ŻJARA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-BELT TA’ VERONA

LAQGĦA TAL-PAPA MAT-TFAL U L-ADOLOXXENTI

Pjazza San Zeno (Verona)
Is-Sibt, 18 ta’ Mejju, 2024

 

IL-PAPA FRANĠISKU:

 

Sewwa… Il-jum it-tajjeb!

Issa nibdew niddjalogaw… Ħbiebkom se jagħmlu xi mistoqsijiet..

 

L-ewwel mistoqsija: Fl-Evanġelju Ġesù jsejjaħ lid-dixxipli biex jimxu warajh minkejja li mhumiex perfetti.  Kif nagħmlu biex nisimgħu s-sejħa tiegħu?

 

IL-PAPA FRANĠISKU

Din hi mistoqsija importanti ħafna.  X’għandi nagħmel biex nisma’ s-sejħa ta’  Ġesù?  Għax fl-Evanġelju naraw li Ġesù jsejjaħ lid-dixxipli li ma kinux perfetti, kienu nies komuni, u jien li jien tifla, tifel, komuni, x’għandi nagħmel biex nisma’ s-sejħa ta’ Ġesù?   Għidli ħaġa: meta int tkun ma’ missieriek, ma’ ommok, man-nanniet, tħossok komdu? (Iwieġbu: Iva!) u hemm inti tħossok maħbub: l-imħabba ta’ missier, ta’ omm, ta’ nannu, ta’ nanna.  Meta int tagħmel ħaġa tajba, per eżempju jkollok żewġ ħelwiet u tagħti waħda lil xi ħaddieħor, jew jekk tara persuna fil-bżonn u ttiha xi ħaġa tal-flus, tħossok sew? (Iwieġbu: Iva! Ħafna!).  Tajjeb ħafna… U meta, per eżempju, int tgħid gidba, tħossok sew?  (Iwieġbu: Le!)  Bravi, bravi…u meta tiġġieled ma’ ħuk, ma’ oħtok, tħossok sew? (Iwieġbu: Le!).  Intom qed tindunaw li kapaċi “tħossu”: tħossukom sew, ma tħossukomx sew jekk ma tisimgħux jew tagħmlu xi ħaġa.  Meta Ġesù jitkellem – isimgħuha sewwa din – meta Ġesù jitkellem, inissel il-ferħ fi qlubna.  Fhimtu?  Iva!.  Issa nsaqsikom: meta Ġesù jitkellem, kif inħossuna? (Iwieġbu: Tajjeb!)  Kif? (Iwieġbu: Tajjeb!)  Bravi!  U hekk ikollna ħila nisimgħu s-sejħa ta’ Ġesù, għax Ġesù jgħinna nħossuna sew.  U jekk tiġi persuna li ma tħobbokx u ttik daqtejn ta’ ħarta, kif tħossok? (Iwieġbu: Ħażin!)  U jekk jiġi x-xitan jgħidlek xi ħaġa, kif tħossok? (Iwieġbu: Ħażin!).  Hekk intom fhimtu sewwa dak li nħossu meta jiġi Ġesù u xi nħossu meta nagħmlu xi ħaġa kerha.  Fhimtu sew? (Iwieġbu: Iva!).  Meta jiġi Ġesù kif inħossuna?  (Iwieġbu: Tajjeb!); u jekk naraw jew nagħmlu li ħaġa kerha kif inħossuna? (Iwieġbu: Ħażin!)  Ah!  Bravi! Kuraġġ! Complimenti!

 

It-tieni mistoqsija: Ġesù jibgħat lid-dixxipli fid-dinja kollha, kif nistgħu nkunu sinjal ta’ paċi aħna t-tfal?

 

IL-PAPA FRANĠISKU

Ġesù jibgħat lid-dixxipli tiegħu fid-dinja kollha, dan hu minnu.  Għax lill-Appostli Ġesù qalilhom: “Morru u xandru l-Bxara t-Tajba”.  Ġesù jibgħat lid-dixxipli, lill-Appostli u lilna lkoll  biex nipprietkaw fid-dinja kollha, ċertament… Iżda l-mistoqsija hi: aħna, issa, kif nistgħu nkunu sinjal ta’ paċi fid-dinja?  Intom tafu li f’din id-dinja, propju f’dal-ħin, id-dinja tinsab fi gwerra. Tafuh dan?  Hawn tant gwerer, tant gwerer, kemm fl-Ukrajna, fl-Art Imqaddsa, fl-Afrika, fil-Myanmar... Bosta u bosta gwerer… U Ġesù jipprietka l-gwerra jew il-paċi?  (Iwieġbu: Il-paċi!).  U aħna x’għandna nagħmlu, il-gwerra jew il-paċi?  (Iwieġbu: Il-paċi).  Jiġifieri li għandna nkunu sinjal ta’ paċi, mhux hekk?  (Iwieġbu: Iva!)  Imma jekk int ikollok xi tgħid ma’ xi tifel, tifla mill-iskola, tkun sinjal ta’ paċi?  ((Iwieġbu: Le!).  Ma tinstemgħux sew.. (iwieġbu: Le!).  Għandna nkunu sinjal ta’ paċi, naqsmu mal-oħrajn, niżirgħu t-tajjeb, nisimgħu lill-oħrajn, nilgħabu magħhom imma mhux niġġieldu magħhom.  Ngħiduha flimkien: Għandna nkunu sinjal ta’ paċi!  Flimkien!  (Iwieġbu: għandna nkunu sinjal ta’ paċi!)  Intom bravi, intom bravi!  Complimenti!

 

Issa l-aħħar mistoqsija…

 

It-tielet mistoqsija: Aħna t-fal tal-iskola sekondarja, li qed nagħmlu l-festa biex ngħaddu għall-iskola superjuri, kif nistgħu nibqgħu fil-fidi fil-waqtiet ta’ diffikultà u ma nibżgħux nieħdu deċiżjonijiet kontra l-kurrent?

 

IL-PAPA FRANĠISKU

Bravu!  Mistoqsija diffiċli… Kif nistgħu nibqgħu fil-fidi fil-mumenti fejn kollox hu iswed, diffiċli.  Per eżempju, kif nistgħu nibqgħu sħaħ fil-fidi quddiem il-mewt ta’ xi persuna għażiża, in-nanniet, iz-zijiet u xi drabi l-missier, l-omm?  Waqt dawn id-diffikultajiet, fil-mumenti diffiċi, iebsin, kif nistgħu nibqgħu fil-fidi?  Anzi, kif nistgħu naqdfu kontra l-kurrent, għax jgħidulna: «imma int trid tibqa’ għaddej?  Israq dan….»  Għandna nisirqu?  (Iwieġbu: Le!)  Le?  Mintomx konvinti… Nistgħu nisirqu?  (Iwieġbu: Le!)  U intom, biex ma tagħmlux xi ħaġa kerha, għandkom tmorru kontra l-kurrent, fhimtuha din?  (Iwieġbu: Iva!).  Nagħmlu dak li ħaddieħor forsi ma jagħmlux.  Kif nistgħu ngħelbu l-biża’ li mmorru kontra l-kurrent?  Dil-mistoqsija nagħmilha jien lilkom.  Xi ħadd kuraġġuz, iwieġeb... X’għandna nagħmlu biex naqdfu kontra l-kurrent?  (Xi ħadd iwieġeb: Nisimgħu l-qlubna!)  Bravu!  Xi ħadd ieħor… (Xi ħadd iwieġeb: Il-kuraġġ!)  Tajjeb, tajjeb, għajtu aktar… (Iwieġbu: Il-Kuraġġ!)  Bravi, bravi!  Hekk qed ittuni pjaċir.. isimgħu ħaġa: tibżgħux tmorru kontra l-kurrent jekk tkunu tridu tagħmlu xi ħaġa tajba, fhimtu?  (Iwieġbu: Iva!)  Għandna nibżgħu mmorru kontra l-kurrent?  (Iwieġbu: Le!) Intom bravi!  Grazzi għeżież, grazzi!

Issa ngħidu talba flimkien, nitolbu flimkien. “Missierna, li inti fis-smewwiet…”.  Issa fis-skiet nirċievu l-barka.   (Iberikom).

Fil-ħajja tagħna għandna nbierku jew nisħtu?  (Iwieġbu: Inbierku!)  Inbierku lix-xitan ukoll?  (Iwieġbu: Le!)  Tajjeb… intom bravi!  Ibqgħu sodi!  Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber