IS-SINODU
JEW IL-ĠUBLEW
Biex is-sinodu
jkun ġrajja ġubilari u l-ġublew isir proċess sinodali
“Għandna l-ġublew, għandna s-sinodu. Issa ħierġa t-tieni
parti tal-Laudato si’, sintendi għal min ġa qara l-ewwel
waħda. Qrajna li l-Papa qed iħejji ittra fuq Santa Tereża
tal-Bambin Ġesù. Għadna għaddejjin bil-ħidma fuq il-pjan
pastorali. Xi ħadd reġa’ ħolom bid-dokumenti tal-Konċilju. U
dan kollu, minbarra l-attivitajiet tagħna tas-soltu
fil-parroċċa jew fl-għaqda. Aħna ma’ xhiex ħa naqbdu nlaħħqu?
Minn xhiex ħa nibdew?”
Argument li smajtu diversi drabi, kif kważi ċert li smajtu
inti wkoll. Kultant l-argument ikun kważi konvinċenti. “Mhux
aħjar neħilsu minn dak li għad għandna x’nagħmlu fuq il-pjan
pastorali qabel naqbdu fuq is-sinodu jew il-ġublew?”
Nistqarr li ġieli kont kważi ħa ngħid, “Għandek raġun. Aħjar
nagħmlu hekk.” Imma meta ftakart li l-istess Konċilju
Ekumeniku Vatikan II, li seħħ sittin sena ilu, għad irid
iseħħ, allura ntbaħt li b’dan il-mod ta’ raġunar jilħaq
jgħaddi s-sinodu u jiġi ieħor, jilħaqq jgħaddi l-ġublew u
jasal ta’ warajh, u min jaf kemm aktar, bla ma nkunu għadna
bdejna nagħmlu xejn. Allura minn fejn ħa nibdew, mill-ġublew
jew mis-sinodu?
Jiena ċert li l-ewwel pass irid ikun li nibdlu l-attitudni.
Ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejn il-ħajja tal-Knisja bħala
kalendarju ta’ ġrajjiet u ħidmiet. L-istess kif ma nistgħux
inħarsu lejn il-fidi tagħna bħala lista ta’ dommi li rridu
nemmnu u liġijiet li rridu nosservaw. Is-sena liturġika
tal-Knisja hija ferm aktar minn orarju ta’ quddies, festi u
ċelebrazzjonijiet, hija qabel xejn stedina, li saret
lill-ewwel dixxipli u li llum qed issir lili u lilek. “Kelli
xewqa kbira li nagħmel din l-ikla tal-Għid magħkom.” [Lq
22:15] Dan kollu għaliex l-Evanġelju mhux sempliċi rakkont
ta’ ġrajjiet, mirakli u diskorsi ta’ Ġesù li seħħew 2000
sena ilu, imma huwa laqgħa ħajja u personali li Kristu
nnifsu jixtieq ikollu miegħi u miegħek illum.
Pellegrini tat-Tama
Dak li l-Papa Franġisku qed
jistedinna għalih fl-okkażjoni tal-Ġublew 2025, li nkunu
Pellegrini tat-Tama, mhux ħa jintemm sentejn oħra. Forsi
dakinhar inkunu għadna bilkemm bdejna. Il-pellegrinaġġ li
jirreferi għalih il-logo, mhux biss għal dawk li ser
ikollhom l-opportunità li jmorru Ruma, imma għalina lkoll.
Anke għal dawk li lanqas biss jistgħu joħorġu minn kamrithom
jew jinżlu minn soddithom. Forsi għal dawn trid tkun sejħa
aktar speċjali milli għall-oħrajn.
Is-Sinodu …
Is-Sinodu? Huwa minnu li hemm
laqgħat differenti li jsiru matul il-proċess. Minnu li fl-istorja
tal-Knisja, b’mod speċjali dik ricenti, kellna diversi
sinodi b’diversi temi. Imma dak li huwa aktar importanti
mis-sinodu nnifsu, hija s-sinodalità. Mhux il-laqgħat fihom
infushom, għalkemm dawn huma importanti, mhux il-ġrajjiet
minkejja li dawn iridu jsiru, imma l-attitudni, għaliex
il-laqgħat jispiċċaw, il-ġrajjiet jiġu u jmorru, imma l-attituidni
trid tibqa’. Trid tkun attitudni ta’ komunjoni,
parteċipazzjoni u missjoni. Dan huwa dak li l-Knisja qed
tenfasizza fuqu għal matul dan is-sinodu li għaddejja minnu.
Hija attituidni li trid tibqa’ fina bħala individwi u bħala
komunità, anke wara li s-sinodu jkun intemm. Anke għal matul
il-Ġublew.
… jew il-Ġublew?
Il-Ġublew? Iva. dan il-ġublew
ukoll huwa ġrajja importanti, kif wara kollox kienu
importanti kull ġublew ieħor li l-Knisja sejħet matul l-istorja
tagħħa u kif ser ikunu importanti anke dawk li għad iridu
jiġu, b’mod speċjali dak li jmiss fl-2033 u li jimmarka
l-2000 anniversarju mill-akbar ġrajja li qatt seħħet fl-umanità,
il-passjoni, il-mewt u l-qawmien mill-imwiet tal-Mulej
tagħna, Kristu Ġesù.
Dan il-ġublew huwa ġrajja importanti, daqkemm huma
importanti wkoll il-laqgħat u ċ-ċelebrazzjonijiet li ser
isuru matulu. Imma dak li huwa aktar importanti mill-ġublew
innifsu, dak li jrid jibqa’ wara li l-ġrajja tkun intemmet,
huwa dak li l-Knisja qed tistedinna għalih permezz tiegħu,
ċioè li niskopru lkoll is-sejħa komuni tagħna li nkunu
Pellegrini tat-Tama. Il-pellegrinaġġ la ħa jibda issa u
lanqas ħa jintemm fl-2025, għax aħna msejjħa li niskopruh
kuljum fiċ-ċirkustanzi kollha tal-ħajja tagħna, bħala insara,
bħala Knisja u bħala soċjetà. Huwa mixja li rridu nagħmlu
flimkien mal-oħrajn u ma’ Kristu. Inkella minflok
pellegrinaġġ ikunu tlajjar fil-vojt. Il-bżonn kbir tat-tama
li hija t-tema ewlenija tal-ġublew, la beda llum u lanqas ħa
jintemm mal-ġublew, imma rridu nibqgħu nimxu fit-triq tagħha
l-jiem kollha ta’ ħajjitna; mhux għalina biss, imma
għall-umanità kollha, għaliex kif stqarr il-Papa Franġisku
fl-ittra tiegħu lill-Monsinjur Fisichella, hija l-umanità
kollha li għandha bżonn ta’ ħafna tama.
Komunjoni, parteċipazzjoni, missjoni.
Għal ġublew ukoll jeħtieġ
ikollna attitudni sinodali. Anke hawn jeħtieg l-istil ta’
komunjoni, parteċipazzjoni u missjoni. Huwa l-uniku mod kif
din il-ġrajja tista’ tibqa ħajja, anke wara li tkun intemmet.
Forsi mhux dan kien ukoll l-istil ta’ Vatikan II, komunjoni,
parteċipazzjoni, missjoni?
Komunjoni, parteċipazzjoni, missjoni, mhumiex biss is-sejħa
għas-sinodu jew għal matulu. Huma sejħa għal dak kollu li
nwettqu u ngħixu fil-Knisja u magħħa. Huma l-uniku mod li
permezz tiegħu aħna Knisja. Huma l-uniku mod kif dak li
nwettaq jien u li twettaq int, ma nkunux qed inwettquh jiena
jew int, imma aħna, il-Knisja kollha – dak il-ġisem li
tiegħu Kristu huwa r-ras.
Komunjoni, partecipazzjoni, missjoni. Huma l-uniku mod kif
is-sinodu jkun ġrajja ġubilari u kif il-ġublew isir proċess
sinodali. Permezz tagħħom nistgħu niskopru aħna wkoll u
nagħmlu tagħna dak li stqarr Ġesù fis-Sinagoga ta’ Nazaret.
“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani. Bagħatni
nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba
lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, inrodd
il-ħelsien lill-maħqurin u nxandar sena tal-grazzja
tal-Mulej.” [Lq:4:18-19]
Dan huwa l-ġublew! Dan ukoll huwa s-sinodu!
Iva, għax l-Ispirtu tal-Mulej fuqna, hu kkonsagrana.
Bagħatna nħabbru l-ħelsien lill-imjassrin, inwasslu l-bxara
t-tajba lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
inroddu l-ħelsien lill-maħqurin u nxandru sena tal-grazzja
tal-Mulej.
Minn Joe Farrugia
|