MESSAĠĠ LILL-BELT U LID-DINJA
TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

MILIED 2023

Mil-Loġġa Ċentrali tal-Bażilika ta’ San Pietru
It-Tnejn, 25 ta’ Diċembru, 2023

Għeżież ħuti, il-Milied it-tajjeb!

Il-ħarsa u l-qalb tal-insara tad-dinja kollha, jippuntaw lejn Betlehem; hemmhekk, fejn f’dal-ġranet isaltnu n-niket u s-skiet, dwiet it-tħabbira mistennija għal ħafna sekli: “Tweldilkom Salvatur li hu Kristu l-Mulej” (Lq 2,11).  Dan hu kliem l-anġlu fis-sema ta’ Betlehem, kliem indirizzat lilna wkoll.  Nimtlew bil-fiduċja u t-tama għax nafu li l-Mulej twieled għalina; illi l-Kelma eterna tal-Missier, Alla infinit, waqqfet darha fostna.  Sar laħam, ġie “biex jgħammar fostna” (Ġw 1,14); din hi l-aħbar li tibdel il-mixja tal-istorja!

Din ta’ Betlehem hi aħbar “ta’ ferħ kbir” (Lq 2,10).  Liema ferħ?  Mhux il-ferħ tad-dinja li jgħaddi, mhux l-allegrija tad-divertiment, imma ferħ “kbir” għax jagħmel “kbar” lilna.  Illum, infatti, aħna l-bnedmin, bil-limitazzjonijiet tagħna, inħaddnu ċ-ċertezza ta’ tama liema bħalha, it-tama li aħna mwelldin għas-Sema.  Iva, Ġesù ħuna ġie biex jagħmel lill-Missier, lill-Missieru, Missierna wkoll: tarbija dgħajfa, turina t-tenerezza ta’ Alla; u ferm aktar: Hu, l-Iben Waħdieni ta’ Alla, itina “s-setgħa li nsiru wlied Alla” (Ġw 1,12).  Dan hu l-ferħ li jfarraġ il-qalb, iġedded it-tama u jnissel il-paċi: hu l-ferħ tal-Ispirtu s-Santu, il-ferħ li aħna wlied maħbuba.

Ħuti, illum f’Betlehem qalb id-dlam tad-dinja, inxtegħlet dil-fjamma li ma tintefiex, illum id-dawl ta’ Alla “li jdawwal lil kull bniedem” (Ġw 1,9) jegħleb id-dlam tad-dinja.  Ħuti, nithennew b’dil-grazzja!  Thenna int li tlift il-fiduċja u ċ-ċertezzi, għax mintix waħdek: Kristu twieled għalik!  Thenna int li qtajt qalbek u tlift it-tama, għax Alla qed inewwillek idu: mhux jipponta sebgħu lejk, imma qed joffrilek il-wejda ċkejkna ta’ tarbija biex jeħilsek mill-biżgħat, iħaffiflek it-tbatija u jurik li f’għajnejh int tiswa’ aktar minn kull ħaġ’oħra.  Thenna int li m’għandekx paċi f’qalbek għax għalik seħħet il-profezija antika ta’ Iżaija: “Tweldilna tifel, inagħtalna iben (...) u ismu jkun (...) Prinċep tal-paċi” (9,5)”.  L-Iskrittura turina li l-paċi tiegħu, saltnatu, “huma bla tmiem” (9,6).

Fl-Iskrittura “il-prinċep tad-dinja” (Ġw 12,31) jeħodha kontra l-Prinċep tal-paċi, jiżra’ l-mewt, jaħdem kontra l-Mulej li “jħobb il-ħajja” (Għerf 1,26).  Dan narawh iseħħ f’Betlehem meta wara t-twelid tas-Salvatur isseħħ l-istraġi tal-innoċenti.  Kemm straġi ta’ innoċenti fid-dinja: fil-ġuf tal-omm, tul ir-rotot ta’ nies iddisprati li jfittxu t-tama, fil-ħajjiet ta’ tant tfal li tfulithom hi rvinata minħabba l-gwerra.  Huma l-Ġseù ċkejken ta’ żmienna, dawn it-tfal li tfulithom hi mfarrka minħabba l-gwerra, minħabba l-gwerer.

Allura, meta ngħidu “iva” lill-Prinċep tal-paċi jfisser li nkunu qed ngħidu “le” għall-gwerra, u dan nagħmluh bil-kuraġġ: ngħidu “le” għall-gwerra, għal kull gwerra, għall-istess loġika tal-gwerra, vjaġġ bla skop, telfa bla ebda rebbieħ, ġenn bla skużi.  Din hi l-gwerra: vjaġġ bla skop, telfa bla rebbieħa, ġenn bla skużi.  Imma biex ngħidu “le” għall-gwerra irridu ngħidu “le” għall-armi.  Għax jekk il-bniedem, li qalbu hi instabbli, jsib l-istrumenti tal-mewt f’idejh, xi ħin jew ieħor jużahom.  U kif nistgħu nitkellmu dwar il-paċi jekk il-produzzjoni, il-bejgħ u l-kummerċ tal-armi qed jiżdied?  Illum, bħal fi żmien Erodi, in-nisġa tal-ħażen li jopponi d-dawl divin, timraħ fid-dell tal-ipokrisija u tal-ħabi: kemm isiru straġijiet bl-armi f’silenzju li jtarrax, bil-moħbi tal-ħafna!  In-nies li ma jridux l-armi imma l-ħobż, li jsibuha bi tqila jkompli għaddejjin u jitolbu l-paċi, mhix konxji ta’ kemm flus pubbliċi jmorru għall-armamenti.  Madankollu għandhom ikunu jafu!  Nitkellmu dwar dan, nitkbu dwaru ħalli l-interessi u l-qligħ li jżoqqu l-gwerer ikunu magħrufa.

Il-profeta Iżaija, li kien ħabbar il-Prinċep tal-paċi, kiteb dwar jum li fih “nazzjon ma jerfax ix-xabla kontra nazzjon ieħor”; dwar jum li fih “ebda ġens ma’ jerfa’ x-xabla kontra ġens ieħor”, imma “jibdlu x-xwabel tagħhom f'sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel” (2,4).  Bl-għajnuna t’Alla ejjew ninsistu biex dak il-jum joqrob!
Joqrob f’Iżrael u fil-Palestina, fejn il-gwerra qed theżżeż il-ħajja ta’ dawk il-popolazzjonijiet.    Inħaddanhom kollha, partikolarment il-komunitajiet insara f’Gaża, il-parroċċa ta’ Gaża u l-Art Imqddsa kollha kemm hi.  Inġorr f’qalbi n-niket għall-vittmi tal-attakk faħxi tas-7 ta’ Ottubru u nġedded appell mimli ħrara biex jinħelsu dawk kollha li għadhom miżmumin bħala ostaġġi.  Nitlob b’ħerqa liema bħalha biex l-operazzjoniijiet militari li qed iħallu warajhom għadd tal-biża’ ta’ vittmi ċivili innoċenti, jieqfu; jinstab rimedju għas-sitwazzjoni umanitarja ddisprata u titħalla tasal l-għajnuna.  Tkomlux tkebbsu l-vjolenza u l-mibegħda, imma ibdew fittxu soluzzjoni għall-kwitsjoni tal-Palestina bi djalogu sinċier u perseveranti bejn il-partijiet, imsaħħaħ minn rieda politika qawwija u bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali.  Ħuti nitolbu għall-paċi fil-Palestina u f’Iżrael.

Ħsiebi mbagħad, idur lejn il-popolazzjoni tas-Sirja mbiċċra, kif ukoll lejn il-Yemen li għadu fil-hemm.  Niftakar fil-poplu għażiż tal-Libanu u nitlob biex bla dewmien jikseb stabbiltà politika u soċjali.

B’għajnejja mwaħħlin fuq il-Bambin Ġesù nitlob bil-ħrara għall-paċi fl-Ukrajna.  Inġeddu l-qrubija spiritwali u umana tagħna lejn dak il-poplu mifluġ ħalli bl-għajnuna ta’ kull wieħed u waħda minna, jħoss fih il-konkretezza tal-imħabba t’Alla.

Jalla joqrob il-jum ta’ paċi definittiva bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan.  Jalla t-tkomplija tal-inizjattivi umanitarji, it-turufnati li jerġgħu lura lejn djarhom bil-legalità u s-sigurezza, u r-rispett reċiproku tat-tradizzjonijiet reliġjużi u tal-imkejjen tal-kult ta’ kull komunità, ikunu ta’ fejda għal dan il-għan.

Ma ninsewx it-tensjonijiet u l-kunflitti li qed jaqilbu ta’ taħt fuq ir-reġjun ta’ Sahel, il-Qarn tal-Afrika, is-Sudan, kif ukoll il-Kamerun, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u s-Sudan tan-Nofsinhar.

Jalla joqrob il-jum li fih ir-rabtiet fraterni tal-peniżola koreana jissaħħu, u jinfetħu toroq ta’ djalogu u rikonċiljazzjoni li joħolqu l-kundizzjonijiet għal-paċi dejjiema.

Jalla Iben Alla li sar tarbija umli, jispira lill-awtoritajiet politiċi u lil-bnedmin kollha ta’ rieda tajba fil-kotinent amerikan, biex isibu soluzzjonijiet xierqa sabiex jintemm in-nuqqas ta’ ftehim soċjali u politiku, biex jiġġieldu kontra kull għamla ta’ faqar li joffendi d-dinjità tal-persuni, biex jintemmu d-diżugwaljanzi u biex jaffrontaw id-djieqa li jġib miegħu il-fenomenu tal-migrazzjoni.

Mill-presepju, it-Tfajjel Ġesù jitlobna nkunu leħen ta’ min m’għandux: leħen tal-innoċenti, li jmutu minħabba n-nuqqas tal-ilma u tal-ikel; leħen ta’ min mhux jirnexxilu jsib xogħol inkella li tilfu; leħen ta’ min hu mġiegħel jaħrab mill-patrija tiegħu biex ifittex ġejjieni aħjar, bir-riskju ta’ ħajtu fi vjaġġi li jherru s-saħħa u taħt il-ħakma tat-traffikanti bla skrupli.

Ħuti, qed joqrob iż-żmien tal-grazzja u t-tama tal-Ġublew, li se jibda minn hawn u sena oħra.  Dan iż-żmien ta’ tħejjija jalla jkun okkażjoni ta’ konverżjoni tal-qalb; li fih ngħidu “le” għall-gwerra u “iva” għall-paċi; biex inwieġbu bil-ferħ għall-istedina tal-Mulej li qed isejħilna, kif mill-ġdid kien ipprofetizza Iżaija, “biex inwasslu l-bxara t-tajba lill-fqajrin /  biex indewwu l-qalb miksura / biex inħabbru l-ħelsien lill-imjassrin / u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs” ( 61,1)

Dal-kliem seħħ kollu f’Ġesù (cfr Lq 4,18), li twieled illum f’Betlehem.  Nilqgħuh, niftħu qlubna lilu, is-Salvatur!  Niftħulu qlubna, lis-Salvatur li hu l-Prinċep tal-paċi!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber