VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU F’BUDAPEST

FL-OKKAŻJONI TAL-QUDDIESA TA’ TMIEM IT-52 KUNGRESS EWKARISTIKU INTERNAZZJONALI,

U FIS-SLOVAKKJA
(12-15
ta’ SETTEMBRU, 2021)

 

LAQGĦA MA-ŻGĦAŻAGĦ

 

 DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Fil-grawnd Lokomotiva (Košice)
It-Tlieta, 14 ta’ Settembru, 2021

 

Għeżież żgħażagħ, għeżież ħutidobrý večer! [buonasera!]

Ħassejtni ferħan nisma’ kliem Mons Bernard, ix-xhieda tagħkom u l-mistoqsijiet tagħkom.  Għamiltuli tlieta u se nipprova nfittex it-tweġibiet flimkien magħkom.

Nibda minn Peter u Zuzka, mill-mistoqsija tagħkom dwar il-ħajja tal-koppja.  L-imħabba hija l-akbar ħolma tal-ħajja, imma mhix ħolma rħisa.  Hi sabiha imma mhux ħafifa, bħal kull ħaġa oħra sabiha fil-ħajja.  Hi il-ħolma, imma mhix ħaġa ħafifa biex tifhimha.  Se nisraq sentenza minn tagħkom: “Bdejna nħarsu lejn dar-rigal minn għajnejn ġodda għal kollox”.  Verament, kif għidtu, hemm bżonn għajnejn ġodda, għajnejn li ma jħallux l-apparenzi jingannawhom.  Ħbieb, m’għandniex nittrattaw l-imħabba b’mod superfiċjali, għax l-imħabba mhix biss emozzjoni u sentiment, fil-kas, dan ikun il-bidu.  L-imħabba ma tridx tikseb kollox u minnufih, ma tinbeniex fuq il-prinċipju ta’ uża u armi.  L-imħabba hi fedeltà, don, responsabbiltà.

Il-veru oriġinalità llum, il-vera rivoluzzjoni hi li nirbellaw kontra l-kultura tal-proviżorju, li mmorru ‘l hinn mill-istint, li nħobbu tul ħajjitna kollha u b’qalbna u b’ruħna kollha.  Aħna m’aħniex hawnhekk biex inkampaw imma biex ħajjitna nagħmluha intrapriża.  Intom ilkoll tiftakru l-stejjer kbar li qrajtu fir-rumanzi, li rajtu f’xi film li ma tinsewhx, smajtu xi rakkont li laqatkom.  Jekk taħsbu ftit fl-istejjer il-kbar, dejjem hemm żewġ ingredjenti: wieħed hu l-imħabba, l-ieħor hu l-avventura, l-eroiżmu.  Dawn dejjem jimxu id f’id.  Biex ħajjitna tkun sħiħa hemm bżonnhom it-tnejn: imħabba u eroiżmu.  Inħarsu lejn Ġesù, inħarsu lejn l-Imsallab, insibuhom hemm it-tnejn: imħabba bla qies u l-kuraġġ li jagħti ħajtu sal-aħħar, bla meżżi miżuri.  Hawn quddiemna l-Beata Anna, eroina tal-imħabba.  Qed tgħidilna biex nimmiraw għall-għoli.  Jekk jogħġobkom ħajjitna ma nagħmulhiex tixbah lill-puntati ta’ xi telenovella.

Għalhekk, meta toħolmu l-imħabba, temmnux f’xi effetti speċjali, iżda li kull wieħed u waħda minnkom intom speċjali, ilkoll kemm intom.  Kull wieħed u waħda huma don u ħajjitkom tistgħu tagħmluha don.  L-oħrajn, is-soċjetà, il-foqra, qed jistennewkom.  Oħolmu mħabba li tmur l’hinn mill-apparenza, lil hinn mill-irtokk, lil hinn mit-tendenzi tal-moda.  Bla biża’ oħolmu li tiffurmaw familja, li tnisslu u tedukaw ulied, li tqattgħu ħajjitkom taqsmu ħajjitkom ma’ persuna oħra, bla ma tistħu mid-dgħufija tagħkom, għax hemm hu jew hi li jilqgħuhom u jħobbuhom, li jħobbok/tħobbok kif int.  Din hi l-imħabba: li tħobb lill-parti l-oħra kif inhi, u dan hu s-sabih!  Il-ħolm li nibqgħu mmaħħu dwaru jurina liema ħajja nixtiequ.  Il-ħolm il-kbir mhux il-karrozza sportiva, il-libsa tal-moda jew il-btala trasgressiva.  Tagħtux widen lil min ikellimkom dwar il-ħolm u mbagħad ibegħelkom l-illużjoni.  Il-ħolm hu ħaġa, li toħlom, li tkun vittma tal-illużjoni hi ħaġ’oħra.  Dawk li jbiegħu l-illużjonijiet, meta jitkellmu dwar il-ħolm huma manipolaturi tal-hena.  Aħna ġejna maħluqin għal ferħ akbar: kull wieħed u waħda minna aħna uniċi u ninsabu fid-dinja biex inħossuna maħbubin fl-uniċità tagħna u biex inħobbu lill-oħrajn b’mod li ħadd ma jista’ jħobbhom minflokna.  Ma ngħixux bilqiegħda fuq bank biex inkunu sostituti ta’ xi ħaddieħor.  Le, kulħadd hu uniku f’għajnejn Alla.  Tippermettu lil ħadd “japprovakom”; aħna m’aħniex maħluqin ġo fabbrika industrijali, aħna liberi, u ninsabu fid-dinja biex ngħixu storja ta’ mħabba, imħabba t’Alla, biex inħaddnu l-kuraġġ ta’ għażliet qawwija, biex nirriskjaw l-avventura meraviljuża li nħobbu.  Nistaqsikom: temmnuh dan?  Nistaqsikom: toħolmuh dan?  (iwieġbu “iva”) Żgur? “Iva”. Bravi!

Nixtieq intikom parir ieħor.  Biex l-imħabba tagħti l-frott, tinsewx l-għeruq.  Liema huma l-għeruq tagħkom?  Il-ġenituri, imma aktar u aktar in-nanniet.  Attenti: in-nanniet.  Huma ħejjewlkom l-art.  Saqqu l-għeruq, żuru lin-nanniet, jagħmlilkom tajjeb: għamlulhom il-mistoqsijiet, qattgħu ħin tisimgħu ir-rakkonti tagħhom.  Illum hemm il-periklu li ngħixu mqaċċtin minn mal-għeruq, għax moħħna biex niġru, biex nagħmlu kollox bl-għaġla: dak li naraw fl-internet jista’ jaslilna d-dar f’ħakka t’għajn; biżżejjed tagħfas buttuna u fuq l-ikrin jidhru persuni, affarijiet.  U mbagħad jiġri li jsiru aktar familjari mill-uċuħ li ġġenerawna.  Peress li mimlijin messaġġi virtwali qed nirriskjaw li nitilfu l-għeruq veri tagħna.  Meta ninqatgħu mill-ħajja, niffantastikaw fil-vojt, ma jagħmlilniex tajjeb, hija tentazzjoni tal-malinn.  Alla jridna b’saqajna sodi fuq l-art, marbutin katina mal-ħajja, qatt magħluqin imma dejjem miftuħin għal kulħadd.  Imħawlin u miftuħin.  Fhimtu?  Imħawlin u miftuħin.

Iva, minnu, tgħiduli, imma d-dinja taħsibha mod ieħor.  Isir ħafna diskors dwar l-imħabba imma fir-realtà jiddomina prinċipju ieħor: kulħadd jaħseb għal rasu.  Għeżież żgħażagħ tħallux dan jikkundizzjonakom, dak li ma jaħdimx, il-ħażen li jħarbat.  Issirux ilsiera tal-gdiedem tal-iskoraġġiment rassenjat ta’ min jgħid li xejn qatt ma jinbidel.  Jekk nemmnu dan nimirdu bil-pessimiżmu.  U intom rajtu wiċċ ta’ żgħażugħ jew żgħażugħa pessimisti?  Indunajtu x’wiċċ ikollhom?  Wiċċ ta’ dwejjaq, wiċċ ta’ mrar.  Il-pessimiżmu jmarradna bl-imrar, ixejjaħna minn ġewwa.   U nixjieħu meta għadna żgħażagħ.  Illum jeżistu bosta qawwiet li jfixklu, tant nies li jwaħħlu kollox f’kulħadd, min jamplifika n-negattività, professjonisti tat-tgemgim.  Tisimgħuhomx!, le, għax it-tgemgim u l-pessimiżmu mhumiex insara, il-Mulej jobgħod għall-aħħar id-dwejjaq u l-vittimiżmu.  M’aħniex maħluqin biex ngħixu wiċċna lejn l-art, iżda biex nerfgħu ħarsitna lejn is-Sema, lejn l-oħrajn, lejn is-soċjetà.

U meta nħossuna ‘down’ – għax ilkoll fil-ħajja ngħaddu mumenti meta nkunu xi ftit mgħakksin, ilkoll għaddejna minn din l-esperjenza – u meta nkunu moral baxx x’nistgħu nagħmlu?  Hemm rimedju infallibbli biex nerġgħu nqumu.  Hu dak li rrakkuntajtilna int, Petra: il-Qrar.  Intom smajtuha lil Petra? (“Iva”).  Ir-rimedju huwa l-Qrar.  Staqsejtni:  “Kif tista’ persuna żgħażugħa taqbeż l-ostakli li ssib fit-triq lejn il-ħniena t’Alla?”  Hawnhekk ukoll il-kwistjoni hi l-ħarsa, li tħares lejn dak li jiswa.  Jekk jien nistaqsikom: “Dwar xiex taħsbu meta tmorru tqerru?” – tgħiduhiex b’leħen għoli -, jien kważi ċert mit-tweġiba: “Dwar id-dnubiet”.  Imma – issa qed nitlobkom tweġbuni – id-dnubiet huma l-qofol tal-Qrar?” (“Le”).. mhux nisma’ sew... (“Le!”)  Bravi!.  Alla jridek tersaq lejh taħseb dwarek, dwar dnubietek, jew dwaru?  Xi jrid Alla?  Li inti tersaq lejh jew lejn dnubietek?  Xi jrid?  Weġbuni (“Li naħsbu fih”!).  Għajtu aktar għax jien ftit trux... (“Fih!).  Liema hu l-qofol, id-dnubiet jew il-Missier li jaħfer id-dnubiet kollha?  Il-Missier.  Ma nistgħux immorru nqerru qiesna kastigati li jkollhom jumiljaw ruħhom, imma bħala ulied li jersqu ħfief biex jirċievu t-tgħannieqa tal-Missier.  U l-Missier jerfgħana minn kull sitwazzjoni, jaħfrilna dnubietna kollha.  Isimgħuha sewwa din: Alla jaħfer dejjem!  Fhimtu?  Alla jaħfer dejjem!

Intikom parir ċkejken: wara kull qrara, ibqgħu ftit ħin immeditaw dwar il-maħfra li tkunu rċevejtu.  Ħarsu dik il-paċi f’qalbkom, dak il-ħelsien li ġġarbu fikom.  Mhux id-dnubiet, li issa mhumiex aktar, imma l-maħfra, rigal li tak Alla, it-tmellisa ta’ Alla l-Missier.  Dan żommu fikom u tħallu lil ħadd jisraqulkom.  U meta terġgħu tmorru tqerru darb’oħra, ftakru: sejjer/sejra nirċievi mill-ġdid dik it-tħaddina li għamlitli tant ġid.  Mhux se mmur għand imħallef biex nirranġa l-kontijiet, se mmur għand Ġesù li jħobbni u jfejjaqni.  Dal-ħin inħoss li għandi nagħti parir lis-saċerdoti: irrid ngħid lis-saċerdoti li għandhom iħossuhom minflok Alla l-Missier li jaħfer dejjem, iħaddan u jilqa’.  Fil-qrar nagħtu dejjem l-ewwel post lil Alla.  Jekk Alla, jekk Hu huwa l-protagonista, kollox isir isbaħ u l-qrara ssir Is-Sagrament tal-hena.  Iva, tal-hena: mhux tal-biża’ u tal-ġudizzju, imma tal-ferħ.  U importanti li s-saċerdoti jkollhom ħniena.  Qatt kurjużi, qatt inkwiżituri, jekk jogħġobkom, imma għandhom ikunu aħwa li jagħtu l-maħfra tal-Missier, ikunu aħwa li jakkumpanjaw b’dit-tħaddina tal-Missier.

Imma xi ħadd jista’ jgħidli: “Jien xorta waħda nistħi, ma jirnexxilix negħleb il-mistħija biex immur inqerr”.  Mhix problema, hija ħaġa tajba!  Li kultant tistħi, fil-ħajja, jagħmillek tajjeb.  Jekk tistħi jfisser li m’intix taċċetta dak li għamilt.  Il-mistħija hi sinjal tajjeb, imma bħal kull sinjal jitlob li inti tmur aktar ‘l hinn.  Tibqax priġunier tal-mistħija għax Alla qatt ma jistħik.  Hu jħobbok hekk, meta int tistħi minnek innifsek.  U jħobbok dejjem.  Ngħidilkom ħaġa li mhix se tarawha fuq xi skrin kbir.  Fil-pajjiż mnejn ġej, dawk l-isfaċċati li kollox jagħmlu bil-ħażen, insejħulhom “bla mistħija”.

U dubju tal-aħħar: “Imma, Padre, jien ma jirexxilix naħfer lili nnnifsi, allura lanqas Alla ma jista’ jaħfirli, għax dejjem naqa’ fl-istess dnubiet”.  Imma, isma’, meta jieħu għalih Alla?  Meta tmur titolbu maħfra?  Le, qatt.  Alla jitnikket meta naħsbu li Hu ma jistax jaħfrilna, għax inkunu qiesna qed ngħidulu: “Imħabbtek hi dgħajfa!”  Ikolli ngħid dan hu ikraħ għal Alla!  Ngħidlu: “imħabbtek dgħajfa”.  Iżda Alla jifraħ meta jaħfrilna, kull darba li jaħfrilna.  Meta jerġa’ jerfgħana jemmen fina daqs kieku l-ewwel darba, qatt ma jaqta’ qalbu.  Aħna naqtgħu qalbna, Hu le.  Hu ma jħarisx lejn il-midneb biex iwaħħallu tikketta, imma jara biss ulied maħbuba.  Ma jarax persuni li żbajlaw imma ulied maħbuba; forsi miġrugħin, u allura bi ħtieġa ta’ aktar ħniena u tenerezza.  U kull darba li nqerru – tinsewha qatt – ikun hemm festa fis-Sema.

Fl-aħħar Peter u Lenka, f’ħajjitkom ġarrabtu s-salib.  Grazzi tax-xhieda tagħkom.  Staqsejtu kif tistgħu tagħmlu kuraġġ liż-żgħażagħ “biex ma jibżgħux iħaddnu s-salib”.  Tħaddan: verb sabiħ!  It-tħaddin jgħin biex jingħeleb il-biża’.  Meta jgħannquna nerġgħu nimtlew bil-kuraġġ fina nfusna u wkoll fil-ħajja.  Allura nħallu lil Ġesù jgħannaqna.  Għax meta ngħannqu lil Ġesù nkunu qed nitgħannqu mat-tama.  Ma nistgħux inħaddnu s-salib waħdu; in-niket ma jsalva lil ħadd.  Hija l-imħabba li tittrasforma n-niket.  Għalhekk is-salib inħaddnuh flimkien ma’ Ġesù, qatt waħedna!  Jekk ngħannqu lil Ġesù, jerġa’ jfeġġ fina l-ferħ.  U l-ferħ li jtina Ġesù fin-niket jinbidel f’paċi.  Għeżież żgħażagħ ġuvintur u tfajliet, nawguralkom dal-ferħ, li hu aqwa minn kull ħaġa oħra.  Nawguralkom li twassluh lil ħbiebkom.  Mhux prietki imma ferħ.  Wasslu l-ferħ!  Mhux kliem imma tbissim, qrubija fraterna.  Irroddilkom ħajr li smajtuni u nitlobkom l-aħħar ħaġa: tinsewx titolbu għalija.  Ďakujem! [Grazzi!].

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber