Laikos

 

It-Terroriżmu taz-zekzik

Kwotazzjonijiet mill-Papa Franġisku

 

Il-Papa Franġisku  darba qal li z-zekzik huwa agħar mill- COVID-19. Qal li z-zekzik huwa periklu li jifred il-komunitajiet. Jgħid li x-xitan huwa l-“akbar zekziek” li qed ifittex li joħloq firda bil-gideb tiegħu. Il-Papa tkellem ħafna drabi dwar il-perikli taz-zekzik anke fuq il-midja soċjali, fejn in-nies jogħxew fiz-zekzik. Huwa juża kliem qawwi ħafna, fosthom “it-terroriżmu taz-zekzik.”  F’dawn il-kwotazzjonijiet mill-Papa Franġisku, nisimgħu l-kelma diretta tiegħu dwar dan is-suġġett: iz-zekzik.

 

Li tgħid kontra xi ħadd huwa l-istess għal li tbiegħu, bħal ma għamel Ġuda, li biegħ lil Ġesù għal tletin biċca flus.

Omelija, Dar Santa Marta 27 Marzu 2013

 

L-ilsien, iz-zekzik huma armi li kuljum idgħajfu l-komunità umana, jiżirgħu l-għira, l-għira u x-xewqa tal-poter. Magħhom tista’ tasal biex toqtol persuna. Għalhekk, li titkellem dwar il-paċi jfisser ukoll li taħseb dwar kemm jista’ jsir ħsara bl-ilsien.

Omelija Dar Santa Marta, 2 Settembru 2013

 

Nies li jitkellmu ħażin fuq ħaddieħor idejquk. Iz-zekzik huwa kristjan jew le? Dażgur li le! Iz-zekzik huwa talb? Iz-zekżik huwa bħat-talb jew le? Dażgur li le! Iz-zekzik huwa xi ħaġa ħażina. Qatt m’għandna nagħmluh. U rridu nibdew minn issa: ma nitkellmux fuq l-oħrajn, qatt ma nitkellmu ħażin fuq ħaddieħor. Imxu b'dan il-mod! Għalhekk nawguralkom vjaġġ mbierek, dejjem magħqudin ma’ Ġesù.

Liż-Żagħżagħ Azzjoni Kattolika, 20 Diċembru 2013

 

Jien dan biss ngħidilkom: tridu parroċċa perfetta? Ħallukom miz-zekzik. Xejn zekzik. Jekk għandek xi ħaġa kontra ħaddieħor, mur għidha f’wiċċu, jew għid lill-kappillan; imma mhux bejnietkom. Dan hu sinjal li l-Ispirtu s-Santu qiegħed jaħdem fil-parroċċa. Aħna kollha għandna d-dnubiet: min għandu dnub u min għandu ieħor. Ilkoll kemm aħna midinbin. Imma bħas-susa fl-injam, dak li jeqred komunità huwa z-zekzik minn wara dahar xulxin.  Fil-Vanġelu, l-Appostli, ix-xhieda ta’ Ġesù kienu kollha midimbin, saħansitra ittradew lill-Mulej, imma qatt ma qalu kontra xulxin!

Parroċċa Santa Marija a Setteville, Ruma, 15  Jannar 2017

 

It-tentazzjoni taz-zekzik u tal-għira. U din hi kerha! Il-periklu hu serju meta persuna konsagrata, flok jgħin liċ-ċkejknin jikbru u jifirħu għas-suċċessi ta’ ħuthom, iħalli l-għira taħkmu u jsir wieħed li jidrob lill-oħrajn biz-zekzik tiegħu. Meta, minflok jagħmel sforz biex jikber, jibda jeqred lil dawk li qed jikbru; minflok jimxi fuq l-eżempji tajba, jiġġudikahom u jipprova jġib fix-xejn il-valur tagħhom. L-għira hi kankru li jirvina kull ġisem fi ftit ħin: “Jekk saltna tinqasam fiha nfisha, dik is-saltna ma tistax iżżomm wieqfa. U jekk familja tinqasam fiha nfisha, dik il-familja ma tistax iżżomm wieqfa” (Mk 3:24-24). Fil-fatt – tinsewhiex din! –, “bl-għira tax-xitan daħlet il-mewt fid-dinja” (Għerf 2:24). U z-zekzik hu l-mezz u l-arma.

Lill-kleru u reliġjużi, il-Kajr l-Eġittu, 29 April 2017

 

Huma ħafna l-għedewwa tal-armonija, ħafna. Nixtieq insemmi wieħed minnhom, li huwa biżżejjed bħala eżempju. Forsi xi ħadd jista’ jikkritikani għax noqgħod nirrepeti,  imma għalija dan huwa fundamentali. L-għadu tal-armonija f’komunità reliġjuża, fi presbiterju, f’episkopat, f'seminarju huwa l-ispirtu taz-zekzik . Dan ma vvintajtux jien: elfejn sena ilu, dan qalu ċertu Ġakbu f'ittra li kiteb lill-Knisja. L-ilsien, aħwa, l-ilsien! Dak li jeqred komunità huwa l-kliem barra minn loku fuq l-oħrajn. Inkabbru d-difetti tal-oħrajn. Imma dan ma jingħadx lill-persuna konċernata, imma jingħad lil ħaddieħor, u b'hekk jinħoloq ambjent ta’ sfiduċja, ambjent ta’ suspett, ambjent fejn m’hemmx paċi iżd’hemm firda. Hemm ħaġa waħda li nħobb insemmi bħala xbieha  tal-ispirtu taz-zekzik: huwa t-terroriżmu. Iva, terroriżmu. Għax min jitkellem ħażin dwar l-ieħor ma jagħmilx dan pubblikament. It-terrorista ma jgħidx quddiem kulħadd: “Jiena terrorista”. U min jitkellem ħażin dwar ħadd ieħor, jagħmlu bil-moħbi: jitkellem ma’ xi ħadd, iwaddab il-bomba u jitlaq. U dik il-bomba teqred. U huwa jitlaq, trankwill, biex iwaddab bomba oħra. Għażiża oħti, għażiż ħija, meta tkun trid titkellem mhux kif imiss dwar xi ħadd, igdem ilsienek! L-iktar li jista’ jiġrilek huwa li jintefaħlek, imma għallinqas ma tkunx weġġajt lil ħaddieħor!

Lill-kleru u reliġjużi, Żjara fil-Myanmar u Bagladexx, 2 Diċembru 2017

 

Mill-mument li fih indunajt x’kien se jiġri fil-Konklavi — b’sorpriża kbira għalija — ħassejt fija ħafna paċi. U sal-lum dik il-paċi ma ħallitnix. Hija rigal mill-Mulej, li għalih jien grat. U tassew nittama li ma jeħodulix! Hija paċi li nħoss bħala rigal pur, rigal pur. Waħda mill--affarijiet li ma jneħħulix il-paċi, imma li tweġġagħni huwa z-zekzik. Iz-zekzik ma jogħġobni xejn. Idejjaqni. Ħafna drabi dan issibu fi ċrieki magħluqa. Imma meta dan jiġri f’kuntest ta’ saċerdoti jew reliġjużi, ikolli nistaqsi: imma kif jista’ jkun? Int li ħallejt kollox, li ddeċidejt li ma jkollokx mara, ma żżewwiġtx, ma kellekx tfal... u trid tispiċċa bil-baċċellerat fiz-zekzik?

Djalogu mal-Ġiżwiti, Ċili, 16 Jannar 2018

 

Ix-xitan giddieb, u jħobb iz-zekzik, iħobb imur min-naħa għall-oħra, ifittex li jifred, irid li fil-komunità wieħed jitkellem ħażin dwar l-ieħor. Dan għidtu ħafna drabi, u għalhekk nerġa’ rrepetih hawn: taf x’inhi soru li tħobb izzekzek? Hija terrorista. Agħar minn dawk ta’ Ayacucho snin ilu, agħar, għax iz-zekzik qisu bħal bomba: din tmur u tibda “psst… psst… psst…”, f’widnejn l-oħrajn, bħax-xitan, titfa’ l-bomba, tkisser u hi tmur fil-paċi. Ma rridx sorijiet "terroristi", daqshekk zekzik. Tafu li l-aħjar rimedju hu li tigdem ilsienek. L-infermiera se jkollha x’tagħmel ġmielu, għax se jkollha tara ħafna ilsna minfuħin u ħomor nar, imma ghallinqas ma jkunun intefgħu bombi. Mela, jalla ma jkunx hemm zekzik fil-kunvent, għax din il-ħaġa hija ispirata mix-xitan. Huwa min-natura tiegħu li jzekzek għax huwa giddieb. U ftakar fit-terroristi ta’ Ayacucho meta jkollok it-tentazzjoni li zzekzek!

Lis-Sorijiet, Zjara fil-Peru, 21 Jannar 2018

 

Iz-zekzik qisu bħall-ħożba, li tinfirex dejjem aktar, u wieħed iħossu li ma jistax jgħix mingħajr ma jikkritika lill-ieħor. Oqgħod attent miz-zekzik! Aqra dak li jgħid l-Appostlu Ġakbu dwar l-ilsien. Kemm-il darba tisma’ ʼl min jgħid:  “Dik il-mara hija mara tajba, tmur il-quddies kull nhar ta’ Ħadd, tmur il-quddies kuljum, imma mbagħad tgħid fuq in-nies”. X’reklam sabiħ tagħmel lill-Knisja persuna bħal din! Hemm rimedju biex ma tgħidx fuq in-nies: igdem ilsienek!  Forsi jintefaħlek, imma inti tfiq!  U meta tiġik it-tentazzjoni li tagħmel xi kumment biex tikkritika lil xi ħadd, anki biex tagħmel insinwazzjoni, gidma gidma lsienek u itlob lil Ġesù biex jeħilsek minn dan il-vizzju. Aħna nies li ngħidu fuq l-oħrajn, imma mhux aħna biss, kullimkien. Imma aħna nibbrillaw!

Messaġġ lill-Kard. Poli, Isqof ta’ Buenos Aires, 27 Ottubru 2018

 

Nistaqsu lilna nfusna xi mistoqsijiet biex jgħinuna nagħrfu t-​tliet “sinjali” li jistgħu juruna l-ħila tagħna li nħobbu lil ħutna: L-ewwel: nitlob għal ħuti, fosthom anke l-​għedewwa tiegħi?. It-tieni: Inħossni ngħir għalihom u nixteqilhom il-ħsara?. U fl-aħħarnett, inzekzek fuqhom? Iz-zekzik jista’ jinżillek għasel, ittiegħmu ħelu qisu “qtar tal-għasel”, li jista’ jidher bħala ħaġa tajba iżda minflok jikkawża qerda. Iz-zekzik huwa l-aktar sinjal mundan li jiena ma nħobbx lill-proxxmu tiegħi, u għalhekk li ma nħobbx lil Alla.

Omelija, Dar Santa Marta, 19 Jannar 2019

 

Fil-ħajja tan-nies donnu iżjed faċli nagħtu titli u tikketti li jiffriżaw u jistigmatizzaw mhux biss il-passat imma anki l-preżent u l-futur tal-persuni. Inwaħħlu t-tikketti fuq il-persuni: dan hekk, dak għamel hekk u issa dik hi u jkollu jġorr dan it-toqol għall-bqija ta’ ħajtu kollha. Hekk jagħmel min igemgem, ipaċpaċ fuq l-oħrajn, hekk ikunu dawn in-nies. Tikketti li, fl-aħħar mill-aħħar, mhux ħlief jifirdu: it-tajbin hawn, il-ħżiena hemm; il-ġusti hawn, il-midinbin hemm. U dan Ġesù ma jaċċettahx. … Lil min iħobb ipaċpaċ fuq l-oħrajn dritt ifittex tikketta biex biha jwarrab il-persuna għall-ġenb.

Jum Dinji taż-żgħażagħ, Panama, 25 Jannar 2019

 

Hemm l-imħabba passiva. Jiġifieri li tħobbu lil xulxin u ma tikkritikawx lil xulxin. Iz-zekzik huwa marda serja ħafna, u meta jkun hemm iz-zekzik f’parroċċa, il-parroċċa ma tmurx tajjeb. Huwa vizzju li jidħol, jidħol b’mod sottili: tisma’ xi ħaġa dwar xi ħadd u tmur ixxerridha ... Le, jekk jogħġobk, dan m’għandux ikun.

Parroċċa San Ġulju Papa, Ruma, 7 April 2019

 

L-ewwelnett Ġesù jistaqsi lill-Appostli: "In-nies, min jgħidu li hu Bin il-bniedem?"  L-appostli kienu jħobbu jitkellmu dwar in-nies, bħalma nagħmlu aħna wkoll. Inħobbu z-zekzik. Li nitkellmu dwar ħaddieħor mhux daqshekk impenjattiv, għax jogħġobna; għandna ħabta “inqaxxru” lill-oħrajn. F'dan il-każ, il-perspettiva tal-fidi hija meħtieġa u mhux iz-zekzik, jiġifieri l-mistoqsija: "Min jgħidu n-nies li jien?". U d-dixxipli donnhom jikkompetu bejniethom biex jirrappurtaw l-opinjonijiet differenti, li forsi fil-biċċa l-kbira tagħhom kienu jaqblu magħhom.

Angelus, 23 Awwissu 2020

 

Kunu qrib ta’ xulxin.  U nissuġġerilkom riżoluzzjoni li tagħmlu f’dan il-jum: qatt tgerger kontra ħuk saċerdot. Jekk għandek xi ħaġa kontra ħaddieħor, kun raġel, mur u għidha f’wiċċu. "Imma din hija ħaġa ħażina ħafna... ma nafx kif se jeħodha...". Mur għand l-Isqof, li jgħinek. Imma qatt, qatt ixxerred xnigħat u qlajjiet. Toqgħodx tpaċpaċ fuq l-oħrajn. Taqax fiz-zekzik.

Omelija, Ordinazzjoni Presbiterali 25 April 2021

 

Il-qalb tajba tfisser li dejjem nagħżlu t-tjubija fil-mod kif nirrelataw ma’ xulxin. Minbarra l-vjolenza tal-armi, hemm ukoll il-vjolenza verbali, il-vjolenza psikoloġika, il-vjolenza tal-abbuż tal-poter u l-vjolenza moħbija taz-zekzik, li kollha huma tant ta’ ħsara u distruttivi. Fil-preżenza tal-Prinċep tal-Paċi li ġej fid-dinja, ejjew inwarrbu l-armi kollha ta’ kull xorta. Jalla ħadd minna ma japprofitta mill-pożizzjoni u r-rwol tiegħu jew tagħha sabiex ibaxxi lil ħaddieħor.

Awguri tal-Milied lill-Kurja Rumana, 22 Diċembru 2022

 

F’dan iż-żmien tar-Randan, b’qabna niedma, ejjew fis-skiet ngħidu, bħall-pubblikan, “O Alla, ħenn għalija għax jiena midneb!” Ejjew ngħiduha lkoll flimkien: O Alla,ħenn għalija għax jiena midneb! O Alla, meta ninsiek jew nittraskurak, meta nippreferi l-kliem tiegħi u l-kliem tad-dinja minn kelmtek stess, meta nippretendi li jiena ġust u nħares ʼl isfel ħaddieħor, meta nzekzek u nitkellem fuq ħaddieħor, O Alla, ħenn għalija għax jiena midneb! Meta ma jimpurtani xejn minn dawk ta’ madwari, meta nkun indifferenti għall-foqra u l-batuti, id-dgħajfin u l-imwarrbin, O Alla, ħenn għalija għax jiena midneb!

Parroċċa Santa Maria delle Grazie al Trionfale, 17 Marzu 2023

 

Miġbura minn Fr Roy Galdes