MESSAĠĠ BIR-RADJU MILL-PAPA ĠWANNI XXIII

LILL-KLERU U LILL-FIDILI TAD-DJOĊESIJIET TA' MALTA U GĦAWDEX

FL-OKKAŻJONI TAD-DSATAX-IL ĊENTINARJU TAL-MIĠJA TA' SAN PAWL

FIL-ĠŻIRA TA' MALTA

Il-Ħadd, 24 ta' Lulju 1960

 

Venerabbli ħutimaħbubin uliedi Maltin!

B'sodisfazzjon kbir intukom it-tislima paterna tagħna, henjin li nistgħu nkellmukom direttament permezz tar-radju, fi tmiem iċ-ċelebrazzjonijiet tad-XIX-il ċentinarju tan-nawfraġju ta' San Pawl fil-gżira tagħkom.

L-ewwel kelma Tagħna nixtiquha tkun waħda li tesprimi sodisfazzjon għall-ħerqa li wrejtu f'din iċ-ċirkostanza, li għad tibqa' mfakkra b'ittri tad-deheb fil-paġni tal-istorja reliġjuża ta' din il-ġżira nobilissma u kattoliċissima, kif mar isejħilha l-predeċessur tagħna l-venerabbli Piju XI.  Sa mill-bidu tas-sena li għaddiet bdejtu tħejju rwieħkom għal din it-tifkira sabiħa bi tweġiba għall-premura pastorali tal-ħabrieki Arċisqof Metropolita, mgħejjun tajjeb mill-Isqof ta' Għawdex.  Minħabba f'hekk nistgħu naffermaw bla tlaqliq li mhux biss għal tliet xhur kif insibu rakkuntat fl-Atti (1), imma matul daż-żmien kollu, il-figura tal-Appostlu Pawlu baqgħet fostkom biex iġġedded il-ħerqa, l-imitazzjoni qaddisa fit-tjubija, it-trasformazzjoni intima tal-qlub, imħollija mil-waqfa temporanja tiegħu dak iż-żmien, u biex l-eku tat-tħabbir tal-Evanġelju tiegħi jitla' dejjem aktar 'il fuq (2).

Il-leħen ta' Pawlu ma dwiex għalxejn fuq dik il-gżira mbierka.  Imbuttat hemmhekk mill-volontà ta' Alla għax obdewh l-irjieħ u l-baħar (3), wara erbatax-il jum ta' privazzjoni fuq mirkeb imkisser mill-uragan, il-miġja tiegħu fostkom immarkat il-bidu ta' era ġdida.  Ir-rakkont tal-Atti tal-Appostli, li fid-deskrizzjoni tat-tempesta u tan-nawfraġju li jagħti, jispikkaw stampi effikaċi ħafna ta' qawwa drammatika, donnu li jikkalma fil-pass fejn jiddeskrivi l-waqfa ta' Pawlu fil-gżira ta' Malta, fi klima serenament intima u familjari, bħalma l-ikħal tas-sema igerrex iċ-ċpar iswed tat-tempesta.  U, bħala sfond għall-ġesti ta' Pawlu, jiddi bħal dawl pur l-atteġġjament ta' dawk l-ewwel abitanti tal-gżira mogħnijin b'umanità kbira (4), qalbhom tajba, sempliċi u sinċieri, li s-sentiment reliġjuż profond tagħhom ġie ppremjat bil-bosta mill-predikazzjoni dwar il-veru Alla.

Oh, iva, il-gżira tagħkom, li tidher qisha roqgħa fil-baħar, bħall-perla ta' sbuħija tleqq, diġà kellha, fil-ħajja millenarja tagħha, titli ta' unur li jnisslu għira, minħabba ċ-ċiviltà antikissma tagħha, minħabba t-tempji famużi, minħabba r-reliġjożità tal-abitanti tagħha.  Imma bil-wasla ta' Pawlu, milqugħ b'tant karità u akkumpanjat “b'tant unur” (5), kellha tibda' il-glorja vera tagħha, l-aktar pura u l-aktar nobbli, mixgħula bid-dawl matul s-sekli sħaħ tal-istorja doloruża u erojka tagħha. 

U infatti, x'kien l-aktar li qanqal lil missirijietkom biex ikunu fidili lejn Alla u lejn il-Knisja, li rabathom tant ma' dik ix-xirka Kattolika li hi l-aktar ħaġa li tiftaħru biha?  X'għamel lill-gżira tagħkom fortizza tal-kristjaneżimu fost il-ġrajjiet imqallba tal-Mediterran?  Il-fidi kristjana biss, li ġabilkom l-Appostlu “priġunier ta' Ġesù Kristu” (6) u mħawla fil-qlub qisha żerriegħa għammiela inegwaljabbli.

