MESSAĠĠ VIDJO TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU
LILL-PARTEĊIPANTI TAS-SEMINAR VIRTWALI
"L-AMERIKA LATINA: KNISJA, IL-PAPA FRANĠISKU U ĊIRKUSTANZI VARJI TAL-PANDEMIJA"

Il-Ħamis, id-19 ta’ Novembru 2020

 

Insellem lil dawk li qegħdin jieħdu sehem f’dan is-seminar virtwali bl-isem: “L-Amerika Latina: il-Knisja, il-Papa Franġisku u ċirkustanzi varji tal-pandemija”, li l-għan tiegħu huwa li jirrifletti u janalizza s-sitwazzjoni tal-pandemija Covid-19 fl-Amerika Latina, il-konsegwenzi tagħha u, fuq kollox, il-linji ta’ azzjoni li jistgħu jittieħdu kif ukoll l-għajnuna li tista’ tingħata biex jiġu żviluppati minn dawk kollha li jagħmlu parti minn dan il-kontinent, u li huma wkoll qegħdin jinsġu s-sbuħija u t-tama tal-istess kontinent. Nirringrazzja lill-organizzaturi għal din l-inizjattiva u nispera li tista’ tinkoraġġixxi toroq ġodda, tistimula azzjonijiet, toħloq alleanzi u tippromwovi l-mekkaniżmi kollha meħtieġa biex tiggarantixxi ħajja dinjituża lill-popli tagħna, permezz tal-esperjenza tal-fraternità u bini ta’ ħbiberiji soċjali, l-iktar ma’ dawk li huma l-iktar maqtugħin. Meta ngħid l-iktar maqtugħin, ma rridx infisser li nagħtu karità lil dawk li huma l-iktar maqtugħin, jew li nagħmlu xi ġest ta’ benefiċenza. Imma rridu nibdew minn hemm, minn kull periferija umana, għax jekk ma nibdewx minn hemm niżbaljaw. U din hija forsi l-ewwel purifikazzjoni tal-ħsieb li rridu nagħmlu.

Il-pandemija tal-Covid kabbret u għamlet aktar evidenti l-problemi u l-inġustizzji soċjo-ekonomiċi li kienu diġà qed jaffettwaw b’mod serju l-Amerika Latina kollha, imma lill-fqar affettwathom b’mod aqwa.

Quddiem inugwaljanzi u diskriminazzjoni, li jżidu l-qasma soċjali, hemm ukoll il-kundizzjonijiet diffiċli li fihom isibu ruħhom il-morda, u ħafna familji li jgħaddu minn żminijiet ta’ inċertezza u li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet ta’ inġustizzja soċjali. U dan jidher l-iktar meta tqis li mhux kulħadd għandu r-riżorsi meħtieġa biex jieħu l-miżuri, anke l-iċken miżuri ta’ ħarsien mill-Covid-19: saqaf fuq rashom fejn ikunu jistgħu jżommu d-distanza soċjali, l-ilma, riżorsi sanitarji biex jiddiżinfettaw ruħhom u l-ambjenti fejn igħixu, xogħol stabbli li jiggarantixxi aċċess għall-benefiċċji, u dan biex insemmu l-aktar affarijiet essenzjali. Naħseb li dan irridu nżommuh tajjeb f’moħħna. Għax irridu nkunu konkreti. Mhux biss bħala miżura ta’ protezzjoni - kif semmejt ftit ilu - iżda bħala ġrajjiet li għandhom jinkwetawna. Kulħadd għandu saqaf fuq rasu? Kulħadd għandu aċċess għall-ilma? Għandhom prodotti biex jiddiżinfettaw ruħhom u jiddiżinfettaw l-ambjenti fejn jgħixu? Għandhom xogħol stabbli? Il-pandemija għamlet id-dgħufijiet tagħna jidhru aktar.

Bħalissa qed naħseb ukoll f'dawk l-aħwa li, minbarra li jsofru l-impatt tal-pandemija, sfortunatament qegħdin jaraw ukoll li l-ekosistema ta’ madwarhom tinsab f'periklu serju minħabba n-nirien fil-foresti li qegħdin jeqirdu żoni kbar bħall-Pantanal u l-Amazonja, li huma l-pulmuni tal-Amerika Latina u tad-dinja.

Aħna konxji li l-effetti qerrieda tal-pandemija se nkomplu ngħixuhom għal żmien twil, speċjalment fl-ekonomiji tagħna, li jeħtieġu appoġġ kif ukoll proposti kreattivi biex itaffu t-toqol tal-kriżi. Fis-Saltna t’Alla, li tibda minn din id-dinja, il-ħobż jasal għand kulħadd u jibqa’ ż-żejjed, l-organizzazzjoni tas-soċjetà hija bbażata fuq li tagħti, li taqsam u li tqassam, u mhux fuq li żżomm għalik, li twarrab lill-oħrajn jew li ġġemma’ l-ġid. Dawn it-tliet ħwejjeġ naħseb li għandhom jistabbilixxu l-mod kif naħsbu. Fis-Saltna t’Alla, il-ħobż jasal għand kulħadd u jibqa’ ż-żejjed; u l-organizzazzjoni tas-soċjetà hija bbażata fuq li tagħti, li taqsam u li tqsssam, u mhux fuq li żżomm għalik, li twarrab lill-oħrajn jew li ġġemma’ l-ġid. Għal din ir-raġuni, aħna lkoll imsejħa, individwalment u kollettivament, biex inwettqu x-xogħol jew il-missjoni tagħna b'mod responsabbli, trasparenti u onest.

Il-pandemija urietna l-aħjar u l-agħar tal-popli tagħna, u l-aħjar u l-agħar ta’ kull persuna. Issa, aktar minn qatt qabel, jeħtieġ li nerġgħu nkunu konxji li aħna nappartjenu lil xulxin. Il-virus ifakkarna li l-aħjar mod biex nieħdu ħsieb tagħna nfusna huwa billi nitgħallmu nieħdu ħsieb u nipproteġu lil dawk li huma qrib tagħna: li nkunu nafu l-ġirien tagħna, li nkunu nafu r-raħal/belt tagħna, ir-reġjun tagħna, li nkunu nafu d-dar komunit tagħna. Nafu li minbarra l-pandemija ta’ Covid-19, hemm mard soċjali ieħor – nies bla saqaf fuq rashom, nies li m’għandhomx l-art tagħhom, nies bla xogħol, il-famużi tliet “T”: techotierratrabajo (saqaf, art, xogħol)  - li jimmarkaw il-livell u dawn jeħtieġu tweġiba ġeneruża u attenzjoni immedjata.

Quddiem dan ix-xenarju skur, il-popli ta’ l-Amerika Latina jgħallmuna li huma popli li għandhom ruħ, u li kienu kapaċi jiffaċċjaw b’kuraġġ il-kriżijiet, u kienu kapaċi jipproduċu ilħna, li għalkemm kienu qishom għajta f’deżert, wittew it-triq tal-Mulej (ara Mk 1,3). Jekk jogħġobkom, ejjew ma nħallux min jisirqilna din it-tama! It-triq tas-solidarjetà bħala ġustizzja hija l-aħjar espressjoni ta’ mħabba u qrubija. Minn din il-kriżi nistgħu noħorġu aħjar. Ta’ dan huma xhieda ħafna minn ħutna li ta’ kuljum offrew ħajjithom u ħadu inizjattivi fi ħdan il-Poplu t’Alla.

Rajna «kemm hi qawwija l-ħidma tal-Ispirtu, mifruxa u inkorporata f’tant ħidma kuraġġuża u ġeneruża» ( Mument Straordinarju ta’ Talb fi Żmienijiet ta’ Pandemija , 27 ta’ Marzu, 2020). Dwar dan il-punt, nixtieq indur fuq dawk li għandhom  xi  responsabbiltà politika, u ippermettuli għal darb’oħra nistedinhom biex infejqu l-politika, li «hija vokazzjoni għolja ħafna, u hija waħda mill-aktar forom prezzjużi ta’ imħabba, għax tfittex il-ġid komuni».  Kif għidt fl-Enċiklika riċenti Fratelli tutti : «Li tagħraf lil kull persuna bħala ħuk, u li tfittex ħbiberija soċjali li tinkludi lil kulħadd, din mhix sempliċi ħolma. Hemm bżonn ta’ deċiżjonijiet u l-ħila biex insibu modi effettivi li dawn l-affarijiet isiru verament possibbli. Kull sforz f’din il-linja huwa  eżerċizzju mill-aqwa fl-imħabba. Għax bniedem jista’ igħin persuna oħra fil-bżonn, imma meta jingħaqad ma' oħrajn biex jiġġenera ħidma soċjali ta’ għaqda u ta’ ġustizzja għal kulħadd, huwa imbagħad jidħol “fil-qasam tal-ikbar karità, il-karità politika.” U dan biex nimxu lejn ordni soċjali u politiku, li r-ruħ tiegħu hija l-karità soċjali »( Fratelli tutti , 180).

U dan jitlob minna lkoll li għandna rwol ta’ tmexxija biex nitgħallmu l-arti tal-flimkien u ma nkunux favur jew napprovaw jew nużaw mekkaniżmi li jagħmlu minn din il-kriżi serja, biex wieħed jieħu xi vantaġġ politiku jew soċjali. Din il-kriżi tant hi qawwija, li titlob lil dawk li jinsabu fil-klassi politika biex ikunu kapaċi jgħollu l-ħarsa tagħhom u jiggwidaw u jorjentaw id-differenzi leġittimi, u hekk ifittxu soluzzjonijiet fattibbli għall-popli tagħna. L-unika ħaġa li ġġiegħel lil dak li jkun jiddubita, hija meta bejnietna ma niftehmux kif se ngħinu biex fil-komunitajiet tagħna innaqqsu l-effetti tal-pandemija, l-iktar ta’ dawk li huma l-iktar emarġinati.

U aħna għandna fl-Amerika Latina, ma nafx hux kullimkien, imma fil-biċċa l-kbira tal-Amerika Latina, għandna ħabta li nimxu ʼl quddiem billi ngħaffġu lil ħaddieħor. U min hu dak li qed iħallas l-iktar? Iħallas il-poplu, nimxu ʼl quddiem minn fuq dahar ħaddieħor, l-iktar minn fuq dahar il-fqir, minn fuq dahar il-poplu. Wasal iż-żmien biex dawk li ġew magħżulin mill-popli tagħhom biex imexxuhom, huma jkunu għas-servizz tal-ġid komuni, u mhux li l-ġid komuni jkun għas-servizz ta' l-interessi tagħhom. Aħna nafu d-dinamika tal-korruzzjoni li timxi b'dan il-mod. U dan jgħodd ukoll għan-nies tal-Knisja; għax il-klerikaliżmu huwa verament pesta li jmarrad u joqtol il-Vanġelu. 

Nistedinkom, għalhekk, imqanqlin mid-dawl tal-Vanġelu, biex tkomplu toħorġu flimkien man-nies kollha ta’ rieda tajba biex tfittxu lil dawk li qegħdin jgħajtu għall-għajnuna, bħalma għamel is-Samaritan it-Tajjeb, billi tħaddnu magħkom lil dawk l-iktar dgħajfa u tibnu – din hi kelma sfruttata wisq illum, imma jien se ngħidha xorta waħda – tibnu ċiviltà ġdida, biex, “it-tajjeb, l-imħabba, il-ġustizzja u s-solidarjetà, ma jintlaħqux darba għal dejjem; imma tgħixuhom kull ġurnata”( Fratelli tutti , 11).

Quddiem dawn l-isfidi kbar, ejjew nitolbu lill-Verġni Marija ta’ Guadalupe sabiex l-art tagħna tal-Amerika Latina ma ttilifx il-memorja tal-Omm. U sabiex din il-kriżi, minflok ma tbegħidna minn xulxin, tgħinna nirkupraw u napprezzaw il-kuxjenza ta’ dik l-imġieba komuni li tgħaqqadna u tagħmilna wlied l-istess Missier.

Għal darb’oħra jagħmilna tajjeb niftakru li l-għaqda ta’ flimkien hija iktar qawwija mill-ġlied. Jalla l-mant tagħha, il-mant tagħha ta’ Omm u ta’ Mara, jiġborna bħala poplu wieħed li, filwaqt li jiġġieled għall-ġustizzja, jista’ jgħid: “Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, għax ftakar il-ħniena tiegħu, kif kien wiegħed lil missirijietna.” ( Lq 1,54-55). Grazzi ħafna.


Mill- L'Osservatore Romano, Sena CLX, num. 269, 21/11/2020