Ara l-Bolla ta' Indizzjoni, Misericordiae Vultus li biha l-Papa Franġisku ħabbar il-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena 2015-2016 ...

 

Dwar il-Bolla ta' Indizzjoni tal-Papa Franġisku

Misericordiae Vultus

miktuba fl-11 ta' April 2015

li biha ħabbar

il-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena (2015-2016)

 

Kitba ta' Fr Reuben Deguara

 

Waqt li l-Papa Franġisku iddikjara s-sena straordinarja tal-Ħniena li bdiet fit-8 ta’ Diċembru 2015 u għalqet fl-20 ta’ Novembru, 2016 qal: “Jien konvint li f’din is-sena tal-ġublew, il-Knisja kollha tkun kapaċi ssib il-ferħ li terġa’ tiskopri u toħroġ il-frott mill-Ħniena ta’ Alla li permezz tagħha aħna msejħa li nagħtu l-konsolazzjoni lil kull raġel u kull mara ta’ żmienna.” Għalhekk, waqt li qed nagħtu bidu għal din is-sena ġubilari, qed niġu mfakkra li l-Bibbja hija mimlija b’ ċirkustanzi li jitkellmu dwar l-abbundanza tal-Ħniena t’Alla u kemm kien ħanin sa mill-bidu tal-ħolqien.

Alla huwa għani fil-Ħniena (Ef 2:4). Il-Ħniena hija mħabba ġenwina għal kwalunkwe persuna li qed issofri u b’xi mod imdejqa. Li ntemmu l-miżerja darba għal dejjem huwa l-aspett essenzjali tal-Ħniena u l-iktar li jidher. Skont San Tumas ta’ Akwino, meta l-imħabba u l-mizerja jiltaqgħu, titwieled il-Ħniena li hija waħda mill-forom essenzjali tal-karità, li tinsab fil-qalba tal-ħajja Kristjana. Il-Ħniena hija l-virtù li tmexxi l-persuna biex tagħmel sforz ġenwin sabiex tħaffef il-piż ta’ kull tip ta’ sfortuna tal-oħrajn. Il-Ħniena hija l-aqwa mod kif tgħix it-tieni kmandament tal-imħabba tal-proxxmu, li ‘tixbaħ lill-ewwel kmandament’ (Mt 22: 36-39). Alla jgħid espliċitament, “Jien tjieba (Ħniena) rrid, mhux sagrifiċċju” (Ħos 6:6; Mt 9:13).

Il-Ħniena kollha mħabba u tjubija ta’ Alla hija r-risposta Tiegħu għall-miżerja umana. Iktar mal-miżerja tkun kbira, iktar tkun abbundanti l-Ħniena. Alla jsalvana mhux għall-merti tagħna, imma għax hu Ħanin. Id-dinja hija mimlija bil-Ħniena ta’ Alla (Salm 32:5, 118:64). Alla huwa Ħanin u jagħder għaliex Huwa ġust; Huwa jżomm Kelmtu. Ladarba irċevew il-Ħniena minn Alla, il-bnedmin għandhom juru Ħniena ma’ xulxin.

San Ġwanni Pawlu II kellu ġibda lejn id-devozzjoni lejn il-Ħniena Divina, stabbilixxa l-Ħadd tal-Ħniena Divina. Fl-enċiklika tiegħu Dives in Misericordia (‘Għani fil-Ħniena’) huwa jeżamina r-rwol tal-Ħniena – kemm il-Ħniena t’Alla kif ukoll il-bżonn tal-Ħniena umana. Id-devozzjoni tal-Ħniena Divina tiffoka fuq l-imħabba t’Alla kollha Ħniena u x-xewqa li din l-istess imħabba u Ħniena jgħaddu bħal xmara mill-qalb ta’ dak li jkun għal għand dawk li għandhom bżonnha.

Lanqas nafu aħna stess kemm-il darba esperjenzajna l-Ħniena abbundanti ta’ Alla! Kemm-il darba konna protetti minn aċċidenti minkejja s-sewqan ħażin tagħna, per eżempju, anki meta konna saħansitra xurbana! Anki meta ma tajniex każ tiegħU, Hu ħenn għalina b’qalb mimlija Ħniena. Lanqas nistgħu nimmaġinaw kemm grazzji tana li aħna stess ma tlabniex u li lanqas biss irringrazzjajniH għalihom!

Il-Ħniena t’Alla lejn il-bniedem tfisser il-kompassjoni tiegħU, ġentilezza, klemenza, maħfra, mogħdrija, benevolenza, grazzja, tjubija u li ma jkunx aħrax anzi jagħlaq għajnejH. Il-bnedmin ukoll għandhom juru dan lejn xulxin: karità, kompassjoni, ħniena, ġentilezza, simpatija, klemenza maħfra ... u l-kumplament bħall-attitudni tal-Mulej lejna. Ġesù jkellimna ċar: “Ħenjin dawk li jħennu għax huma jsibu ħniena” (Mt 5:7).

Il-Ħniena tagħti merħba, taċċetta, tirrispetta, hija ġeneruża, tagħlaq għajnejha għal tort li ġġarrab, hija spalla għal min hu fil-bżonn, il-Ħniena taħfer, tipprovdi, u tagħmel dak kollu li hu motivat mit-tjubija u l-imħabba.

Il-Knisja stabbiliet erbatax-il Opra ta’ Ħniena. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jiddefinixxi l-Opri tal-Ħniena bħala: “azzjonijiet ta’ Ħniena li permezz tagħhom aħna naslu li ngħinu lill-proxxmu tagħna fil-bżonnijiet tiegħu kemm tar-ruħ kif ukoll tal-ġisem. (KKK #2447). Il-Katekizmu jkompli jaqsam dawn l-Opri tal-Ħniena f’żewġ kategoriji: tar-ruħ u tal-ġisem. Is-sagrifiċċju ta’ Kristu huwa x-xogħol tal-Ħniena per eċċellenza. Meta nwettqu opra ta’ Ħniena nagħmluha bħala xhieda u bi gratitudni għall-Ħniena ta’ Kristu.

Is-seba’ Opri tal-Ħniena li jmissu l-ġisem huma s-seba’ għemejjel ta’ karità bbażati fuq id-diskors ta’ Ġesù dwar fuq xhiex ser inkunu ġġudikati fil-ġudizzju universali (Mt 25: 41): li titma’ lil min hu bil-ġuħ; tisqi lil min hu bil-għatx; tlibbes lil min hu għarwien; tilqa’ lil min hu bla dar; iżżur lill-morda; iżżur lill-ħabsin; u tidfen lill-mejtin.

Imbagħad hemm l-Opri tal-Ħniena li jmissu r-ruħ tal-proxxmu, u dawn huma: li tgħallem lil min ma jafx; tagħti parir tajjeb lill-ħosbenin; twiddeb lill-midinbin; tfarraġ lill-imnikktin; taħfer il-ħtijiet; tistabar b’min idejqek; u titlob ’l Alla għall-ħajjin u għall-mejtin. Il-prattika ta’ dawn l-opri hija neċessarja li ssir minna lkoll.

Hawn tkellimna fuq x’ser jiġri fl-aħħar tad-dinja: ser jiġġudikana dwar kif ġibna ruħna f’ħajjitna. Sa mit-Testment il-Qadim, Alla l-Missier wera kif iridna naġixxu billi Hu stess uriena li jagħder u jħenn, hu tqil biex jinkorla u kbir fit-tjieba u fil-fedeltà tiegħu. Tant ħabb lill-bnedmin li meta wasal iż-żmien,  huwa bagħat lil Ibnu, imwieled mill-Verġni Marija, biex jurina darba għal dejjem l-imħabba tiegħu. F’ħajtu Ġesù Kristu wera, bil-kelma - u fisser bil-parabboli - bil-ġesti tiegħu u bil-persuna tiegħu, il-ħniena kbira tal-Missier.

Il-Ħniena ta’ Alla hi raġuni ta’ ferħ għalina, kif ukoll ta’ serħan u ta’ sliem. Alla jiltaqa’ magħna permezz tal-ħniena tiegħu, filwaqt li aħna wkoll, min-naħa tagħna, irridu nuru l-ħniena mal-oħrajn. Nagħmlu dan meta nħarsu b’għajnejn sinċiera lejn dawk li niltaqgħu magħhom tul il-mixja tal-ħajja. Il-ħniena hi t-triq li tgħaqqadna ma’ Alla, għax tiftaħ il-qalb għat-tama li aħna maħbuba għal dejjem minkejja l-limiti tad-dnub tagħna.

Hemm waqtiet li fihom aħna msejħin b’mod aqwa biex nieqfu u naħsbu fuq il-ħniena ta’ Alla biex aħna stess insiru sinjal li jidher tal-Missier li jaħdem f’ħajjitna. Hu għalhekk li-Papa Franġisku jgħidilna li dan il-Ġublew tal-Ħniena hu żmien tajjeb għall-Knisja. Is-Sena Mqaddsa fetħet fit-8 ta’ Diċembru 2015, festa tal-Kunċizzjoni Immakulata. Din il-festa turi l-mod ta’ kif Alla ilu jaħdem sa mill-bidu tal-istorja tagħna. Wara d-dnub ta’ Adam u Eva, Alla ma riedx iħalli lill-bniedem waħdu u jintrebaħ mill-ħażen. Għalhekk hu ħaseb u ried lil Marija, qaddisa u bla tebgħa fl-imħabba, biex issir Omm il-Feddej tal-bniedem. Quddiem il-kruha tad-dnub, Alla jwieġeb bil-kotra tal-ħniena tiegħu, u jaħfer. Alla uriena li l-ħniena tiegħu se tkun dejjem ikbar minn kull dnub, u mhemmx limitu għall-imħabba ta’ Alla li jaħfer. 

 

Għaliex il-Papa għażel id-data tat-8 ta’ Diċembru?

 

Il-Papa għażel it-8 ta’ Diċembru għaliex minbarra li din id-data fiha tifsiriet sbieħ fl-istorja tal-Knisja, hi wkoll il-50 anniversarju mill-għeluq tal-Konċilju Vatikan II, u l-Knisja tixtieq li żżomm ħajja dik il-ġrajja.

Il-Konċilju Vatikan II beda mixja ġdida fl-istorja tal-Knisja, li tkellmet dwar Alla b’mod li jinftiehem aħjar u hekk tkun is-sinjal ħaj tal-imħabba tal-Missier. Il-Papa Ġwanni XXIII, li fetaħ il-Konċilju, ħeġġeġ biex il-Knisja tuża dejjem id-duwa tal-Ħniena u twassal il-verità Kattolika bħala omm li tassew tħobb, li tieħu paċenzja u tkun twajba anke ma’ dawk li nfirdu minnha. Il-Konċilju kien ingħalaq mill-Beatu Pawlu VI, il-Papa ta’ wara Ġwanni XXIII. Fid-diskors tal-għeluq tal-Konċilju, Pawlu VI tkellem dwar il-valur tal-imħabba u r-rispett lejn il-persuna, ukoll meta jkun hemm fehmiet differenti. Mhux hekk għamel Ġesù mal-mara Sammaritana? Rebaħ il-fiduċja tagħha bl-imġiba ħelwa tiegħu. Illum aħna qed inkomplu l-mixja li beda l-Konċilju Vatikan II. Li ngħaddu mill-Bieb tal-Ħniena hu parti minn dan il-pellegrinaġġ. Irridu nirfsu l-għatba tal-Bieb b’sentiment ta’ radd il-ħajr għal dak li rċevejna bħala parti mill-Knisja kif ukoll b’responsabbiltà lejn il-ħidma li qed tistenniena f’din is-sena. Nidħlu mill-Bieb b’moħħna mistrieħ li Ġesù Kristu, li qam mill-mewt, se jkun magħna fit-triq. U l-Ispirtu s-Santu se jmexxi l-passi tagħna, aħna li nemmnu fi Kristu li fdiena u se jgħinna nikkontemplaw il-wiċċ tal-Ħniena, il-wiċċ t’Alla.

 

Hekk tibda l-ittra tal-Papa Franġisku: Misericordiae Vultus, il-Wiċċ tal-Ħniena.

Meta l-Bieb tal-Ħniena jingħalaq, fil-festa ta’ Kristu Re, nerġgħu ngħixu l-gratitudni tagħna lit-Trinità Qaddisa għaż-żmien speċjali ta’ grazzja li jkun tana l-Ġublew. Il-Papa jixtieq li s-snin li ġejjin ikunu “mgħaddsa fil-Ħniena” biex kull persuna li niltaqgħu magħha nwasslulha t-tjieba u l-Ħniena ta’ Alla! Il-Papa awgura li l-balzmu tal-Ħniena tal-Ġublew jilħaq lil kulħadd, kemm dawk li jemmnu u kemm dawk li huma mbiegħda, bħala sinjal tas-Saltna ta’ Alla li diġà tinsab fostna.

 

Hawn min jaħseb li l-mogħdrija u l-ħniena huma dgħufija, imma fl-istorja Alla wriena li huma kwalitajiet ta’ min hu tassew qawwi. Dan narawh f’Alla, li l-ħin kollu jinsab ħdejna, lest biex jaħfrilna u jgħinna. Il-Bibbja turina kemm Alla jieħu paċenzja u kif dejjem tirbaħ it-tjieba tiegħu.

Is-Salmi fihom espressjonijiet ta’ faraġ u kuraġġ għal min jixtieq iduq il-ħniena t’Alla, li jaħfer, ifejjaq u li jrid iħaddan miegħu lil kulħadd.

Il-ħniena ta’ Alla mhix xi ħaġa fl-ajru. Tinsab fil-ġewwieni tiegħu u tfur ’il barra, bħal dik ta’ omm u ta’ missier li ma jistgħux jaħbu l-emozzjonijiet tagħhom fl-imħabba lejn uliedhom. F’Alla, il-ħniena hi sentiment naturali ta’ ħlewwa, ta’ mogħdrija u maħfra. Mhux ta’ b’xejn li wieħed mis-Salmi (numru 136), li fih ritornell għal 26 darba: “Għal dejjem hi l-ħniena tiegħu”; kien fuq ilsienna matul din is-sena fl-innu tal-Ġublew. B’dan is-Salm inkantaw kif fl-istorja tas-salvazzjoni, il-bniedem kien dejjem taħt il-ħarsa ħanina tal-Missier. Ġesù kanta dan is-Salm mad-dixxipli tiegħu ftit qabel l-Aħħar Ikla, fejn fetaħ beraħ l-imħabba tiegħu. Ikun tajjeb li aħna wkoll nirrepetu kuljum fit-talb tagħna dan il-vers: “Għal dejjem hi l-ħniena tiegħu”.

 

Meta nkunu midħla tal-Vanġelu, nifhmu għaliex l-ittra li biha l-Papa Franġisku ta bidu għall-Ġublew tal-Ħniena semmieha Misericordiae Vultus, il-Wiċċ tal-Ħniena t’Alla, li hu Ġesù Kristu. L-aqwa idea tal-Missier tahielna Ibnu. U ’l quddiem, id-dixxiplu maħbub Ġwanni ġabar fi tliet kelmiet l-idea li tana Ġesù dwar il-Missier: “Alla hu Mħabba”. L-imħabba li dehret fostna nistgħu mmissuha b’idejna fil-ħajja kollha ta’ Ġesù, kif missewha l-foqra, il-morda, l-imwarrbin u l-midinbin. Fost oħrajn, Ġesù ġietu ħasra għall-armla ta’ Najm, li kien mitilha binha l-waħdieni u Ġesù tahulha ħaj mill-ġdid.

 

Ġesù waqaf quddiem il-mejda tat-taxxi u ħares b’imħabba ħanina lejn Mattew, raġel meqjus min-nies bħala midneb. Ġesù, minflok, iressqu lejh, juri fiduċja fih u jsejjaħlu biex ikun wieħed mid-dixxipli tiegħu. Illum ukoll, il-Mulej għadu jħares bl-istess ħarsa ta’ ħniena, u din il-ħarsa se tibqa’ msammra bil-ħlewwa fuqna lkoll, għax: “Għal dejjem hi l-ħniena tiegħu”.

 

Biex iwasslilna b’mod ħafif il-Wiċċ tal-Ħniena t’Alla (konna spjegajna dwar l-isem li ntgħażel mill-Papa: Misericordiae Vultus, il-Wiċċ tal-Ħniena), Ġesù jirrakkonta fost oħrajn tliet parabboli li smajnihom bosta drabi: tan-nagħġa l-mitlufa, tal-munita li tilfet waħda mara u tal-iben il-ħali. Dawn jgħinuna nifhmu l-ferħ ta’ Alla meta jsib dak li kien mitluf. Bħar-ragħaj, bħall-mara u bħall-missier, Alla qatt ma jieqaf milli jinkwieta għall-kreaturi tiegħu. Imur fuqhom hu stess biex jilqagħhom meta jiġu lura. Il-ferħ jidher fil-mod kif dawk li nstabu ġabu l-ferħ, kif hemm għal sitt darbiet fit-tliet parabboli:

“ifirħu miegħi għax sibt in-nagħġa l-mitlufa”, “jerfagħha fuq spellejh ferħan”, “ifirħu miegħi għax sibt il-munita li kont tlift”, “ikun hemm ferħ qalb l-anġli”, “ġibu l-għoġol ħa nieklu u nifirħu”, “jeħtieġ li nifirħu u nithennew għax dak li kien mitluf, instab”.

 

F’dawn il-parabboli, Alla hu dejjem ippreżentat mimli ferħ. Tant jifraħ waqt li jaħfer. Din hi stedina għalina, għax aħna wkoll imsejħin biex ngħixu l-ħniena, kif din intweriet lilna minn Alla. U bħala Nsara, il-ħniena hi kmand li ma nistgħux naħarbu minnu. Veru li xi drabi jkun diffiċli li naħfru imma meta nneħħu l-korla, ir-rabja u l-vjolenza, ikollna s-serħan tal-qalb li bih nistgħu ngħixu henjin. Dan hu għaliex Ġesù qalilna: “Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena”. Ġesù rrakkonta l-parabboli tal-maħfra f’kultura fejn il-ħniena bilkemm kienu jafu x’inhi. Bħalma llum ukoll naraw li l-imħabba, il-mogħdrija u l-maħfra huma mogħtija l-ġenb fil-ħajja ta’ kuljum, xi drabi wkoll minn min hu mistenni li jagħti eżempju ta’ dawn il-kwalitajiet.

 

Il-Papa Franġisku jgħid li, filwaqt li hu ta’ swied il-qalb li l-maħfra fil-kultura tagħna qiegħda dejjem tonqos, is-Sena tal-Ħniena hi mill-ġdid iż-żmien li nxandru l-ferħ tal-maħfra. F’dinja li għaddejja minn żmien imqalleb, kull wieħed u waħda minna għandna r-responsabbiltà li nwasslu t-tagħlim ta’ Kristu dwar il-maħfra, għax aħna rridu dinja aħjar. Bħala parti mill-Knisja, kif qalilna l-Papa Ġwanni Pawlu II, ngħixu ħajja vera meta nistqarru u nxandru l-ħniena.

 

Meta ta bidu għall-Ġublew tal-Ħniena, il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-Knisja biex twassal il-ħniena ta’ Alla fil-qalb u fil-moħħ ta’ kull bniedem; li tagħmel bħal Kristu li ltaqa’ ma’ nies ta’ kull xorta u ma ħalla lil ħadd barra; li l-Knisja tkun hi l-ewwel li tagħti xhieda tal-ħniena; li twassal il-messaġġ tal-ħniena b’mod ġdid u b’lingwaġġ li jinftiehem. B’hekk tinfed il-qalb tal-bnedmin u tqanqalhom jerġgħu jsibu t-triq it-tajba. Il-Papa ħeġġeġ il-Knisja biex tkun Knisja qaddejja, u dan irid jidher fil-parroċċi, fl-għaqdiet u kull fejn hemm l-Insara. B’hekk kulħadd ikun jista’ jsib fil-Knisja “oasi ta’ ħniena”.

F’din is-sena, il-Knisja qed tagħtina l-għodod għall-konverżjoni, fosthom il-pellegrinaġġ li jwassal għall-Bieb tal-Ħniena. Li ngħaddu mill-Bieb tal-Ħniena jirrifletti x-xewqa tagħna li nikkonvertu, li ninbidlu għall-aħjar. Naċċettaw l-istedina ta’ Kristu biex ma niġġudikawx u ma nikkundannawx, biex ma npinġux f’dawl ikrah lill-oħrajn imma nagħrfu dak li hemm tajjeb f’kull persuna. Imma dan mhux kollox, għax il-Vanġelu jitlobna aktar minn hekk, għax Kristu jikkmandana naħfru, anzi nkunu għodda ta’ maħfra. Jekk nagħmlu hekk, il-Mulej ikattar it-tjieba tiegħu fuqna b’ġenerożità liema bħalha.

Meta l-Papa jgħidilna, kif juri l-motto tas-Sena Mqaddsa, biex inkunu “Ħanina bħall-Missier”, qed jistedinna biex ma nistennew xejn lura. L-eżempju ta’ Ġesù għandu jmexxina; hu ta kollox, anke ħajtu, bla ma ried xejn lura. Xħin ngħixu f’attitudni ta’ mogħdrija, ikun biżżejjed li nħossu l-preżenza ta’ Alla għax qed nieħdu sehem fil-kompassjoni tiegħu ma’ kulħadd. Irridu niftħu qalbna għal dawk li d-dinja moderna qed tinsiehom, dawk li huma mwarrba, li qed jgħixu fl-inċertezza u qed ibatu fis-skiet. Niftakru f’nies f’diversi pajjiżi li m’għadx għandhom iżjed leħen għax il-karba tagħhom qed tintefa minħabba l-indifferenza ta’ dawk sinjuri. Il-Knisja, f’dan il-Ġublew, hi msejħa turi li hi man-naħa ta’ dawn l-imsejkna hekk li jħossu s-sħana tal-preżenza, il-ħbiberija u l-fraternità tagħha. 

Hawnhekk jidħlu l-erbatax l-Opra tal-Ħniena, li l-Papa qed jippreżentalna għal din is-Sena: li nkunu ġenerużi fil-karità, li nżuru l-morda u anke lill-ħabsin, li nilqgħu b’imħabba lill-barranin, li nagħtu pariri tajba lil min hu fid-dubji, li ngħallmu lil min ma jafx, li nkunu viċin ta’ min qalbu mtaqqla, li naħfru lil min weġġagħna u li niftakru fit-talb tagħna lil Alla għall-proxxmu tagħna kollu.

Ma ninsewx li meta nagħlqu għajnejna għal din il-ħajja, il-Mulej se jistaqsina wieħed wieħed u waħda waħda jekk f’ħajjitna segwejniex jew le dawn l-Opri tal-Ħniena. 

Il-frażi s-“sena ta’ grazzja”, jew is-“sena tal-ħniena” niltaqgħu magħha wkoll fl-Evanġelu ta’ Luqa, li jirrakkonta kif, f’Sibt minnhom, Ġesù mar fis-Sinagoga ta’ Nazaret u sejħulu biex jaqra silta minn Iżaija u jitkellem dwarha. Kienet okkażjoni biex Ġesù jiddikjara li hu ġie msejjaħ biex, fost ħidmiet oħra, iwassal l-aħbar it-tajba lill-fqajrin, li jdewwi l-qlub miksura, li jħabbar il-ħelsien lill-imjassrin u lill-ħabsin u biex iniedi s-“sena tal-grazzja tal-Mulej”. Dakinhar, Ġesù fassal il-programm tal-missjoni tiegħu.

 

Imma l-istorja ma tiqafx hawn. Dak li beda Ġesù jrid jitkompla minna, fix-xejriet ġodda ta’ jasar li jeżistu fi żmienna, fil-għama ta’ min mhux jara s-sewwa għax iltewa fuqu nnifsu u fin-nuqqas ta’ dinjità ta’ dawk li ġew imċaħħdin minnha. Irridu nwieġbu bil-fidi għax-xhieda li bħala Nsara aħna msejħin biex noffru. Dan għandna nagħmluh bil-qalb, kif jgħidilna San Pawl, li: “Min għandu d-don tal-opri tal-ħniena, ħa jagħmel dan bil-ferħ”. (Rum 12, 8). Bi ftit rieda tajba, aħna wkoll jista’ jkollna dan id-don.

 

Kienet ix-xewqa tal-Papa Franġisku li din is-Sena tal-Ġublew tgħinna biex niskopru mill-ġdid il-wiċċ ħanin tal-Missier! Il-konvinzjoni li l-Missier jaħfer mingħajr limitu hi importanti biex aħna nissieħbu ma’ Kristu u miegħu nwasslu l-fejqan lil min jeħtieġ. F’din is-Sena tal-Ħniena saret enfasi qawwija u kontinwa li Alla hu Missier li ma jżommx f’qalbu, li hu Alla li jneħħi l-ħażen u jaħfer id-dnub. Anzi l-profeta Iżaija jgħidilna li Alla “jixħet id-dnubiet tagħna taħt saqajh u jarmi ħtijietna kollha f’qiegħ il-baħar”. Espresssjoni tassew sabiħa li rridu niftakru fiha spiss.

 

Kliem bħal dan hu ta’ min jimmeditah b’mod konkret, għax dak li jrid minna Alla mhuwiex biss li ngħixu ħajja tajba imma wkoll li nagħtu kas l-oħrajn u ngħinuhom. Niftakru f’dak li hemm miktub f’Iżaija: “Jaqaw mhux dan is-sawm li jiena rrid, jiġifieri li tħoll l-irbit tal-ħażen, u tqaċċat ix-xkiel tal-madmad, li tibgħat ħielsa l-maħqurin, u tkisser kull madmad? Mhux li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, u ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf? Mhux li tlibbes lil min tara għarwien, u n-nies ta’ darek ma tinsihomx?” Huma twissijiet prattiċi, li jħeġġuna nipprattikaw kemm nistgħu l-Opri tal-Ħniena li qed titlob minna s-Sena tal-Ġublew!

 

Fost l-inizjattivi li ppropona l-Papa Franġisku għas-Sena tal-Ħniena kien hemm dik li l-Papa taha prominenza kbira: l-“24 Siegħa għall-Mulej”, maratona ta’ talb għall-maħfra. Il-Ġublew qed juri l-frott tiegħu, li tant nies, fosthom ħafna żgħażagħ, qed jerġgħu jiskopru s-sabiħ tal-maħfra fil-Qrar. Inizjattiva oħra kienet dik tal-“Missjunarji tal-Ħniena”, saċerdoti li l-Papa għażilhom u tahom l-awtorità li jaħfru anke d-dnubiet li l-Papa biss jista’ jaħfer. Din is-sena, dnubiet ta’ din ix-xorta jistgħu jinħafru mill-Missjunarji tal-Ħniena. Fost dawn il-Missjunarji, hemm ukoll żewġ patrijiet u qassis Maltin. Il-Papa xtaq li l-Missjunarji jkunu l-“ħabbara tal-ferħ tal-maħfra”.

 

Rigal ieħor li l-Papa tana f’din is-sena hu l-eżortazzjoni appostolika ‘Amoris Laetitia” (il-Ferħ tal-Imħabba), iffirmata minnu fid-19 ta’ Marzu, il-festa ta’ San Ġużepp, u mħabbra fit-8 ta’ April. F’din l-ittra dwar il-familja, twila 255 paġna, il-Papa jiddedika diversi paragrafi li fihom juri li ma hemmx limitu għall-maħfra, lanqas fil-każ ta’ persuni li tbiegħdu mill-Knisja minħabba li s-sitwazzjoni tagħhom mhijiex skont ir-regoli tal-Knisja. L-eżortazzjoni “Amoris Laetitia” nkitbet kollha mill-Papa nnifsu wara t-tmiem taż-żewġ sessjonijiet tas-sinodu dwar il-familja u tikkumplimenta l-ittra li biha l-Papa fetaħ is-Sena tal-Ġublew u li qed nirriflettu dwarha din is-sena: “Misericordiae Vultus” (‘Il-Wiċċ talĦniena’).

It-tnejn fihom elementi qawwija ta’ ħniena u ta’ maħfra.

 

Fl-eżortazzjoni ‘Amoris Laetitia’, il-Papa juri li l-Knisja hi omm, li tagħder, tifhem, tissaporti u hi lesta, b’idejha miftuħa, biex tħaddan fiha lill-familji kollha, għax il-ferħ u l-paċi huma possibbli. L-eżortazzjoni tibda hekk: “Il-ferħ tal-imħabba, li hi mgħixa fil-familja, hu wkoll il-ferħ tal-Knisja.” Fiha l-Papa jifhem is-sitwazzjoni attwali tal-familja, u dan jagħmlu b’saqajh mal-art, għaliex jaf bid-diffikultajiet u l-isfidi li

tiffaċċja l-familja. Imma jħares b’ottimiżmu lejn dak li l-Knisja tista’ toffri lill-familji. Il-Papa jaf li ħafna nies ma jilħqux il-livell ideali u ħafna huma dawk li mhumiex jgħixu kif il-Knisja tistenna miż-żwieġ. Għalhekk l-attitudni tal-Knisja trid tkun bħal ma hi ta’ “sptar fi gwerra, disinjata biex iddewwi lill-feruti”. Il-Papa jgħid li kulħadd għandu jħossu parti mill-Knisja u għalhekk, anke min ilu mbiegħed mis-Sagramenti, għandu jiġi nkuraġġit biex gradwalment jerġa’ jkun sehem fil-komunità nisranija.” Il-Papa Franġisku stieden lil kull wieħed u waħda minna biex f’din is-sena tal-Ġublew tal-Ħniena nieħdu sehem f’pellegrinaġġ li jwassal għall-Bieb tal-Ħniena. Nafu li f’Diċembru tas-sena 2015, f’kull djoċesi tad-dinja Kattolika, infetħu l-Bibien tal-Ħniena biex min jgħaddi minnhom ikun qed jiftaħ qalbu għall-ħniena t’Alla.

 

Il-pellegrinaġġ tal-Ġublew hu ikona tal-mixja li kull persuna tagħmel f’ħajjitha, għax il-ħajja hi vjaġġ li fih aħna pellegrini li qed interrqu f’mixja lejn il-Missier li qed jistenniena. Biex nilħqu l-Bieb tal-Ħniena hemm bżonn li nitħabtu xi ftit, skont kemm tagħtina saħħitna. Dan iġibna biex nifhmu li l-ħniena hi

destinazzjoni li rridu naslu għaliha u li titlob impenn u tbatija. Il-pellegrinaġġ li forsi diġà għamilna jew li se nagħmlu jitlob element ta’ konverżjoni, hekk li meta nirfsu l-għatba tal-Bieb Imqaddes u ngħaddu minnu, inħallu l-ħniena ta’ Alla tħaddanna magħha u nħabirku biex aħna wkoll nuru ħniena mal-oħrajn, kif il-Missier juri magħna. Niftakru fil-motto tal-Ġublew: ‘Misericordes sicut Pater’, ‘Ħanina bħall-Missier’.

 

Qabel ma nagħmlu l-pellegrinaġġ irridu nħejju ruħna sew, billi nieħdu l-frott mis-Sagrament tar-

Rikonċiljazzjoni, il-Qrar, u nieħdu sehem fl-Ewkaristija. Hekk kif ngħaddu mill-Bieb, ngħidu l-Magnificat, l-għanja ta’ tifħir li Marija qalet fuq l-għatba tad-dar ta’ Eliżabetta, u li ddedikat lill-ħniena t’Alla; ħniena li “tinfirex f’kull żmien”. Nistħajlu li aħna konna preżenti waqt li ntqalu dawk il-kelmiet profetiċi tal-Verġni Marija. Il-Magnificat fih kliem ta’ faraġ u jnissel hena f’qalbna meta niġu biex ngħaddu mill-Bieb Imqaddes u nduqu l-frott tal-ħniena t’Alla.

 

Wara li nidħlu mill-Bieb tal-Ħniena, ngħidu l-Kredu biex nistqarru l-fidi tagħna; ngħidu l-Missierna, ngħidu t-talba tal-Papa għall-Ġublew u talba lil Ġesù ta’ Qalb Ħanina, bħal, “Ġesù ħanin, jiena nafda

fik.” Ngħidu xi intenzjoni li ssuġerixxa l-Papa Franġisku għal kull xahar f’dawn l-aħħar sentejn. Dawn huma xi eżempji:

“Biex id-djalogu sinċier bejn l-irġiel u n-nisa ta’ reliġjonijiet differenti jġib il-frott tal-paċi u tal-ġustizzja” u “Biex il-familji li huma f’diffikultà jirċievu l-qawwa li għandhom bżonn u biex it-tfal tagħhom jikbru f’ambjent seren u b’saħħtu”.

 

Għall-Ġublew tal-Ħniena, il-Papa Franġisku tana r-rigal tal-indulġenza. L-indulġenza hi l-maħfra minn Alla tal-piena taż-żmien li tibqa’ meta d-dnubiet ikunu diġà maħfura. L-indulġenza tagħtihielna l-Knisja, li hi afdata biex tqassam il-frott tal-Fidwa ta’ Kristu. Tingħata mill-Papa f’okkażjonijiet speċjali bħal ma hi s-Sena tal-Ġublew, il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ u laqgħat speċjali għall-morda u għall-familji.

 

Biex nifhmu aħjar x’inhi indulġenza, inġibu l-eżempju ta’ dar li nqerdet bin-nar. L-ewwel irid jintefa n-nar, li hu l-kawża ta’ dak li ġara. Li nitfu n-nar inxebbħuh mas-Sagrament tal-Qrar. Imma billi jibqa’ l-konsegwenzi li jkun ħalla n-nar, ikun hemm bżonn li d-dar titnaddaf, li jiġi msewwi dak li ġratlu ħsara u li jinġiebu oġġetti ġodda minflok dawk li nħarqu. Dan inxebbħuh mal-“piena taż-żmien” li titneħħa bir-rigal tal-indulġenza.

 

L-indulġenza għandha tifsira partikulari fil-Ġublew. Il-maħfra ta’ dnubietna minn Alla ma tafx b’limiti. Alla juri din l-imħabba tiegħu fil-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu, imħabba li tasal biex teqred id-dnub tal-bnedmin. Huwa qatt ma jegħja joffri l-maħfra tiegħu lilna uliedu b’mod dejjem ġdid. Imma meta nkunu għaddejna mill-esperjenza tad-dnub, din tħalli l-effett tagħha. Għalkemm aħna msejjħin għal ħajja kemm jista’ jkun tajba, xorta nħossu jagħfas fuqna l-piż tad-dnub.

 

Filwaqt li min-naħa nħossu l-qawwa tal-grazzja, li tibdilna għall-aħjar, fina nġarrbu wkoll il-qawwa tad-dnub. Għalkemm inkunu ksibna l-maħfra bil-Qrar u bl-indiema għal dnubietna, aħna nibqgħu nġorru fil-ħajja tagħna l-konsegwenza tad-dnub tagħna. Alla jaħfer id-dnubiet, li jiġu mħassra qishom qatt ma kienu, imma tibqa’ l-marka negattiva li d-dnubiet ħallew fil-mod kif inġibu ruħna u kif naħsbu. Id-dnub

għandu tingiża li tibqa’ tweġġa’. Imma l-ħniena ta’ Alla hi aqwa minn dan ukoll u ssir indulġenza li permezz tal-Knisja tilħaq lilna, li jkun iddispjaċina għal dnubietna u nkunu qerrejna d-dnub tagħna. Alla jeħlisna minn kull fdal tal-konsegwenza tad-dnub, u jagħmilna kapaċi naġixxu bi mħabba, biex nikbru fl-imħabba iktar milli nerġgħu naqgħu fid-dnub. Biex “nirbħu” l-indulġenza, minbarra li ngħaddu mill-Bieb tal-Ħniena, jrid ikollna xewqa li nitbiegħdu mid-dnub, inkunu qerrejna u tqarbinna u għedna talba skont xi intenzjoni tal-Papa.

 

Is-Sena tal-Ħniena wasslitna mit-8 ta’ Diċembru 2015 sat-28 ta’ Novembru, 2016, festa ta’ Kristu Re,  imam ma tiqafx hawn, tant li l-Papa Franġisku jagħtina direzzjoni biex il-Ġublew iħalli ħafna frott għas-snin li ġejjin.

 

Fl-aħħar paragrafi tal-ittra tiegħu Misericordiae Vultus, ‘Il-Wiċċ tal-Ħniena’, il-Papa jitfa’ l-ħsieb tiegħu fuq Omm il-Ħniena, Marija u jawgura li l-ħlewwa tal-ħarsa tagħha tkun magħna biex tgħinna niskopru mill-ġdid il-ferħ tal-ħlewwa ta’ Alla. Marija hi l-aktar persuna li għarfet il-qawwa tal-misteru tal-Inkarnazzjoni għax għexet fil-preżenza tal-ħniena nnifisha, li saret ħaġa waħda magħna. Marija ħadet sehem mill-qrib fl-imħabba ta’ binha Ġesù. Flimkien ma’ Ġwanni, id-dixxiplu l-maħbub ta’ Ġesù, Marija kienet xhud tal-kliem ta’ maħfra li ħarġu minn fomm Ġesù fuq is-salib, kliem li juru li l-ħniena tal-Iben ta’ Alla ma tafx b’limiti u tilħaq lil kulħadd bla ma tħalli lil ħadd barra.

 

Il-Papa Franġisku jistedinna nduru lejn Marija bit-talba antika u dejjem qatt ġdida tas-Salve Regina, biex ma tehda ddawwar lejna dawk l-għajnejn tagħha tal-ħniena u tagħmilna denji li nikkontemplaw il-wiċċ tal-ħniena, lil binha Ġesù.

 

Il-Papa jeżortana wkoll biex nitolbu lil tant Qaddisin u Beati li għamlu mill-ħniena l-missjoni taħajjithom, b’mod partikulari Santa Fawstina Kowalska, li l-Papa sejħilha appostlu tal-ħniena. Din is-soru, li kienet imsejjħa biex tiħdol fil-qalba tal-ħniena divina, tinterċedi għalina u tiksbilna l-grazzja li ngħixu u nimxu dejjem fil-maħfra ta’ Alla u bil-fiduċja li mħabbtu hi bla qies.

 

Għalkemm il-Bieb tal-Ħniena ingħalaq fix-xahar ta’ Novembru, aħna nibqgħu ngħixu l-gratitudni għall-ħniena li Alla jagħmel magħna u għall-grazzji li tana f’din is-sena. Fi kliem il-Papa, is-snin li ġejjin għandhom ikunu “mgħaddsa fil-ħniena” biex lil kull persuna li niltaqgħu magħha nwasslulha l-ħniena tal-Missier, ħniena li xerred fuqna minn dejjem. Aħna konvinti li Alla ma jieqaf qatt milli jiftaħ beraħ il-bieb ta’ qalbu biex jgħidilna u jerġa’ jgħidilna li jħobbna.

 

Il-Papa Franġisku awgura lill-Knisja li fis-snin li ġejjin tkun l-“eku tas-Sena Mqaddsa”, li tkompli tikkontempla l-Wiċċ tal-Ħniena ta’ Alla u tkun leħen għal kull raġel u mara, filwaqt li ttenni b’fiduċja

u bla waqfien: “Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek, għax huma minn dejjem, Mulej” (Salm 25:6).

 

Fr Reuben Deguara