Bir-raġun kollu, iċ-ċelebrazzjonijiet ċentenarji li qed jagħlqu llum, ħadu t-tifsira ta' trijonf tal-fidi nisranija, mistqarra pubblikament minnkom quddiem id-dinja kollha, li intom dixxendenti denji tal-antenati twajba li taw kenn lill-Appostlu nawfragu.

Maħbubin uliedi!

Fil-gżira tagħkom kollox jitkellem dwar San Pawl.  Hu baqa' għalikom l-Appostlu Missierkom per eċċellenza, dak li nissilkom fil-fidi vera.  Dan jixhduh il-bosta knejjes u kappelli dedikati lilu, li fosthom tispikka l-aktar il-knisja katedrali, li ġew mgħollija għal imkejjen imqaddsa mill-preżenza tiegħu: imma l-aktar li baqa' ħaj fostkom huwa kliemu.

Oh, il-kliem qaddis u mbierek tal-Appostlu!  X'dawl, x'qawwa għadhom jagħtu lill-Knisja: liema minjiera bla qiegħ ta' teoloġija u spiritwalità jiftħu, abissi bla qiegħ, li f'kull waħda minnhom, tiżvela l-misteru ta' Alla moħbi għal sekli sħaħ, is-salvazzjoni tagħna miksuba permezz ta' Kristu u mwassla mill-Knisja, il-Ġisem Mistiku tiegħu.  Liema dawl ta' orjentament u liema qawwa ta' mħabba jagħtu lis-soċjetà tallum, mhedda minn tant żbalji, u speċjalment għerja minħabba l-egoiżmu u s-suspetti reċiproċi!!

Aħna rridu niġbdulkom l-attenzjoni għal dan il-kliem, li matul is-sena ċentinarja intom doqtu u eżaminajtu fil-fond, billi nagħmlulkom l-istedina ta' Pawlu: Sic state in Domino! Ibqgħu sodi fil-Mulej! (7).  U, mill-ġdid: Fl-aħħar, ħuti, intom tgħallimtu mingħandna kif għandkom timxu biex togħġbu lil Alla, kif tabilħaqq qegħdin iġġibu ruħkom; aħna f'Sidna Ġesù nitolbukom u nħeġġukom biex tagħmlu xi ħaġa iżjed (8).

Hekk hu, ħuti u uliedi maħbubin, il-wirt tal-Appostlu lill-ħajja tagħkom ta' fidili kattoliċi: ibqgħu sodi: imxu: ogħġbu lil Alla.

Ibqgħu sodi fil-Mulej biex iżżommu dik l-istabbiltà u l-feremzza li għandhom in-nies qawwija u kuraġġużi.  Sodi fil-fidi, quddiem it-tmellis qarrieq li bih Satana, kultant bl-ilbies ta' anġlu tad-dawl, jipprova jnessi l-wirt qaddis tal-kristjaneżmu.  Sodi fil-morali, billi kuljum tħarsu l-għaxar Kmandamenti, il-preċetti tal-Knisja u l-erbatax-il opra tal-ħniena, biex tirreżistu s-seduzzjonijiet li minn kull naħa jsemmgħu leħen ta' sireni qarrieqa.  Sodi fil-Mulej biex tkunu tafuh, tħobbuh u taqduh, sostnuti bil-grazzja ta' ħajtu stess u mitmugħin bil-Ġisem prezzjuż tiegħu li hu rahan tal-ħajja eterna u tal-ħajja li għad trid tiġi.  Sodi fl-ubbidjenza fidila lejn il-Ġerarkija qaddisa li fostkom tirrappreżenta lil Kristu nnifsu, biex tkunu żguri mill-qima tagħkom lejn Alla.

Din l-istabbiltà, madankollu, ma tfissirx li tibqgħu mwaħħlin fejn tkunu wasaltu, anqas u anqas tfisser nuqqas ta' ħeġġa.  Skont it-tagħlim Pawlin jeħtieġ niċċaqalqu, nimxu 'l quddiem: imxu: din hija l-kelma qawwija li jtina.  Dan intennuh l-aktar liż-żgħażagħ li xi min daqqiet jista' jkollhom it-tentazzjoni li jaħsbu li l-ubbidjenza għall-liġijiet tal-Mulej u tal-Knisja tiegħu tfisser inkapaċità, brejk jew li b'hekk jinqatgħulhom il-ġwienaħ tal-libertà li għandhom li jtiru lejn l-affermazzjoni tal-personalità tagħhom.  Le, għeżież uliedi: il-veru nisrani, dak li għamel tiegħu it-tagħlim u l-eżempju ta' San Pawl, ma jafx xi jfisser li tieqaf, jew, għâr li jerġa' lura: imma mimli tamiet hienja u xewqa li jitjieb u li jtejjeb id-dinja, jimxi 'l quddiem bis-serenità, ifittex it-tajjeb mingħajr waqfien: japprofondixxi 'l ħin kollu d-dinjità ferm għolja tiegħu bħala persuna li tgħix fi Kristu, u li fuq Kristu trid timmudella ħsibijietha, l-imħabbiet tagħha, l-attiviatajiet u x-xogħol.  Jeħtieġ li ma nhedew qatt nipperfezzjonaw lilna nfusna, li nfittxu li nagħmlu l-ġid, li nkunu paċi ma' Alla u mal-proxxmu, bil-konvinzjoni li hekk biss nistgħu nkunu moderni, sħaħ, aġġornati, bil-prospettiva li tgħaqqad iż-żmien mal-eternità, il-ħolqien ma' Alla.  Dejjem hu San Pawl li jibqa' jgħidilna: Kollox hu tagħkom imma intom fi Kristu u Kristu ta' Alla (9).  Mill-ġdid:  Kull ma hu veru, kull ma hu xieraq, kull ma hu ġust, kull ma hu safi, kull ma jiġbed l-imħabba, kull ma jistħoqqlu l-ġieħ, kull ma hu virtù, kull ma ħaqqu t-tifħir; f'dan kollu aħsbu (10)

Nimxu, fl-aħħar, biex nogħġbu lill-Mulej: dan hu l-akbar skop u l-aktar nobbli fil-ħajja u l-għajn li ma tinxef qatt tas-sodisfazzjonijiet puri.  L-istorja tagħkom għeżież uliedi Maltin, tista' tinġabar f'dawn il-kliem: minħabba l-fatt li r-reliġjon nisranija rabbiet l-għeruq fostkom.  Missirijietkom ma riedu jagħmlu xejn aktar ħlief li jogħġbu lil Alla b'ħajja li ma fihiex xi tlum u l-prattika eżemplari tal-kristjaneżmu.  Ħa jkun dan l-impenn imġedded li jitla' lejn is-sema minn fost l-elf qalb tagħkom mimlija ġabra u ħlewwa, f'dal ħin ta' filgħaxija.

Ħa tkun din il-wegħda li tinkuruna denjament il-ferħ ġenerali ta' qlubkom.

Għalina hu ħlejju niftakru li f'dal-ħin, fil-penombra siekta tal-kbira Bażilika Rumana fuq it-triq Ostiense, l-għadam tal-Appostlu jifirħu f'qabarhom għat-tiġdid tal-fervur u s-sentimenti li hu qanqal fikom darba waħda meta ġie fil-gżira tagħkom: jalla mis-sema tinżel bil-kotra fuqkom il-barka tiegħu, li ġġib magħha grazzji bla temma fuq il-komunità ferventi u fidila tagħkom imwaqqfa minnu.

O Pawlu ta' Tarsu, għodda maħtura għall-ġnus. Li fil-pellegrinaġġi bla tarf tiegħek fl-art ippritkajt bla waqfien lil Ġesù Kurċifiss u ksibt id-dinja għalih, ħares b'ħarsa ħelwa u partikolari lejn dan il-poplu li baqa' tiegħek sa minn mindu int wasalt għandu.  Int għalih missier u għalliem: int ispirajtu waqt il-prova, int saħħaħtu waqt it-taqbid, weżintu bl-għerf tiegħek u bl-eżempju, agħmel li bl-interċessjoni qawwija tiegħek, din il-gżira li hi Civitas praenobilis (Art Nobbli għall-aħħar), tibqa' dejjem wirt tiegħek.

Għeżież uliedi!  Din hi x-xewqa Tagħna u talba Tagħna.  U nawgurawlkom minn qiegħ qalbna li fikom titwettaq l-akbar xewqa li kellu l-Appostlu Pawlu Missierkom, ix-xewqa kbira li ispirat il-ħajja missjunarja kollha tiegħu: li Kristu jgħammar fi qlubkom biex b'hekk tkunu tistgħu tifhmu, flimkien mal-qaddisin kollha, x'inhu l-wisa' u t-tul, l-għoli u l-fond tal-imħabba tiegħu; tagħrfu kemm din l-imħabba ta' Kristu tisboq kull għerf, biex timtlew bil-milja kollha ta' Alla (11).

B'rahan ta' dan il-ġid divin fuq il-maħbub Kardinal Legat Tagħna, fuq il-Kardinali preżenti, fuq l-Episkopat u l-kleru, fuq l-Awtoritajiet u fuqkom, għeżież uliedi, fuq il-familji tagħkom u djarkom u artkom, Aħna rridu nberkukom bil-ħoss stess tal-ilsien tagħkom: Inberkukom b'qalbna kollha, fl-Isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu.  Ammen.

 

 

[1Act. 28, 11.

[2] Cfr. Rom. 16, 25.

[3] Cfr. Matth. 8, 27.

[4Act. 28, 1.

[5Act. 28, 10.

[6Eph. 3, 1.

[7Phil. 4, 1.

[8Thess. 4, 1.

[91 Cor. 3, 22.

[10Phil. 4, 8. 50.

[11Eph. 3, 18-19.

 

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber