ŻJARA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-BELT TA’ VERONA

IL-QDUSIJA TIEGĦU JIPPRESJIEDI L-LAQGĦA
 "ARENA DI PACE – IL-ĠUSTIZZJA U L-PAĊI GĦAD JITBEWSU"

Arena di Verona
Is-Sibt, 18 ta’ Mejju, 2024

1. IL-PAĊI TRID TKUN IMFASSLA (ORGANIZZATA) (Grupp Democrazija Drittijiet)

Mistoqsija

Papa Fransġiku, jiena Mahbouba Seraj, ġejt hawn fl-Arena 2024, minn Kabul, fl-Afghanistan.  Minn dejjem emmint fik, Santo Padre: inti bniedem tal-paċi u tista’ tagħmel ħafna.  Il-parir tiegħi hu li biex ikollok aktar suċċess, hemm bżonn twaqqaf istituzzjonijiet ta’ paċi, għandek titfa l-enerġiji kollha tiegħek għat-twaqqif ta’ istituzzjonijiet ta’ paċi.  F’pajjiżi, fl-Afghanistan, konna għexna l-illużjoni tad-demokrazija, l-illużjoni tal-paċi.  Minn 44 sena ‘l hawn, pajjiżi jinsab fi gwerra u nixtiequ nafu x’jista’ jsir: Int, Missier, x’tirrikmandalna?  Imma mhux biss għall-Afghanistan: il-parir imdawwal tiegħek jgħodd għad-dinja kollha.  Kif nistgħu nħaddmu l-opra tal-paċi?  U aħna lkoll miegħek f’din l-isfida.

Traduzzjoni ta’ dak li qalet Mahbouba Seraj:

“Il-Moskeja, il-Mekka, it-Tempju huma kollha skużi.  Il-ħajja t’Alla tinsab fid-dar tiegħek”.

Tweġiba

Il-mistoqsija hi dwar liema tip ta’ leadership jista’ jaqdi din il-funzjoni li inti esprimejt b’tant profondità.  Il-kultura mmarkata sfiq bl-individwaliżmu - mhux minn komunità – tinsab f’riskju dejjem jikber li d-dimensjoni tal-komunktà tgħib; fejn l-individwaliżmu hu qawwi, il-komunità tisparixxi.  U dan, jekk narawh f’termini politiċi u demografiċi, forsi hu l-għerq tad-dittatorjati.  Hekk għaddejja d-dinja bħalissa.  Qed jgħibu d-dimensjoni tal-komunità, id-dimensjoni tar-rabtiet vitali li jsostnuna u jmexxuna ‘l quddiem.  Inevitabbli li dan iħalli konsegwenzi wkoll fuq il-mod kif aħna nifhmu l-awtorità.  Min għandu rwol ta’ responsabbiltà f’xi istituzzjoni politika, inkella f’xi impriża jew f’xi realtà ta’ impenn soċjali, jinsab f’riskju li jitgħabba bil-piż li jkun irid isalva lill-oħrajn qiesu xi eroj.  U dan hu ta’ ħsara kbira, dan hu l-velenu tal-awtorità.  U din hija l-kawża tas-solitudni li bosta persuni f’pożizzjoni ta’ responsabbiltà jistqarru li qed iġarrbu, kif ukoll waħda mir-raġunijiet għala qed naraw jiżdied il-fenomenu li wieħed jaħsel idejh.  Jekk l-ideja li għandna tal-leader hi dik ta’ persuna waħedha, li tkun ‘il fuq mill-oħrajn kollha, bis-sejħa li tiddeċiedi u taġixxi f’isimhom u favur tagħhom, allura nkunu qed nagħmlu tagħna viżjoni mfaqqra u li tfaqqar, li tispiċċa biex tnixxef l-enerġija kreattiva ta’ min hu leader u tagħmel ħawli l-assjem tal-komunità u tas-soċjetà.  Il-psikjatri jgħidu li waħda mill-aggressjonijiet l-aktar fini hi l-idealizzazzjoni: hi mod kif wieħed jaggredixxi.  U din hi viżjoni ferm bogħod minn dik li jistqarr il-qawl bantu: “Jien jien għax aħna aħna”  L-għerf ta’ dan il-qawl jinsab fil-fatt li l-aċċent hu fuq ir-rabta bejn il-membri ta’ komunità: “Aħna aħna, jien jien”.  Ħadd ma jeżisti mingħajr l-oħrajn, ħadd ma jista’ jagħmel kollox waħdu.  Allura, l-awtorità li għandna bżonn hi dik li l-ewwel u qabel kolox għandha ħila tagħraf liema huma l-punti qawwija tagħha imma wkoll liema huma l-limitazzjonijiet tagħha, u għalhekk tifhem lejn min għandha ddur biex issib l-għajnuna u l-kollaborazzjoni.  Essenzjalment, l-awtorità hi kollaborattiva; inkella ssir awtoritarja bil-mard kollu li dan iġib miegħu.  Biex tibni proċessi solidi ta’ paċi infatti, l-awtorità taf tivvalorizza dak kollu li hemm tajjeb f’kull persuna, taf tafda, u b’hekk lill-persuni tippermettilhom biex min-naħa tagħhom isibu l-ħila jagħtu sehemhom b’mod tanġibbli.  Awtorità ta’ dan it-tip hi favur il-parteċipazzjoni, spiss tagħraf li mhix it-tmiem ta’ kollox kemm fil-kwantità kif ukoll fil-kwalità. 

Parteċipazzjoni: tinsewhiex dil-kelma.  Naħdmu lkoll, nipparteċipaw ilkoll fil-ħidma li rridu nwettqu.  Parteċipazzjoni tajba li intom tiddeskrivuha hekk: “espressjoni ta’ mistoqsijiet u proposti, ta’ tweġibiet kollettivi għall-kritiċità u l-asprazzjonijiet, li jseddqu l-kultura u viżjonijiet ġodda għad-dinja, enerġija ċivili li lill-individwi u lill-komunitajiet tagħmilhom protagonisti tal-ġejjieni tagħhom” (Dokument dwar id-Demokrazija).  F’soċjetà jew f’pajjiż jew belt, anki f’xi inizjattiva żgħira, dment li ma jkunx hemm parteċipazzjoni xejn ma jista’ jaħdem, għalix aħna komunità, m’aħniex nies li jgħixu għal rashom.  Tinsewhiex dil-kelma: parteċipazzjoni.  Importanti ħafna.

Sfida kbira tal-lum hi li terġa titqajjem fiż-żgħgżagħ il-ħeġġa għall-parteċipazzjonni.  Hemm kelma ċkejkna li nisewha meta ngħidu “nirranġa jien”, “immur jien”.  Liema hi dil-kelma?  Flimkien.  Din hi l-forza tal-għaqda, din hi l-parteċipazzjoni.  Hemm bżonn ninvestu fiż-żgħażagħ, fil-formazzjoni tagħhom, biex inwasslu l-messaġġ li t-triq lejn il-ġejjieni ma tistax tgħaddi mill-impenn ta’ wieħed waħdu, imma  permezz tal-azzjoni ta’ poplu – il-poplu hu protagonista, ma ninsewhx dan -, fejn kulħadd jagħti s-sehem tiegħu, kull wieħed u waħda skont id-dmirijiet u l-ħiliet tiegħu/tagħha.  U nixtieq nagħmillek mistoqsija: f’poplu, il-ħidma flimkien hi s-somma tal-kontribuzzjoni ta’ kull wieħed u waħda?  Dak biss?  Le.  Hi aktar minn hekk.  Wieħed u wieħed jistgħu jkunu tlieta: dan hu l-miraklu tal-ħdima flimkien.

 

2. GĦANDNA NIPPROMWOVU L-PAĊI (Grupp Migrazzjoni)

Mistoqsija

João Pedro Stédile: Papa Franġsiku qed inwassallek tgħannieqa kbira f’isem il-poplu “sem Terra” tal-Brażil: aħna magħqudin u nitolbu għalik.  Qed inwassallek ukoll kliem l-isqof tagħna, tas-Senza Terra, l-isqof Pedro Casaldáliga Plá, li sfortunatament m’għadux magħna.  Hu kien qalilna: “Misħutin dawk l-ispazji magħluqa, misħutin dawk il-propjetajiet privati li jimpeduna milli ngħixu u nħobbu.  Grazzi.

Papa Franġisku, jiena Elda Baggio, operatriċi umanitarja fi ħdan “Medici senza frontiere”: u ninsab hawn flimkien ma’ João Pedro Stédile, li ngħaqad magħna mill-Brażil u ġab miegħu l-għerf u l-esperjenza kollha tal-moviment senza terra (mingħajr art).  Ovvjament, aħna wkoll għandna għal qalbna l-paċi u l-bini tal-paċi u ġarrabna kif l-ewwel pass hu li nkunu man-naħa tal-migranti, tal-vittmi, nisimgħuhom, inħalluhom jirrakkuntaw l-istejjer tagħhom u jsemmgħu leħinhom.  Din l-esperjenza tmewtilna qlubna, ħarsitna, il-menti tagħna u toħroġ fil-beraħ l-inġustizzji li jeżistu.  Imma dak li rridu nagħmlu mhux ħaġa faċli: kif nistgħu ngħixu dil-konverżjoni ta’ perspettiva, din il-bida fil-perspettiva?  X’jista’ jgħinna biex nilħqu l-għan tagħna?

Tweġiba

Hu propju l-Evanġelju li jgħidilna li għandna nkunu man-naħa taċ-ċkejknin, man-naħa tad-dgħajfin, man-naħa ta’ min hu minsi.  Dan jgħidilna l-Evanġelju.  U Ġesù, bil-ġest tal-ħasil tas-saqajn jaqleb ta’ taħt fuq il-ġerarkiji konvenzjonali, jgħidilna l-istess ħaġa.  Dejjem ikun Hu li jsejjaħ liż-żgħar u lill-imwarrbin u jqiegħdhom fiċ-ċentru, jistedinhom isibu posthom mal-oħrajn, jippreżenatahom bħala xhieda ta’ bidla meħtieġa u possibbli.  Bl-azzjonijiet tiegħu, Ġesù jkisser il-konvenzjonijiet u l-preġudizzji, lill-persuni li s-soċjetà ta’ żmienu kienet taħbi u tiddisprezza, kien itihom importanza.  Dan importanti ħafna: il-limitazzjonijiet m’għandhomx jinħbew.  Hemm nies li huma limitati ħafna, fiżikament, spiritwalment, soċjalment, ekonomikament.  Il-limitazzjonijiet m’għandhomx jibqgħu mistura.  Ġesù ma kienx jaħbihom.  Ġesù kien jagħmel dan mingħajr ma jqiegħed lilu nnifsu minflokhom, bla ma jistrumentalizzahom, bla ma joħonqilhom leħinhom, l-istorja tagħhom, l-esperjenzi tal-ħajja tagħhom.  Jien nieħu gost meta persuni limitati fiżikament narahom jieħdu sehem fil-laqgħat, bħalma qed jiġri f’dal-każ, għax Ġesù ma kienx jaħbihom, din hi l-verità.  Kulħadd għandu leħnu, kemm jekk jitkellem b’fommu u wkoll jekk jitkellem permezz tal-eżistenza tiegħu.  Ilkoll kemm aħna għandna l-vuċi propja tagħna.  U bosta drabi aħna ma nafux nisimgħuha għax naħsbu biss f’dak li jolqot lilna, jew, agħar, il-ġurnata kollha aljenati bil-mowbajl u dan l-aġir jostrilna r-realtà: ħafna drabi, mhux hekk?

Kif ktibtu fid-dokument tal-grupp ta‘ ħidma tagħkom, biex tintemm kull forma ta’ gwerra u vjolenza hemm bżonn inkunu spalla ma’ spalla maż-żgħar, nirrispettaw id-dinjità tagħhom, nisimgħuhom b’mod li leħinhom ikun jista’ jasal bla ma jgħaddi minn xi passatur!  Dejjem qrib iż-żgħar, ħalli leħinhom jinstama’.  Niltaqgħu maż-żgħar u naqsmu magħhom in-niket tagħhom.  Nappoġġjawhom bla riservi kontra l-vjolenza li ġġibhom vittmi, u nwarrbu għal kollox il-kultura tal-indifferenza li tiġġustifika kollox.

Mistoqsija – naf li dan intom tafuh -: illum niftakru f’kemm tfal ikunu mġagħlin jaħdmu, xogħol ta’ skjavi, biex jaqilgħu x’jieklu?  Iċ-ċkejknin… Dak it-tifel li forsi qatt ma kellu ġugarell għax dejjem għaddej minn hawn, minn hemm, biex jaqla’ biċċa ħobż, forsi wkoll f’xi miżbla jfittex xi ħaġa xi jbigħ.  Hawn ħafna u ħafna tfal hekk, li mank jafu jilgħabu għax ħajjithom hekk tfasslitilhom.  Iċ-ċkejknin: iċ-ċkejknin isofru.  U jsofru minħabba l-maltemp?  Le, minħabba fina.  Ir-responsabbiltà hija tagħna.  “Le, Padre, jiena le, għax jien….”  Ilkoll kemm aħna responsabbli, ilkoll responsabbli għal xulxin.  Imma llum nimmaġina li “l-Premju Nobel” li nistgħu nagħtu lil ħafna, lil ħafna minna, hu “l-Premju Nobel” ta’ Ponzju Pilatu għax sirna esperti biex naħslu jdejna.

Din hi l-konverżjoni li tibdlilna ħajjitna, il-konverżjoni li tibdel id-dinja.  Konverżjoni li tolqot lil kulħadd individwalment, imma wkoll bħala membri tal-komunitajiet, tal-movimenti, tar-realtajiet assoċjattivi li niffurmaw parti minnhom, u bħala ċittadini.  U dan jolqot ukoll lill-istituzzjonijiet li la huma esklużi u lanqas meħlusin minn dal-proċess ta’ konverżjoni.  L-ewwel pass hu li nkunu konxji li aħna mhux iċ-ċentru ta’ kollox…. (jilmaħ raġel anzjan jippassiġġa f’nofs l-Arena).. fiċ-ċentru hemm dan l-anzjan: hu importanti daqs kull wieħed u waħda minna.  Fiċ-ċentru m’għandux ikun hemm il-viżjonijet tagħna, l-ideat tagħna.  Imbagħad irridu nammettu li l-istil ta’ ħajja tagħna inevitabbilment ikollu jintmiss u jinbidel.  Meta nkunu flimkien maż-żgħar inħossu li “jiskomodawna”.  Iż-żgħar jiskomodawna, għax imissu, imissu l-qalb.  Il-mixja maż-żgħar iġġagħalna nibdlu l-pass, nerġgħu naraw x’qed inġorru fil-haversack tagħna, biex nitħaffew minn tant piżijiet u toqol żejjed ħalli nagħmlu wisa’ għal affarijiet ġodda.  Allura għandna ngħixu dan mhux bħala telf, imma bħala arrikkiment, żabra għaqlija, li tneħħi dak li hu bla ħajja u tivalorizza dak li jipprometti.  Żabra, mhux telf: tweġġa’, iva, fil-mument li tkun  qed tneħħi xi ħaġa, imma hi ħaġa li ttik il-ħajja.  Ħajjitna qrib iż-żgħar għandna ngħixuha qiesha żabra.  Naraw ftit il-lista taż-żgħar, tal-bosta “żgħar” li għandna.  U niftakru f’xi kategorija li lkoll kemm aħna għandna fil-familja, żgħar fis-sens, biex ngħidu hekk, li “ċkienu” minħabba l-età: niftakru fin-nanniet.  Qed tiġi f’moħħi storja sabiħa ħafna li mhix storika, hija rakkont.  Familja sabiħa – missier, omm, ulied – li kien jgħix magħha n-nannu: xwejjaħ li kien joqgħod fuq il-mejda flimkien mal-familja.  Imma aktar ma jixjieħ kien bdiet tirtgħod idu u kien iħammeġ kollox.  Ġurnata waħda l-missier qal: “minn għada n-nannu se jibda jiekol fil-kċina, għax ma jiekolx sew, u aħna ma nkunux nistgħu nistiednu lil ħadd”.  Mill-għada n-nannu beda jiekol fil-kċina.  Ġimgħa wara, meta l-missier reġa’ lura d-dar sab lil ibnu ta’ ħames snin jilgħab bil-biċċiet tal-injam…. “X’qed tagħmel?” – “Mejda, papà!” – “Mejda?  Għalfejn?”  “Għalik, għal meta tixjieħ”.  Noqgħodu attenti max-xjuħ: ix-xjuħ huma għerf.  Ma ninsewhx dan.  Ngħidha b’għafsa ta’ qalb: din is-soċjetà ħafna drabi lix-xjuħ taħbihom, lix-xjuħ tabbandunahom.  Grazzi.

 

3. IL-PAĊI RRIDU NIEĦDU ĦSIEBA (Grupp Ambjent/Ħolqien)

Mistoqsija

Jisimni Vanessa Nakate, jien attivista mill-Uganda, attivista dwar il-klima.  L-ewwel darba li rajt il-Papa kien meta ġie jżur pajjiżi.  Rajtu fuq il-popemobil, għidt:  Jien kuntenta minkejja li bejnietna hemm ħġieġa ta tieqa, imma tal-anqas rajtu.  Qatt ma immaġinajt li disa’ snin wara kont se nsib ruħi fuq l-istess palk fejn qiegħed hu… verament hu unur, unur bla tarf!  Mhemmx ħtieġa li jkollna l-aħjar individwalment, imma bħala umanità, bħala kollettiv; pjaneta vivibbli hi soluzzjoni ottimali għal kulħadd mhux għal xi wħud biss.

Annamaria Panarotto:
Se nerġa’ naqralkom il-versett li għadha kif qalet Vanessa: Mhux importanti li nirbħu bħala individwi, hemm bżonn li nirbħu flimkien, ilkoll f’daqqa, bħala umanità!  Pjaneta f’saħħtu u vivibbli jkun rebħa għal kulħadd, mhux għal xi wħud biss!  Papa Franġsiku, jiena waħda minn dawk l-ommijiet No-Pfas mir-reġjun tal-Veneto.  L-ommijiet isemmgħu leħinhom, dejjem!  Grupp li ilu snin impenjat kontra t-tniġġis tal-ilma, hawn fil-Veneto, li marrad lil uliedna u ninsab hawn ma’ Vanessa Nakate, kustodju żgħażugħa u kuraġġuża tad-dar komuni tagħna, li ġiet mill-Uganda.   Il-paċi nibnuha flimkien.  Ma jistax ikun hemm paċi bejn il-bnedmin jekk il-bnedmin ma jagħmlux paċi mal-Ħolqien.  Biex jinbnew realzzjonijiet ġusti bejn il-bnedmin kollha jrid jgħaddi ż-żmien.  Kif nistgħu nsibu ż-żmien f’epoka ta’ għaġla u ta’ kollox minnufih?  Imbagħad, għażiż Papa Franġsiku, xtqat ngħid li llum ninsabu hawn f’għadd kbir, kbir ħafna u lkoll aħna artiġġjani tal-paċi, qed nirrappreżentaw gruppi, movimenti, assoċjazzjonijiet, Knejjes, imma aħna, u rridu nkunu, nibgħqu, artiġġjani tal-paċi.  Imma nħossu wkoll l-urġenza li kważi jkollna nobbligaw likl-politika biex tibdel il-viżjoni tagħha, biex tagħti tweġibiet aktar immedjati.  Allura xtaqt nistaqsik jekk tistax tgħinna nifhmu x’passi rridu nieħdu…

 

Tweġiba

Grazzi!  Għoġobni… fuq kollox għoġbitni dik “il-però” tiegħek.  Grazzi.  Qed inħares lejn dak il-poster: “Niżmilitarizzaw l-imħuħ u t-territorji”.  Qed nitkellmu dwar il-paċi, imma intom tafu li dak li dak li qed iħalli l-akbar qligħ f’xi pajjiżi huma l-fabbriki tal-armi?  Dan ikraħ, ikraħ.  Ma nistgħux niżmilitarizzaw, għax hu biċċa negozju kbira ħafna.  Ħarsu lejn il-lista tal-pajjiżili jipproduċu l-armi, u taraw x’biċċa negozju tajjeb qed jagħmlu.  Iħejju l-mewt.  X’ħaġa kerha!  U “l-però” tiegħi qed jipponta sebgħu lejn din id-direzzjoni kuntradittorja.

Fis-soċjetà tagħna qed ngħixu din it-tensjoni: min-naħa kollox jimbotta biex kollox isir malajr, drajna jkollna tweġiba minnufih għal dak li nitolbu u nitilfu l-paċenzja jekk imqar ikun hemm ftit dewmien.  Per eżempju, ir-rivoluzzjoni diġitali tal-aħħar snin ippermettiet li aħna nkunu konnessi ma’ xulxin il-ħin kollu, nistgħu nikkomunikaw ma’ persuni ferm bogħod minna, nistgħu nagħmlu x-xogħol mid-dar.  Suppost li għandu jkollna aktar ħin għalina, imma minflok qed nindunaw li dejjem bla nifs, dejjem niġru wara l-urġenza tal-aħħar minuta.  Min-naħa l-oħra nħossu li dan kollu mhux naturali.  Dan hu “ġlied”, dan hu gwerra, mhux naturali.  Fis-soċjetà tagħna għandna arja għajjiena, hemm l-għejja fl-arja, ħafna ma jarawx fejda biex jagħmlu il-meħtieġ ta’ kuljum, huma mtaqqlin mis-sensazzjoni li qatt m’huma fil-ħin, qieshom maqbudin f’nassa ta’ ripetizzjoni f’dak li jkollhom x’jagħmlu, għax bla forza jew m’għandhomx ħin ifittxu ftit armonija.  Il-paċi ma nistgħux nivvintawha minn jum għal ieħor.  Il-paċi rridu nikkurawha.  Jekk ma nieħdux ħsieb il-paċi jkun hemm il-gwerra, gwerer żgħar, gwerer kbar.  Il-paċi rridu nindukrawha u llum fid-dinja hawn dan id-dnub gravi: ma nħarsux il-paċi!  Id-dinja tinsab f’ġirja, hemm bżonn nitgħallmu nikkontrollaw il-ġirja u ma nħallux l-attivitajiet jiġru bina, ġewwa fina nħallu wisa’ għall-azzjoni ta’ Alla, għall-azzjoni ta’ ħutna, għall-azzjoni tas-soċjetàl li tfittex il-ġid komuni.

“Aktar kalma” tista’ tidher kelma mhux f’postha, fil-verità hi stedina biex nikkalmaw l-istennija tagħna u l-azzjonijiet tagħna.  Ifisser li hemm bżonn “rivoluzzjoni” fis-sens astronomiku: immorru nfittxu l-paċi, u kif nagħmlu dan?  Dejjem bid-djalogu: il-paċi ssir bid-djalogu.  Nagħrfu lill-oħrajn, nirrispettawhom bid-dehen.  L-isfida enormi li għandna quddiemna hi li mmorru kontra l-kurrent u niskopru mill-ġdid u nħarsu l-ambjenti li fihom ikun possibbli ngħixu flimkien mal-oħrajn.  U mhemmx għalfejn nerġgħu nibdew mill-bidunett, hemm bżonn l-istorja nagħmluha tagħna.

Ħafna drabi l-gwerer huma riżultat tan-nuqqas ta’ paċenzja għax irridu nagħmlu kollox malajr u ma jkollniex ħila nibnu l-paċi, bilmod, bid-dalogu.  Il-paċenzja hi kelma li għandna ntennuha bla heda: il-paċenzja biex inġibu l-paċi.  U jekk xi ħadd - naraw dan fil-ħajja naturali – jekk xi ħadd jinsolentak, mill-ewwel tiġik il-ħajra biex tgħidlu d-doppju u mbagħad erba’ darbiet aktar u hekk l-aggressjoni tiżdied, l-aggressjoni timmoltiplika ruħha.  Hemm bżonn inwaqqfuha, inwaqqfu l-aggressjoni.  Darba waħda – kienet xena divertenti għall-aħħar – kien hemm persuna li marret tixtri xi ħaġa, u kien ċar li ma kinux qed jitolbuha ħlas addattat.  Din bdiet tgħajjat u tgħid minn kollox.  U sid il-ħanut qagħad jisma’ u meta waqfet l-għajjat qaliilha: “Spiċċajt?” – “Iva, spiċċajt!” – “Mur agħmel passiġġata.  Ma qalilhiex hekk eżatt, uża kliem aktar goff, imma bagħtha ‘l hemm.  Meta naraw li s-sitwazzjoni qed tisħon, nieqfu, nagħmlu passiġġata u ngħidu xi kelma, u l-affarijiet jirranġaw.  Nieqfu fil-ħin, nieqfu fil-ħin!

 

4. IL-PAĊI HI ESPERJENZA (Diżarm)

Mistoqsija

[Sergio Paronetto] Ftit vrus minn persuna attiva ħafna fil-laqgħat Arena preċedenti: Giulio Girardello, saċerdot, poeta, ħabib intimu ta’ Giulio Battistella u promotur ta’ dal-laqgħat Arena.  Iżda qabel, fi tletin sekonda, ħaġ’oħra Papa Franġsiku.  Nixtieq ngħidlek, f’isem ħafna, grazzi għall-kuraġġ tiegħek.  Irrid ngħidlek li aħna miegħek, li nixtiequ ngħinuk għax meta ngħinu lilek inkunu ngħinu lilna nfusna, ngħinu d-dinja ssir aktar umana, u fil-mixja tagħna miegħek nerfgħu r-responsabbiltà flimkien miegħek.

Giulio qal: “”Il-paċi tiġi biss minn idejn imħawlin fis-sentimenti tad-dinja.  Jiena għandi par idejn u s-sentiment tad-dinja biex inġib il-paċi.

[Andrea Riccardi] Jiena rrid ngħid li l-fatt li ninsabu hawn donnha ħolma: poplu, mal-Papa Franġisku, li jemmen fil-paċi.  Iżda d-dinja hi differenti, id-dinja differenti ħafna, hawn il-gwerer, u nafuha: gwerer miftuħin u aħna skjerajna ruħna man-naħa tal-vittmi li huma bosta.  Imma f’did-dinja wkoll hemm nuqqas ta’ ħsieb u pjanijiet għall-paċi li qed jiffrustraw it-tamiet li tintemm il-gwerra ta’ tant popli.  Ara, Papa Franġisku, il-paċi hi mbarrija qiesha hi xi inġenwità, anzi, kif tgħid int: il-paċi saret kelma vulgari, u dan hu ta’ niket estrem għax il-paċi hi l-ħajja ta’ kulħadd, il-paċi hi barka kbira.  Iżda hemm alternattiva: għandna nistqarru li ħafna bnedmin komuni, iħossuhom impotenti, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu, u din l-impotenza tiġġenera indifferenza u mbagħad l-indifferenza fl-aħħar issir ukoll kunsens, kompliċità u deċiżjonijiet żbaljati, gwerer, ħaġa verament drammatika.  Allura xtaqna nsaqsuk: f’dan il-mument tant kumplikat, kif nistgħu nkunu artiġġjani tal-paċi, medjaturi quddiem il-kunflitti ta’ qribna u tal-bogħod?  Grazzi.

Tweġiba

Grazzi.  Grazzi tar-riflessjonijiet tiegħek.  Jekk hemm il-ħajja, ladarba hemm komunità attiva, ladarba hemm dinamiżmu pożittiv fis-soċjetà, allura hemm ukoll kunflitti u tensjonijiet.  Dan huwa fatt: in-nuqqas ta’ kunflitti ma jfissirx li hemm il-paċi, imma li nkunu waqafna ngħixu, naħsbu, li naħdmu qatigħ għal dak li nemmnu fih.  Hemm qawl spanjol li jgħid “L-ilma qiegħed l-ewwel li jibda jitħassar u jinten.  Il-persuni statiċi l-ewwel li jimirdu.

F’ħajjitna, fir-realtajiet tagħna, fit-territorji tagħna dejjem aħna msejħin biex nagħmlu l-kontijiet mat-tensjonijiet u mal-kunflitti.  Quddiem din is-sitwazzjoni ma nistgħux nibqgħu ċassi: trid tagħmel għażla, trid tkun kreattiv.  Il-kunflitt hu propju sfida għall-kreattività.  Mill-kunflitt qatt ma tista’ tkun minn fuq waħdek: fil-kunflitt ma tistax tirbaħ waħdek, hemm bżonn il-komunità, l-għajnuna tal-familja, tal-ħbieb imma mill-kunflitt qatt ma tista’ toħroġ waħdek.  U, it-tieni, mill-kunflitt toħroġ biss “min-naħa ta‘ fuq”.  Inkella tegħreq.  Il-kunflitt jixbaħ labirint: mil-labirint ma tistax toħroġ waħdek, hemm bżonn imqar ħajta, dik ta’ Arjanna, biex tgħinek toħroġ.  U mill-kunflitt noħorġu “min-naħa ta’ fuq” biex inkunu aħjar.  Mill-kunflitt ma teħlisx bil-loppju, le, mill-kunflitt jeħtieġ toħroġ bir-realiżmu: ninsabu fil-labirint; jeħtieġ ikollna ħila nagħtu isem lill-kunflitti, naqbduhom minn qrunhom u noħorġu minnhom, noħorġu min-naħa ta’ fuq fil-kumpanija, tal-anqas fil-kumpanija ta’ ħajta.  Fil-ħajja tagħna dejjem imsejħin biex nagħmlu passi ‘l quddiem permezz tal-kunflitti, biex niddjalogaw mal-kunflitti.

Spiss tiġina t-tentazzjoni naħsbu li s-soluzzjoni biex noħorġu mill-kunflitti u t-tensjonijiet irridu nwarrbuhom.  Le, ninjorahom, naħbihom, inwarrbhom fil-ġenb.  Le, din hi time bomb.  Hekk inkun qed inqaċċat ir-realtà ta’ xi ħaġa skomda imma wkoll importanti.  Nafu li fl-aħħar mill-aħħar, jekk il-kunflitti ngħixuhom b’dal-mod jiżdiedu l-inġustizzji u l-inkwiet, il-frustrazzjoni, li jistgħu jissarfu wkoll f’ġesti vjolenti.  Dan narawh ukoll fil-politika, fis-soċjetà.  Meta fil-politika, hi liema hi, jinħbew il-kunflitti, wara, dawn jisplodu u jisplodu bil-kbir.  Ma jkunx hemm armonija.  La fil-familja, lanqas fis-soċjetà ma nistgħu naħbu l-kunflitti.  Għalhekk, meta jinqalgħu problemi fil-familja, hemm bżonn nitkellmu dwarhom biex niċċarawhom. U meta jinqalgħu problemi fis-soċjetà, hemm bżonn insolvuhom flimkien mal-oħrajn.  Imma waħedna ma nsolvu xejn.

Tweġiba oħra li taqtgħalek nifsek hi li nippruvaw insolvu t-tensjonijiet billi naħa waħda toħroġ minn fuq, u dan hu suwiċidju għax il-pluraità tal-pożizzjonijiet għandha tkun l-unika perspettiva.  Illum l-Isqof urieni ċ-ċertifikat tat-twelid ta’ persunaġġ kbir, Romano Guardini, li twieled hawn, f’Verona.  Hu kien jgħid li l-kunflitti nsolvuhom dejjem fuq l-għola livell għax hekk, il-kunflitti jinbidlu fi ħmira ta’ kultura ġdida, ta’ ħwejjeġ ġodda biex nibqgħu mexjin ‘il quddiem.  L-unifromità hi sqaq magħluq: minflok tmexxina ‘l quddiem tgħerriqna: l-uniformità ma tiswa xejn, hemm bżonn l-għaqda, u biex naslu għall-għaqda hemm bżonn naffrontaw il-kunflitti.  Meta nibżgħu mill-pluralità nistgħu ngħidu li dik il-familja, dik is-soċjetà qed tagħmel suwiċidju psikoloġiku u kulturali.

L-ewwel pass li għandu jsir biex it-tensjonijiet u l-kunflitti naffrontawhom kif jixraq hu li naċċettaw li huma parti minn ħajjitna, huma fiżjoloġiċi, meta ma jmorrux ‘l hinn mill-għatba tal-vjolenza.  Għalhekk ma nibżgħux minnhom: merħba bihom biex insolvuhom.  Ma nibżgħux minnhom.  Ma nibżgħux meta hemm ideat differenti li jikkonfrontaw lil xulxin u forsi wkoll huma kontra xulxin.  F’okkażjoni bħal din għandna nagħmlu eżerċizzju differenti.  Il-kunflitt inħalluh jinterpellana, inħallu t-tensjonijiet jipprovokawna, biex nibdew infittxu: kif insolvu, kif se nfittxu l-armonija.  Din hi biċċa xogħol li m’aħniex imdorrijin nagħmluha: madankollu hi għana, din hi r-rikkezza soċjali kemm għall-familja kif ukoll għas-soċjetà.  Hemm il-kunflitti?  Nitkellmu dwarhom, nikkonfrontaw lil xulxin biex insolvuhom.  Jekk jogħġobkom, ma nibżgħux mill-kunflitti, kemm dawk familjari u wkoll soċjali.   U hija ċara li jekk jien  ma nibżax mill-kunflitt, allura jien favur id-djalogu.  U d-djalogu jgħinna nsolvu l-kunflitti, dej-

jem.  Imma d-djalogu ma jfissirx li nġibu lil kulħadd l-istess, le, għax kulħadd għandu l-ideat tiegħu; imma jgħinna nixxerjaw il-pluralità.  Id-dnub tar-reġimi politiċi li spiċċaw f’dittatorjati hu li ma jammettux ilp-luralità; u l-pluralità tinsab fis-soċjetà kollha kemm hi daqskemm tinsab fil-familja: il-kunjata ma’ mart binha – sabiħa tissolva din, mhux veru? -, imma dak il-kunflitt familjari għandu jissolva bħalma għandu jissolva kunflitt mondjali.  Jeħtieġ nitgħallmu ngħixu mal-kunflitti: meta l-ulied adoloxxenti jibdew jitolbuna affarijiet li mhux soltu ntuhomlhom, ikun hemm kunflitt fil-familja: nisimgħuhom, djalogu.  Missier li jiddjaloga ma’ wliedu, ommm li tiddjaloga ma’ wliedha, ċittadini li jiddjalogaw bejniethom…  Djalogu.  U l-kunflitti jkabbruk, imexxuk ‘il quddiem.  Soċjetà bla kunflitti hi soċjetà mejta; soċjetà li taħbi l-kunflitti hi soċjetà suwiċida; soċjetà li l-kunflitti taqbadhom minn qrunhom u tiddjaloga hi soċjetà li għandha futur.

 

5. IL-PAĊI RRIDU NIFIRXULHA T-TRIQ (Grupp Xogħol u ekonomija)

Mistoqsija

Hu unur kbir li int, l-Papa Franġsiku tinsab hawn magħna. Int leader tal-paċi.  Ninsabu hawn flimkien ma’ 12-il elf bennejja tal-paċi.  Qed inwasslulek kliem ta’ paċi mill-Art Imqaddsa.

Roberto Romano:
Se nipprova li dak li ntqal intih il-ħajja, għax bit-Taljan mhux l-istess ħaġa: “Kanzunetta ta’ mħabba tgħid: nerfa’ għajnejja ‘l fuq mhux mil-lenti tal-ixkubetti, mhux għall-gwerra!  Tgħidx li għad jasal il-jum għax din hi l-ħolma tiegħek; u fil-pjazez tal-belt, nemmen li propju f’kollha, l-għajta waħdanija hi tal-paċi!”

Din kienet l-ewwel poeżija, kantika, eloġju għat-tama.  Issa hawn it-tieni rappreżentazzjoni ta’ dak li nistgħu naraw pass wara pass: “Għada jiżgħar il-lumi, għajnejk jiżfnu, u wliedek jibqgħu jilgħabu u l-missirijiet u l-ulied jiltaqgħu.  Il-belt tiegħi, iva, propju l-belt tiegħi, il-belt tal-paċi hi l-belt tas-siġar taż-żebbuġ”.

Papa Franġisku, jisimni Maoz Inon, jien iżraeljan u l-ġenituri tiegħi inqatlu mill-Hamas.  Papa Franġsiku, jisimni Aziz Sarah, jien mill-Palestina u dil-gwerra u s-suldati iżraeljani qatlu lil ħija.  Il-weġgħa tagħna, it-tbatija tagħna qarrbuna lejn xulxin, ġagħluna niddjalogaw biex noħolqu ġejjieni aħjar.  Aħna imprendituri u nemmnu li l-paċi hi l-akbar impriża li tista’ titwettaq.  Ninsabu hawn ma’ Roberto Romano li jaħsibha bħalna.  Ma jistax ikun hemm paċi meta tkun nieqsa l-ekonomija tal-paċi.  Ekonomija li ma toqtolx, li ma tipproduċix il-gwerra, iżda ekonomija msejsa fuq il-ġustizzja; u nsaqsu:  Kif jistgħu ż-żgħażagħ ikunu imprendituri tal-paċi meta l-postijiet fejn jieħdul -formazzjoni huma influwenzati minn mudelli teknokratiċi u mill-kultura tal-profitt akkost ta’ kollox?

Tweġiba

Nemmen li quddiem it-tbatija ta’ dawn iż-żewġ aħwa, li hi t-tbatija ta’ żewġ popli, ftit li xejn tista’ tgħid…. Ma tista’ tgħid xejn.  Huma kellhom il-kuraġġ li jitgħannqu.  U dan mhuwiex biss kuraġġ u testimonjanza li jridu l-paċi, imma wkoll proġett għall-futur.  Inħaddnu lil xulxin.  It-tnejn li huma tilfu lil xi ħadd mill-familja, il-familja tkissret minħabba dil-gwerra.  X’nieħdu mill-gwerra?  Jekk jogħġobkom nagħmlu waqt ta silenzju, għax dwar dan ma tistax tgħid ħafna imma trid “tħoss”.  U meta nħarsu lejn it-tgħannieqa ta’ dawn it-tnjen, kulħadd minn qalbu jitlob lill-Mulej għal paċi, u jieħu deċiżjoni li jagħmel xi ħaġa sabiex jintemmu l-gwerer.  Fis-skiet… għal waqt ċkejken.

U niftakru fit-tfal ta’ dil-gwerra, ta’ tant gwerer…X’futur jista’ jkollhom?  Qed niftakar fit-tfal tal-Ukrajna li jiġu Ruma: lanqas jafu jitbissmu.  Fil-gwerra t-tfal jitilfu t-tbissima.  U niftakru fix-xjuħ li ħadmu għomorhom kollu biex jgħinu lil dawn iż-żewġ pajjiżi, u issa…  Telfa, telfa storika u telfa għalina lkoll.  Nitolbu għall-paċi u lil dawn iż-żewġ aħwa li għandhom l-istess xewqa tagħna u r-rieda li jaħdmu għall-paċi fost il-popolazzjonijiet tagħhom ngħidulhom: grazzi għeżież ħutna!

Kliem il-Papa fit-tmiem tal-laqgħa

Smajna lin-nisa.  U d-dinja għandha bżonn tħares lejn in-nisa biex issib il-paċi.  Huma l-ommijiet.

Ix-xhieda ta’ dawn in-nisa kuraġġużi bennejja tal-pontijiet bejn l-iżraeljani u l-palestinjani tikkonfermalna dan.

Jien dejjem aktar konvint li “l-ġejjieni tal-umanità ma jinsabx biss f’idejn il-mexxejja l-kbar, f’idejn is-setgħat u l-élite.  Fuq kollox hu f’idejn il-popli – il-popli! -; fil-ħila tagħhom li jorganizzaw ruħhom u anki fl-idejn tagħhom li bl-umiltà u l-konvinzjoni jsaqqu dal-proċess ta’ bidla (Diskors fit-II Laqgħa dinjija tal-movimenti popolari, Santa Cruz de la Sierra, 9 ta’ Lulju, 2015).  Il-popli għandu jkollu għarfien sħiħ tagħhm infushom u jaġixxu bħala poplu u jaġixxu b’dir-rieda li jibnu l-paċi.

Però intom nissieġa tad-djalogu fl-Art Imqaddsa, jekk jogħġobkom, itolbu lill-mexxejja mondjali biex jisimgħu leħinkom, biex jibdew proċessi ta’ negozjati, biex il-ftehim jinbet mir-realtà u mhux mill-ideoloġiji.  Niftakru li l-ideoloġiji m’għandhomx saqajn fuqhiex jieqfu, m’għandhomx idejn biex ifejqu l-feriti, m’għandhomx għajnejn biex jaraw it-tbatija tal-oħrajn.  Il-paċi ssir bir-riġlejn, bl-idejn u bl-għajnejn tal-popli milqutin mill-gwerer, flimkiem, ilkoll.

Il-paċi qatt ma tista’ tkun frott ta’ nuqqas ta’ fiduċja, frott ta’ ħitan, ta’ armi ppuntati kontra xulxin.  San Pawl jgħid: “Kulħadd jaħsad dak li jkun żera’” (Gal 6,7).  Ħuti, iċ-ċiviltajiet tagħna bħalissa qed jaħsdu d-distruzzjoni, il-biża’.  Ħuti, niżirgħu t-tama!  Aħna niżirgħu it-tama!  Kull wieħed u waħda minna jara x’jista’ jagħmel, imma niżirgħu t-tama, dejjem.  Hekk qed tagħmlu intom ukoll f’din l-Arena tal-Paċi: tiżirgħu t-tama.  Tieqfux.  Titilfux il-kuraġġ.  Issirux spettaturi ta’ dik li tissejjaħ “gwerra inevitabbli”.  Le, ma nkunux spettaturi ta’ dik li tissejjaħ gwerra inevitabbli, le.  Kif kien jgħid l-Isqof Tonino Bello: “Kulħadd fuq saqajh, bennejja ta-paċi!”  Ilkoll flimkien.  Grazzi.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 _____________________________________________________________

[1]  Discorso al Movimento Eucaristico Giovanile, 7 agosto 2015.

[2] «In un percorso di ecologia integrale, viene messo al centro il valore proprio di ogni creatura, in relazione con le persone e con la realtà che la circonda, e si propone uno stile di vita che respinga la cultura dello scarto» ( Messaggio per il lancio del Patto Educativo Globale, 12 settembre 2019).