Laikos

 

 

VIA CRUCIS FIL-COLOSSEO

IL-MEDITAZZJONIJIET U T-TALB TAL-VIA CRUCIS 2025 MIKTUBIN

MILL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

Il-Ġimgħa l-Kbira, 18 ta’ April, 2025

 

Introduzzjoni

It-triq tal-Kalvarju tgħaddi mit-toroq tagħna tal-ħajja ta’ kuljum.  Aħna, Mulej, soltu dejjem nimxu fid-direzzjoni opposta għal dik tiegħek.  Propju b’hekk jista’ jiġri li niltaqgħu mal-wiċċ tiegħek, naqbdu ħarstek f’ħarsitna.  Aħna  nibqgħu għaddejjin bħal dejjem u int tersaq lejna.  Għajnejk jaqraw dak li hemm fi qlubna.  Allura noqgħodu ntellgħu u nniżlu jekk nibqgħux għaddejjin qiesu ma ġara xejn.  Nistgħu ndawru wiċċna n-naħa l-oħra, inħarsu lejk, niġu warajk.  Nistgħu nitwaħħdu mal-mixja tiegħek u nindunaw li jkun aħjar jekk  nibdlu d-direzzjoni.

Mill-Evanġelju skont San Mark (10,21)

Mbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta' mħabba u qallu: "Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja.

Ġesù hu ismek u fik hemm verament “Alla li jsalva”.  Alla ta’ Abraham qed isejħilna, Alla ta’ Iżakk jipprovdilna, Alla ta’ Ġakobb iberikna, Alla ta’ Iżrael jeħlisna: f’ħarstek, Mulej li għaddej mit-toroq ta’ Ġerusalemm, hemm rivelazzjoni sħiħa.  Fil-passi tiegħek li jmexxuk lejn ħruġ il-belt hemm l-esodu tagħna lejn art ġdida.  Int ġejt biex tibdel id-dinja: għalina jfisser li nibdlu d-direzzjoni, naraw it-tjubija fil-passi tiegħek, inħallu l-memorja ta’ għajnejk taħdem fi qlubna.

Il-Via Crucis hi t-talba ta’ min hu f’mixja.  Twaqqaf il-mixjiet tagħna tas-soltu biex mit-telqa  nimxu lejn il-ferħ.  Hu minnu li t-triq ta’ Ġesù hi iebsa: f’dinja li fiha kollox isir bil-kalkolu, il-gratwità tħallas prezz għoli.  Però, fl-għotja kollox jerġa’ jwarrad: belt maqsuma f’ħafna klikek u mfarrka minħabba l-kunflitti timxi lejn ir-rikonċiljazzjoni; reliġjożità bla ħajja tiskopri mill-ġdid il-fekondità tal-wegħdiet ta’ Alla; saħansitra qalb tal-ġebel tista’ tinbidel f’qalb tal-laħam.  Jeħtieġ biss nagħtu widen għall-istedina: “Ejja!  Imxi warajja!”, u nqiegħdu l-fiduċja tagħna f’dik il-ħarsa ta’ mħabba

 

L-I stazzjon

Ġesù kkundannat għall-mewt

Mill-Evanġelju skont San Luqa (23,13-16)

Pilatu sejjaħ flimkien il-qassisin il-kbar, il-kapijiet, u l-poplu, u qalilhom: "Ġibtuli quddiemi lil dan il-bniedem bħala wieħed li qiegħed ixewwex lill-poplu. Ara, jiena stħarriġtu quddiemkom fuq l-akkużi li qegħdin iġġibu kontra tiegħu, u ma sibt ebda ħtija fih.  U anqas Erodi ma sab, għax raġa' bagħtu quddiemna. Qegħdin taraw, mela, li ma għamel xejn li ħaqqu l-mewt.

Mhux hekk ġara.  Ma takx il-ħelsien.  Madankollu seta’ ġara l-maqlub.  Hi l-logħba drammatika tal-libertajiet tagħna.  Dak Mulej, li int tant irrispettajt fina.  Kellek fiduċja f’Erodi, f’Pilatu, fil-ħbieb u fl-għedewwa.  Int irrevokabbli fil-fiduċja li biha ingħatajt f’idejna.  Nistgħu nibqgħu mistagħbin b’dan: neħilsu lil min hu akkużat inġustament, nidħlu fil-fond tas-sitwazzjonijiet kumplessi, nopponu l-ġudizzji qattiela.  Saħansitra Erodi seta’ jimxi fuq l-ansjetà qaddisa li kienet tiġbdu lejk: mhux hekk għamel, lanqas meta saflaħħar sab ruħu fil-preżenza tiegħek. Pilatu seta’ jeħilsek: fil-fatt kien diġà ħafirlek.  Mhux hekk għamel.  Ġesù, it-triq tas-salib hi possibbiltà li wisq drabi ħallejnieha tiġġarraf.  Nistqarruha: aħna lsiera ta’ rwoli li marridux ninqatgħu minnhom, imħassbin minħabba l-fastidju li jtina l-bdil tad-direzzjoni.  Int, fis-skiet, għadek quddiema: f’kull wieħed u waħda minn ħutna esposti għall-ġudizzji u għall-preġudizzji.  Jinġiebu argumenti reliġjużi, pretesti ġuridiċi, il-buon sens mistħajjel li ma jridx ikollu x’jaqsam mad-destin tal-ieħor: elf raġuni li jiġbdu lejn in-naħa ta’ Erodi, tas-saċerdoti, ta’ Pilatu u tal-folla.  Madankollu seta’ kien il-maqlub.  Int, Ġesù, ma  taħsilx idejk.  Għadek tħobb, fis-skiet.  L-għażla tiegħek għamiltha, issa jmiss lilna.

 

It-II stazzjon

Ġesù mgħobbi bis-salib

Mill-Evanġelju skont San Luqa (9,43b-45)

Imma waqt li kulħadd kien qiegħed jistagħġeb b’kull ma kien qiegħed jagħmel, Ġesù qal id-dixxipli tiegħu: "Iftħu widnejkom sewwa għal dawn il-kelmiet: Bin il-bniedem għandu jkun mogħti f'idejn il-bnedmin." [Lq:9:45] Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u baqa' mistur għalihom hekk li ma qabdu xejn minnu, u beżgħu jistaqsuh dwar dak li kien qal.

Minn xhur, jew forsi minn snin qabel, kont iġġorr fuq spallejk dak il-piż, Ġesù.  Meta kont issemmih ħadd ma kien jagħti kasek: reżistenza imbattibbli, imqar biex ikun hemm ħjiel ta’ dak li tkun għidt.  Ma fittixtux, imma b’mod dejjem aktar ċar ħassejt is-salib ġej jiltaqa’ miegħek.  Ladarba lqajtu, għamilt dan għax minbarra l-piż tiegħu ħassejt ukoll ir-responsabbiltà.  It-triq tas-salib tiegħek, Ġesù, mhix biss għat-telgħa.  Hi nżul lejn dawk li int ħabbejt, lejn dinja maħbuba minn Alla.  Hi tweġiba, aċċettazzjoni tar-responsabbiltà.  Fiha prezz għoli bħalma fihom prezz għoli r-rabtiet veri, l-isbaħ imħabbiet.  Il-piż li qed iġġorr jirrakkonta n-nifs li jqanqlek, dak l-Ispirtu “li hu Mulej u jagħti l-ħajja”.  Minjaf għaliex nibżgħu mqar nistaqsuk dwar dan.  Fil-fatt aħna nifisna maqtugħ tant kemm nisfurzaw biex nevitaw ir-reponsabbiltà.  Ikun biżżejjed ma naħarbux, nibqgħu fil-post: fost dawk li inti tajtna, fil-kuntesti li qegħedtna fihom.  Nintrabtu magħhom u nagħrfu li hekk biss ma nibqgħux priġunieri tagħna nfusna.  L-egoiżmu tas-salib hu itqal.  Itqal l-indifferenza tal-kondiviżjoni.  Kien ħabbru l-profeta: Jintelqu ż-żgħażagħ u jegħjew, fl-aħjar tagħhom jogħtru l-irġiel.  Imma dawk li jittamaw fil-Mulej jieħdu saħħithom, itellgħu l-ġwienaħ bħall-ajkli, jiġru bla ma jegħjew, jimxu bla ma jintelqu ( 40, 30,31).

 

It-III stazzjon

Ġesù jaqa’ għall-ewwel darba

Mill-Evanġleju skont San Luqa (10,13-15)

"Ħażin għalik, Korożajn! Ħażin għalik, Betsajda! Għax kieku l-mirakli li saru fikom saru f'Tir u Sidon, kieku ilhom li nidmu u libsu l-ixkejjer u qagħdu fuq ir-rmied. [Lq:10:14] Imma l-ġudizzju għad ikun eħfef għal Tir u Sidon milli għalikom. [Lq:10:15] U int, Kafarnahum, taħseb li se togħla sas-sema? Sa ġol-qiegħ għad tinxteħet!

Kien qisu int missejt il-qigħ għall-ewwel darba u lissint kliem iebes, Ġesù, għal dawk il-postijiet tant għal qalbek.  Iż-żerriegħa ta’ kelmtek donnha waqgħet fil-vojt, kif ukoll il-ġesti ta’ ħelsien li wettaqt int.  Kull Profeta ħassu jaqa’ fil-vojt minħabba l-falliment, imma mbagħad iqum u jimxi ‘l quddiem fit-toroq tal-Mulej.  Ħajtek, Ġesù, hi parabbola: qatt ma taqa’ għalxejn fuq l-art tagħna.  Saħansitra f’dik l-ewwel darba, id-delużjoni ma damitx ma nbidlet fil-ferħ ta’ niesek, fil-fakra ta’ dawk li int kont bgħatt: ġew lura għandek mill-missjoni tagħhom u rrakkuntawlek is-sinjali tas-Saltna t’Alla.  Għalhekk inti mtlejt b’ferħ li fawwar fik spontanju, ferħ li jqajjem u jqanqal b’enerġija li tittieħed.  Berikt lill-Missier, li jaħbi l-pjanijiet tiegħu lil min hu għaref u intelliġenti biex jurihom liċ-ċkejknin.  It-triq tas-salib hi mnaqqxa fil-fil-qigħ tal-art: “il-kbar” jinqatgħu minnha, jixtiequ kieku jmissu s-sema.  Iżda s-sema tinsab hawn, tbaxxiet, tiltaqa’ magħha anki fil-waqa’.  Il-bennejja ta’ Babel juruna li mhemmx wisa’ għal mmin jiżbalja, li min jaqa’ hu tellief.  Dan tagħhom hu l-lant tal-infern.  Iżda l-ekonomija ta’ Alla ma toqtolx, ma twarrabx, ma tgħaffiġġx.  Hi umli u fidila lejn l-art.  Triqtek, Ġesù, hi t-triq tal-Beatitudnijiet. Ma tfarrakx, imma tikkultiva, issewwi, tindokra.

 

Ir-IV stazzjon

Ġesù jiltaqa’ ma’ Ommu

Mill-Evanġelju skont San Luqa (8,19-21)

Ġew għalih ommu u ħutu, iżda ma setgħux jersqu lejh minħabba l-folla. [Lq:8:20] Xi ħadd qallu: "Ommok u ħutek qegħdin hawn barra u jridu jarawk." [Lq:8:21] Iżda hu weġibhom: "Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-kelma ta' Alla u jagħmlu li jgħid Hu."

Ommok tinsab hemm, fit-triq tas-salib: hi kienet l-ewwel dixxiplu.  B’determinazzjoni delikata, bl-intelliġenza tagħha li żżomm f’qalbha u timmedita, ommok qiegħda hemm.  Mill-mument li fih saritilha l-proposta li tilqgħek f’ġufha, inbidlet, daret lejk.  Fasslet triqatha fuq tiegħek.  Ma kienx sagrifiċċju iżda skoperta bla taqta’ xejn, sal-Kalvarju: li ssegwik ifisser li tintelaq; li jkollok lilek ifisser li tagħmel il-wisa’ għan-novitajiet tiegħek.  Dan tafu kull omm: kull wild hu sorpriża.  Ibni maħbub, int tagħraf li ommok u ħutek huma dawk li jisimgħu u jħalluk tibdilhom.  Ma jitkellmux iżda jaġixxu.  F’Alla l-kliem huwa fatti, il-wegħdiet huma realtà fit-triq tas-salib, O Omm, inti waħda mill-ftit li tiftakru dan.  Issa huwa l-Iben li għandu bżonnok: hu jħoss li inti ma tiddisprax.  Iħoss li għadek qed tiġġenera l-Kelma f’ġufek.  Aħna wkoll, Ġesù, jirnexxilna insegwuk iġġenerati minn min segwa lilek.  Aħna wkoll imweldin mill-ġdid għad-dinja tal-fidi ta’ ommok u ta’ għadd kbir ta’ xhieda li huma għammiela anki fejn kollox hu mewt.  Dik id-darba fil-Galilija, kienu huma li riedu jarawk.  Issa, int u tiela lejn il-Kalvarju int stess tfittex il-ħarsa ta’ min jisma’ u jqiegħed fis-seħħ.  Fehim li ma jitfissirx.  Alleanza li ma titħassar qatt.

Il-V stazzjon

Iċ-Ċirenew jgħin lil Ġesù jġorr is-salib

Milll-Evanġelju skont San Luqa (23,26)

Huma u sejrin bih, qabdu wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni, li kien ġej lura mir-raba', u għabbewh bis-salib biex iġorru wara Ġesù.

Mhux hu offra ruħu, waqqfuh.  Xmun kien ġej lura minn xogħolu u għabbewh bis-salib ta’ wieħed ikkundannat.  Il-fiżiku tiegħu kien jippermetti, imma żgur li kien sejjer f’direzzjoni oħra, il-programm tiegħu kien differenti. Ma’ Alla tista’ taħbat b’dal-mod ukoll.  Minjaf għaliex, Ġesù, dak l-isem – Xmun minn Ċirene – weħel f’moħħ id-dixxipli tiegħek darba għal dejjem.  Fit-triq tas-salib huma ma kinux hemm u lanqas aħna, imma Xmun hemm kien.  Għadha tgħodd sal-lum: meta xi ħadd joffri dak kollu li għandu, nistgħu nkunu ximkien ieħor,  forsi wkoll maħrubin, inkella jista’ jiġbidna, jinvolvina.  Ġesù, naħsbu li bqajna niftakru l-isem ta’ Xmun għax dik iċ-ċirkostanza mhux mistennija bidlitu darba għal dejjem.  Qatt ma heda jibqa’ jaħseb fuqek.  Sar parti minn ġismek, xhud prim li int differenti minn kull kundannat ieħor.  Xmun sab is-salilb tiegħek fuqu bla ma talbu, bħall-madmad li jum minnhom int tkellimnt dwaru: “il-madmad tiegħi ħelu, il-piż tiegħi ħafif” (cfr Mt 11,30).  Jekk jingħaqdu flimkien, l-annimali wkoll jaħdmu aħjar.  U int, Ġesù, tħobb tinvolvina fil-ħidma tiegħek, fil-ħrit tal-art biex terġa’ tinżera’.  Aħna għandna bżonnu dal-piż ħelu sorprendenti.  Kultant għandna bżonn min iwaqqafna u jqiegħed fuq spallejna xi biċċa realtà li sempliċiment ikollna nġorru.  Nistgħu naħdmu l-ġurnata kollha, imma mingħajrek xogħolna jintilef.  Għalxejn jitħabtu l-bennejja, għalxien jishar l-għassies tal-belt li ma jkunx bnieha Alla (cfr Salm 127).  Fuq it-triq tas-salib tfeġġ Ġerusalemm il-ġdida.  U aħna, bħal Xmun minn Ċirene, nibdlu r-rotta u naħdmu flimkien miegħek.

 

Is-VI stazzjon

Il-Veronika tixxotta wiċċ Ġesù

Mill-Evanġelju skont San Luqa (9,29-31)

U ġara li huwa u jitlob, id-dehra ta' wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta' bjuda li tgħammex.  U kien hemm żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, Mosè u Elija, li dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta' ħajtu li kellu jseħħ f'Ġerusalemm. 

Mill-Ktieb tas-Salmi (27,8-9a)

 "Ejja," għedt f'qalbi, "fittex 'il wiċċu"; jien wiċċek infittex, Mulej. La taħbix wiċċek minni.

Fil-wiċċ tiegħek, Ġesù, naraw ukoll qalbek.  F’għajnejk naqraw imnaqqxa d-determinazzjoni tiegħek, il-fattizzi tiegħek huma espressjoni ta’ attenzjoni inkonfondibbli.  Tara lill-Veronika l’istess bħalma tara lili.  Jien infittex wiċċek li jirrakkonta d-determinazzjoni tiegħek li tħobbna sal-aħħar nifs: u lil hinn minn hekk ukoll, għaliex bħall-mewt qawwija l-imħabba (Għanjiet 8,6).  Qlubna jinbidlu permezz tal-wiċċ tiegħek li nixtieq nikkuntemplah u ngħożżu.  Jum wara ieħor int tingħata lilna fil-wiċċ ta’ kull essri uman, memorja ħajja tal-inkarnazzjoni tiegħek.  Kull darba li mmilu lejn l-iżgħar, infatti, inkunu qed nieħdu ħsieb ħutek u hekk inti tibqa’ magħna.  Hekk iddawwal qlubna u l-bixra ta’ wiċċna.  Minflok indawru wiċċna, issa nilqgħu.  Fit-triq tas-salib, wiċċna, bħal tiegħek, salflaħħar jibda jiddi u jxerred il-barka.  Int stampajt wiċċek fil-memorja tagħna, rahan tat-tieni miġja tiegħek meta tagħrafna mad-daqqa t’għajn, wieħed wieħed, waħda waħda.  Imbagħad, forsi nsiru nixbħuk.  Inkunu wiċċ imb wiċċ quddiemek fi djalogu bla tmiem, fl-intimità hienja, familja ta’ Alla.

 

Is-VII stazzjon

Ġesù jaqa’ għat-tieni darbda

Mill-Evanġelju skont San Luqa (15, 2-6)

U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: "Nies midinba jilqa' għandu dan u jiekol magħhom!"  U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: "Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha?  U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh, imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom, 'Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli.

Taqa’ u terġa’ tqum; taqa’ u tqum mill-ġdid.  Ġesù, hekk għallimtna naqraw l-avventura tal-ħajja umana.  Umana, għax miftuħa għall-ġejjieni.  Aħna lill-magni ma nħalluhomx jiżbaljaw: jidhrilna li għandhom ikunu perfetti.  Il-bnedmin jittitubaw, jaljenaw ruħhom, jintilfu.  Madankollu jġarrbu l-ferħ: dak ta’ bidu, ġdid, dak ta’ twelid ġdid.  Il-bnedmin ma jissawrux mekkanikament, imma artiġjanalment: kull wieħed u waħda minna uniċi,  nisġa ta’ grazzja u responsabbiltà.  Ġesù, int sirt wieħed minna; ma bżajtx li se titfixkel u taqa’.  Min jistħi minn dan, min jilgħabha tal-infallibbli, min jaħbi l-waqgħat tiegħu u ma jaħfirx il-waqgħat tal-ieħor ikun jiċħad it-triq li għażilt int.  Inti Ġesù, il-Mulej tal-ferħ.  Fik, aħna lkoll erġajna sibna lilna nfusna u rġajna lura lejn id-dar bħal dik in-nagħġa li ntilfet.  Madankollu bnejna dinja li taħdem b’dal-mod: dinja ta’ kalkoli u algoritmi, loġika kiesħa u interessi bla rażan.  Il-liġi ta’ darek, l-ekonomija divina, hi ħaġ’oħra, Mulej.  Li bniedem idur lejk, inti li taqa’ u terġa’ tqum, hu bdil tar-rotta u tħaffif tal-pass.  Konverżjoni li troddilna lura l-ferħ u treġġagħna lura lejn id-dar.

 

It-VIII stazzjon

Ġesù jiltaqa’ man-nisa ta’ Ġerusalemm

Mill-Evanġelju skont San Luqa (23,27-31)

Kotra kbira ta' nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh.  Imma Ġesù dar lejhom u qalilhom: "Nisa ta' Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom.  Għax, araw, għad jiġi żmien meta jgħidu, 'Hienja dik li ma għandhiex tfal, hieni l-ġuf li qatt ma wiled u s-sider li qatt ma redda'!”  Mbagħad jibdew jgħidu lill-muntanji, 'Aqgħu fuqna!', u lill-għoljiet, 'Ordmuna!'  Għax jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk meta għadu aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef?"

Ġesù int minn dejjem rajt fil-mara xbieha tal-qalb ta’ Alla.  Għalhekk fil-folla kbira li dakinhar dawret id-direzzjoni u ġiet warajk, ilmaħt minnufih lin-nisa, u għal darb’oħra, rajt fihom il-qrubija tagħhom lejk.  Il-belt tkun differenti meta huma jieħdu ħsieb lil ta’ madwarhom, meta jisqu lit-trabi tagħhom: insomma, meta l-ħarsa tmur ‘l hinn mid-dominanza, meta kollox jingħata s-sens veru tiegħu.  Lin-nisa, li bi dmir iħossuhom imqanqlin mit-tbatija tiegħek, int tmissilhom qlubhom.  Infatti, fil-qalb jitlaqqgħu l-ġrajjiet u jinbtu ħsibijiet u deċiżjonijiet.  “Tibkux lili”.  Il-qalb ta’ Alla tfur bl-imħabba għall-poplu tiegħu, tiġġenera belt ġdida: “Ibku lilkom u ‘l uliedkom”.  Infatti, hemm biki li bih kollox jitwieled mill-ġdid.  Però jeħtieġ ikun dmugħ ta’ sogħba, li m’għandniex nistħu minnu, dmugħ li m’għandux jibqa’ fil-privat.  Il-konvivenza miġrugħa tagħna, o Mulej, f’did-dinja mfarrka, teħtieġ biki sinċier, mhux taċ-ċirkostanza.  Inkella jiġri dak li kienu ħabbru l-apokalittiċi: ma nibqgħux niġġeneraw il-ħajja u mbagħad kollox jiġġarraf.  Imma l-fidi ċċaqlaq il-muntanji.  Il-muntanji u l-għoljiet ma jaqgħux fuqna, imma f’nofshom tinfetaħ mogħdija.  Hi t-triq tiegħek, Ġesù: triq għat-telgħa, li fiha l-appostli tiegħek abbandunawk, imma li tulha d-dixxipli nisa tiegħek – ommijiet tal-Knisja – baqgħu mexjin warajk.

 

Id-IX stazzjon

Ġesù jaqa’ għat-tielet darba

Mill-Evanġelju skont San Luqa (7,44-49)

Ġesù dar lejn il-mara u qal lil Xmun: "Qiegħed taraha lil din il-mara? Dħalt għandek, u ilma għal riġlejja ma tajtnix, iżda hi riġlejja xarrbithomli bi dmugħha u xxuttathomli b'xuxitha.  Bewsa ma tajtnix, iżda hi minn xħin daħlet ma waqfitx tbusli riġlejja.  Rasi ma dlikthilix biż-żejt, imma hi dilkitli riġlejja b'żejt ifuħ.  Għalhekk ngħidlek li dnubietha, li kienu ħafna, nħafrulha, għax ħabbet ħafna; imma min jinħafirlu ftit, ftit iħobb."  Mbagħad qal lilha: "Dnubietek maħfura."  Dawk li kienu fuq il-mejda miegħu bdew jgħidu fihom infushom: "Dan min hu biex jaħfer id-dnubiet ukoll?

Mhux biss darba jew darbtejn, Ġesù: int taqa’ mill-ġdid.  Kont taqa’ meta kont tfal bħat-tfal kollha. Hekk, int fhimt u laqjt l-umanità tagħna li taqa’ u terġa’ taqa’.  Jekk id-dnub ibegħedna, l-eżistenza tiegħek mingħajr dnub tqarrbek lejn kull midneb, torbtok sfiq mal-waqgħat tiegħu.  U dan iġib il-konverżjoni.  Skandlu għal min jitwarrab mill-oħrajn u minnu nnifsu.  Skandlu għal min jgħix ħajja doppja, bejn kif għandu jkun u kif fil-fatt jaġixxi.  Bil-ħniena tiegħek, Ġesù, tiġġarraf kull ipokrisija.  Mhemmx aktar lok għall-maskri, għall-faċċati sbieħ.  Alla jara l-qalb.  Iħobb il-qalb.  Ikebbes il-qalb.  Hekk terġa’ tqajjimni u terġa’ tqabbadni t-toroq li qatt ma’ terraqt, toroq kuraġġużi u ġenerużi.  Min int, Ġesù, int li taħfer ukoll id-dnubiet?  Mill-ġdid mal-art fit-triq tas-salib, int is-Salvatur ta’ din artna, art li fuqha nimxu u li sawritna.  Int, minxur mal-art, terġa’ ttina l-forma kif jagħmel fuħħari tas-sengħa.

 

L-X stazzjon

Ġesù mneżża’ minn ħwejġu

Mill-Ktieb ta’ Ġob (1,20-22)

Mbagħad Ġob qam, ċarrat ħwejġu, qaxxar rasu, niżel wiċċu fl-art u beda jsalli u jgħid:  "Għeri ħriġt minn ġuf ommi, għeri nerġa' mmur hemm. Il-Mulej tani, il-Mulej ħadli: ikun imbierek isem il-Mulej."  F'dan kollu Ġob ma dinibx u ma qalx dagħwa waħda kontra Alla..

Mhux int tinża’, ineżżgħuk.  Id-differenza hi ċara għalina lkoll, Ġesù.  Dak biss li jħobbna jaċċetta l-għera tagħna f’dirajgħ u f’ħarstu.  Iżda aħna nibżgħu mill-għajnejn ta’ min mank jafna u jrid biss jaħkem fuqna.  Int imneżża’ u espost għal-kulħadd, imma saħansitra int tibdel l-umiljazzjoni f’familjarità.  Trid turi ruħek intimament anki li min qed jeqirdek, tħares lejn min ineżżgħek u tara fihom persuni maħbubin li taholmlok il-Missier.  Dan jisboq il-paċenzja ta’ Ġob, jisboq il-fidi tiegħu.  Inti l-għarus li ħallejt lil min jaħtfek, imissek, li kollox iddawwar biex isir tjieba.  Tħallielna ħwejġek qieshom relikwiji ta’ mħabba perfetta.  Aħna żammejna ħwejġek u issa nitfgħu x-xorti għalihom, imma x-xorti, hawnhekk, ma tmissx biss lil wieħed, imma lil kulħadd.  U jekk bħalissa inti qed tara l-Knisja qiesha libsa mċarrta, għallimna ninsġu mill-ġdid il-fraternità, imsejsa fuq id-don tiegħek. Aħna ġismek, il-libsa bla ħjata tiegħek, l-Għarusa tiegħek, ilkoll flimkien.  Għalina x-xorti waqgħet fuq art tajba; messna sehem tassew għal qalbna (cfr Salm 16,6).

 

Il-XI-il stazzjon

Ġesù msammar mas-salib

Mill-Evanġelju skont San Luqa (23,32-34a)

Kien hemm ukoll tnejn oħra, żewġt irġiel ħatja, li ħaduhom għall-mewt miegħu.  Meta waslu fil-post jgħidulu l-Qorriegħa, sallbuhom hemm, lilu u lill-ħatja, wieħed fuq il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq ix-xellug.  U Ġesù qal: "Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x'inhuma jagħmlu.

Xejn ma jbeżżgħana aktar mill-immobilità.  U int, imsammar, immobilizzat, ma tistax titħarrek.  Hekk tinsab, imma flimkien ma’ oħrajn: qatt waħdek, determinat li mqar fuq is-salib turi ruħek bħala l-Alla magħna.  Ir-rivelazzjoni qatt ma tehda, ma tissallabx.  Int, Ġesù, turina li f’kull ċirkostanza hemm għażla x’issir.  Dan hu l-isturdament li ttina l-libertà.  Lanqas fuq is-salib m’int newtralizzat: int tiddeċiedi għal min tinsab hemm.  Attent lejn l-imsallbin miegħek, kemm għall-wieħed u wkoll għall-ieħor: tinjora l-insulti ta’ wieħed u tilqa’ t-talba tal-ieħor.  Attent għal min sallbek u taf taqra l-qalb ta’ min ma jafx xinhu jagħmel.  Iddawwar ħarstek lejn is-sema: tixtieqha aktar ċara imma tinfed il-ħajt tad-dlam bid-dawl tal-interċessjoni tiegħek.  Infatti, tinterċedi waqt li inti msammar mas-salib: issir medjatur bejn il-partijiet opposti.  U teħodhom lejn Alla, għax is-salib tiegħek iġarraf il-ħitan, iħassar id-djun, ixejjen is-sentenzi, iġib ir-rikonċiljazzjoni.  Int il-veru Ġublew.  Ikkonvertina lejk, Ġesù, għax kollox tista’ minkejja li msammar.

 

It-XII-il stazzjon

Ġesù jmut fuq is-salib

Mill-Evanġleju skont San Luqa (23,45-49)

ix-xemx iddallmet. Il-velu tas-santwarju ċċarrat min-nofs.  Mbagħad Ġesù għajjat għajta kbira u qal: "Missier, f'idejk jien nerħi ruħi." U kif qal hekk, ħarġet ruħu.  Iċ-ċenturjun, meta ra x'ġara, beda jfaħħar lil Alla u jgħid: "Tassew li dan bniedem ġust!"  U n-nies kollha li kienu nġabru hemm biex jaraw, meta raw dawn il-ġrajja, reġgħu lura jħabbtu fuq sidirhom.  Dawk kollha li kienu jafuh qagħdu jaraw kollox mill-bogħod; hekk ukoll xi nisa li kienu ġew warajh sa minn meta kien għadu fil-Galilija.

F’liema post ninsabu fuq il-Kalvarju?  Xi ftit imwarrbin?  Imbiegħdin?  Jew, bħall-appostli, forsi mank ninsabu hemm?  Inti tagħti l-aħħar nifs u dan-nifs, l-ewwel u l-aħħar wieħed, jitlob biss li jkun mismugħ.  Mulej Ġesù, dawwar triqatna lejn id-don tiegħek.  Tħallix li n-nifs tal-ħajja jtir mar-riħ.  Id-dlam tagħna jfittex id-dawl.  It-tempji tagħna jridu jibqgħu miftuħin darba għal dejjem.  Issa l-Qaddis mhuwiex aktar ‘il ġewwa mill-istar: is-sigriet tiegħu offrut għal kulħadd.  Jagħraf dan, suldat, li mill-qrib josserva kif tmut u jiskopri qawwa ġdida.  Tifhmu l-folla li kienet għolliet leħinha kontrik: dik li qabel kienet imbiegħda, iltaqgħet mal-ispettaklu ta’ issa ta’ mħabba li qatt ma dehret bħalha, sbuħija li terġa’ tkebbes il-fidi.  Lil min qed jarak tmut, Mulej, int ittih iż-żmien biex jerġa’ lura jħabbat fuq sidru: iħabbat fuq qalbu biex titfarrak l-ebusija tagħha.  Lilna, Ġesù, li spiss għadna nħarsu lejk mill-bogħod, tina l-grazzja li nżommu ħajja fina l-memorja tiegħek, sabiex ġurnata, meta terġa’ tiġi, il-mewt ukoll issibna ħajjin.

 

It-XIII-il stazzjon

Ġesù mniżżel minn fuq is-salib

Mill-Evanġelju skont San Luqa (23,50-53a)

 U kien hemm wieħed jismu Ġużeppi, membru tal-Kunsill, imma raġel tajjeb u ġust, li ma kienx qabel mal-membri l-oħra f'dak li riedu u f'dak li għamlu. Kien minn Arimatija, belt tal-Lhudija, u kien jistenna s-Saltna ta' Alla.  Dan mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta' Ġesù; niżżlu mis-salib.

Ġismek saflaħħar jinsab f’idejn raġel tajjeb u ġust.  Int rieqed ir-raqda tal-mewt, Ġesù, imma qalb ħajja li għamlet għażla, ħadet ħsiebek.  Ġużeppi ma kienx wieħed minn dawk li jparlaw imma jibqgħu statiċi.  “Ma kienx qabel mad-deċiżjoni u l-aġir tal-oħrajn”, jgħidilna l-Evanġelju.  Hi aħbar tajba: Ġesù, iħaddnek miegħu wieħed li ma għamilx tiegħu l-opinjoni komuni.  Jieħu ħsiebek wieħed li refa’ r-responsabbiltajiet tiegħu.  Int tinsab f’postok, Ġesù, fi ħdan Ġużeppi minn Arimatea, li “kien jistenna s-Saltna t’Alla”.  Int tinsab f’postok fost min għadu jittama, fost min ma jirrasenjax ruħu u jqis li l-inġustizzja hi inevitabbli.  Int tkisser il-katina ta’ kulma hu inevitabbli, Ġesù.  Tkisser l-awtomatiżmi li jfarrku d-dar komuni u l-fraternità.  Lil dawk lil qed jistennew Saltnatek ittihom il-kuraġġ li jmorru quddiem l-awtoritajiet: kif għamel Mosè mal-Farghun, bħal Ġużeppi minn Arimatea quddiem Pilatu.  Itina l-qawwa biex nitgħabbew b’responsabbiltajiet kbar, timliena bil-kuraġġ.  Hekk, int mitt u għadek issaltan.  U għalina, Ġesù, s-saltna tagħna hi li naqdu lilek.

 

L-XIV-il stazzjon

Ġesù mqiegħed f’qabar ġdid

Mill-Evanġelju skont San Luqa (23,53b-56)

Qiegħdu f'qabar maqtugħ fil-blat, li fih kien għadu ma tqiegħed ħadd. [Lq:23:54] Dak in-nhar kien Jum it-Tħejjija, u s-Sibt kien għoddu beda. [Lq:23:55] In-nisa, li kienu ġew mill-Galilija ma' Ġesù marru wara Ġużeppi u raw il-qabar u kif kienu qiegħdu l-katavru; [Lq:23:56] mbagħad reġgħu lura u ħejjew il-fwejjaħ u l-mirra. Is-Sibt għaddewh fil-mistrieħ, skond il-preċett tal-Liġi.

F’dinja ta’ ritmi bla nifs, Ġesù, int tgħix is-Sibt tiegħek.  Jgħixuh ukoll in-nisa, li għalihom il-ħwawar u l-fwejjaħ diġà jantiċipaw il-qawmien.  Għallimna nieqfu meta tkun mitluba minna l-istennija.  Ħarriġna fir-ritmi tal-art li mhumiex maħluqin mill-bniedem.  Mimdud fil-qabar, Ġesù, tinsab fil-kundizzjoni li tagħmilna lkoll l-istess, tinżel fl-abbissi li tant ibeżżgħuna.  Tara kif aħna nimmoltiplikaw bla qies l-impenji tagħna biex naħarbu minnhom.  Spiss inkunu nagħqdu fil-vojt, imma s-Sibt jiddi bid-dawl tiegħu: jedukana u jitlobna nistrieħu.  Ħajja divina, ħajja mfassla fuq il-bniedem, dik li taf xhinu l-mistrieħ tas-Sibt.  “Imma kull wieħed jintasab taħt id-dielja tiegħu, u taħt is-siġra tat-tin tiegħu; u ma jkunx hemm min iwerwirhom” (Mik 4,4), kien ipprofetizza Mikea.  U Żakkarija hu l-eku: “F'dak il-jum, oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti, intom tistiednu 'l xulxin taħt id-dielja u taħt it-tina tagħhom” (cfr Żakk 3,10).  Ġesù, li donnok rieqed f’dinja li tinsab f’tempesta, ġibilna l-paċi tas-Sibt.  Hekk il-ħolqien kollu narawh isbaħ u itjeb, iddestinat għall-qawmien.  U tinżel il-paċi fuq il-poplu tiegħek u bejn in-nazzjonijiet kollha.

 

Invokazzjoni tal-aħħar

“Tkun imfaħħar, Mulej tiegħi”, kien jgħanni San Franġisk t’Assisi.  F’dil-kantika mill-isbaħ ifakkarna li d-dar komuni tagħna qiesha oħtna.  “Din oħtna tipprotesta għall-ħsara li nġibulha” (Enċ Laudato si’, 1,2).

“Aħwa lkoll”  - kiteb mill-ġdid San Franġisk ta’ Assisi, meta indirizza lil ħutu kollha rġiel u nisa u pproponielhom għamla ta’ ħajja li għandha t-togħma tal-Vanġelu  (Enċ. Fratelli tutti, 1).

“Huwa ħabbna”, jgħid San Pawl għal Kristu, biex jgħinna niskopru li xejn “ma jista’ qatt jifridna” minn din l-imħabba” (Enċ Dilexit nos, 1)

Temmejna l-mixja tat-Triq tas-Salib, dorna lejn dak il-wiċċ li ħadd ma jista’ jifridna minnu.  Issa, waqt lil r-Re rieqed u silenzju kbir jinżel fuq l-art kollha, nagħmlu tagħna kliem San Franġisk u nitolbu għall-konverżjoni tal-qalb.

Alla l-aktar għoli u glorjuz,
dawwal id-dlam ta’ qalbi.
Tini fidi retta,
tama ċerta,
karità perfetta
u umiltà profonda.
Mulej, tini l-għaqal u d-dixxerniment
biex nagħmel ir-rieda vera u qaddisa tiegħek. Ammen.

 

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber