Mill-Knisja f'Għawdex


Pjan Pastorali Djoċesan 2023-2024

Ibqa’ magħna, Mulej

 

Wara li ppruvajna nwieġbu għall-mistoqsija “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?” biex ikollna ħjiel tal-Knisja Għawdxija, u billi rajna li kienet tinħass il-ħtieġa ta’ aktar smigħ tal-Kelma, is-sena l-oħra lill-Mulej Ġesù ħallejnieh jibda jfissrilna l-Iskrittura: “U beda jfissrilhom l-Iskrittura”. Issa din is-sena nixtiequ nitolbuh biex ikompli dak li beda magħna, permezz tal-Pjan Pastorali bit-tema: “Ibqa’ magħna, Mulej”.

 

Ser inkomplu nimpenjaw ruħna biex nilqgħu d-doni li Alla jogħġbu joffrilna, speċjalment dawk marbutin mal-Kelma tiegħu.

 

Nitolbuk, “ibqa’ magħna, Mulej”, agħmlilna kumpanija permezz tal-Kelma tiegħek li tirrikonċiljana miegħek, magħna nfusna, ma’ ħutna fil-komunità u mal-ħolqien.

 

“Ibqa’ magħna, Mulej” hija talba li trid kulma jmur tinfirex bħal roqgħa żejt mad-Djoċesi kollha, bi tħejjija għas-sena tal-Ġublew 2025, kif talabna l-Papa Franġisku nnifsu. “Ibqa’ magħna, Mulej” trid tkun sena b’enfasi fuq is-Sagrament tal-Qrar, bi tħejjija għas-sena 2024-2025, is-Sena tat-Tama, is-Sena tal-Ewkaristija.

 

 

Settembru – Novembru: Il-Kelma ta’ Alla li tiġbor il-komunità

 

Bħala sinjal li jidher tista’ tingħata importanza lill-konfessjonarju billi jiżżejjen bix-xemgħa u bil-ward (f’dawk il-knejjes li għandhom il-konfessjonarju fihom). F’dawk il-knejjes fejn m’hemmx konfessjonarju li jidher tista’ titpoġġa stola vjola mżejna bil-ward ma’ jew ħdejn l-ambone.

 

Bħala mument liturġiku li jista’ jfakkarna kuljum fit-tema tar-rikonċiljazzjoni u t-talb nistgħu nagħtu importanza lill-eżami tal-kuxjenza waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Nistgħu ninqdew bl-istess formuli li joffri l-Att Penitenzjali u partikolarment bis-silenzju li huwa diġà previst.

 

Fil-knejjes fejn għad m’hemmx, huwa neċessarju li jitħejja post diċenti fejn jiġi ċċelebrat is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni.

 

Matul is-sena kollha, fil-quddies kollu tal-Ħadd, f’kull knisja jkun hemm il-possibbiltà ta’ saċerdot disponibbli għall-qrar, qabel, waqt u wara l-quddiesa. L-Insara jiġu mħeġġa biex jieħdu sehem fis-sagrament tal-Qrar fil-ħinijiet ta’ barra l-quddiesa.

 

Ikun hemm disponibbiltà ta’ qrar b’lingwi differenti, speċjalment fis-Santwarju Ta’ Pinu u fil-knejjes fejn jattendu persuni ta’ lingwi oħra.

 

16 ta’ Settembru: L-Anniversarju tat-Twaqqif tad-Djoċesi. Ftuħ tas-Sena Pastorali fil-Katidral u fil-Parroċċi kollha tad-Djoċesi. Tintbagħat Ittra Pastorali li tiġi mwassla bil-mezzi tal-komunikazzjoni anki fil-knejjes.

 

Sejħa biex il-komunità tinġabar madwar il-Kelma ta’ Alla: Bidu tal-laqgħat ta’ katekeżi tal-adulti u tal-għaqdiet: il-Leġjun ta’ Marija, l-Azzjoni Kattolika, il-Museum, il-Lectio Divina, il-Komunitajiet Ewkaristiċi, il-Komunitajiet Neokatekumenali, gruppi tal-koppji, u oħrajn. Kull fejn ikun possibbli ssir referenza għas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Jistgħu jiġu organizzati Ċelebrazzjonijiet Penitenzjali fil-bidu tal-mixja tad-diversi gruppi.

 

Bidu tal-katekiżmu taż-żgħar, tal-Ewwel Tqarbina, tal-Konfirmazzjoni, tal-adolexxenti u taż-żgħażagħ. Bidu tal-Mixja ta’ Tħejjija għaż-Żwieġ u għall-Ħajja tal-Familja.

 

Bidu tal-esperjenza tat-tliet laqgħat bi tħejjija għall-Magħmudija fil-parroċċi.

 

Bidu tal-laqgħat ta’ kull xahar għall-ġenituri ta’ dawk li ser jirċievu s-sagramenti tal-Ewkaristija, ir-Rikonċiljazzjoni u l-Konfirmazzjoni fl-2024.

 

Sa mill-bidu tax-xahar ta’ Ottubru terġa’ tingħata importanza lid-devozzjoni tal-ewwel Ġimgħa tax-xahar. Fl-ewwel Ħamis jew Ġimgħa tax-xahar issir quddiesa bi ħsieb, adorazzjoni u disponibbiltà ta’ qrar waqt l-adorazzjoni. Il-Kummissjoni Liturġika tista’ toffri sussidji ta’ adorazzjoni b’temi morali differenti li jistgħu jgħinu fil-formazzjoni tal-kuxjenza Nisranija u fl-eżami tal-kuxjenza.

 

23, 24, 25 u 26 ta’ Novembru: Ċelebrazzjoni ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu. Ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla fit-talb twassalna għal rikonċiljazzjoni sħiħa tagħna miegħu, magħna nfusna, mal-oħrajn u mal-ħolqien.

 

 

Diċembru – Frar: Il-komunità li tishar fit-talb

 

2 u 3 ta’ Diċembru: Bidu tal-Avvent imqaddes.

 

Possibbilment fil-knejjes kollha, f’xi ħin, filgħodu jew filgħaxija, isir it-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum jew l-Għasar.

 

Jitqassam il-ktieb Ejjew nitolbu lil kull familja. Jitqassam il-ktieb tal-Liturġija tas-Sigħat (Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum, Għasar u Talba ta’ Għeluq il-Jum) lill-membri tal-għaqdiet. Jingħataw indikazzjonijiet ta’ kif jistgħu jintużaw riżorsi ta’ talb online, b’mod partikulari l-Liturġija tas-Sigħat permezz tal-App ‘Il-Brevjar’ jew fuq Laikos.

 

Fil-knejjes tar-reliġjużi rġiel ikun hemm id-disponibbiltà tal-qrar matul il-jiem tal-Avvent sa tard billejl.

 

3 ta’ Diċembru, l-Ewwel Ħadd tal-Avvent (il-Ħadd tas-Sahra): Jingħata l-mandat lill-membri tal-għaqdiet li ser iwasslu l-ktieb tat-talb Ejjew nitolbu fil-familji. Tkun ħaġa tajba jekk dawn jiġu ppreparati b’laqgħa minn qabel biex iwettqu din il-missjoni.

 

Mill-ewwel Ħadd tal-Avvent tibda ssir il-Lectio Divina fis-Santwarju Ta’ Pinu mill-grupp tal-biblisti. Il-Lectio Divina tibqa’ ssir sas-Solennità ta’ Għid il-Ħamsin.

 

15 ta’ Diċembru: Tibda n-Novena tal-Milied. In-Novena tkun ikkonċentrata fuq il-Kelma ta’ Alla li tqanqalna għat-talb u għar-rikonċiljazzjoni, bl-għajnuna tal-persunaġġi tal-presepju fl-okkażjoni ta’ għeluq it-800 sena minn mindu San Franġisk ta’ Assisi għamel l-ewwel presepju fi Greccio.

 

Fin-Novena tiġi ddedikata ġurnata għas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni.

 

24 ta’ Diċembru: Ċelebrazzjoni tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu (il-Milied). Prietka tradizzjonali tat-tifel u Quddiesa ta’ Nofsillejl, b’enfasi fuq il-Kelma magħmula bniedem li tirrikonċiljana.

 

21 ta’ Jannar, it-Tielet Ħadd ta’ Matul is-Sena (il-Ħadd tal-Kelma): Intronizzazzjoni tal-Kelma ta’ Alla, li tista’ ssir anki fid-dar.

 

24 ta’ Jannar: Servizz Ekumeniku matul il-Ġimgħa ta’ talb għall-għaqda fost l-Insara, bit-tema tat-talb u r-rikonċiljazzjoni.

 

28 ta’ Jannar: Ċelebrazzjoni tal-Ewwel Qrara tat-tfal u l-qrar tal-ġenituri. Wara, issir festa flimkien.

 

9 u 10 ta’ Frar: Wegħda tal-fidi tal-ġenituri tat-tfal tal-Ewwel Tqarbina u l-Konfirmazzjoni.

 

 

Frar – Marzu: Alla jsejjaħ lill-komunità għall-indiema u l-maħfra

 

Fil-knejjes tar-reliġjużi rġiel ikun hemm id-disponibbiltà tal-qrar matul il-jiem tar-Randan sa tard billejl.

 

14 ta’ Frar: Bidu tar-Randan Imqaddes. Fil-knejjes isir it-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum jew l-Għasar. Tqassim tal-Liturġija tas-Sigħat lill-membri tal-għaqdiet.

 

15-17 ta’ Frar: Seminar ta’ formazzjoni għas-saċerdoti dwar is-sagrament tal-Qrar immexxi minn Mons. Anton Borg u Mons. Carlo Bresciani, Isqof ta’ San Benedetto del Tronto.

 

Bidu tal-katekeżi 10K għaż-żgħażagħ.

 

Matul ir-Randan isiru tliet laqgħat għal dawk kollha li jieħdu sehem fil-purċissjonijiet marbuta mar-Randan, il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid.

 

Eżerċizzi bis-suġġett tar-rikonċiljazzjoni b’temi meħuda mill-Eżortazzjoni appostolika Reconciliatio et pœnitenzia. Issir formazzjoni tal-lajċi għas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Eżerċizzi b’differenza fil-parroċċi u fir-rettoriji, bħal f’garaxxijiet, imħażen tal-festa, bars u każini.

 

Outreach fil-ħwienet u fil-bars tal-parroċċi, fil-postijiet tax-xogħol u mal-kategoriji bl-għajnuna tal-Fraternità Ġesù u Marija.

 

17 ta’ Marzu, il-Ħames Ħadd tar-Randan: Via Crucis Djoċesana u Penitenzjali fuq l-għolja ta’ Għammar.

 

18-22 ta’ Marzu: Ġimgħa Penitenzjali. Jiġi ċċelebrat is-sagrament tal-Qrar għad-diversi kategoriji. Imbagħad isir Pellegrinaġġ Penitenzjali fil-parroċċi fit-Tifkira devozzjonali tad-Duluri. Matul din il-Ġimgħa Penitenzjali tista’ tiġi offruta l-possibbiltà tal-qrar fuq livell djoċesan, ngħidu aħna fil-Knisja ta’ San Ġakbu, il-Belt Victoria.

 

26 ta’ Marzu: Ċelebrazzjoni Penitenzjali għas-saċerdoti kollha fis-Santwarju Ta’ Pinu.

 

 

April – Ġunju: Ġesù rxuxtat jistieden għall-ferħ

 

Mill-1 ta’ April ’il quddiem: Tberik tad-djar, il-familji u l-postijiet tax-xogħol fejn ma kienx sar l-outreach. Waqt it-Tberik issir stedina partikolari għall-parteċipazzjoni fil-gruppi tal-Parroċċa.

 

10 ta’ Mejju: Novena ta’ Għid il-Ħamsin li tiffoka fuq il-frott tar-rikonċiljazzjoni.

 

18 ta’ Mejju: Ċelebrazzjoni tal-Velja Djoċesana ta’ Għid il-Ħamsin u għeluq tas-Sena Pastorali.