VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISU
F’ĊIPRU U L-GREĊJA
(2-6
TA’ DIĊEMBRU, 2021)

LAQGĦA MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Skola San Dionigi tas-Sorijiet Orsolini f’Maroussi, Ateni
It-Tnejn, 6 ta’ Diċembru 2021

 

Għeżież ħutikaliméra sas! [il-jum it-tajjeb!]

Irroddilkom ħajr li ġejtu hawn, għadd kbir minnkom minn postijiet il-bogħod: efcharistó! [grazzi!].  Jien kuntent li qed niltaqa’ magħkom fl-aqwa taż-żjara tiegħi fil-Greċja.  U nieħu l-okkażjoni biex intenni kemm jien grat għall-akkoljenza u għax-xogħol kollu li sar biex titħejja: efcharistó!

Laqtuni t-testimonjanzi sbieħ tagħkom.  Kont qrajthom u issa se nitkellem dwar xi punti li kien fihom.

Katerina kellimtna dwar id-dubji li dejjem jiġuk dwar il-fidi.  Nixtieq ngħid lilek u lilkom ilkoll: tibżgħux mid-dubji għax dawk mhumiex nuqqas ta’ fidi.  Tibżgħux mid-dubji.  Għall-kuntrarju, id-dubji huma “vitamina tal-fidi”: jgħinuna biex inqawwuha, biex nagħmluha aktar b’saħħitha, jiġifieri nsiru aktar konxji tagħha, ikabbruha, jagħmluha aktar ħielsa, aktar matura.  Jiddisponuha biex tibqa’ miexja għal għonq it-triq, biex timxi ‘l quddiem bl-umiltà, jum wara ieħor.  Il-fidi hi propju dan: mixja ta’ kuljum ma’ Ġesù li jżommna minn idejna, jakkumpanjana, jinkuraġġina, u meta naqgħu jerġa’ jerfagħna.  Ma jibża’ qatt.  Tixbaħ storja ta’ mħabba, li fiha dejjem nimxu flimkien jum wara ieħor.  U bħal f’kull storja ta’ mħabba jaslu l-mumenti li fihom ikollna nagħmlu l-mistoqsijiet, nistaqsu xi ħaġa lilna nfusna.  Dan jagħmel tajjeb, jgħolli l-livell tar-relazzjoni!  U dan hu importanti ħafna għalikom, għax intom ma tistgħux itterrqu t-triq tal-fidi fl-għama, le, imma fi djalogu ma’ Alla, mal-kuxjenza u mal-oħrajn.

Mill-esperjenza ta’ Katerina nixtieq nislet punt importanti.  Kultant meta nħabbtu wiċċna ma’ sitwazzjonijiet li ma nifhmuhomx jew mad-diffikultajiet tal-ħajja, fil-mumneti tas-solitudni jew tad-delużjoni, jista’ jħabbat fuq qalbna dan id-dubju: “Forsi jien mhux miexi sew.. forsi qed niżbalja, żbaljajt?”  Ħbieb, din hi tentazzjoni li għandna nirrifjutawha!  Ix-xitan iqiegħed fi qlubna dan id-dubju biex inikkitna.  X’nagħmlu?  X’nistgħu nagħmlu meta dubju bħal dan jibda joħnoqna, ma jħalliniex fil-paċi, meta nitilfu l-fiduċja u ma nkunux nafu minn fejn se nibdew?  Ikollna bżonn nerġgħu lura lejn il-punt tat-tluq.  Liema hu?  Biex nifhmuh ejjew nisimgħu x’tgħid il-kultura klassika kbira tagħkom.  Tafu liema kien il-punt tat-tluq tal-filosofija, imma wkoll tal-arti, tal-kultura, tax-xjenza?  Tafu liema?  Kollox beda minn xrara, minn skoperta li tnisslet minn kelma straordinarja: thaumàzein Hu l-istagħġib, hekk bdiet il-filosofija: mill-istagħġib quddiem l-affarijiet kif inhuma, quddiem l-istess eżistenza tagħna, l-armonija tal-ħolqien, il-misteru tal-ħajja. 

Iżda l-istagħġib mhuwiex biss il-bidu tal-filosofija, huwa wkoll il-bidu tal-fidi tagħna.  L-Evanġelju bosta drabi jgħidilna li meta xi ħadd jiltaqa’ ma’ Ġesù, jistgħaġeb, iħoss l-istagħġib.  Fl-laqgħa ma’ Alla dejjem hemm l-istagħġib: hu l-bidu tad-djalogu ma’ Alla.  U dan hu hekk għaliex il-fatt li għandna l-fidi li qabel kollox, mhix xi ġabra ta’ dak li għandna nemmnu u preċetti li rridu nħarsu.  Il-qalba tal-fidi mhix idea, mhix xi morali, il-qalba tal-fidi hi realtà, realtà mill-isbaħ li ma tiddependix minna imma tħallina b’ħalqna miftuħ: aħna wlied maħbubin ta’ Alla!  Dan hu l-qofol tal-fidi: aħna wlied maħbubin ta’ Alla!  Ulied maħbubin: għandna Missier li jishar fuqna bla ma qatt jieqaf iħobbna.  Nirriflettu: kull ħaġa li taħseb jew tagħmel, anki jekk tkun l-agħar ħaġa, Alla jkompli jħobbok xorta waħda.  Nixtieq li din tifhmuha sewwa: Alla qatt ma jgħeja jħobb.  Xi ħadd jista’ jgħidli: “Imma jekk jien naqa fl-aktar ħwejjeġ koroħ, Alla jħobbni?”  Alla jħobbok.  “U jekk jien traditur, midneb mill-agħar, u nispiċċa ħażin, bid-droga... Alla jħobbni?”  Alla jħobbok.  Alla jħobb dejjem.  Ma jistax jieqaf iħobb.  Iħobb dejjem, jiġri x’jiġri.  Alla jħares lejn ħajtek u jaraha tajba ħafna (cfr Ġen 1, 31).  Qatt ma jisgħob bih minna.  Jekk immorru quddiem il-mera ma narawx lilna nfusna kif nixtiequ, għax aktarx nibqgħu nħarsu lejn dak li ma jogħġobniex.  Imma jekk immorru quddiem Alla, il-perspettiva tinbidel.  Ma nistgħux ħlief nistagħġbu li aħna tiegħu, minkejja d-dgħufijiet u d-dnubiet tagħna, ulied maħbubin minn dejjem u għal dejjem.  Allura, minflok tibda l-ġurnata quddiem il-mera, għax ma tiftaħx it-tieqa ta’ kamartek u toqogħod tosserva kollox, is-sbuħija kollha tal-ħolqien.  F’għajnejn Alla kull wieħed u waħda minnkom hu sabih/sabiha bla qies!  L-Iskrittura tgħidilna li Hu, għamel l-għeġubijiet, l-għeġubijiet kbar” (cfr Salm 139, 14).  Għal Alla aħna meravilja stupenda.  Ħalli dan l-istagħġib jitwaħħad miegħek.  Ħalli lil dak li dejjem jemmen fik iħobbok, dak li jħobbok aktar milli inti stess tista’ tħobb lilek innifsek.  Mhux ħafifa tifhem din l-abbundanza, dil-profondità tal-imħabba, mhux faċli tifhimha, imma hekk hu: biżżejjed inħallu lil Alla jħares lejna.

U meta tkunu diżappuntati minħabba dak li tkunu għamiltu, hemm stagħġib li m’għandkomx tħalluh jaħarbilkom: l-istagħġib tal-maħfra.  Fuq dan irrid inkun ċar: Alla jaħfer dejjem.  Inkunu aħna li ngħejjew nitolbu maħfra, imma Hu jaħfer dejjem.  Hemm, fil-maħfra, insibu mill-ġdid il-wiċċ tal-Missier u l-paċi tal-qalb.  Hu jġeddidna għal kollox, ixerred fuqna l-imħabba tiegħu f’tgħannieqa li terfagħna, tħoll il-ħażen li nkunu għamilna u troddilna lura s-sbuħija bla tarf li għandna fina, il-fatt li aħna l-ulied favoriti tiegħu.  Ma nħallux l-għażż, il-biża’, il-mistħija jisirqulna t-teżor tal-maħfra.  Nibqgħu nistagħġbu bl-imħabba t’Alla lejna.  Nerġgħu nsibu lilna nfusna; mhux dak li jgħidu dwarna jew dak li jqanqal fina l-impuls tal-mument; mhux dak li s-slogans tar-riklami jitfgħu lejna, imma l-verità l-aktar profonda tagħna, dik li tara lil Alla, dik li temmen fih: is-sbuħija irripetibbli li aħna aħna.

Tiftakru l-kliem famuż li hemm imnaqqax fuq il-frontispizju tat-tempju ta’ Delfi?  γνῶθι σeαυτόν, “kun af lilek innifsek”.  Illum hemm ir-riskju li ninsew min aħna għax ossessjonati mill-elf apparenza, minn messaġġi jtanbru li l-ħajja jagħmluha tiddependi minn kif nilbsu, mill-karrozza li nsuqu, minn kif jarawna l-oħrajn...  Imma dik l-istedina antika, kun af lilek innifsek, tgħodd illum ukoll: agħraf li inti tiswa b’dak li int, mhux b’dak li għandek.  Ma tiswiex skont il-marka tal-libsa jew minħabba ż-żarbun li tilbes, imma għax inti uniku, inti unika.  Niftakar fi xbieha oħra antika, dik tas-sireni.  Bħal Ulisse, hu u rieġa lura lejn id-dar, hekk ukoll intom fil-ħajja, li hi vjaġġ avventuruż lejn id-Dar tal-Missier, se ssibu s-sireni.  Fil-mitoloġoja kienu jattiraw lill-baħħara bil-kant tagħhom u dawn kienu jispiċċaw imfarrkin mal-blat.  Fir-realtà s-sireni tal-lum iridu jsaħħrukom b’messaġġi seduċenti u insistenti, li jimmiraw għall-qliegħ faċli, bil-ħtiġijiet foloz tal-konsumiżmu, bil-kult tas-saħħa fiżika, tad-divertiment bla limitu....  Dan kollu logħob tan-nar, li jleqq għal waqt wieħed u mbagħad iħalli biss duħħan fl-arja.  Jien nifhimkom, mhux faċli tirreżisti.  Tiftakru kif irnexxilu Ulisse, meta s-sireni ħejjewlu n-nasba?  Intrabat mal-arblu l-kbir tal-vapur.  Imma persunaġġ ieħor, Orfeus, jgħallimna triq aħjar: beda jkanta melodija isbaħ minn dik tas-sireni u b’hekk għalqilhom ħalqhom.  Din hi r-raġuni għaliex huwa importanti li nżommu l-istagħġib ħaj, is-sbuħija tal-fidi.  Aħna m’aħniex insara bi dmir, imma għaliex hu sabiħ (li tkun nisrani).  U propju biex nindukraw dis-sbuħija ngħidu le għal dak li jrid idallamha.  Iċ-ċaħdiet u l-għejja jittaffew bil-ferħ tal-Evanġelju, bl-istagħġib minħabba Ġesù.  Allura, ftehemna?  Ftakruh tajjeb dan: li tkun nisrani, fundamentalment mhux li tagħmel dan jew dak.. li tagħmel xi ħaġa.  L-affarijiet iridu jsiru, iżda fundamentalment mhux dan kollox.  Fundamentalment, li tkun nisrani jfisser li tħalli lil Alla jħobbok, u tagħraf li inti uniku, li inti unika quddiem l-imħabba ta’ Alla.

Ħalli ngħaddu għal kapitlu ieħor.  Il-wiċċ tal-oħrajn.  Ioanna, ħadt gost li biex tkellimna dwar ħajtek tkellimt dwar l-oħrajn.  Qabel kollox dwar iż-żewġ nisa l-aktar importanti f’ħajtek, ommok u nanntek li għallmuk “titlob, tiżżi ħajr ‘l Alla kuljum”.  B’hekk inti assimilajt il-fidi b’mod naturali, ġenwin.  U tajtna suġġeriment li jagħmlilna tajjeb: induru lejn il-Mulej għal kull ħaġa hi x’inhi, “inkellmuh, nistqarrulu l-preokkupazzjonijiet tagħna”.  B’hekk Ġesù sar familjari għalik.  Kemm ikun kuntent meta ninfetħu għalih!  B’hekk insiru nafuh lil Alla.  Għax biex insiru nafuh sewwa mhux biżżejjed li jkollna ideat ċari dwaru – din hi biċċa żgħira, imma mhix biżżejjed – hemm bżonn immorru għandu b’ħajjitna.  Forsi din hi r-raġuni għaliex ħafna jinjorawh: għax jisimgħu biss prietki u diskorsi.  Imma lil Ġesù nwassluh permezz tal-uċuħ u permezz ta’ persuni konkreti.  Ippruvaw aqbdu f’idejkom l-Atti tal-Appostli u taraw kemmhemm  persuni, uċuħ, laqgħat: missirijietna fil-fidi b’hekk iltaqgħu ma’ Ġesù.  Alla ma jtiniex il-katekiżmu f’idejna imma jiġi għandna permezz tal-istejjer tal-persuni.  Jgħaddi permezz tagħna.  Alla ma jtiniex ktieb f’idejna biex nitgħallmu xi affarijiet bl-amment, le.  Alla jfiehem lilu nnifsu bil-qrubija, billi jakkumpanjana tul it-triq tal-ħajja.  Li nkunu nafu lil Ġesù hu propju l-qofol kollu tal-fidi tagħna.

Propju a propożitu ta’ dan, Ioanna, irrakkuntajtilna dwar it-tielet persuna li kienet deċisiva għalik, soru li wrietek il-ferħ “li tħares lejn il-ħajja bħala servizz”.  Irrid nisħaq fuq dan: tħares lejn il-ħajja bħala servizz.  Hu minnu li s-servizz lejn l-oħrajn hu t-triq biex niksbu l-ferħ!  Meta niddedikaw ruħna għal xi ħadd ieħor ma nkunux telliefa, inkunu rebbieħa; hi t-triq li biha nkunu nagħmlu xi ħaġa verament ġdida fl-istorja.  Sirt naf li bil-Grieg “liż-żgħażugħ” tgħidu li hu “ġdid” u li l-kelma “ġdid” tfisser “żgħażugħ”.  Is-servizz hu n-novità ta’ Ġesù; is-servizz, li tiddedika lilek innifsek lill-oħrajn hija n-novità li lil-ħajja tagħmilha dejjem żgħażugħa.  Trid tagħmel xi ħaġa ġdida fil-ħajja?  Trid issir aktar żgħażugħ?  Tikkuntentax billi titfa’ xi post jew xi tweet fuq l-internet.  Tikkuntentax bir-relazzjonijiet virtwali, fittex dawk reali, speċjalment ma’ min għandu bżonnok: tfittixx li tidher, imma fittex lil min ma jidhirx.  Dan hu oriġinali, rivoluzzjonarju.  Toħroġ minnek innifsek biex tiltaqa’ mal-ieħor.  Imma jekk fil-ħajja inti priġunier tiegħek innifsek, qatt m’int se tiltaqa’ mal-ieħor, qatt m’int se tkun taf xi jfisser li sservi.  Is-servizz hu l-isbaħ ġest, akbar mill-persuna nfisha: isservi lill-oħrajn.  Illum ħafna huma social imma ftit li xejn soċjali:  magħluqin fihom infushom, ilsiera tal-mowbajls li dejjem fidejhom.  Imma fuq l-iskrin hemm l-ieħor nieqes, għajnejh mhumiex hemm, lanqas in-nifs tiegħu, idejh.  L-iskrin faċli jsir mera, fejn tibda temmen li tinsab quddiem id-dinja, imma fil-verità inti tkun waħdek, f’dinja virtwali mimlija apparenzi, ritratti  rtukkati biex jidhru dejjem sbieħ u “in form”.  Kemm hu sabiħ, iżda, li tkun mal-oħrajn, tiskopri n-novitajiet tal-ieħor!  Titkellem wiċċ imbwiċċ mal-ieħor, tikkultiva l-mistika tal-grupp, il-ferħ li taqsam, il-ħeġġa li sservi!

Dwar dan, fil-laqgħa maż-żgħażagħ fis-Slovakkja f’Settembru li għadda, xi żgħażagħ kellhom banner interessanti.  Kellu fih żewġ kelmiet biss: “Ilkoll aħwa”.  Għoġobni: spiss fil-grawnds, waqt xi manifestazzjoni, fit-toroq. naraw banners bħala sapport għal dak li jogħġobna, għall-ideat tagħna, għat-tim tagħna, għad-drittijiet tagħna.  Imma l-banner ta’ dawk iż-żgħażagħ kien qed jgħid xi ħaġa ġdida: kemm hu sabiħ li nħossuna lkoll aħwa bejnietna, inħossu li l-oħrajn huma parti minna, mhux nies li rridu nżommuhom bogħod minna.  Qed nieħu gost narakom ilkoll flimken, magħqudin minkejja li ġejjin minn pajjiżi u stejjer tant differenti!  Oħolmu l-fraternità!.

Fil-Grieg hemm qawl imdawwal: o fílos ine állos eaftós, “il-ħabib huwa jiena ieħor”.  Iva, l-ieħor hu t-triq li biha nsib lili nnifsi.  Mhux il-mera, l-ieħor.  Ċertament huwa diffiċli li bniedem joħroġ mill-comfort zone tiegħu, aktar ħafifa toqgħod bilqiegħda fuq is-sufan tara t-televixin.  Imma hi xi ħaġa li għaddha żmienha, mhix ħaġa għaż-żgħażagħ.  Imma ara: żgħażugħ mitluq fuq is-sufan, ħaġa tal-imgħoddi!  Li tirreaġixxi hi xi ħaġa żgħażugħa” meta nħossuna waħedna, ninfetħu; meta jkollna t-tentazzjoni li ningħalqu, infittxu lill-oħrajn, nitħarrġu “f’dil-ġinnastika tar-ruħ”.  Hawnhekk twieldu l-akbar avvenimenti sportivi, l-Olimpjadi, il-maratona... Minbarra l-agoniżmu li hu ta’ ġid għall-ġisem hemm ukoll dak li jagħmel tajjeb lill-ispirtu: nitħarrġu biex inkunu miftuħin, nimxu distanzi twal bogħod minna nfusna biex inqassru t-toroq lejn l-oħrajn; qlubna nitfgħuhom lil hinn mill-ostakli; nerfgħu it-toqol ta’ xulxin....  tħarrġu f’dan u tkunu kuntenti, tibqgħu żgħażagħ u ġġarrbu l-avventura tal-ħajja!

A propożitu tal-avventura, Aboud, laqtitni t-testimonjanza tiegħek: il-ħarba, flimkien  ma’ familtek mis-Sirja mbiċċra, wara li bosta drabi kont f’riskju li toqtlok il-gwerra.  Imbagħad, wara ħafna “le” u elf diffikultà, wasaltu f’dal-pajjiż bl-uniku mod possibbli, bid-dagħjsa, u bqajtu “fuq blata mingħajr ilma u mingħajr ikel, tistennew sbiħ il-jum u xi vapur tal-gwardja tal-kosta”.  Odissea vera u propja ta’ żmienna.  U għaddieli minn moħħi li fl-Odissea ta’ Omeru, l-ewwel eroj li jitfaċċa mhux Ulisse, imma żgħażugħ, Telemaku, ibnu, li jkun għaddej minn avventura kbira.

Lil missieru ma kienx jafu, u huwa inkwetat, sfiduċjat għax mank jaf jeżistix.  Iħossu mingħajr għeruq u jinsab f’salib it-toroq: jibqa’ hemm, jistenna, inkella jagħmel ġennata u jintefa’ jfittxu.  Hemm ħafna ilħna, fosthom hemm dik tad-divinità, li tħeġġu biex jagħmel kuraġġ u jitlaq.  U hu hekk jagħmel: iqum, iħejji l-vapur bil-moħbi u malajr malajr kif bdiet tiela’ x-xemx, jibda l-avventura.  Is-sens tal-ħajja mhux dak li tibqa’ fuq ix-xatt tistenna r-riħ iġiblek xi novità.  Is-salvazzjoni tinsab fil-baħar miftuħ, fil-ħeġġa, fit-tfittxija, filli tiġri wara l-ħolm, dak veru, dak li toħlom b’għajnejk miftuħa, li jfisser tbatija, taqbid, irjieħ kontra, tempesti mhux mistennija.  Jekk jogħġobkom, tħallux il-biża’ tipparalizzakom, oħolmu, oħolmu kbir!  U oħolmu flimkien!  Bħalma ġralu Telemaku, se jkun hemm min jipprova jwaqqafkom.  Dejjem se ssibu min jgħidilkom: “Insew kollox, tirriskjawx, kollu għalxejn.”  Dawn huma dawk li l-ħolm iġibuh fix-xejn, l-assassini mikrijin li jeqirdu t-tama, il-nostalġiċi tal-imgħoddi li ma jfiequ qatt.

Imma intom, minflok, saħħu l-kuraġġ tat-tama, dik li kellek int, Aboud.  Kif isir dan?  Permezz tal-għażliet tagħkom.  L-għażla hi sfida.  U ħabbtu wiċċkom mal-biża’ ta’ dak li mhux magħruf, u oħorġu mill-art mistagħdra tal-omologazzjoni, ifisser li tieħu ħajtek f’idejk.  Biex tagħmlu l-għażliet it-tajba, tistgħu tiftakru ħaġa: id-deċiżjonijiet it-tajbin dejjem jolqtu lill-oħrajn u qatt lilkom infuskom.  Dawn huma l-għażliet li ta’ min jirriskja jeħodhom, il-ħolm li għandu jitwettaq: dak li jitlob minnkom kuraġġ u jinvolvu wkoll lill-oħrajn.

U jien u ninfired minn magħkom dan nawguralkom: il-kuraġġ li tibqgħu mexjin ‘il quddiem, il-kuraġġ li tirriskjaw, il-kuraġġ li ma tibqgħux imwaħħlin mal-pultruna.  Il-kuraġġ li tirriskjaw, li tersqu lejn l-oħrajn, qatt iżolati, dejjem flimkien mal-oħrajn.  U b’dal-kuraġġ, kull wieħed u waħda minnkom issibu lilkom infuskom u ssibu s-sens tal-ħajja.  Dan nawguralkom, bl-għajnuna t’Alla, li jħobbkom ilkoll.  Alla jħobbkom, agħmlu l-kuraġġ, ibqgħu mexjin ‘il quddiem!  Brostà, óli masí! [Ejjew nimxu ‘l quddiem, ilkoll flimkien!]

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber