|
IS-SENTEJN TA' TĦEJJIJA GĦALL-ĠUBLEW
Pellegrini tat-Tama
Il-Ġublew 2025 biex nibnu dinja aħjar
Il-Papa Franġisku talab li s-sentejn ta’ qabel il-Ġublew ikunu ffukati fuq żewġ temi partikolari.
Is-sena 2023 tkun iddedikata biex matulha nerġgħu niskopru t-temi ewlenin tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II li fil-11 ta' Ottubru 2022 fakkarna s-60 anniversarju tal-ftuħ tiegħu mill-Papa Ġwanni XXIII. B'mod partikolari aħna mħeġġa nagħtu attenzjoni speċjali lill-erba’ Kostituzzjonijiet; Sacrosanctum Concilium fuq il-Liturġija Mqaddsa, Dei Verbum fuq ir-Rivelazzjoni Divina, Lumen Gentium fuq il-Knisja, u Gaudium et Spes fuq il-Knisja fid-Dinja tal-lum.
Dwar dan ikkumenta l-Papa Franġisku nnifsu f'ittra li kiteb lil Mons. Rino Fisichella. "L-erba’ Kostituzzjonijiet tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, flimkien mal-Maġisteru ta’ dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, għandhom ikomplu jorjentaw u jdawlu lill-poplu qaddis ta’ Alla, biex tisseddaq il-missjoni li nwasslu lil kulħadd it-tħabbira hienja tal-Vanġelu."
Is-sena 2024 tkun sena ddedikata għat-talb, bl-idea hi li jinħoloq kuntest favorevoli għall-Ġublew u li l-pellegrini jkunu jistgħu jippreparaw. Fl-istess ittra tiegħu lil Mons. Fisichella, il-Papa Franġisku qal, "F’dan iż-żmien ta’ tħejjija, diġà nifraħ meta naħseb li nistgħu niddedikaw is-sena ta’ qabel il-ġrajja ġubilari, l-2024, għal “sinfonija” kbira ta’ talb. Qabelxejn biex nirkupraw ix-xewqa li noqogħdu fil-preżenza tal-Mulej, nisimgħuh u nadurawh. Barra minn hekk, talb biex nirringrazzjaw lil Alla għal tant doni ta’ mħabbtu għalina u nfaħħruh għall-opra tiegħu tal-ħolqien, li timpenjana lkoll għar-rispett u għall-azzjoni konkreta u responsabbli b’risq il-ħarsien tiegħu. Talb bħala leħen “tal-qalb waħda u r-ruħ waħda” (ara Atti 4:32), li jitlaħħam fis-solidarjetà u fil-qsim tal-ħobż ta’ kuljum. Talb li bih kull raġel u mara ta’ din id-dinja jistgħu jduru lejn Alla wieħed, biex jesprimulu dak li hemm fis-satra ta’ qalbhom. Talb bħala triq għalliema lejn il-qdusija, li twassalna biex ngħixu l-kontemplazzjoni anki qalb l-azzjoni. F’kelma waħda, sena intensa ta’ talb, fejn il-qlub jinfetħu biex jilqgħu l-kotra tal-grazzja, u nagħmlu mill-“Missierna”, it-talba li Ġesù għallimna, il-programm tal-ħajja ta’ kull dixxiplu tiegħu."
GĦAJNUNIET GĦAT-TĦEJJIJA
▪ Dokumenti tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II. 1962 - 1965.
▪ Katekeżi tal Papa Ġwanni Pawlu I fuq it-Tama. 20/09/1978.
▪ Spe Salvi. Enċiklika tal-Papa Benedittu XVI fuq it-Tama Nisranija. 30/11/2007.
▪ Sensiela ta' 38 katekeżi mill-Papa Franġisku fuq it-Tama Nisranija. 07/12/2016 - 25/10/2017.
▪ Nota; Il-Papa Ġwanni Pawlu II kien ukoll ta sensiela ta' intervist lil Vittorio Messori li wara ġew publkati wkoll bil-Malti fil-ktieb, "Immorru 'l hemm mill-għatba tat-tama". 1995.