IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Kappella tad-Dar Santa Marta

L-ewwel Ħadd tal-Avvent

3 ta’ Diċembru, 2023

 

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Illum ukoll ma nistax naqra kollox: sejjer għall-aħjar imma l-vuċi għadha mhix ittini .  Se jaqra l-katekeżi Mons. Braida.

Illum, l-ewwel Ħadd tal-Avvent, fl-Evanġelju qasir li ttina l-Liturġija (cfr Mk 13,33-37), għal tliet darbiet Ġesù jħeġġiġna b’eżortazzjoni sempliċi u diretta “Ishru” (vv. 33.35.37).

Għalhekk is-suġġett huwa s-sahra.  Kif nistgħu nifhmuha?  Kultant naħsbu li dil-virtù hi atteġġjament imqanqal mill-biża’ ta’ xi kastig imminenti, qiesu li xi metejora se taqa’ mis-sema u theddidna, u jekk ma niskansawhiex fil-ħin se tordomna.  Imma ċertament dan mhux is-sens tas-sahra nisranija!

Ġesù jispjegahielna permezz ta’ parabbola.  Ikellimna dwar sid li se jerġa jiġi u dwar il-qaddejja tiegħu li qed jistennewh (cfr v. 34).  Fil-Bibbja, il-qaddej hu “persuna ta’ fiduċja” għas-sid, li miegħu spiss hemm kollaborazzjoni u għożża. Niftakru per eżempju, li qaddej t’Alla hu Mosè (cfr Numri 12,7) u wkoll Marija li dwarha nfisha tgħid: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej” Lq 1,38).  Għalhekk, is-sahra tal-qaddejja mhix iddominata mill-biża’ iżda hi xewqa bl-istennija li se jmorru jiltaqgħu mas-sid li ġej.  Huma lesti għall-miġja tiegħu għax iħobbuh, għax l-għan tagħhom hu li meta jiġi jsib dar li tilqgħu u fl-ordni: huma henjin li jerġgħu jarawh, sal-punt li huma ħerqana biex jiġi lura qieshom qed jistennew xi festa għall-familja kbira kollha li jiffurmaw parti minnha.

U b’din l-istennija mimlija għożża aħna wkoll għandna nitħejjew biex nilqgħu lil Ġesù: fil-Milied li se niċċelebraw ftit ġimgħat oħra; fl-aħħar taż-żminijiet, meta jerġa’ jiġi. fil-glorja; kuljum, meta Hu jiġi jiltaqa’ magħna fl-Ewkaristija, bil-Kelma tiegħu, f’ħutna, speċjalment dawk l-aktar fil-bżonn.

Allura, b’mod speċjali tul dawn il-ġimgħat, inħejju bir-reqqa d-dar ta’ qalbna, ħalli tkun fl-ordni u ospitali.  Li tishar, infatti, jfisser li l-qalb tkun dejjem lesta.  Hu l-atteġġjament tal-kustodju li tul il-lejl ma jħallix l-għejja tgħelbu, imma jibqa’ mqajjem jistenna d-dawl li ġej.  Il-Mulej hu d-dawl tagħna u huwa sabih li qalbna tkun imħejjija biex tilqgħu bit-talb u biex ittih merħba bil-karità, iż-żewġ tħejjijiet li, biex ngħidu hekk, jppermettulu jħossu komdu.  Dwar dan jingħad li San Martin ta’ Tours, bniedem ta’ talb, wara li kien ta nofs il-mantell tiegħu lil wieħed fqir ħolom li qed jara lil Ġesù liebes propju dak in-nofs tal-mantell li hu kien ta lill-fqir.  Dan hu programm sabih għall-Avvent: il-lagħa ma’ Ġesù f’kull wieħed u waħda minn ħutna li għandhom bżonna biex naqsmu magħhom kulma nistgħu: smigħ, żmien, għajnuna konkreta.

Għeżież, jagħmlilna tajjeb illum nistaqsu kif qalbna se tkun akkoljenti għall-Mulej.  Nistgħu magħmlu dan billi nersqu lejn il-Maħfra tiegħu, lejn Kelmtu, lejn il-Mejda tiegħu, insibu ħin għat-talb, nilqgħuh f’dawk li huma fil-bżonn.  Nikkultivaw l-istennija tiegħu bla ma nħallux dak li hu inutli jaljenana, bla ma noqgħodu ngemgmu l-ħin kollu, imma billi nżommu qalbna tishar, jiġifieri mxennqa għalih, tishar u lesta, bla sabar biex niltaqgħu miegħu.

Il-Verġni Marija, il-Mara tal-istennija, tgħinna nirċievu lil Binha li ġej.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

F’Iżrael u fil-Palestina s-sitwazzjoni hi gravi.  Hu ta’ niket li nkiser il-waqfien mill-ġlied: dan ifisser mewt, qerda, miżerja.  Ħafna ostaġġi nħelsu imma għad fadal ħafna f’Gaża.  Niftakru fihom, fil-familji tagħhom li kienu donnhom raw id-dawl, ittamaw li jħaddnu mill-ġdid lill-għeżież tagħhom.  F’Gaża hemm ħafna tbatija; hemm nuqqas ta’ dak li hu essenzjali.  Nawgura li dawk kollha involuti, mill-aktar fis possibbli, jilħqu ftehim ġdid biex jieqaf il-ġlied u jsibu soluzzjonijiet differenti mill-armi, jippruvaw ifittxu toroq kuraġġużi li jġibu l-paċi.

Nixtieq niżgura talbi għall-vittmi tal-attentat li seħħ dalgħodu fil-Filippini, fejn bomba splodiet waqt quddiesa.  Jien qrib il-familji, qrib il-poplu ta’ Mindanao li diġà sofra ħafna.

Anki jekk mill-bogħod, qed insegwi b’attenzjoni l-ħidma tal-COP28 f’Dubai.  Jien qribhom.  Inġedded l-appell tiegħi biex it-tibdil fil-klima jsib tweġiba f’bidla politika konkreta: ejjew noħorġu mid-djuq tal-partikolariżmi u tan-nazzjonaliżmi, skemi tal-imgħoddi u nħaddnu viżjoni komuni, nimpenjaw ruħna lkoll u issa, bla ma nitnikkru aktar, biex isseħħ konverżjoni ekoloġika globali.

Illum hu l-Jum Dinji internazzjonali tal-persuni b’diżabbiltà.  Li nilqgħu u ninkludu li min jgħix f’dil-kundizzjoni hu għajnuna għas-soċjetà kollha biex issir aktar umana.  Fil-familji, fil-parroċċi, fl-iskejjel, fl-isports: nitgħallmu nivvalorizzaw lil kull persuna bil-kwalitajiet u l-ħiliet tagħha u ma nwarrbu lil ħadd.

Insellem b’għożża lilkom ilkoll, rumani u pellgrini mill-Italja u minn inħawi oħra tad-dinja, partikolarment lill-pollakki li qed jieħdu sehem fil-ġrajjiet li hawn f’Ruma ad unur tal-familja martri Ulma li kienet beatifikata ftit ilu.

Insellem lill-pellegrini u l-gruppi parrokkjali minn Firenze, Siena, Brindisi, Cosenza u Adrano.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-mixja tal-Avvent it-tajba.  Jekk  jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan  minn Joe Huber