MESSAĠĠ VIDJO TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU
FL-OKKAŻJONI TAT-2 KUNGRESS KATTOLIKU PAN-AFRIKAN  
FUQ TEOLOĠIJA, SOĊJETÀ U ĦAJJA PASTORALI

[NAJROBI, 19-22 LULJU 2022]

Ħuti għeżież,

 

Ħadt gost meta smajt b’din il-laqgħa fl-Università Kattolika tal-Afrika tal-Lvant f’Najrobi.

 

Naf li qed tiltaqgħu fl-okkażjoni tat-tieni Kungress Kattoliku Pan-Afrikan dwar it-Teoloġija, is-Soċjetà u l-Ħajja Pastorali.

 

Huwa sinjal ta’ tama li teologi, lajċi, saċerdoti, reliġjużi irġiel u nisa kif ukoll isqfijiet ħadu l-inizjattiva biex jagħmlu mixja flimkien.

 

Meta ninġabru flimkien biex niddixxernu dak li Alla qed jgħidilna llum, mhux biss biex inwieġbu għal ħtiġijiet li żgur huma ta’ sfida, iżda wkoll biex insarrfu f’rejaltà l-ħolm Afrikan (ħolm soċjali, kulturali, ekoloġiku u ekkleżjali) huwa diġà fih innifsu sinjal ta’ Knisja Afrikana li qed toħroġ.

 

Komplu sejrin hekk.

 

Fiż-żjarat tiegħi fl-Afrika dejjem laqtuni l-fidi u r-reżiljenza ta’ dawk il-popli. Kif ikkummentajt dwar il-vjaġġ tiegħi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana fl-2015, “L-Afrika dejjem tissorprendina”. Ħallu dak li hu l-aħjar tagħkom joħroġ f’din ir-riflessjoni ħalli r-riżultat tagħha jkun ta’ sorpriża u sabiex jitwieled dak il-ħolqien Afrikan li jkun ta’ sorpriża għalina lkoll.

 

Għax l-Afrika hija poeżija.

 

L-għerf tal-antenati Afrikani jfakkarna, fid-dawl ta’ din il-laqgħa importanti, li “il-muntanji qatt ma jiltaqgħu, imma n-nies jiltaqgħu”. Ejjew inkomplu. Flimkien. Nakkumpanjaw lil xulxin, ngħinu lil xulxin u nikbru flimkien.

 

Jalla teoloġija sapjenzjali, bħal dik li tipproponu intom, tkun l-aħbar it-tajba tal-ħniena għall-fqar u ssostni lin-nies u l-komunitajiet fil-ġlieda tagħhom għall-ħajja, għall-paċi u għat-tama.

 

Jalla l-Ispirtu s-Santu jispirakom, jalla minn dan il-Kungress joħorġu t-toroq li l-Knisja teħtieġ: toroq ta’ konverżjoni missjunarja, ekoloġika, ta’ paċi, ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ trasformazzjoni tad-dinja kollha.

 

Inberikkom ilkoll. Alla jberikna lkoll.

 

Jalla l-Verġni Marija takkumpanjakom.

 

U jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.

 

Grazzi.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes