il-ġermaniżi 
												okkupaw in-Norveġja, 
												id-Danimarka, l-Olanda, 
												il-Belġju, u nofs Franza. 
												Fl-istess żmien ukoll, l-Unjoni 
												Sovjetika  li kienet ġa ħadet 
												biċċa mill-Polonja, għaqdet 
												magħha l-Estonja, ‘il-Latvja u 
												‘l Litwanja, ħadet il-Bessarabja 
												mir-Rumanija u xi territorji 
												wkoll mill-Finlandja. 
												 
												
												
												  
												
												
												Imbagħad, bħal nar qerriedi li 
												jinxtered, ll-gwerra u 
												t-traġedji tal-bnedmin li 
												bil-fors iġġib magħha, 
												xterrdu malajr ‘l hemm 
												mill-Ewropa u ħakkmu d-dinja 
												kollha. Min-naħa, 
												il-Ġermanja u l-Italja wasslu 
												l-ġlied fil- Balkani u 
												fil-pajjiżi afrikani 
												tal-Mediterran, waqt li r-Reich 
												f’daqqa waħda beda invażjoni 
												tar-Russja. Fl-aħħarnett, 
												bil-ħerba ta’ Pearl Harbour, 
												il-Ġappun daħħal fil-ġwerra, bi 
												sħab ma’ l-Ingilterra, l-Istati 
												Uniti ta’ l-Amerika. Hekk 
												intemmet is-sena 1941. 
												 
												
												
												Id-dinja kellha tistenna 
												sas-sena 1943 biex l-istorja 
												tal-gwerra tieħu rotta ġdida, 
												għaliex l-kontro-offensiva russa 
												biex teħles il-belt ta’ 
												Stalingrad mill-morsa 
												tal-Ġermaniżi rnexxiet. 
												Il-qawwiet tal-alleati min-naħa 
												u s-suldati sovjetiċi min-naħa 
												l-oħra, bi glied mill-aktar 
												akkanit, li ħoloq tbatijiet 
												tal-biża għal eluf ta’ eluf ta’ 
												ċittadini bla ebda difiża 
												għalihom, mill-Eġittu sa Moska, 
												irnexxilhom jirbħu l-Ġermanja. 
												Din fit-8 ta’ Mejju 1945, ċediet 
												bla ebda kondizzjoni. 
												 
												
												
												  
												
												
												Iżda l-gwerra kompliet sejra 
												fil-Paċifiku, Biex jiġi mħaffef 
												it-tmiem tagħha fil-bidu 
												tax-xahar ta’ Awissu ta’ dik 
												is-sena, intefgħu żewġ bombi 
												atomiċi fuq il-bliet ġappuniżi 
												ta’ Hiroshima u Nagasaki. 
												L-għada ta’ din il-ġrajja 
												tal-biża’, il-Ġappun ukoll ċeda. 
												Kien l-10 ta’ Awwissu 1945.
												 
												
												
												  
												
												
												Ebda gwerra oħra ma stħoqqilha 
												tissejjaħ “dinjija”. Kienet 
												ukoll gwerra totali, għaliex 
												ma rridux ninsew li, barra 
												l-ġlied fuq l-art kien hemm 
												ukoll kullimkien ġlied fl-ajru u 
												ġlied fuq l-ibħra kollha 
												tad-dinja. Bliet sħaħ ġew 
												meqruda bla ħniena, u twerwru 
												l-popolazzjonijiet tagħhom u 
												ġarrbu niket kbir u miżerja 
												liema bħala. Ruma stess ġiet 
												mhedda, u kien il-Papa Piju XII 
												li ħeles din il-belt milli tkun 
												kamp ta’ battalji ħorox. 
												 
												
												
												  
												
												
												Din hi d-dehra tal-biża’ 
												tal-ġrajjiet li qed infakkru 
												llum, ġrajjiet li wasslu 
												għall-mewt ta’ ħamsa u hamsin 
												miljun nies, li wasslu 
												għall-firda fost dawk li rebħu 
												l-gwerra, u għall-ħtieġa 
												tal-bini mill-ġdid tal-Ewropa.
												 
												
												
												
												  
												
												
												
												  
												
												
												
												Niftakru 
												
												
												
												  
												
												
												
												2.                
												
												
												Ħamsin sena wara din it-tieni 
												gwerra dinjija, hu dmir tagħna 
												niftakru f’dawn il- ġrajjiet, 
												quddiem Alla, biex nagħtu ġieh 
												lil dawk li mietu, u nuru 
												s-sogħba tagħna ma’ dawk kollha 
												li ġew imġarrba f’qalbhom u 
												f’ġisimhom mill-kefrija ta’ din 
												il-gwerra, billi naħfru għal 
												kollox l-offiżi li saru. 
												 
												
												
												  
												
												
												Fil-ħerqa tiegħi għall-Knisja u 
												fit-tħassib tiegħi għall-ġid 
												tal-bnedmin kollha, ma stajtx 
												inħalli għaddejja din it-tifkira 
												mingħajr ma nistieden 
												lill-isqfijiet ħuti, 
												lis-saċerdoti, lill-insara 
												kollha u l-bnedmin kollha ta’ 
												rieda tajba, ħa jaraw kif din 
												il-gwerra waslet biex iġġib 
												id-desolazzjoni kbira u tkasbir 
												u stmerrija sħiħa tal-bniedem.
												 
												
												
												  
												
												
												Inħoss li hu dmir tiegħi nuri 
												x’tagħlim għandu dan l-imgħoddi 
												għalina, biex qatt aktar ma 
												jseħħu dawk il-kważi li jistgħu 
												jqabbdu mill-ġdid gwerra kiefra 
												bħal dik li qed infakkru. 
												
												
												Kulħadd jaf illum, 
												mill-esperjenza, li qsim 
												arbitrarju ta’ nazzjon jew 
												ieħor, iċ-ċaqliq bilfors ta’ 
												popolazzjonijiet sħaħ, 
												it-tkattir bla rażan tal-armi 
												tal-gwerra, l-użu bla ebda 
												kontroll ta’ armi tal-gwerra 
												mill-aktar sofistikati , 
												it-tkasbir tad-drittijiet 
												l-aktar fondamentali tal-persuni 
												u tan-nazzjonijiet, in-nuqqas 
												tal-ħarsien ta’ mġieba xierqa 
												fir-relazzjonijiet 
												internazzjonali, bħalma hi 
												l-imposizzjoni ta’ ideoloġiji 
												totalitarji, ma jistgħux ma 
												jwasslux għar-rovina tal-familja 
												tal-bnedmin.  
												
												
												  
												
												
												  
												
												
												
												Il-ħidma tas-Santa Sede 
												 
												
												
												
												  
												
												
												
												3.                
												
												
												Mill-bidu 
												tal-pontifikat tiegħu, fit-2 ta’ 
												Marzu 1939, il-Papa Piju XII 
												qatt ma naqas jagħmel appelli 
												għall-paċi; kulħadd kien jaqbel 
												li kien hemm theddida kbira 
												ghaliha. Ftit ġranet qabel beda 
												l-ġlied, fl-24 ta’ Awissu 1929, 
												il-Papa kien tenna kliem ta’ 
												twissija, kliem li għadu 
												jinstema’ sa llum: “Se ddoqq 
												siegħa tal-biża għall-familja 
												kollha tal-bnedmin... Il-periklu 
												hu fil-qrib, iżda għad hemm 
												żmien. Xejn ma hu mitluf 
												bil-paċi. Kollox jista’ jintilef 
												bi gwerra”. 
												
												 
												
												
												  
												
												
												Iżda ħadd ma ta każ tat-twissija 
												ta’ dan il-Papa kbir u t-tiġrib 
												seħħ. Is-Santa Sede, meta ma 
												rnexxiliex tagħti s-sehem tagħha 
												ħa tiġi evitata l-gwerra, 
												għamlet dak li setgħet biex 
												ma tinxteridx. Il-Papa, u 
												dawk kollha li kellu mseħbin 
												miegħu, ħadmu bla heda, sew fuq 
												livell diplomatiku u sew fuq 
												livell umanitarju, mingħajr ma 
												ħallew lil ħadd jiġbidhom favur 
												naħa jew l-oħra, fi gwerra li 
												ġabet kontra xulxin popli ta’ 
												ideoloġiji differenti. F’din 
												il-ħidma, ħsiebhom kien ukoll li 
												ma jħarxux s-sitwazzjoni u 
												jipperikolaw il-qagħda ta’ 
												popolazzjonijiet li kienu 
												għaddejjin minn provi kbar 
												ħafna. Nisimgħu x’qal il-Papa 
												Piju XII dwar dak li kien qed 
												jiġri fil-Polonja; qal dan 
												id-diskors: “Imissna 
												nikkundannaw bi kliem mill-aktar 
												aħrax ħwejjeġ bħal dawn, iżda 
												ħaġa waħda ġgiegħelna ma 
												nagħmlux dan għax nafu li jekk 
												nitkellmu, inħarxu aktar il- 
												qagħda ta’ dawn l-insejknin”.
												
												 
												
												
												  
												
												
												Ftit xhur wara l-Konferenza ta’ 
												Yalta (4-11 ta’ Frar 1945), 
												l-għaqda li ntemmet il-gwerra 
												fl-Ewropa, il-Papa Piju XII 
												fit-2 ta’ Ġunju 1945, f’diskors 
												lill-Kulleġġ tal-Kardinali, ma 
												naqasx li jaħseb fuq 
												il-ġejjieni tad-dinja u jitlob 
												biex jirbaħ is-sewwa: 
												in-nazzjonijiet, b’mod speċjali 
												n-nazzjonijiet mhux kbar, u 
												n-nazzkonijiet żgħar ukoll, qed 
												jitolbu li jkollhom rajhom 
												f’idejhom. Jistgħu  jiġu 
												mwasslin biex fl-interess 
												tal-ġid ta’ kulħadd, jaċċettaw 
												bil-qalb kollha, rabtiet li 
												jġibu tibdil fid-drittijiet 
												tagħhom bħala nazzjonijiet 
												sovrani. Iżda wara li jkunu taw 
												sehemhom, u sehem kbir, ta’ 
												sagrifiċċji, biex tinqered 
												sistema ta’ vjolenza brutali, 
												għandhom id-dritt kollu li ma 
												jaċċettawx l-imposizzjoni  ta’ 
												sistema politiku u kulturali li 
												l-kotra l-kbira 
												tal-popolazzjonijiet tagħhom ma 
												jriduhx... Fil-fond tal-kuxjenza 
												tagħhom il-popli kollha jħossu, 
												li l-mexxejja tagħhom jitilfu 
												kull ġieh jekk, imġenna 
												bil-ħsieb li l-forza dejjem 
												tirbaħ, ma jħallux jirbaħ 
												id-dritt u s-sewwa.”
												
												 
												
												
												  
												
												
												
												  
												
												
												
												Il-bniedem mistmerr u mkasbar 
												
												
												  
												
												
												
												4.                
												
												
												Din “ir-rebħa ta’ dak li hu 
												dritt u sewwa” hija l-aqwa 
												garanzija għar-rispett 
												tal-persuna tal-bniedem. Issa, 
												aħna u naħsbu f’dawn is-sitt 
												snin tal-biża’, ma nistgħux ma 
												nitkexkxux bl-istmerrija u 
												t-tkasbir li ġarrbu l-bnedmin 
												f’dak iż-żmien.  
												
												
												  
												
												
												Barra t-tiġrif materjali, 
												il-qerda tar-riżorsi tal-biedja 
												u tal-industrija fil-pajjiżi 
												mħarrbtin mill-ġlied u 
												mid-distruzzjonijiet, li waslu 
												għall-qerda nukleari ta’ żewġt 
												ibliet ġappuniżi, irridu nżidu 
												wkoll il-massagri li saru u 
												l-miżerja li xterdet ma’ 
												kullimkien. 
												
												
												  
												
												
												Fi ħsiebi għandi, b’mod 
												speċjali, x-xorti kiefra li 
												messet il-popolazzjonijiet li 
												jgħixu fil-pjanura l-kbira 
												tal-lvant tal-Ewropa. Jien stess 
												kont xhud  ta’ din ix-xorti li 
												qanqlitni ħafna, xhud ma’ ġenb 
												l-isqof ta’ Krakow, Mons. Adam 
												Stefan Sapieha. Dak  li 
												l-awtoritajiet okkupanti kienu 
												jippretendu jieħu bit-tkasbir u 
												b’mistmerrija kbira tal-bniedem, 
												kien qed jolqot b’mod l-aktar 
												brutali lil dawk li kienu 
												kontrihom u lil dawk ukoll li 
												kienu biss sospettati b’dan, 
												waqt li n-nisa, it-tfal u x-xjuħ 
												kienu jġarrbu kontinwament kull 
												xorta ta’ umiljazzjoni. 
												 
												
												
												  
												
												
												Lanqas ma għandha tintesa 
												t-traġedja taċ-ċaqliq bil-fors 
												ta’ popolazzjonijiet sħaħ, 
												mitluqin fit-triqat tal-Ewropa, 
												ifittxu kenn x’imkien, ifittxu 
												l-għajxien, esposti għal kull 
												xorta ta’ perikoli.  
												
												
												  
												
												
												B’mod speċjali rridu nsemmu 
												l-priġunieri tal-gwerra, li, 
												isolati, mneżżgħin minn kollox, 
												u umiljati, wara li ġarrbu 
												l-kefrija tal-ġlied, kellhom 
												huma wkoll iħallsu prezz ieħor 
												għoli ħafna.  
												
												
												  
												
												
												U fl-aħħarnett hu dmir ukoll li 
												nfakkru li l-gvernijiet li ġew 
												imposti minn dawk li okkupaw 
												il-pajjiżi tal-Ewropa tan-nofs u 
												tal-lvant daħħlu ħafna miżuri 
												ripressivi u taw għadd kbir ta’ 
												kundanni għall-mewt biex jaħkmu 
												sewwa popolazzjonijiet li ma 
												riedux jaċċettaw l-okkupazzjoni 
												ta’ pajjiżhom.  
												
												
												  
												
												
												
												Il-persekuzzjoni tal-Lhud 
												 
												
												
												
												  
												
												
												
												5.                
												
												
												Iżda  fost il-ħafna miżuri ta’ 
												stmerrija u ta’ tkasbir 
												tal-bniedem, hemm waħda li tibqa 
												dejjem ta’ diżunur kbir u ta’ 
												mistħija għall-familja kollha 
												tal-bnedmin: il-kefrija, 
												imwettqa bi pjan maħsub sewwa, 
												kontra l-poplu Lhudi. 
												 
												
												
												  
												
												
												Is-“soluzzjoni finali 
												għall-problema tal-Lhud”, 
												maħsuba minn ideoloġija ta’ 
												ġenn, wasslet biex il-Lhud 
												iġarrbu privazzjonijiet  u 
												krudeltajiet li bilkemm tista’ 
												timmaġinahom. Għall-ewwel 
												il-Lhud ġarrbu kull xorta ta’ 
												moħqrija u diskriminazzjoni, 
												imbagħad  ġew meqruda b’miljuni, 
												fil-kampijiet li twaqqfu 
												għall-qerda tagħhom.  
												
												
												  
												
												
												Il-Lhud tal-Polonja, aktar 
												mill-Lhud l-oħra, għaddew minn 
												dan il-kalvarju: il-kefrija li 
												seħħet fl-assedju tal-getto ta’ 
												Varsavja, u l-kampijiet ta’ 
												konċentrament ta’ Auschwitz, ta’ 
												Madjanek, u ta’ Treblinka, ebda 
												bniedem qatt ma wasal biex bla 
												ebda mod jimmaġinaha. 
												 
												
												
												  
												
												
												Irridu ngħidu wkoll li dan 
												il-ġenn wassal ukoll għall-qerda 
												ta’ ħafna gruppi oħra li l-ħtija 
												tagħhom kienet biss li ma kienux 
												bħal dawk li okkupawlhom 
												pajjiżhom, jew kienu irvellaw 
												kontrihom. 
												
												
												  
												
												
												Fl-okkażjoni ta’ din it-tifkira 
												ta’ ġrajja tal-biża, nerġa’ 
												nagħmel appell  lill-bnedmin 
												kollha, biex jegħelbu 
												l-preġudizzji tagħhom u jeħduha 
												kontra kull sura ta’ razziżmu, 
												huma u jagħarfu li kull bniedem 
												għandu d-dinjita’ personali 
												tiegħu, li f’kull bniedem hemm 
												it-tajjeb, biex dejjem aktar 
												iħossu li huma parti 
												mill-familja tal-bnedmin li Alla 
												riedha u għaqqadha sa minn 
												dejjem.  
												
												
												  
												
												
												Nixtieq hawn intenni bil-qawwa 
												kollha li l-ostilita’ u 
												l-mibegħda għall-Lhud  huma għal 
												kollox kuntrarji għall-fehma 
												nisranija tad-dinjita’ 
												tal-bniedem.  
												
												
												  
												
												
												
												  
												
												
												
												It-tiġrib tal-Knisja Kattolika
												 
												
												
												
												  
												
												
												
												6.                
												
												
												Il-paganeżimu ġdid, u s-sistemi 
												marbutin miegħu, tħarrxu sewwa 
												kontra l-Lhud, iżda bl-istess 
												mod tħarxu wkoll kontra 
												l-Kristjaneżmu, li bit-tagħlim 
												tiegħu kien sawwar ruħ l-Ewropa. 
												Permezz tal-persekuzzjoni ta’ 
												dak il-poplu li “ minnu, skond 
												il-ġisem, ħareġ Kristu” (ara 
												Rum. 9,5), l-Evanġelju li 
												jħabbar li l-ulied kollha ta’ 
												Alla għandhom l-istess dinjita’, 
												ġie mżeblah.  
												
												
												  
												
												
												  
												
												
												  
												
												
												Il-Papa ta’ qabli,  Piju XI, 
												tkellem bħas-soltu b’mod l-aktar 
												ċar meta, fl-enċiklika, “Mit 
												brennender Sorge” qal: “Min 
												iqis  ir-razza jew il-poplu jew 
												l-Istat, jew xi sura minn 
												l-istat  bħala dawk li fihom 
												tinsab is-setgħa u l-elementi 
												l-oħra kollha fundamentali 
												tas-soċjeta tal-bniedem.... u 
												jarahom bħala regola  suprema 
												ta’ kollox, tal-valuri reliġjużi 
												wkoll, u jagħmilhom allat għax 
												jagħtihom il-qima li tingħata 
												lill-idoli, ikun jaqleb ta’ taħt 
												fuq u jbiddel l-ordni li Alla 
												ħalaq u ried”.
												
												 
												
												
												  
												
												
												Minn din il-pretensjoni ta’ 
												l-ideoloġija nazzjonalsoċjalista 
												ma ħelsuhiex  lanqas il-knejjes, 
												u b’mod speċjali l-Knisja 
												Kattolika, li, kemm qabel u kemm 
												matul il-gwerra, għaddiet 
												mill-passjoni tagħha. Xortiha 
												żgur ma kinitx aħjar f’dawk 
												il-pajjiżi fejn ġiet imposta 
												l-ideoloġija marxista 
												tal-materjaliżmu djalettiku.
												 
												
												
												  
												
												
												Iżda għandna nroddu ħajr lil 
												Alla għal tant u tant xhieda, 
												magħrufin u mhux magħrufin, li 
												f’dawk iż-żminijiet ta’ tiġrib, 
												bil-kuraġġ kollu u bla biża’ 
												stqarrew il-fidi tagħhom, għarfu 
												jopponu l-arbitrju ta’ min 
												jiċħad lil Alla u ma ċedewx 
												quddiem il-forza.  
												
												
												
												  
												
												
												
												  
												
												
												
												Totalitariżmu u reliġjon 
												 
												
												
												
												  
												
												
												
												7.                
												
												
												Dan għaliex, fl-aħħar 
												mill-aħħar, il-paganeżimu 
												nazista u d-domma marxista, 
												jaqblu fil-fatt li huma 
												ideoloġiji totalitarji, li 
												jfittxu li jkunu sura ta’ 
												reliġjon flok ir-reliġjonijiet 
												l-oħra.  
												
												
												  
												
												
												Qabel ħafna is-sena 1939, f’xi 
												oqsma tal-kultura tal-Ewropa, 
												bdiet tidher ix-xewqa li 
												jitwarrab Alla u d-dehra tiegħu 
												mix-xefaq tal-bniedem. Bdew 
												igħallmu dan lit-tfal, sa minn 
												ċkunithom.  
												
												
												  
												
												
												L-esperjenza wrietna li 
												l-bniedem, imħolli fis-setgħa 
												biss tal-bniedem, midrub 
												fit-tamiet reliġjużi tiegħu, 
												malajr isir biss numru jew 
												oġġett, biss xi ħaġa li wieħed 
												igħodd. Min-naħa l-oħra, ebda 
												żmien fil-ġrajja tal-bniedem ma 
												kien meħlus għal kollox 
												mill-periklu li l-bniedem 
												jingħalaq fih innifsu, u mimli 
												bih innifsu jaħseb li ma għandu 
												bżonn ta’ ħadd. Dan il-periklu 
												fi żmiennna kiber daqskemm 
												il-qawwa ta’ l-armi u t-teknika 
												wasslu l-bniedem ta’ llum biex 
												jaħseb li hu waħdu hu s-sid 
												tan-natura u tal-istorja. Din hi 
												r-raġuni ta’ 
												l-esaġerazzjonijiet  li seħħu u 
												qed nikkundannaw.  
												
												
												Il-fond li fih niżlet ħamsin 
												sena ilu bl-isterrija ta’ Alla – 
												u għalhekk tal-bniedem ukoll – 
												iġiegħelna naraw x’qawwa għandu 
												“il-Prinċep ta’ din id-dinja” 
												(Ġw. 14, 30), li jista jqarraq 
												il-kuxjenza bil-gideb, 
												bl-istmerrija tal-bniedem, 
												bil-qima tal-qawwa u tas-setgħa.
												Illum qed niftakru f’dan 
												kollu u qed naħsbu f’dawn 
												l-estremiżmi li fihom jista’ 
												jasal il-bniedem meta jħalli ‘l 
												Alla u l-ħarsien ta’ kull liġi 
												morali traxxendentali. 
												 
												
												
												  
												
												
												
												  
												
												
												
												Ir-rispett tad-drittijiet 
												tal-popli 
												
												
												
												  
												
												
												
												8.                
												
												
												 Dak li hu veru għall-bniedem hu 
												veru wkoll għall-popli. Meta 
												nfakkru l-ġrajjiet tas-sena 
												1939, inkunu nfakkru li l-aħħar 
												gwerra dinjija wasslet 
												għall-qerda kemm tad-drittijiet 
												tal-popli u kemm tad-drittijiet 
												tal-persuni. Dan fakkartu 
												l-bieraħ, meta kellimt 
												il-Konferenza Episkopali 
												Polakka.  
												
												
												
												  
												
												
												
												Ma jistax ikun hemm paċi jekk 
												id-drittijiet tal-popli kollha 
												– speċjalment dawk li jistgħu 
												jintlaqtu malajr – ma jkunux 
												rispettati. Id-dritt 
												internazzjonali bħala pedament 
												għandu l-prinċipju li l-istati 
												kollha għandhom jkunu rispettati 
												l-istess, li kull poplu għandu 
												jiddeċiedi hu nnifsu l-ġejjieni 
												tiegħu u li l-popli kollha 
												jaħdmu flimkien b’mod ħieles 
												għall-ġid tal-familja kollha 
												tal-bnedmin.  
												
												
												  
												
												
												Jeħtieġ li ma jerġax ikun hemm 
												dik il-qagħda li fiha sabet 
												ruħha l-Polonja fl-1939, meta 
												ġie imħarrbta u mfarrka kif 
												għoġobhom dawk li nvadewha bla 
												ebda skruplu ta’ xejn. Hawn ma 
												jistax ikun li ma naħsbux f’dawk 
												il-pajjiżi li għad ma kisbux 
												l-indipendenza sħiħa tagħhom, u 
												f’dawk il-pajjiżi li huma 
												mheddin li jitilfuha. Hawnhekk 
												f’dawn il-ġranet, hemm bżonn 
												insemmu l-każ tal-Libanu, fejn 
												qawwiet magħqudin flimkien, qed 
												ifittxu l-interessi proprji 
												tagħhom, u m’humiex jaħsbuha 
												darbtejn li qed jipperikolaw 
												l-istess eżistenza ta’ nazzion.
												 
												
												
												  
												
												
												Ma ninsewx li l-Organizzazzjoni 
												tal-Ġnus Magħquda twaqqfet, wara 
												t-tieni gwerra dinjija, bħala 
												mezz ta’ djaloġu u ta’ paċi, 
												mibni fuq il-ħarsien 
												tal-prinċipju li l-popli kollha 
												għandhom l-istess drittijiet, 
												lkoll daqs xulxin. 
												 
												
												
												
												  
												
												
												
												  
												
												
												
												Id-diżarm  
												
												
												
												  
												
												
												
												9.                
												
												
												Waħda mill-kundizzjonijiet biex 
												il-bniedem “igħixu flimkien” 
												huwa d-diżarm. 
												 
												
												
												  
												
												
												It-tiġrib tal-biża’ li għaddew 
												minnu s-suldati u l-popolazzjoni 
												ċivili tul l-aħħar gwerra 
												dinjija, ma jistgħux ma 
												jġiegħelux ‘il dawk li huma 
												responsabbli f’kul nazzjon biex 
												jagħmlu kull ma jistgħu ħalli 
												bla telf ta’ żmien jaslu għall-proċessar 
												ta’kooperazzjoni, ta’ kontrol u 
												ta’ diżarm, b’mod li jwassal 
												biex ma jkunx hemm aktar ħsieb 
												li se tinqala’ xi gwerra. Min 
												sejjer illum jiġġustifika l-użu 
												ta’ armamenti ta’ gwerra 
												mill-aktar kiefra, li joqtlu 
												n-nies u jeqirdu kull ma għamlu, 
												biex ikun hemm soluzzjoni għal 
												xi problema bejn l-istati? Kif 
												kelli okkażjoni ngħid: 
												“Il-gwerra fiha nfisha hi haġa 
												bla raġuni... il-prinċipju 
												morali għal soluzzjoni paċifika 
												tal-konflitti hija t-triq 
												waħdanija li tixraq 
												lill-bniedem...”
												
												 
												
												
												  
												
												
												Hu għalhekk li ma nistgħux ma 
												nieħdux pjaċir bin-negozjati li 
												qed isiru dwar diżarm nukleari u 
												konvenzjonali u dwar 
												projbizzjoni sħiħa tal-armi 
												kimiċi u ta armi oħra. Is-Santa 
												Sede kemm-il darba tenniet li 
												tqis bħala ħaġa meħtieġa li 
												n-nazzjonijiet kollha jaslu li 
												jkollhom għadd ta’ armamenti 
												mill-inqas li jista’ jkun skond 
												ma jkun meħtieġ għas-sikurezza u 
												d-difiża tagħhom.  
												
												
												  
												
												
												Kull ma qed isir u qed jimliena 
												bit-tama jista’ jirnexxi biss 
												jekk ikun mwettaq u msieħeb 
												mar-rieda li tissaħħaħ ukoll 
												kooperazzjoni f’oqsma oħra, u 
												l-aktar fl’oqsma tal-ekonomija u 
												tal-kultura. L-aħħar laqgħa 
												tal-Konferenza għas-sikurezza u 
												l-kooperazzjoni fl-Ewropa, li 
												saret dan l-aħħar f’Pariġi dwar 
												“id-dimensjoni umana”, laqgħet 
												ix-xewqa li ntweriet minn 
												pajjiżi taż-żewġ naħat 
												tal-Ewropa, kullimkien 
												jerġa jitwaqqaf ir-reġim 
												tal-Istat tad-dritt. Din 
												is-sura ta’ Stat milli jidher, 
												hi l-aħjar garanzija 
												għad-drittijiet tal-persuna, 
												tad-dritt ukoll għall-liberta 
												reliġjuża: ir-rispett ta’ dan 
												id-dritt hu element ma hemmx 
												ieħor bħalu għall-paċi soċjali u 
												internazzjonali.  
												
												
												  
												
												
												
												  
												
												
												
												L-edukazzjoni taż-żgħażagħ 
												
												
												
												  
												
												
												
												10.            
												
												
												 Mgħallmin mill-isbalji u 
												t-triqat ħżiena li qabdu 
												fl-imgħoddi, in-nies tal-Ewropa 
												ta’ llum huma fid-dmir li jagħtu 
												liż-żgħażagħ sura ta’ ħajja u 
												ta’ kultura ispirata 
												mis-solidarjeta u l-istima għal 
												xulxin. F’dan, 
												il-Kristjaneżmu, sawwar hekk 
												fil-fond il-valuri spiritwali 
												tal-Ewropa, għandu jkun għajn ta 
												ispirazzjoni li ma tiġi nieqsa 
												qatt: it-tagħlim 
												tal-Kristjaneżmu dwar 
												il-persuna maħluqa xbieha ta’ 
												Alla ma jistax ma jgħinx 
												l-iżvilupp ta’ umaneżimu 
												mġedded. 
												
												
												  
												
												
												Fid-dibattitu soċjali, li ma 
												jistax ma isirx, dibattitu fejn 
												jiġu diskussi fehmiet differenti 
												tas-soċjeta’, l-adulti jridu 
												jagħtu eżempju ta’ rispett għal 
												xulxin billi jagħarfu dik 
												il-parti tal-verita’ li jkun 
												hemm fl-oħrajn.  
												
												
												  
												
												
												F’kontinent  fejn il-kuntrasti 
												m’humiex ftit, jeħtieġ li 
												n-nies, ir-razez u l-pajjiżi ta’ 
												kultura, ta’ reliġjon u ta’ 
												sistema soċjali differenti, 
												jitgħallmu kontinwament 
												mill-ġdid jaċċettaw lil 
												xulxin.  
												
												
												  
												
												
												L-edukaturi u l-mass media f’dan 
												għandhom ħidma fondamentali. 
												Iżda  kollna ngħidu li 
												l-edukazzjoni għar-rispett 
												tad-dinjita’ tal-persuna maħluqa 
												xbieha ta’ Alla ma tantx qed 
												iġibuha ‘l quddiem l-ispettakoli 
												ta’ vjolenza u ta’depravazzjoni 
												li jxandru l-mezzi kollha ta’ 
												komunikazzjoni soċjali: 
												il-kuxjenzi taż-żgħażagħ li 
												għandhom qed jissawwru jinsabu 
												mħawwdin u s-sens morali 
												tal-adulti hu mdallam. 
												 
												
												
												  
												
												
												
												Il-moralita’ tal-ħajja pubblika 
												
												
												  
												
												
												
												11.            
												
												
												Il-ħajja pubblika ma tistax 
												tibfatam mill-kriterji 
												tal-moralita’. Il-paċi nxtered 
												l-ewwelnett fil-qasam tal-valuri 
												umani li ċ-ċittadini u l-popli 
												jridu jgħixu u jgħaddu lil ta’ 
												warajhom. Meta tiġi fix-xejn 
												il-moralita’ ta’ nazzjon, kollox 
												jista’ jiġri.  
												
												
												  
												
												
												It-tifkira ħajja tal-imgħoddi 
												għandha twassal lin-nies ta’ 
												żmienna biex joqogħdu attenti 
												għall-abbużi li jistgħu jsiru 
												bil-liberta’ li l-ġenerazzjoni 
												tagħna nkisbet b’tant 
												sagrifiċċji. Il-qagħda ta’ paċi 
												li qed ingawdu hi mibnija fuq 
												pedament  dgħajjef ħafna, u 
												tista’ tiġi fix-xejn jekk 
												fil-kuxjenzi tan-nies terġa 
												tinbet il-mibegħda ta’ razza 
												għall-oħra, l-istmerrija 
												tal-barrani, it-twarrib 
												tal-morda u ix-xjuħ, 
												l-emarġinazzjoni tal-foqra u 
												l-użu tal-vjolenza minn 
												individwi jew  minn gruppi.
												 
												
												
												  
												
												
												Hu dmir iċ-ċittadini jagħarfu 
												jagħżlu fost oħrajn dawk 
												is-suġġerimenti politiċi li 
												jkunu ġejjin mir-raġuni u 
												ispirati minn valuri morali, u 
												huwa dmir l-istati jaraw kif 
												jiġu megħluba l-kawżi kollha li 
												jwasslu għall-eżasperazzjoni u 
												għall-insof-ferenza ta’ grupp 
												jew ieħor  li jsib ruħu f’qabda 
												ta’ żvantaġġ fis-soċjeta. 
												 
												
												
												  
												
												
												
												  
												
												
												
												Appell lill-Ewopa 
												 
												
												
												  
												
												
												
												12.            
												
												
												Lilkom, nies tal-Gvern u 
												responsabbli tan-nazzjonijiet, 
												ngħidilkom għal darb’oħra li 
												jien għal kollox konvint li 
												r-rispett ta’ Alla  u r-rispett 
												tal-bniedem imorru pass pass 
												flimkien. Huma l-prinċipju 
												assolut li jwassal biex l-istati 
												u l-blokki politiċi jmorru ‘l 
												hemm mill-antagoniżmu ta’ 
												bejniethom.  
												
												
												  
												
												
												Ma nistgħux ninsew, b’mod 
												speċjali, l-Ewropa fejn bdiet 
												din il-gwerra ta’ biża’ u għal 
												sitt snin sħaħ għexet tassew 
												“passjoni” li rvinatha u 
												xerditilha  demmha kollu. Sa 
												mis-sena 1945 rajna jsiru sforzi 
												ta’ min ifaħħarhom u li 
												 
												
												
												kellna sehem fihom, sforzi li 
												wasslu biex illum jintemm 
												il-bini mill-ġid materjali u  
												spiritwali tal-Ewropa. 
												 
												
												
												  
												
												
												Il-bieraħ dan il-kontinent 
												wassal il-gwerra fid-dinja 
												kollha; illum hu dmiru “jibni 
												l-paċi”. Nittama li dan 
												il-messaġġ ta’ umaneżimu u ta’ 
												liberazzjoni, li l-Ewropa wirtet 
												mill-istorja nisranija tagħha, 
												jagħti l-ħajja lill-ġnus ta’ 
												l-Ewropa u jkompli jinxtered 
												mad-dinja kollha.  
												
												
												  
												
												
												Iva, Ewropa, kulħadd qed iħares 
												lejk, int li dejjem għandek xi 
												ħaġa x’tgħid wara t-tiġrib ta’ 
												dawk is-snin li ħarqu d-dinja: 
												iċ-ċivilta vera m’hijiex 
												il-forza imma hi l-frott 
												tar-rebħa fuqna nfusna, fuq 
												Is-setgħat tal-inġustizzja, ta 
												l-egoiżmu, u tal-mibegħda, 
												setgħat li jistgħu jaslu biex 
												iħassru d-dehra tal bniedem!
												 
												
												
												
												  
												
												
												
												Kelmtejn lill-Kattoliċi 
												 
												
												
												
												  
												
												
												
												13.            
												
												
												Jiina u ntemm dan il-messaġġ 
												nixtieq ngħid b’mod speċjali 
												kelmtejn lir-ragħajja u l-insara 
												tal-Knisja Kattolika. 
												 
												
												
												  
												
												
												Għadna kemm fakkarna gwerra li 
												ġabet tant imwiet fid-dinja, 
												gwerra li kellha l-bidu tagħha 
												f’kontinent li għandu 
												tradizzjoni nisranija. 
												 
												
												
												  
												
												
												Din il-ħaġa ma tistax ma 
												ġġiegħelniex nagħmlu eżami 
												tal-kuxjenza dwar is-sura 
												tal-evangeliżżazzjoni 
												tal-Ewropa. It-tiġrif tal-valuri 
												nsara, li għenu l-iżbalji 
												tal-bieraħ, għandu jġiegħelna 
												noqogħdu attenti għal kif illum 
												l-Evangelju qed jiġi mħabbar u 
												kif qegħdin ngħixuh.  
												
												
												Għandna ngħidu li f’ħafna oqsma 
												tal-ħajja tiegħu l-bniedem ta’ 
												llum jaħseb, igħix u jaħdem qisu 
												ma hemmx Alla. Hawnhekk għandna 
												l-istess perikolu tal-bieraħ: 
												il-bniedem mogħti lis-setgħa 
												tal-bniedem. 
												
												
												Waqt li l-Ewropa qed taħseb 
												tagħti lilha nfisha dehra ġdida, 
												waqt li qed ikun hemm żviluppi 
												posittivi f’ċerti pajjiżi ta’ 
												l-Ewropa tan-nofs u tal-lvant, u 
												waqt dawk li huma responsabbli 
												tan-nazzjonijiet qegħdin jaħdmu 
												dejjem aktar bejniethom biex 
												isolvu l-ħafna problemi kbar 
												tal-bniedem, Alla qed isejjaħ 
												il-Knisja tiegħu biex tagħti 
												sehemha għall-miġja ta’ dinja 
												fejn il-bnedmin ikunu aktar aħwa 
												ta’ xulxin.  
												
												
												Flimkien mal-knejjes insara 
												l-oħra, minkejja n-nuqqas ta’ 
												għaqda sħiħa bejnietna, nixtiequ 
												nerġgħu ngħidu lid-dinja ta’ 
												llum, li l-bniedem hu tassew 
												bniedem, meta jagħraf li hu 
												ħolqien ta’ Alla; li l-bniedem 
												jagħraf id-dinjita’ tiegħu biss 
												meta jagħraf fih innifsu u 
												fl-oħrajn l-id ta’ Alla li ħalqu 
												xbieha tiegħu; li hu kbir 
												daqskemm jagħmel ħajtu tweġiba 
												għall-imħabba ta’ Alla u jkun 
												lest jaqdi ‘l ħutu.  
												
												
												Alla ma jaqtax qalbu 
												mill-bniedem. Insara ħuti, 
												lanqas aħna ma għandna naqtgħu 
												qalbna mill-bniedem, għaliex 
												nafu li l-bniedem hu dejjem aqwa 
												mill-iżbalji u l-ħtijiet tiegħu.
												 
												
												
												Aħna u niftakru fil-kliem li 
												darba tenna l-Mulej: “Henjin 
												dawk li jġibu l-paċi” (Mt. 5,9), 
												nixtiequ nistiednu l-bnedmin 
												kollha ħa jaħfru lil xulxin u 
												jkunu lesti jaqdu ‘l xulxin 
												f’ġieh dak li f’ġismu, qered 
												il-mibegħda ta’ bejniethom (ara 
												Ef. 2,16).  
												
												
												Nafda f’idejn Marija, is-Sultana 
												tal-paċi, il-familja kollha 
												tal-bnedmin, u nħalli 
												għall-interċessjoni tagħha ta’ 
												Omm il-ġrajja li aħna stess qed 
												nagħmlu.  
												
												
												Biex id-dinja ma ġġarrabx aktar 
												id-disumanita’ u l-eħmil 
												tal-barbari, li ħarbtuha ħamsin 
												sena ilu, inħabbru, bla ma 
												negħjew qatt, lil Sidna Ġesu’ 
												Kristu li permezz tiegħu ksibna 
												“l-ħbiberija ma’ Alla” (ara Rum. 
												5, 11) rahan tar- 
												rikonċiljazzjoni tal-bnedmin 
												kollha ma’ xulxin.  
												
												
												  
												
												
												Mill-Vatikan, is-27 ta’ Awissu 
												1989, fil-ħdax-il sena 
												tal-Pontifikat 
												
												
												Ioannes Paulus pp II 
												
												
												   |