Mill-Isqof Anton Teuma ...

       

AE 16/2023

Ittra Pastorali

 Mill-E.T. Mons. Anton Teuma

Isqof ta’ Għawdex

FIL-FTUĦ TAS-SENA PASTORALI 2023-2024

  

 

IBQA’ MAGĦNA, MULEJ

 

Għeżież ħuti Għawdxin,

 

Kemm hu diffiċli taħfer! U kemm hawn fostna li ngħaddu minn tbatijiet kbar għax xi ħadd weġġagħna jew għax aħna weġġajna lil xi ħadd u ma jridx jaħfrilna! Ħafna minn dawn il-weġgħat inġorruhom magħna għal żmien twil u jistgħu jkunu kawża ta’ mard tal-ġisem u tal-moħħ.

 

Għalhekk fil-Vanġelu ta’ dan l-24 Ħadd ta’ Matul is-Sena (Mt 18:21-35), Ġesù jippreżentalna lil Alla bħala dak is-Sultan li jaħfer kontinwament lil dawk li għandhom id-dejn miegħu. Il-qaddej kellu jagħtih għaxart elef talent, jiġifieri madwar tliet biljun ewro tal-lum, jew mitejn elf sena xogħol. Somma esaġerata biex turi kemm kienet kbira l-imħabba tas-Sid li ħafirlu d-dejn kollu! Imbagħad dak il-qaddej sabha bi tqila biex jaħfer lil sieħbu madwar tliet mitt ewro tal-lum. Aktarx li l-ewwel qaddej li kellu jagħti ħafna lil Sidu, qatt ma għaraf tassew kemm kien iħobbu Sidu, u qatt ma ħassha verament l-imħabba li Sidu kellu lejh. Kieku ma kienx jagħmel hekk lill-qaddej sieħbu!

 

“Ibqa’ magħna, Mulej”, għax meta nħossuna maħfura tassew u maħbuba mill-Missier tagħna, inħossu l-paċi fil-qalb. “Ibqa’ magħna, Mulej”, għax il-maħfra tiegħek tgħinna naħfru u naċċettaw aktar lilna nfusna bid-dgħufijiet tagħna. “Ibqa’ magħna, Mulej”, għax il-maħfra tiegħek tneħħi r-rabja u l-ħars bl-ikrah fir-relazzjoni tagħna man-nies l-oħra, huma min huma; il-maħfra tiegħek tkabbarna fir-rispett lejn l-annimali, is-siġar u n-natura ta’ madwarna.

 

Din il-maħfra nagħmlu esperjenza tagħha fit-talb u l-iktar fis-Sagrament tal-Qrar.

 

Matul ix-xhur li ġejjin, minn issa sa wara l-Festa tal-Għid, ilkoll flimkien ser nippruvaw nirriflettu fuq ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, speċjalment fis-Sagrament tal-Qrar. It-talb huwa d-djalogu tagħna mal-Missier, u l-Qrar huwa l-wirja tal-imħabba mimlija ħniena tal-Missier lejna wliedu. Il-Qrar huwa s-sagrament li fih nagħmlu l-esperjenza tal-bewsa u tat-tgħanniqa tal-Missier bħall-iben iż-żgħir tal-parabbola (Lq 15:11-32); il-Missier li għandu seba’ mitt sena biex jiltaqa’ magħna u jħaddanna bl-imħabba tiegħu.

 

Ilkoll kemm aħna, saċerdoti u lajċi, għandna bżonn ta’ din ir-relazzjoni ma’ Alla fit-talb, u ta’ din l-imħabba ta’ Alla b’xejn. Saċerdoti u lajċi, għandna bżonn infittxu aktar lil Alla fit-talb u f’dan is-Sagrament tal-Ħniena. Imbagħad, aħna s-saċerdoti msejħin biex nitolbu mhux biss f’isimna imma wkoll f’isimkom, il-poplu ta’ Alla fdat f’idejna. Fl-istess waqt, aħna msejħin biex nagħtu aktar mill-ħin tagħna biex kull min ifittex il-ħniena ta’ Alla jkollu ċ-ċans li jsib lil min jisimgħu f’isem Ġesù u jagħtih il-maħfra.

 

Il-bidu tal-iskola jġib miegħu ħafna impenji kemm għat-tfal, kemm għaż-żgħażagħ, kemm għall-ġenituri. Nawguralkom ilkoll minn qalbi sena skolastika mimlija tagħlim għall-moħħ u għall-qalb. Nawgura wkoll lill-ġenituri, li mat-taħbit tax-xogħol tagħhom jibdielhom il-ġiri tal-isport, mużika u arti tat-tfal, biex ma jpoġġux fl-aħħar post it-tagħlim tal-Katekiżmu tagħhom u ta’ wliedhom, b’mod speċjali jekk l-ulied qed iħejju ruħhom għas-Sagramenti tal-Qrar, it-Tqarbin jew il-Griżma tal-Isqof.

 

Nitlob fuqkom il-barka ta’ Alla.

 

 

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, il-Belt Victoria, fit-8 ta’ Settembru 2023, Solennità tat-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija.

 

 

 

                                                                                                Anton Teuma

                                                                                       Isqof ta’ Għawdex

 

Mons. Edward Zammit

Kanċillier