Laikos

 

QUDDIESA

“PRO ELIGENDO ROMANO PONTIFICE”

 

OMELIJA TAL-EMINENZA REVERENDISSIMA TIEGĦU

L-KARDINAL GIOVANNI BATTISTA RE,

DEKAN TAL-KULLEĠĠ KARDINALIZJU

 

Bażilika ta’ San Pietru

L-Erbgħa 7 ta’ Mejju 2025

 

Fl-Atti tal-Appostli naqraw li, wara t-tlugħ ta’ Kristu fis-Sema u fl-istennija ta’ Għid il-Ħamsin, kollha kienu fehma u qalb waħda fit-talb flimkien ma’ Marija, Omm Ġesù (ara Atti 1:14).

 

Huwa proprju dak li aħna wkoll qed nagħmlu ftit sigħat qabel il-ftuħ tal-Konklavi, taħt il-ħarsa tal-Madonna mqiegħda biswit l-altar, f’din il-Bażilika li hi wieqfa fuq il-qabar tal-Appostlu Pietru.

 

Inħossu magħqud magħna l-poplu kollu ta’ Alla bis-sens tiegħu ta’ fidi, ta’ mħabba għall-Papa u ta’ stennija fiduċjuża.

 

Ninsabu hawn biex nitolbu lill-Ispirtu s-Santu, biex nittallbu d-dawl tiegħu u l-qawwa tiegħu biex jiġi elett il-Papa li l-Knisja u l-umanità għandhom bżonn f’dan il-mument storiku hekk diffiċli u kumpless.

 

Li nitolbu, aħna u nsejħu lill-Ispirtu s-Santu, huwa l-uniku atteġġjament tajjeb u doveruż, waqt li l-Kardinali eletturi qed jitħejjew għal att tal-ogħla responsabbiltà umana u ekkleżjali u għal għażla ta’ importanza eċċezzjonali; att uman li għalih għandhom iwarrbu kull kunsiderazzjoni personali, u jżommu f’moħħhom u f’qalbhom biss lil Alla ta’ Ġesù Kristu u l-ġid tal-Knisja u tal-umanità.

 

Fil-Vanġelu li ġie mxandar dwew kelmiet li jeħduna fil-qalba tal-ogħla messaġġ u testment ta’ Ġesù, li hu ħalla lill-Appostli tiegħu dakinhar tal-Ikla tal-Aħħar tiegħu fiċ-Ċenaklu: “Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin, kif ħabbejtkom jien”. Kważi biex jippreċiża dik il-“kif ħabbejtkom jien” u juri sa fejn għandha tasal l-imħabba tagħna, Ġesù wara jafferma: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13).

 

Dan huwa l-messaġġ tal-imħabba, li Ġesù jiddefinixxi bħala kmandament “ġdid”. Ġdid għax jibdel fil-pożittiv u jwessa’ mhux ftit it-twissija tat-Testment il-Qadim, li kienet tgħid: “Tagħmilx lill-oħrajn dak li ma tridx li huma jagħmlu lilek”.

 

L-imħabba, li Ġesù juri, ma tafx b’limiti u għandha tikkaratterizza l-ħsibijiet u l-azzjonijiet tad-dixxipli kollha tiegħu, li fl-imġiba tagħhom għandhom dejjem juru mħabba awtentika u jħabirku b’risq il-bini ta’ ċiviltà ġdida, dik li Pawlu VI sejħilha “ċiviltà tal-imħabba”. L-imħabba hi l-unika qawwa li għandha l-ħila tibdel id-dinja.

 

Ġesù tana l-eżempju ta’ din l-imħabba fil-bidu tal-Aħħar Ċena b’ġest sorprendenti: tbaxxa biex jaqdi lill-oħrajn, jaħsel ir-riġlejn tal-Appostli, mingħajr diskriminazzjonijiet, bla ma ħalla barra lanqas lil Ġuda li kien se jittradih.

 

Dan il-messaġġ ta’ Ġesù jerġa’ jintrabat ma’ dak li smajna fl-Ewwel Qari tal-Quddiesa, li fih il-profeta Iżaija fakkarna li l-kwalità fundamentali tar-Ragħajja hija l-imħabba sal-għotja sħiħa tagħhom infushom.

 

Għalhekk, mit-testi liturġiċi ta’ din iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika qed taslilna stedina għall-imħabba bejn l-aħwa, għall-għajnuna lil xulxin u għat-tħabrik b’risq il-komunjoni ekkleżjali u l-fraternità umana universali. Fost id-dmirijiet ta’ kull Suċċessur ta’ Pietru hemm dak li jseddaq il-komunjoni: komunjoni tal-Insara kollha ma’ Kristu; komunjoni tal-Isqfijiet mal-Papa; komunjoni tal-Isqfijiet bejniethom. Mhux komunjoni awtoreferenzjali, imma kollha miftuħa għall-komunjoni bejn il-persuni, il-popli u l-kulturi, li jkollha għal qalbha li l-Knisja tkun dejjem “dar u skola ta’ komunjoni”.

 

Barra minn hekk hi qawwija s-sejħa biex inżomu l-għaqda tal-Knisja fit-triq li fassal Kristu lill-Appostli. L-għaqda tal-Knisja riedha Kristu; għaqda li ma tfissirx uniformità, imma komunjoni sħiħa u qawwija fid-diversitajiet, filwaqt li tibqa’ fil-fedeltà sħiħa lejn il-Vanġelu.

 

Kull Papa jkompli jinkarna lil Pietru u l-missjoni tiegħu u hekk jirrappreżenta lil Kristu fuq l-art; huwa l-blata li fuqha hi mibnija l-Knisja (ara Mt 16:18)

 

L-elezzjoni tal-Papa l-ġdid mhijiex sempliċi suċċessjoni ta’ persuni, imma huwa dejjem l-Appostlu Pietru li jirritorna.

 

Il-Kardinali eletturi se jesprimu l-vot tagħhom fil-Kappella Sistina, fejn – kif tgħid il-Kostituzzjoni Appostolika Universi dominici gregis – “kollox jgħin biex jikber l-għarfien tal-preżenza ta’ Alla, li quddiemu kull wieħed jum wieħed irid jersaq biex isir ħaqq minnu”.

 

Fit-Trittiku Ruman, il-Papa Ġwanni Pawlu II awgura li, fis-sigħat tal-ikbar deċiżjoni permezz tal-vot, ix-xbieha fl-isfond ta’ Ġesù Mħallef impittra minn Michelangelo tfakkar lil kull wieħed fil-kobor tar-responsabbiltà li jafda l-“ogħla mfietaħ” (Dante) fl-aħjar idejn.

 

Mela ejjew nitolbu biex l-Ispirtu s-Santu, li fl-aħħar mitt sena tana serje ta’ Papiet tassew qaddisa u kbar, jirregalalna Papa ġdid skont il-qalb ta’ Alla għall-ġid tal-Knisja u tal-umanità.

 

Nitolbu li Alla jagħti lill-Knisja l-Papa li jagħraf bl-aħjar mod iqanqal il-kuxjenzi ta’ kulħadd u l-enerġiji morali u spiritwali fis-soċjetà tal-lum, ikkaratterizzata minn progress teknoloġiku kbir, imma li għandha tendenza li tinsa lil Alla.

 

Id-dinja tal-lum qed tistenna ħafna mill-Knisja għall-ħarsien ta’ dawk il-valuri fundamentali, umani u spiritwali, li mingħajrhom il-konvivenza umana ma tkunx aħjar u lanqas tista’ tħalli l-ġid lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

 

Il-Verġni Mqaddsa Marija, Omm il-Knisja, tidħol hi għalina bl-interċessjoni materna tagħha, biex l-Ispirtu s-Santu jdawwal l-imħuħ tal-Kardinali eletturi u jagħtihom fehma waħda fl-elezzjoni tal-Papa li għandu bżonn dan iż-żmien li qed ngħixu fih.

 

miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard