Laikos

 

DISKORS TAL-QDUSSJA TIEGĦU FRAĠISKU

LIL DELEGAZZJONI BUDDISTA MILL-MONGOLIA

Is-Sibt, 28 ta’ Mejju 2022

Nagħti merħba mill-qalb u bil-qima lilkom, għeżież mexxejja Buddisti mill-Mongolja, flimkien mal-Isqof Giorgio Marengo, Prefett Appostoliku ta’ Ulaanbaatar, li qed jakkumpanjakom. Jien grat għal din, l-ewwel żjara tagħkom fil-Vatikan bħala rappreżentanti uffiċjali tal-Buddiżmu Mongoljan, laqgħa bil-għan li jissaħħu r-relazzjonijiet ta’ ħbiberija tagħkom mal-Knisja Kattolika u hekk jimxu ‘l quddiem il-ftehim reċiproku u l-kooperazzjoni fil-bini ta’ soċjetà paċifika. Din l-okkażjoni hija partikolarment sinifikanti, peress li din is-sena timmarka t-tletin anniversarju tal-Prefettura Appostolika f’pajjiżkom u tat-twaqqif ta’ relazzjonijiet diplomatiċi bejn is-Santa Sede u l-Mongolja.

 

Illum, il-paċi hija x-xenqa qalb l-umanità. Għalhekk, hemm bżonn urġenti, permezz ta' djalogu f’kull livell, li tiġi promossa kultura ta' paċi u nonvjolenza, u li ssir ħidma għal dan il-għan. Dan id-djalogu jrid jistieden lill-popli kollha biex jiċħdu l-vjolenza f’kull forma, inkluża l-vjolenza li ssir fuq l-ambjent. Sfortunatament ukoll, hemm min ikompli jabbuża mir-reliġjon billi jużaha ħalli jiġġustifika atti ta’ vjolenza u mibegħda.

Ġesù u l-Buddha kienu jġibu l-paċi u kienu promoturi tan-nonvjolenza. “Ġesù nnifsu għex fi żminijiet vjolenti. Madankollu għallem li l-kamp ta’ battalja veru, fejn il-vjolenza u l-paċi jiltaqgħu, huwa l-qalb tal-bniedem. Hu pprietka bla waqfien l-imħabba bla kundizzjoni ta’ Alla, li tilqa’ u taħfer. Huwa għallem lid-dixxipli tiegħu biex iħobbu lill-għedewwa tagħhom. (ara Mt 5:44) Ġesù kien sinjal fit-triq tan-nonvjolenza. Mexa huwa stess dik it-triq sa l-aħħar, sas-salib, triq li biha huwa sar il-paċi tagħna u temm l-ostilità”. (ara Ef 2,14-16)  Għalhekk, “biex tkun segwaċi veru ta’ Ġesù llum  trid ukoll tħaddan it-tagħlim tiegħu fuq in-nonvjolenza”. (Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi tal-2017, 3)

 

Il-messaġġ ċentrali tal-Buddha kien in-nonvjolenza u l-paċi. Għallem li “r-rebħa tħalli warajha traċċa ta’ mibegħda, għax it-tellef ibati. Warrab kull ħsieb ta’ rebħa u ta’ telfa u għix fil-paċi u l-ferħ” (Dhammapada, XV, 5 [201]). Saħaq ukoll li r-rebħa tiegħek nnifsek hija akbar minn dik tal-oħrajn: Aħjar tirbaħ lilek innifsek milli tirbaħ elf battalja kontra elf bniedem” (ibid., VIII, 4 [103]).

F’dinja mħassra mill-kunflitt u l-gwerra, bħala mexxejja reliġjużi, b’għeruq sodi fid-duttrini reliġjużi rispettivi tagħna, għandna d-dmir li nispiraw fl-umanità r-rieda li tirrinunzja għall-vjolenza u nibnu kultura ta’ paċi.

Għalkemm il-preżenza ta’ komunitajiet aktar formali ta’ fidili Kattoliċi f’pajjiżkom hija pjuttost riċenti u n-numru tagħhom huwa żgħir iżda sinifikanti, il-Knisja hija impenjata bis-sħiħ biex tippromwovi l-kultura tal-laqgħa, u hekk timxi wara l-Imgħallem u Fundatur tagħha li qal: “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien.” (ara Ġw 15,12). Ejjew insaħħu l-ħbiberija tagħna għall-ġid ta’ kulħadd. Il-Mongolja għandha tradizzjoni twila ta’ koeżistenza paċifika bejn ir-reliġjonijiet differenti. It-tama tiegħi hija li din l-istorja antika ta’ armonija fid-diversità tista’ tkompli llum, permezz tal-implimentazzjoni effettiva tal-libertà reliġjuża u l-promozzjoni ta’ inizjattivi flimkien għall-ġid komuni. Il-preżenza tagħkom hawn illum hija fiha nnifisha sinjal ta’ tama. B’dawn il-ħsibijiet, nistedinkom biex tkompli d-djalogu fratern tagħkom u r-relazzjonijiet tajbin mal-Knisja Kattolika f’pajjiżkom, għall-kawża tal-paċi u l-armonija.

 

Grazzi għal darb'oħra għaż-żjara tagħkom; u nittama li l-waqfa tagħkom f’Ruma tkun mimlija ferħ u esperjenzi interessanti. Jien ċert ukoll li l-laqgħa tagħkom mal-membri tal-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu Interreliġjuż se tagħtikom l-opportunità li tfittxu modi kif tippromwovu aktar id-djalogu Buddista-Kristjan fil-Mongolja u fir-reġjun.

 

Nawgura lilkom u lil dawk li intom tirrappreżentaw, fid-diversi monasteri Buddisti fil-Mongolja, abbundanza ta’ paċi u prosperità.

 

Franġisku