IL-ĠUBLEW 2025: PELLGRINI TAT-TAMA

 

Kull 25 sena l-Knisja Kattolika ssejjaħ u tiċċelebra sena speċjali, komunement magħrufa bħala s-Sena tal-Ġublew.  

 

Kien fl-1300 li l-Papa Bonifaċju VIII waqqaf għall-ewwel darba din is-Sena Mqaddsa, u minn dakinhar il-ġublew baqa’ dejjem jirrappreżenta fil-ħajja tal-Knisja ġrajja ta’ importanza kbira kemm minn aspett spiritwali, kemm ekkleżjali, kif ukoll soċjali.

 

Biż-żmien, fuq mudell bibliku, il-ġublew beda jitfakkar l-ewwel kull 50 sena u wara wkoll kull 25. Imma minkejja din id-drawwa fit-terminu taż-żmien, il-Papa jista’ jsejjaħ Ġublew Straordinarju fi snin oħra wkoll.

 

Il-kelma Ġublew, li tmur lura sat-Testment il-Qadim, ġejja mil-Lhudi “Jobèl” li tirreferi għall-qarn li minnu kienu jagħmlu tromba speċjali biex idoqquha meta tibda din is-sena mqaddsa. 

 

Fi kliem il-Papa Franġisku nnifsu, il-Ġublew huwa don speċjali ta’ grazzja, ikkaratterizzat mill-maħfra tad-dnubiet u, b’mod partikulari, mill-indulġenza, li hija espressjoni sħiħa tal-ħniena ta’ Alla.

 

Il-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000 kien daħħal lill-Knisja fit-tielet millennju tal-istorja tagħha. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II tant stennieh u xtaqu, bit-tama li l-Insara kollha, wara li jkunu għelbu l-firdiet storiċi ta’ bejniethom, setgħu jiċċelebraw flimkien l-elfejn sena mit-twelid ta’ Ġesù Kristu l-Feddej tal-bnedmin.

 

Tarġa importanti fil-mixja tal-poplu ta’ Alla kienet dik tal-Ġublew straordinarju tal-Ħniena, imsejjaħ mill-Papa Franġisku u ċċelebrat bejn it-8 ta’ Diċembru 2015 u l-20 ta’ Novembru 2016. Kienet Sena Mqaddsa li għenitna niskopru mill-ġdid il-qawwa u l-ħlewwa kollha tal-imħabba ħanina tal-Missier, biex imbagħad sirna xhieda tagħha aħna stess.

 

Fl-2025 ser ikunu għaddew l-ewwel 25 sena ta’ dan is-seklu, u għalhekk aħna msejħin biex b’mod immedjat nibdew tħejjija li tista’ tgħin lill-Poplu ta’ Alla kollu biex jgħix dis-Sena Mqaddsa fit-tifsira pastorali kollha tagħha.

 

Fl-ittra tal-11 ta’ Frar 2022 lil Monsinjur Rino Fisichella, il-Papa Franġisku fakkar kif matul is-sentejn ta’ qabel ma kienx hemm pajjiż li ma nqalibx ta’ taħt fuq bl-epidemija li ġiet fuqna ħabta u sabta u li, barra li ġagħlitna mmissu b’idejna t-traġedja tal-mewt fis-solitudni, l-inċertezza u t-temporanjetà tal-ħajja, bidlet ukoll il-mod ta’ kif ngħixu.

 

Imma ġimagħtejn biss wara din l-ittra, ir-Russja invadiet l-Ukrajna u l-gwerra li faqqgħet minn dakinhar kompliet ġabet fuq l-umanità kollha biżgħat kbar u sens qawwi ta’ taqtigħ il-qalb.

 

Iva, l-umanità għandha bżonn it-tama. Tinħtieġ it-tama minħabba l-ġlied u l-gwerer, minħabba l-mard u l-pandemiji, minħabba l-ġuħ u l-faqar fis-soċjetà, minħabba l-familji mifruda, minħabba tant ulied iltiema minkejja li l-ġenituri għadhom ħajjin, minħabba l-miljuni kbar ta’ persuni li qed ikollhom iħallu djarhom u pajjiżhom biex ifittxu kenn f’artijiet oħra, minħabba l-ibħra tagħna li qed narawhom isiru ċimiterji għal eluf ta’ rifuġjati, minħabba wkoll fid-diżastri ekoloġiċi li l-kilba għall-flus qed tkompli ġġib fuq din il-pjaneta tagħna.

 

Iva, l-umanità għandha bżonn ħafna tama, u s-sehem ta’ kull wieħed u kull waħda minna huwa proprju li, flimkien, inkunu ħabbara tat-tama – pellegrini tat-tama. Din hija s-sejħa tal-imgħammdin kollha.

 

Fil-logo magħżul għal dan il-Ġublew nilmħu tifsira profonda u messaġġ qawwi ħafna.

 

Quddiem il-mewġ tal-ħajja, li jidher taħt il-figuri, is-Salib ta’ Kristu huwa l-ankra tat-tama – simbolu tradizzjonali ta’ din il-virtù. Imma t-tama Nisranija ma torbotniex fejn inkunu biex ma niċċaqalqux, imma tħarrikna, tmexxina ’l barra, fil-fond. Fil-logo dan huwa rrappreżentat fil-mod kif is-Salib, milwi ’l quddiem forma ta’ qlugħ, jurina moviment ’il quddiem. Bħal qlugħ ta’ dgħajsa mimli u mmexxi bil-qawwa tar-riħ, dak li qed jimbotta lilna huwa bla dubju l-qawwa tal-Ispirtu, l-istess wieħed li dakinhar tal-ewwel Għid il-Ħamsin instema’ ġej mis-sema u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin id-dixxipli.

 

Dan isir biss jekk bħax-xbihat tal-logo, aħna nkunu mħaddnin flimkien, anki jekk ta’ kuluri u fehmiet differenti. Hekk, permezz ta’ xulxin, nitħaddnu wkoll ma’ Kristu u s-Salib tiegħu.

 

Huwa biss Hu li qed iħeġġiġna nkomplu l-mixja tagħna. Huwa biss permezz tiegħu u miegħu u bih li l-vjaġġ ta’ ħajjitna jinbidel f’pellegrinaġġ. Miegħu biss nistgħu nsiru tassew Pellegrini tat-Tama.

 

Għalhekk il-Ġublew li jmiss ma jikkonsistix biss fi programmi ta’ ċelebrazzjonijiet li jistgħu jsiru f’Ruma jew postijiet matul l-2025, imma jrid jibda minn issa stess u minn hawn. Forsi wkoll messna ilna li bdejna!

 

Biex aħna nkunu tassew Pellegrini tat-Tama, biex tagħna jkun tassew pellegrinaġġ u mhux tlajjar ’l hawn u ’l hinn, irridu nħejju lilna nfusna, lill-familja tagħna, lill-poplu tagħna, l-għaqdiet, il-movimenti u l-gruppi. L-għajnuniet għal din it-tħejjija diġà qegħdin hemm u l-Papa Franġisku poġġa quddiemna sinjali ċari u qawwija.

 

Fl-istess ittra tiegħu lil Monsinjur Fisichella, u li rreferejna għaliha aktar ’il fuq, huwa jgħid li matul l-2023 irridu nerġgħu niskopru t-temi ewlenin tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, b’attenzjoni speċjali lill-erba’ Kostituzzjonijiet: is-Sacrosanctum Concilium fuq il-Liturġija, id-Dei Verbum fuq ir-Rivelazzjoni Divina, il-Lumen Gentium fuq il-Knisja, u l-Gaudium et Spes fuq il-relazzjoni tagħna, bħala Knisja, mad-dinja.

 

Imbagħad għall-2024 il-Papa kiteb hekk: “Tkun sena ddedikata għat-talb, bl-idea li jinħoloq kuntest favorevoli għall-Ġublew… tkun sinfonija kbira ta’ talb biex nirkupraw ix-xewqa li noqogħdu fil-preżenza tal-Mulej, nisimgħuh u nadurawh”.

 

Dawn huma żewġ sinjali kbar li jistgħu juruna t-triq, biex fiż-żmien li fadal qabel il-bidu tal-Ġublew tat-Tama, bl-għajnuna ta’ Alla u ta’ xulxin, nistgħu nsiru minn issa stess pellegrini – mhux lejn xi lok imqaddes, imma fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

 

Bla dubju ta’ xejn fl-istess Kelma ta’ Alla, fit-Testment il-Qadim u fit-Testment il-Ġdid, nistgħu niskopru nixxiegħa kbira ta’ siltiet, li kemm individwalment u kif ukoll bħala poplu, żgur li jispirawna biex niskopru mill-ġdid it-tama. Dan għaliex il-ħsieb tat-tama jiddomina fil-Kotba Mqaddsa. Ir-reliġjon tal-Bibbja hi reliġjon tat-tama.

 

Imbagħad fit-tagħlim tal-aħħar Papiet għandna għajnuniet kbar oħra, fosthom:

§  38 katekeżi li l-Papa Franġisku ta fuq it-Tama bejn l-2016 u l-2017.

§  L-Enċiklika Spe Salvi tal-Papa Benedittu XVI u li kienet ippubblikata fl-2007.

§  Katekeżi waħda, imma importanti, fuq it-Tama li l-Papa Ġwanni Pawlu I għamel matul il-pontifikat qasir tiegħu, eżattament fl-20 ta’ Settembru 1978.

§  U kitba tal-Papa Ġwanni Pawlu II, “Imorru ’l hemm mill-għatba tat-Tama”, ippubblikata fl-1994.

Dawn kollha nistgħu diġà nsibuhom bil-Malti.

 

Jeħtieġ inżommu mkebbes il-musbieħ tat-tama li ngħatatilna, u nagħmlu minn kollox biex kulħadd jerġa’ jikseb il-qawwa u ċ-ċertezza li jħares lejn il-futur b’qalb miftuħa, qalb fiduċjuża u ħsieb li jara ’l bogħod.

 

Il-Ġublew li jmiss jista’ jgħinna ħafna biex nerġgħu nsibu klima ta’ tama u ta’ fiduċja, bħala sinjal ta’ twelid ġdid li tiegħu lkoll inħossu tant il-ħtieġa urġenti.

 

“Kien għalhekk”, kiteb il-Papa Franġisku, “li jien għażilt il-motto… Pellegrini tat-Tama”.

 

Dan kollu jkun possibbli jekk ikollna l-ħila nirkupraw is-sens ta’ fraternità universali u ma nagħlqux għajnejna quddiem it-traġedja tal-faqar.

 

Ħa nagħtu widen għall-ilħna tal-foqra, f’dan iż-żmien ta’ tħejjija għall-Ġublew, li skont il-kmand bibliku, irodd lil kull wieħed u kull waħda l-aċċess għall-frott tal-art. Naqraw fil-ktieb tal-Levitiku: “Dak li trodd l-art fil-mistrieħ tagħha, tistgħu tikluh; int, il-qaddej u l-qaddejja tiegħek, il-ħaddiem mikri tiegħek, il-barranin li jkunu miegħek, il-bhejjem tad-dar u l-bhejjem selvaġġi. Kulma trodd jista’ jittiekel” (25:6-7).

 

Għalhekk, id-dimensjoni spiritwali tal-Ġublew, li tistieden għall-konverżjoni, għandha titwaħħad ma’ dawn l-aspetti fundamentali tal-ħajja soċjali, biex nibnu għaqda koerenti. Inħossuna lkoll pellegrini fuq l-art li fiha l-Mulej qegħidna biex nieħdu ħsiebha u nħarsuha.

 

Ma nittraskurawx, fil-mixja tagħna, il-kontemplazzjoni tal-ġmiel tal-ħolqien u l-għożża ta’ din id-dar komuni tagħna.

 

Fl-2025, il-Knisja Kattolika ser tiċċelebra l-Ġublew tat-Tama, imma dan mhux ser isir biss minn dawk il-pellegrini li ser ikollhom l-opportunità li jmorru Ruma u jidħlu mill-Bibien Imqaddsa, li jinfetħu biss matul is-sena tal-ġublew fl-erba’ bażiliċi papali – dik ta’ San Pietru fil-Vatikan, dik ta’ San Ġwann Lateran, il-Bażilika ta’ San Paolo fuori le mura, u dik ta’ Santa Maria Maggiore.

 

Imma fid-dinja se jkun hemm Bibien Imqaddsa oħra mogħtija mill-Papa li permezz tagħhom ikun possibbli li tirċievi l-indulġenza plenarja. Saħansitra waqt il-Ġublew Straordinarju tal-2015, il-Papa Franġisku ħeġġeġ il-ftuħ tal-Bieb Imqaddes ukoll fil-knejjes katidrali u ħalla f’idejn l-Isqfijiet biex jistabbilixxu huma liema jkunu l-Bibien Imqaddsa fid-djoċesijiet rispettivi tagħhom.

 

Ċertament li fit-tħejjijiet tagħna għal dan il-Ġublew u waqt iċ-ċelebrazzjoni tiegħu, ma nistgħux ninsew lil dawk li għal raġuni jew oħra mhux biss ma jistgħux imorru Ruma, imma lanqas biss jistgħu jħallu l-bieb ta’ darhom jew forsi wkoll tal-kamra fejn jgħixu, l-anzjani, il-foqra, il-morda, id-detenuti.

 

Fl-aħħar ġublew, lil dawk li qegħdin fil-ħabs, il-Papa Franġisku kien awguralhom li t-talb u x-xewqa tagħhom li jersqu lejn il-Missier tgħinhom ħalli kull darba li jaqsmu l-għatba taċ-ċella, dan ikun ifisser għalihom il-passaġġ mill-Bieb Imqaddes. Għax il-ħniena ta’ Alla kapaċi tbiddel il-qlub, u kapaċi wkoll tittrasforma l-vireg tal-għeluq f’esperjenza ta’ libertà.

 

Is-Sena Mqaddsa trid tkun fuq kollox sejħa qawwija għal konverżjoni radikali, kemm individwalment, imma wkoll bħala Knisja. Konverżjoni, mhux biss ta’ tfarfira ħafifa ’l hawn u ’l hinn, imma twelid mill-ġdid kif Ġesù nnifsu qal lil Nikodemu. Bidla ta’ attitudni, li tgħinna nitilqu mill-awtoreferenzjalità li qed taħkimna biex niskopru mill-ġdid iċ-ċentralità ta’ Kristu fil-ħajja individwali u dik ekkleżjali.

 

Huwa biss miegħu u permezz tiegħu li lkoll flimkien nistgħu naraw il-mixja tagħna tinbidel f’pellegrinaġġ tassew. Huwa biss miegħu u permezz tiegħu li l-Ġublew li jmiss u kull ċelebrazzjoni u attività oħra li nagħmlu jistgħu jiksbu tifsira vera u awtentika. Huwa biss miegħu u permezz tiegħu li aħna l-Kattoliċi, flimkien ma’ Nsara oħra minn madwar id-dinja u ma’ kull bniedem ieħor ta’ rieda tajba, inkunu nistgħu nħarsu minn issa stess lejn l-2025 bħala l-Ġublew tat-Tama. Għaliex ilkoll kemm aħna, flimkien ukoll ma’ din id-dar komuni li ngħixu fuqha, għandna bżonn ta’ ħafna, ħafna, tama.

 

Illum jidher ċar għaliex il-Papa Franġisku ried li għaxar snin qabel il-Ġublew tat-Tama jsejjaħ ieħor speċjali, wieħed straordinarju, forsi wkoll barra minn żmienu, Ġublew li kien iddedikat proprju ghall-Ħniena. Għaliex il-bniedem ma jista’ qatt jasal għat-tama, jekk qabel ma jkunx telaq mill-ħniena… l-ewwel u fuq kollox il-Ħniena Divina ta’ Alla magħna, imma magħha wkoll dik tagħna bejnietna u għal xulxin. Hija biss il-ħniena li tista’ twassalna għat-tama.

 

Dan kompla kkonfermah il-Papa Franġisku fl-2020, meta mat-tliet invokazzjonijiet ġodda li żied mal-Litanija tal-Madonna, l-ewwel tnejn kienu: ‘Omm tal-Ħniena’ u ‘Omm it-Tama’.

 

Is-sena 2025 hija magħna, wara l-bieb. Madankollu din ma tistax tkun il-mument tal-wasla iżda l-punt tat-tluq, il-post tal-laqgħa, minn fejn irridu nitilqu flimkien lejn il-mira li jkun imiss, sena oħra, mhux tant fil-bogħod, sena oħra ta’ grazzja tal-għaġeb, Ġublew straordinaju ieħor, il-Ġublew tal-Fidwa fl-2033, li jimmarka l-elfejn sena mill-akbar ġrajja li qatt seħħet fl-umanità – il-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-imwiet tal-Mulej tagħna, Kristu Ġesù, is-Sid ta’ kull żmien, il-bidu u t-tmiem ta’ kollox.

 

Ejjew ma narmux dawn ir-rigali kbar li s-Sinjur Alla qed jagħtina permezz tal-Knisja tiegħu. L-ewwel obbligu li għandna huwa lejh li qed jagħtihomlna. Warajh, aħna obbligati lejn xulxin. Imma għandna wkoll obbligu lejn il-bqija tal-umanità, mhux biss il-bniedem tal-lum, imma anki lejn dawk li għad iridu jirtuna.

 

Dwar din it-tappa oħra fil-pellegrinaġġ tagħna fakkarna wkoll il-Papa Franġisku fil-messaġġ tiegħu waqt l-Angelus tat-12 ta’ Diċembru 2021. Dakinhar tefgħalna ħarsitna aktar ’il quddiem, lejn din is-sena ġubilari oħra, u ħeġġiġna biex nibdew minn issa naħsbu fiha u nżommuha dejjem f’moħħna.

 

Kitba ta' Joe Farrugia