Laikos

 

Ara aktar dwar Fra Baskal Farrugia ...

Din kienet l-għajta li dwiet ma’ Għawdex kollu nhar it-Tlieta, 18 ta’ Mejju 1937 fis-1.15 ta’ wara nofsinhar, il-ħin li Fra Baskal Farrugia miż-Żebbuġ radd ruħu lil Alla, bil-kuruna tar-rużarju f’idejħ u b’talb bla ma jaqta’ fuq xofftejħ.

Fra Baskal twieled nhar il-festa tan-Nawfraġju ta’ Missierna San Pawl, 10 ta’ Frar 1869. Huwa ġie mgħammed dak in-nhar stess mill-kappillan Dun Bartilmew Busutil bl-isem ta’ Salvu.

Ġużeppi, iċ-ċenserin, u Roża, il-ġenituri ta’ Salvu kienu nies twajba u bieżla. Hu fir-raba u ma’ l-annimali, u hi fid-dar mal-familja numeruża ta’ 13 il-wild, 9 minnhom baqgħu ħajjin. Minbarra ħuħ ta’ warajħ, Franġisku, li daħal ajk Kapuċċin bl-isem ta’ Fra Dumink, ħutu l-oħra kollha żżewġu u rabbew familja numeruża.

Fra Pawl minn Birkirkara, ajk Kapuċċin, kien jiġbor iċ-ċirka ż-Żebbuġ t’Għawdex, u daħal għand Ġużeppi u Roża u baqa’ skantat bil-ħafna nies li ra deħlin u ħerġin mid-dar, u staqsa: “Min huma dawn in-nies kollha?” Roża wiġbitu: “Dawn kollha wliedi u ulied uliedi.”

It-tfulija ta’ Salvu kienet waħda li tirrifletti l-ħajja tar-raħal. Kien aktarx ta’ għaliħ waħdu, miġbur. Meta tfarfar, ma kienx jonqos li jagħti daqqa t’id lil missieru fir-raba u mal-bhejjem, u kultant kien imur l-iskola. Imbagħad fid-dar, fl-imkien mat-toqol u l-ferħ tax-xogħol, tgħallem il-virtujiet umani w insara, il-karita lejn il-proxmu, il-maħfra mill-qalb.

Dawn l-ewwel snin, qisu xi 14-il sena, kienu qiegħdin iħejjuħ għall-ġejjieni tiegħu. F’din l-eta’ għadda għalgħand żijuħ, Ġammari Spiteri, ħu ommu u parrinuħ tal-magħmudija, li kien joqgħod fl-inħawi tal-Kapuċċini, magħrufa bħala “Il-Belliegħa”.

Dan żijuħ kellu formazzjoni nisranija tajba li kien ħa fiż-żmien li kien għamel jistudja s-Seminarju. Għalhekk, kien hu ukoll il-katekista li ħejja lil Salvu w resqu għall-eżami biex jirċievi l-Ewwel Tqarbina.

Sa’ minn ċkunitu, Salvu, kien jgħid li kien iħossu miġbud lejn il-ħajja tal-kunvent. Meta kien jara’ l-ajk Kapuċċin b’dik id-daqna twila, u bi tbissima ħelwa tal-Ġenna, idur it-toroq ta’ raħal twelidu, iħabbat fuq il-qlub iktar milli fuq il-bibien, jitlob il-karita għall-kunvent, kien jibqa’ msaħħar. Imbagħad, minmindu kien mar joqgħod ma’ żijuħ u dan kien jieħdu miegħu ta’ kuljum jisma’ l-quddies fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja, ħdejn il-kunvent tal-Kapuċċini, kienet iktar bdiet tikber fiħ is-sejħa biex jingħaqad ma’ dawk il-patrijiet.

Hekk, lejlet il-Milied tas-sena 1890, Salvu Farrugia, meta kellu 21 sena, ġie mlibbes iċ-ċoqqa fqira Kapuċċina bħala Terżjarju,  u beda ż-żmien tal-formazzjoni tiegħu bl-isem ta’ Fra Baskal, għall-Qaddis Franġiskan San Baskal Baylon.

Il-patrijiet mill-ewwel intebħu li ż-żgħażugħ ma kienx bħal oħrajn, u għalhekk ma damux ma resquħ biex jibda s-sena tal-prova fil-kunvent Kapuċċin ta’ Santa Liberata, il-Kalkara. Wara din is-sena wiegħed li jgħix bla xejn tiegħu, li joqgħod għar-rieda ta’ l-oħrajn u fil-kastita kkonsagrata b’mod temporanju, u mibgħut lura fil-kunvent ta’ Għawdex biex jaqdi fil-Fraternita bħala infermier u fis-Santwarju bħala sagristan.

Imbagħad, tliet snin wara, nhar il-15 ta’ Diċembru 1899, huwa wiegħed li jkompli jgħix dawn il-wegħdiet għal dejjem.

Kien f’dan il-kunvent li tista’ tgħid, għadda ħajtu kollha, ħlief għal tliet snin li fihom insibuħ sagristan fil-kappella tal-Madonna ta’ Lourdes, Il-Furjana (1921 – 1924).

Il-ħidma tiegħu mal-patrijiet morda u bħala sagristan kienet wisq għal qalbu. Kien jaqdi b’ferħ lil dawk ta’ l-ewwel, u b’qima kbira lis-Santwarju, mhux biss billi jżommu nadif, imma wkoll fit-tħejjija ta’ l-altar għall-quddies. Hawn kien ikollu l-ħin jitlob quddiem Ġesu Sagrament u x-xbieha ħelwa tal-Madonna tal-Grazzja kif mpitra mill-famuż artist malti, Stefano Erardi.

Huwa kien ħieni moħbi minn għajnejn in-nies, imma fl-istess ħin dejjem lest li jagħmel dak li kienu jqabduħ, għalhekk kien jaqdi wkoll bħala kok, purtinar u ċirkatur.

Dan ix-xogħol ta’ ċirkatur ma kienx wieħed ħafif. Għaliħ wieħed ried ikolli riġlejn tajbin. Kien xogħol fis-sajf u x-xitwa, sħana u bard. Kien dan ix-xogħol li lill-Fra Baskal beda jlaqqgħu man-nies u mar-realta tagħhom, allura mat-toqol, it-tbatija, l-uġieħ, il-problemi tagħhom. In-nies, min-naħa tagħha, malajr fehmet li dak li kien imur iħabbat il-bieb tagħhom għall-karita kien mogħni bi spirtu sabiħ. Kliemu kien dejjem fuq Alla u l-ħwejjeġ spiritwali. Ħafna kienu bdew jaraw li l-karita li kienu jagħtuħ kienet tintradd  lura lilhom għall-mitt darba iktar.

Minkejja li kien joħroġ jiġbor, ma kienx jitraskura l-qadi tiegħu lill-patrijiet u t-tindif tal-knisja.

Il-mard jaf ma jkollux ħniena minn ħadd. Il-marda li kellha twassal lil Fra Baskal sal-qabar tawlet iżjed minn tliet xhur. Għall-ewwel ftit ġimgħat kien baqa’ l-kunvent għall-għożża tal-patrijiet, imma meta l-marda daħlet ‘il ġewwa, kien ġie deċiż li jkun aħjar l-isptar. Hu beda jintebaħ b’inżul ix-xemx fuq ħajtu. Lil tnejn minn ħutu l-bniet, Peppina u Tereża kien qalilhom: “Sejjer inħallilkom tifkira, għax din hija l-aħħar marda tiegħi: tennu ta’ sikwit, “Ġesu, Marija, Ġużeppi”.

Hekk, wara ħajja ta’ sebgħa u erbgħin sena bħala Kapuċċin, fl-eta’ ta’ 68 sena, fil-festa tal-Qaddis li tiegħu kien iġib ismu, Fra Baskal kien wasal fl-aħħar. Huwa miet ‘l għada, festa ta’ San Feliċ minn Cantalice, l-ewwel Qaddis tar-Riforma Kapuċċina.

Il-funeral tiegħu kien wieħed li ġibed ħafna nies mill-gżira tat-Tliet Għoljiet. Il-ġisem bla ħajja tiegħu inġarr f’tebut mikxuf fuq l-ispalla mis-sinjuri u ħbieb tal-kunvent, mill-isptar Ċentrali sal-kunvent fejn wara l-quddiesa ġie midfun fil-qabar numru 1, fil-kannierja li tinsab taħt l-istess knisja.

Wara kważi sittax il-sena mill-mewt tiegħu, nhar is-6 ta’ April 1953, fil-preżenza ta’ l-awtoritajiet, saret ir-rikonjizzjoni tal-fdal ta’ Fra Baskal. B’għaġeb kbir ta’ dawk preżenti, huwa kien għadu jintgħaraf sewwa. Wara ġie mqiegħed ġewwa urna tal-kewba fl-istess kannierja.

Fra Baskal ma ħalliex kitbiet ta’ għerf il-moħħ, imma ħalla eżempju ta’ ħajja sempliċi, fqira u ta’ qadi. Kien dan l-eżempju li ġibed lejħ lin-nies meta kien ħaj, u għadu jiġbed lin-nies lejħ minkejja li ilu diġà 84 sena mejjet.

Ħafna għadhom ma jafux biħ, imma ħafna oħrajn ta’ sikwit imorru jħabtu l-bieb tal-kunvent jitolbu li jinżlu ħdejn Fra Baskal, jew xi larinġa mis-siġra li kien ħawwel hu. Bosta kienu dawk in-nies li taw u jgħatu xhieda tal-grazzji li qalu bl-interċessjoni tiegħu.

Iċ-ċella tiegħu fuq l-ewwel sular tal-kunvent kienet ġiet imħejjija b’ritratti u tifkiriet oħra tiegħu.

Ġie mwaqqaf grupp ta’ talb għall-Kawża tal-Beatifikazzjoni tiegħu kemm fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja ġewwa Għawdex, kif ukoll fil-kappella tal-Madonna ta’ Lourdes, Il-Furjana.

Dawk li jixtiequ aktar tagħrif fuq Fra Baskal, santi jew domna tiegħu, inkella jistgħu jagħtu xhieda ta’ grazzji maqlugħa, jistgħu jagħmlu kuntatt b’email: frabaskal@gmail.com jew iżur il-paġna fuq Face Book: Fra Baskal Farrugia.

Talba għall-glorifikazzjoni

Tal-Qaddej tal-Alla

Fra Baskal

O Ġesu, Redentur u Salvatur tagħna, li żejjint lill-umli qaddej tiegħek Fra Baskal b’imħabba kbira lejn is-Sagrament ta’ l-Ewkaristija u lejn l-għażiża Ommok Marija, Omm tal-Grazzja, bl-umilta kollha nitolbok biex kif matul ħajtu dejjem ħabbek u fittex li kulħadd inħobbok, issa ukoll tigglorifikaħ f’din id-dinja.

Nitolbok, għall-merti tiegħu, tagħtini l-grazzja.... li tant nixtieq.

Missierna, Sliema, Glorja.

 

Fr. Joe Buttiġieġ ofm cap