ŻJARA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU F’VERONA

KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

Stadio Bentegodi (Verona)

Is-Sibt 18 ta’ Mejju 2024

 

Darba, l-Appostlu Pawlu mar f’komunità Nisranija u staqsa: “Irċivejtuh l-Ispirtu s-Santu?”. U huma x’wieġbu? “Xi jkun l-Ispirtu s-Santu?” (ara Atti 19:1-2). Ma kinux jafu min kien l-Ispirtu s-Santu. Jiena naħseb li llum, li kelli nistaqsi f’tant komunitajiet Insara min hu l-Ispirtu s-Santu, ma jkunux jafu jwieġbu.

 

Darba, waqt quddiesa tat-tfal – jum bħal dan ta’ Għid il-Ħamsin, kienu mitejn tifel u tifla, bejn wieħed u ieħor – jien staqsejthom: “Min hu l-Ispirtu s-Santu?”, u t-tfal: “Jien! Jien! Jien!”; kollha riedu jwieġbu. Jiena għidt: “Int” – “Huwa l-paralitiku!”. Kienu semgħu min jgħid “Paraklitu” u dan qal paralitiku. U ħafna drabi, li kelli nistaqsi, ma ngħidx li t-tweġiba se tkun “il-paralitiku”, imma ma nafux min hu l-Ispirtu s-Santu.

 

Ħuti, l-Ispirtu s-Santu huwa l-protagonista tal-ħajja tagħna! Hu dak li jmexxina ’l quddiem, li jgħinna nimxu ’l quddiem, li jgħinna nikbru fil-ħajja Nisranija. L-Ispirtu s-Santu jinsab ġewwa fina. Attenti: ilkoll irċivejna l-Ispirtu s-Santu fil-Magħmudija, u anki fil-Griżma, iktar! Imma jiena qed nagħti widen lill-Ispirtu s-Santu li hu ġewwa fija? Nagħti widen lill-Ispirtu li jċaqlaqli ’l qalbi u jgħidli: “Dan tagħmlux, dan iva”? Jew għalija ma jeżistix l-Ispirtu s-Santu?

 

Illum qed niċċelebraw il-festa tal-jum li fih ġie l-Ispirtu s-Santu. Imma immaġinaw ftit: l-Appostli kienu kollha magħluqin fiċ-ċenaklu. Kienu mbeżżgħin, bil-bibien magħluqa… Ġie l-Ispirtu s-Santu, bidlilhom qalbhom, u marru jipprietkaw bil-kuraġġ. Kuraġġ: l-Ispirtu s-Santu jagħtina l-kuraġġ biex ngħixu l-ħajja Nisranija. U għalhekk, b’dan il-kuraġġ, jibdel il-ħajja tagħna.

 

Xi drabi aħna mmorru [għall-qrar] bl-istess dnubiet: “Imma Dun, jiena rrid nibdel ħajti, imma ma nafx kif nagħmel…” – “Imma int isma’ lill-Ispirtu! Itlob lill-Ispirtu u jkun hu li jibdillek ħajtek. Afda fl-Ispirtu” – “Eh, Dun, jien għandi 90 sena, issa ma nistax ninbidel…” – “Imma kemm fadallek jiem ta’ ħajja?” – “Eh, hekk ma nafx” – “B’jum wieħed biss, l-Ispirtu jista’ jibdillek ħajtek. Jista’ jibdillek qalbek!”.

 

L-Ispirtu qabelxejn hu Dak li jibdlilna ħajjitna. Fhimtuh dan? Nirrepetu flimkien: “L-Ispirtu jibdlilna ħajjitna”. [Kollha: “L-Ispirtu jibdlilna ħajjitna”]. U din ħaġa sabiħa.

 

It-tieni. L-Appostli li kienu tant imbeżżgħin, meta rċivew l-Ispirtu s-Santu, imxew ’il quddiem bil-kuraġġ biex jipprietkaw il-Vanġelu. L-Ispirtu s-Santu jagħtina l-kuraġġ biex ngħixu Kristjanament. Xi drabi nsibu Nsara li huma bħall-ilma biered: la sħan u lanqas kesħin. Jonqoshom il-kuraġġ. “U Dun, fejn tista’ tagħmel kors biex ikollok il-kuraġġ?” – “Le, itlob lill-Ispirtu. Afda fl-Ispirtu”. L-Ispirtu jagħtina l-kuraġġ biex ngħixu Kristjanament. Fhimtuh dan? Ilkoll flimkien: “L-Ispirtu jagħtina l-kuraġġ”. [Ilkoll: “L-Ispirtu jagħtina l-kuraġġ]. Dik hi! U nitolbu dan: ħa jgħinna l-Ispirtu biex nimxu ’l quddiem.

 

U mbagħad, ħaġa sabiħa ħafna għamilha l-Ispirtu dakinhar ta’ Għid il-Ħamsin. Kien hemm nies minn kull nazzjon, minn kull lingwa, minn kull kultura, u l-Ispirtu, b’dawk in-nies, jibni lill-Knisja. L-Ispirtu jibni lill-Knisja. Xi jfisser dan? Li jġib lil kulħadd bħal xulxin? Le! Kulħadd differenti, imma b’qalb waħda, bl-imħabba li tgħaqqadna. L-Ispirtu hu Dak li jsalvana mill-periklu li nsiru kollha ugwali. Le. Aħna lkoll mifdija, ilkoll maħbuba mill-Missier, ilkoll mgħallma minn Ġesù Kristu. U x’jagħmel l-Ispirtu? Jagħmel dik il-ħaġa: jiġbor lil kulħadd flimkien. Hemm kelma li tfissru tajjeb dan: l-Ispirtu jagħmel l-armonija! L-armonija tal-Knisja. Kull wieħed u waħda differenti minn xulxin, imma fi klima ta’ armonija. Flimkien ngħidu: l-Ispirtu jagħmel minna l-armonija. [Ilkoll: “L-Ispirtu jagħmel minna l-armonija”].

 

Ħuti, dan hu l-miraklu tal-lum: jaqbad persuni mbeżżgħin, imwerwrin, u jagħmilhom qalbiena; jaqbad irġiel u nisa minn kull kultura u jagħmel minnhom l-għaqda ta’ kulħadd, jagħmel il-Knisja. Jaqbad dawn in-nies mingħajr ma jagħmilhom ugwali. X’jagħmel l-Ispirtu? L-armonija. Flimkien: l-Ispirtu jagħmel l-armonija.

 

Issa kull wieħed ħa jaħseb fil-ħajja personali tiegħu. Ilkoll kemm aħna għandna bżonn tal-armonija. Ilkoll għandna bżonn li l-Ispirtu jagħtina l-armonija fir-ruħ tagħna, fil-familja, fil-belt, fis-soċjetà, fil-post tax-xogħol. Il-maqlub tal-armonija hija l-gwerra, u l-ġlied wieħed kontra l-ieħor. U meta nagħmlu gwerra, meta niġġieldu kontra xulxin, dan qed jagħmlu l-Ispirtu, iva jew le? [Ilkoll: “Le”]. Għajtu iktar! [Ilkoll: “Le!”]. Le, le. L-Ispirtu jagħmel l-armonija. U mal-Appostli, dakinhar li ġie, kien hemm il-Madonna, il-Verġni Marija. Nitolbu lilha, biex tagħtina l-grazzja li nirċievu l-Ispirtu s-Santu; li hi, bħala Omm, tgħallimna nirċievu l-Ispirtu s-Santu. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard