VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

fir-REPUBBLIKA DEMOKRATIKA TAL-KONGO u fis-SUDAN TA’ ISFEL

(Pellegrinaġġ Ekumeniku tal-Paċi fis-Sudan ta’ Isfel)

[31 ta’ Jannar – 5 ta’ Frar 2023]

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

Ajruport Ndolo

L-Erbgħa 1 ta’ Frar 2023

 

Bandeko, boboto [Ħuti, il-paċi magħkom]. R/Bondeko [Fraternità].

 

Bondeko [Fraternità]. R/ Esengo [Ferħ].

 

Esengo, ferħ: il-ferħ li qed narakom u niltaqa’ magħkom huwa kbir: kemm xtaqtu dan il-mument – kellna nistennew sena! –, grazzi li ġejtu!

 

Il-Vanġelu għadu kemm qalilna li anki l-ferħ tad-dixxipli kien kbir dakinhar tal-Għid filgħaxija, u li dan il-ferħ kien ġej għax “raw lill-Mulej” (Ġw 20:20). F’dik il-klima ta’ ferħ u ta’ stagħġib, l-Irxoxt ikellem lid-dixxipli tiegħu. U x’jgħidilhom? Qabelxejn kelmtejn: “Il-paċi magħkom!” (v. 19). Hija tislima, imma hija aktar minn tislima: hija konsenja. Għax il-paċi, dik il-paċi mħabbra mill-anġli fil-lejl ta’ Betlehem (ara Lq 2:14), dik il-paċi li Ġesù wiegħed li jħalli lid-dixxipli tiegħu (ara Ġw 14:27), issa, għall-ewwel darba, tingħata solennement lid-dixxipli. Il-paċi ta’ Ġesù, li tiġi mgħoddija lilna wkoll f’kull quddiesa, hi tal-Għid: tasal mal-qawmien, għax qabel il-Mulej ried jegħleb lill-għedewwa tagħna, id-dnub u l-mewt, u jħabbeb mill-ġdid id-dinja mal-Missier; ried iduq is-solitudni tagħna u l-abbandun tagħna, l-infern tagħna, iħaddan u jimla d-distanzi li kienu jifirduna mill-ħajja u mit-tama. Issa li tneħħew id-distanzi bejn Sema u art, bejn Alla u l-bniedem, il-paċi ta’ Ġesù tingħata lid-dixxipli.

 

Ejjew mela noqogħdu magħhom. Dakinhar kienu mbellha għalkollox bl-iskandlu tas-salib, midruba ġewwa fihom għax abbandunaw lil Ġesù u ħarbu, delużi għall-mod kif għalqet il-biċċa tiegħu, imbeżżgħin li jkollhom jgħaddu mill-istess tmiem tiegħu. Fihom kien hemm sens ta’ ħtija, frustrazzjoni, diqa, biża’… Imma Ġesù jħabbar il-paċi meta fil-qalb tad-dixxipli hemm it-tifrik, iħabbar il-ħajja meta huma ġo fihom qed iħossu l-mewt. Fi kliem ieħor, il-paċi ta’ Ġesù tasal fil-mument li fih kollox għalihom kien jidher spiċċa, fil-mument l-iżjed mhux mistenni u mhux ittamat, meta ma kienx hemm xquq ta’ paċi. Hekk jagħmel il-Mulej: jgħaġġibna, jaqbdilna jdejna meta nkunu se nitfarrku, jerġa’ jqajjimna meta mmissu l-qiegħ. Ħuti, ma’ Ġesù l-ħażen qatt ma tgħaddi tiegħu, qatt ma għandu l-aħħar kelma. “Kristu hu s-sliem tagħna” (Efes 2:14) u l-paċi tiegħu tirbaħ dejjem. Allura, aħna li aħna ta’ Ġesù ma nistgħux inħallu li fina tirbaħ id-diqa, ma nistgħux nippermettu li jiġġerrew fina r-rassenjazzjoni u l-fataliżmu. Jekk madwarna hemm din il-klima, ħalli ma jkunx hekk għalina: f’dinja qalbha maqtugħa mill-vjolenza u l-gwerra, l-Insara jagħmlu bħal Ġesù. Hu, kważi jinsisti, tenna lid-dixxipli tiegħu: Paċi, il-paċi magħkom! (ara Ġw 20:19,21); u aħna msejħin nagħmlu tagħna u ngħidu lid-dinja din it-tħabbira mhux mistennija u profetika tal-Mulej, bxara ta’ paċi.

 

Imma nistgħu nistaqsu, kif se nħarsu u nikkultivaw il-paċi ta’ Ġesù? Hu stess jurina tliet għejun ta’ paċi, tliet għejun biex nistgħu nkomplu nseddquha. Huma l-maħfra, il-komunità u l-missjoni.

 

Ħa naraw l-ewwel għajn: il-maħfra. Ġesù lid-dixxipli tiegħu jgħidilhom: “Lil dawk li taħfrulhom dnubiethom, ikunu maħfura” (v. 23). Imma qabel ma jagħti lill-Appostli s-setgħa li jaħfru, jaħfrilhom hu; mhux bil-kliem, imma b’ġest, l-ewwel wieħed li l-Irxoxt jagħmel quddiemhom. Hu, jgħid il-Vanġelu, “uriehom idejh u ġenbu” (v. 20). Jiġifieri jurihom il-pjagi, joffrihomlhom, biex il-maħfra titwieled mill-ġrieħi. Titwieled meta l-ġrieħi mġarrba ma jħallux marki ta’ mibegħda, imma jsiru post li fih nagħmlu wisa’ għall-oħrajn u nilqgħu d-dgħufijiet tagħhom. Hawn id-dgħufijiet isiru opportunitajiet u l-maħfra ssir it-triq tal-paċi. Ma aħniex ngħidu li npoġġu kollox warajna qisu qatt ma kien, imma niftħu lill-oħrajn il-qalb tagħna bi mħabba. Hekk jagħmel Ġesù: quddiem il-miżerja ta’ min ċaħdu u abbandunah, juri l-ġrieħi u jiftaħ l-għajn tal-ħniena. Ma jużax ħafna kliem, imma jiftaħ beraħ il-qalb midruba tiegħu, biex jgħidilna li hu dejjem midrub bl-imħabba għalina.

 

Ħuti, meta l-ħtija u d-diqa jgħaffġuna taħthom, meta l-affarijiet mhumiex sejrin sew, nafu lejn fejn għandna nħarsu: lejn il-pjagi ta’ Ġesù, lest biex jaħfrilna bl-imħabba midruba u infinita tiegħu. Hu jaf il-ġrieħi tiegħek x’inhuma, jaf il-ġrieħi tal-pajjiż tiegħek, tal-poplu tiegħek, tal-art tiegħek! Huma ġrieħ jaħarqu, kontinwament infettati mill-mibegħda u mill-vjolenza, waqt li l-mediċina tal-ġustizzja u l-balzmu tat-tama jidhru li ma jistgħux jaslu qatt. Ħija, oħti, Ġesù qed ibati miegħek, jara l-ġrieħi tiegħek li qed iġġorr ġo fik u jixtieq ifarrġek u jfejqek, jiftaħlek il-Qalb miġruħa tiegħu. Lill-qalb tiegħek Alla jtennilha l-kelmiet li llum qal permezz tal-Profeta Iżaija: “Irrid infejqu, immexxih u nroddlu l-faraġ” (Iż 57:18).

 

Aħna llum flimkien nemmnu li ma’ Ġesù dejjem hemm il-possibbiltà li niġu maħfura u nerġgħu nibdew, u anki l-qawwa li naħfru lilna nfusna, lill-oħrajn u l-istorja! Kristu dan jixtieq: jidlikna bil-maħfra tiegħu biex jagħtina l-paċi u l-kuraġġ li naħfru aħna wkoll, il-kuraġġ li nwettqu amnestija tal-qalb kbira. Kemm tajjeb jista’ jfejqilna l-qalb tagħna mir-rabja, mill-korla, minn kull qilla u mibegħda! Għeżież, ħa jkun illum il-mument tal-grazzja biex nilqgħu u ngħixu l-maħfra ta’ Ġesù! Ħa jkun il-mument it-tajjeb għalik, li qed iġġorr piż tqil fuq il-qalb tiegħek u għandek bżonn li jitneħħielek biex terġa’ tibda tieħu n-nifs. U ħa jkun il-mument it-tajjeb għalik, li f’dan il-pajjiż tgħid li int Nisrani imma tagħmel il-vjolenza; lilek il-Mulej qed jgħidlek: “Neħħi l-armi, ħaddan il-ħniena”. U lill-miġruħa u l-maħqura kollha ta’ dan il-poplu jgħidilhom: “La tibżgħux tqiegħdu l-ġrieħi tagħkom f’tiegħi, il-pjagi tagħkom fil-pjagi tiegħi”. Ejjew nagħmluh dan, ħuti; tibżgħux taqilgħu l-Kurċifiss minn mal-għonq u minn ġol-bwiet, taqbduh f’idejkom u tressquh lejn qalbkom biex taqsmu l-ġrieħi tagħkom ma’ dawk ta’ Ġesù. Xħin terġgħu lura d-dar, aqbdu wkoll il-Kurċifiss li għandkom u għannquh magħkom. Ejjew nagħtu lil Kristu l-possibbiltà li jfejqilna mill-ġdid lil qalbna, nixħtulu f’riġlejh il-passat tagħna, kull biża’ u qtigħ il-qalb. Kemm hu sabiħ tiftaħ il-bibien ta’ qalbek u dawk tad-dar għall-paċi tiegħu! U għaliex ma tiktbux fil-kmamar tagħkom, fuq il-ħwejjeġ tagħkom, fuq barra ta’ djarkom, il-kelmiet tiegħu: Il-paċi magħkom? Uruhom, ikunu profezija għall-pajjiż, il-barka tal-Mulej fuq min tiltaqgħu miegħu. Il-paċi magħkom: inħallu lil Alla jaħfrilna u naħfru lil xulxin!

 

Ejjew issa nħarsu lejn it-tieni għajn tal-paċi: il-komunità. Kristu Rxoxt ma jdurx fuq id-dixxipli wieħed wieħed, imma jiltaqa’ magħhom flimkien: ikellimhom fil-plural u lill-ewwel komunità jagħtiha l-paċi tiegħu. Ma hemmx Kristjaneżmu mingħajr komunità, kif ma hemmx paċi mingħajr fraternità. Imma bħala komunità, lejn fejn għandna nimxu, fejn immorru biex insibu l-paċi? Inħarsu mill-ġdid lejn id-dixxipli. Qabel l-Għid marru wara Ġesù, imma kienu għadhom jirraġunaw b’mod wisq uman: kienu jittamaw f’Messija konkwistatur li kellu jkeċċi lill-għedewwa, iwettaq għeġubijiet u mirakli, u jżidilhom fil-prestiġju u s-suċċess tagħhom. Imma dawn ix-xewqat mondani ħallewhom b’idejhom votja, anzi lill-komunità serqulha l-paċi, għax ħolqu diskussjonijiet u oppożizzjonijiet bejniethom (ara Lq 9:46; 22:24). Anki għalina hemm dan ir-riskju: li nkunu flimkien imma nimxu ’l quddiem waħidna, u nfittxu fis-soċjetà, imma anki fil-Knisja, il-poter, il-karriera, l-ambizzjonijiet… Imma hekk inkunu nimxu wara l-jien tagħna flok wara Alla l-veru, u nispiċċaw bħal dawk id-dixxipli: magħluqin id-dar, votja mit-tama u mimlija biża’ u delużjoni. Imma fl-Għid huma jsibu mill-ġdid it-triq tal-paċi grazzi għal Ġesù, li jonfoħ fuqhom u jgħidilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu” (Ġw 20:22). Grazzi għall-Ispirtu s-Santu ma jibqgħux iħarsu iżjed lejn dak li jifridhom, imma lejn dak li jgħaqqadhom; joħorġu fid-dinja mhux iżjed għalihom infushom, imma għall-oħrajn; mhux biex jidhru huma, imma biex jagħtu tama; mhux biex jiksbu l-kunsens tal-oħrajn, imma biex jagħtu ħajjithom bil-ferħ għall-Mulej u għall-oħrajn.

 

Ħuti, il-periklu tagħna hu li nimxu wara l-ispirtu tad-dinja flok dak ta’ Kristu. U liema hi t-triq biex ma naqgħux fin-nasba tal-poter u tal-flus, biex ma nċedux għad-diviżjonijiet, għall-ħajriet tal-karreriżmu li jnawru l-komunità, għall-illużjonijiet qarrieqa tal-pjaċir u tas-seħer li jagħlquna fina nfusna? Jgħidhulna l-Mulej mill-ġdid permezz tal-Profeta Iżaija: “Jien qiegħed mal-bniedem b’qalb maqsuma u umiljat f’ruħu; biex naħji r-ruħ umiljata, inqawwi l-qalb miksura” (Iż 57:15). It-triq hi li naqsmu mal-foqra: dan hu l-aħjar antidotu kontra t-tentazzjoni li ninqasmu bejnietna u nsiru tad-dinja. Li jkollna l-kuraġġ inħarsu lejn il-foqra u nisimgħuhom, għax huma membri tal-komunità tagħna u mhux barranin li rridu nwarrbuhom minn quddiemna u mill-kuxjenza tagħna. Niftħu qalbna għall-oħrajn, flok ma nagħlquha fil-problemi tagħna jew fil-frugħat tagħna. Nerġgħu nibdew mill-foqra u niskopru li lkoll naqsmu l-istess faqar interjuri; li lkoll għandna bżonn tal-Ispirtu ta’ Alla biex jeħlisna mill-ispirtu tad-dinja; li l-umiltà hija l-kobor tan-Nisrani u l-fraternità l-għana veru tiegħu. Nemmnu fil-komunità u, bl-għajnuna ta’ Alla, nibnu Knisja battala mill-ispirtu mondan u mimlija bl-Ispirtu s-Santu, ħielsa mill-ġid għaliha nfisha u mimlija bl-imħabba tal-aħwa!

 

U fl-aħħar naslu għat-tielet għajn tal-paċi: il-missjoni. Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom” (Ġw 20:21). Jibgħatna l-istess kif il-Missier bagħat lilu. U kif bagħtu l-Missier fid-dinja? Bagħtu jaqdi u jagħti ħajtu għall-bnedmin (ara Mk 10:45), juri l-ħniena tiegħu lejn kull persuna (ara Lq 15), ifittex l-imbiegħda (ar Mt 9:13). F’kelma waħda, bagħtu għal kulħadd: mhux biss għat-tajbin, imma għal kulħadd. Għadu jidwi, f’dan is-sens, il-kliem ta’ Iżaija: “Sliem, sliem, lil kulħadd, fil-bogħod u fil-qrib, jgħid il-Mulej” (Iż 57:19). Qabelxejn, lil dawk fil-bogħod, u lil dawk fil-qrib: mhux biss lil dawk li huma “tagħna”, imma lil kulħadd.

 

Ħuti, aħna msejħin inkunu missjunarji tal-paċi, u dan jagħtina l-paċi. Hija għażla din: li nagħmlu wisa’ għal kulħadd f’qalbna, li nemmnu li d-differenzi etniċi, reġjonali, soċjali, reliġjużi u kulturali jiġu wara u mhumiex xkiel; li l-oħrajn huma ħutna, membri tal-istess komunità umana; li kull wieħed u waħda hu destinatarju tal-paċi li ġab Ġesù fid-dinja. Ifisser li nemmnu li aħna l-Insara aħna msejħin nikkollaboraw ma’ kulħadd, inkissru ċ-ċirku tal-vjolenza, inħollu l-kobob imħabbla tal-mibegħda. Iva, l-Insara, mibgħuta minn Kristu, b’definizzjoni huma msejħin ikunu kuxjenza ta’ paċi fid-dinja: mhux biss kuxjenzi kritiċi, imma fuq kollox xhieda ta’ mħabba; li jippretendu mhux il-jeddijiet tagħhom, imma dawk tal-Vanġelu, li huma l-fraternità, l-imħabba u l-maħfra; li ma jfittxux l-interessi tagħhom, imma huma missjunarji tal-imħabba tal-ġenn li Alla għandu għal kull bniedem.

 

Il-paċi magħkom, jgħid Ġesù llum lil kull familja, komunità, razza, kwartier u belt ta’ dan il-pajjiż kbir. Il-paċi magħkom: inħalluhom jidwu f’qalbna, fis-skiet, dawn il-kelmiet tal-Mulej tagħna. Nisimgħuhom jingħadu lilna u nagħżlu li nkunu xhieda ta’ maħfra, protagonisti fil-komunità, persuni b’missjoni ta’ paċi fid-dinja.

 

Moto azalí na matoi ma koyoka [Min għandu widnejn biex jisma’R/Ayoka [Ħa jisma’].

 

Moto azalí na motema mwa kondima [Min għandu qalb biex jaqbel].

 

R/Andima [Ħa jaqbel].

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard